Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0483

    Kawża T-483/11: Rikors ippreżentat fil- 5 ta’ Settembru 2011 — Sepro Europe vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 331, 12.11.2011, p. 25–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.11.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 331/25


    Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Settembru 2011 — Sepro Europe vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-483/11)

    2011/C 331/48

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: Sepro Europe Ltd (Harrogate, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: C. Mereu u K. Van Maldegem, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/328/UE (1)

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż; u

    tadotta dawk il-miżuri oħra jew ulterjuri kif meħtieġ taħt il-liġi.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv jallega żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-konvenuta, peress li hija żbaljat bħala punt ta’ liġi billi ġġustifikat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/328/UE għall-motivi tat-tħassib allegat dwar (i) l-espożizzjoni tal-ħaddiem u (ii) l-espożizzjoni ambjentali.

    (2)

    It-tieni motiv jallega ksur mill-konvenuta tal-proċess neċessarju u tad-drittijiet tad-difiża, kif ukoll tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li hija b’mod żbaljat ikkunsidrat it-tħassib allegat dwar il-proporzjoni isomeru li kien biss identifikat bħala tħassib kruċjali għall-ewwel darba matul is-sottomissjoni mill-ġdid u fi stadju tard ħafna tal-proċedura. Bħala riżultat, ir-rikorrenti ma ngħatatx opportunità tindirizza l-kwistjoni. Barra minn hekk, il-konvenuta naqset milli tikkunsidra l-proposta tar-rikorrenti għal emenda.

    (3)

    It-tielet motiv jallega li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/328/UE hija illegali minħabba li hija sproporzjonata. Anki kieku kellu jiġi aċċettat li hemm tħassib li jistħoqqlu iktar attenzjoni, il-miżura inkwistjoni hija sproporzjonata fil-mod ta’ kif tittratta t-tħassib tal-allegata espożizzjoni tal-ħaddiem u l-espożizzjoni ambjentali.

    (4)

    Ir-raba’ motiv jallega li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/328/UE hija illegali minħabba li ma hijiex motivata biżżejjed, peress li l-konvenuta naqset milli tipproduċi provi jew tagħti raġunament biex tiġġustifika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-emenda proposta mir-rikorrenti u għaldaqstant taffettwa l-kalkolu tal-livelli tal-espożizzjoni stmata tal-ħaddiem kif ukoll tal-użu ta’ serer b’teknoloġija avanzata.


    (1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta’ Ġunju 2011 dwar l-esklużjoni ta’ flurprimidol fl-Anness I tad-Direttiva 91/414/KEE (notifikata bid-dokument numru C(2011) 3733) (ĠU L 153, p. 192)


    Top