EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011TN0466

Kawża T-466/11: Rikors ippreżentat fit- 23 ta’ Awwissu 2011 — Ellinika Nafpigeia u Hoern Beteiligungs Gesellschaft mit beschränkter Haftung vs Il-Kummissjoni

ĠU C 331, 12.11.2011, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 331/24


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Awwissu 2011 — Ellinika Nafpigeia u Hoern Beteiligungs Gesellschaft mit beschränkter Haftung vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-466/11)

2011/C 331/47

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ellinika Nafpigeia SA (Skaramanka, il-Greċja) u Hoern Beteilingungs GmbH (Kiel, il-Ġermanja) (rappreżentanti: K. Chrysogonos u A. Mitsis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitlobu lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 8274 finali, tal-1 ta’ Diċembru 2010, dwar l-għajnuna mill-Istat C 16/2004 (ex NN29/2004, CP 71/2002 u CP 133/2005), li hija miżura ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni C(2008) 3118 finali tat-2 ta’ Lulju 2008 (ĠU 2009, L 225, p. 104) dwar l-irkupru tal-għajnuniet mill-Istat (deċiżjoni għall-irkupru), kif kompletata, dettaljata u ppreċiżata permezz tad-dokumenti u l-elementi l-oħra tal-fajl;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikors;

sussidjarjament, tinterpreta b’mod vinkolanti għal kulħadd u b’mod partikolari għall-Kummissjoni, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 8274 finali, tal-1 ta’ Diċembru 2010, bħala li tifforma parti integrali mid-dokumenti u mill-elementi l-oħra fil-fajl, fis-sens iddefinit iktar preċiżament fir-rikors, b’mod kompatibbli mal-Artikolu 17 tad-deċiżjoni għall-irkupru li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, flimkien mal-Artikolu 346 TFUE, abbażi ta’ liema kienet ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata, flimkien mal-prinċipji ta’ ċertezza u ta’ sigurtà legali kif ukoll mad-drittijiet għal libertà ta’ stabbiliment, għal-libertà ta’ provvista ta’ servizzi, għal-libertà ta’ impriża u għad-dritt tal-proprjetà li kienu miksura mill-interpretazzjoni u mill-applikazzjoni attwali tad-deċiżjoni kkontestata min-naħa tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet Griegi.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw erba’ motivi.

Fl-ewwel motiv għall-annullament, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 17 tad-deċiżjoni għall-irkupru peress li d-deċiżjoni kkontestata tieħu inkunsiderazzjoni l-attività militari tal-kumpannija Ellinika Nafpigeia (iktar ’il quddiem l-“ENAE”) billi timponi fuq l-ENAE li teħles mit-totalità tal-elementi patrimonjali tagħha li attwalment ma humiex assolutament neċessarji, iżda li huma totalment jew parzjalment relattivament meħtieġa jew jistgħu isiru assolutament neċessarji fil-futur għall-attivitajiet militari tal-ENAE.

Fit-tieni motiv għall-annullament, ir-rikorrenti jikkunsidraw li d-deċiżjoni kkontestata hija interpretata abbażi ta’ applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 356 TFUE fis-sens li l-attivitajiet militari tal-ENAE jikkonsistu biss fl-ordnijiet attwali tal-marina militari Griega u ma jkoprux kull attività mhux kummerċjali tal-ENAE bħal ordnijiet ulterjuri tal-marina militari jew tal-forzi armati Griegi l-oħra jew barranin jew kull attività oħra ta’ fabbrikazzjoni, ta’ provvista jew ta’ tiswija ta’ materjal għad-difiża.

Fit-tielet motiv għall-annullament, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata, li tikser il-prinċipji ta’ ċertezza u ta’ sigurtà legali, fiha inċertezzi sostanzjali fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae, ratione temporis u ratione materiae tagħha, filwaqt li fl-istess ħin toffri setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-entitajiet li huma responsabbli mill-applikazzjoni tagħha, biex b’hekk tkun interpretata fis-sens li timponi obbligi u projbizzjonijiet li ma humiex previsti fid-deċiżjoni tal-irkupru jew imposti għall-persuni li ma humiex obbligati jew li huma indeterminati jew inapplikabbli jew li jmorru lil hinn mill-miżura raġonevoli imposta għas-salvagwardja tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jikkunsidraw li d-deċiżjoni kkontestata, bi ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza u tas-sigurtà legali, hija parzjalment inapplikabbli peress li din timponi miżuri li jwasslu parzjalment jew totalment għal impossibbiltà legali u/jew prattika ta’ applikazzjoni meta huwa magħruf li t-terminu ta’ sitt xhur impost għall-applikazzjoni tagħha kien mill-bidu irrealizzabbli u irrealist.

Fir-raba’ motiv għall-annullament, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata timponi obbligi u projbizzjonijiet lill-ENAE u lill-azzjonisti tagħha b’mod li taffettwa d-drittijiet fundamentali tagħhom għal-libertà ta’ stabbiliment, għal-libertà ta’ impriża u għad-dritt tal-proprejtà, parzjalment mingħajr bażi legali u, f’kull każ, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għall-għan ta’ rkupru.


Top