EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011H0722(03)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat- 12 ta’ Lulju 2011 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tar-Rumanija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tar-Rumanija 2011-2014

ĠU C 216, 22.7.2011, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

22.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 216/6


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2011 tar-Rumanija u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza aġġornat tar-Rumanija 2011-2014

2011/C 216/03

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 9(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li ġie kkonsultat il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-6 ta' Mejju 2009, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2009/459/KE (2) biex ikun hemm disponibbli assistenza finanzjarja għar-Rumanija fuq terminu medju għall-perjodu ta' tliet snin skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 143 tat-Trattat. Il-Memorandum ta' Qbil li jakkumpanjaha, iffirmat fit-23 ta' Ġunju 2009 u s-supplimenti suċċessivi tiegħu jistipulaw il-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika li fuqhom kien ibbażat l-għoti tal-għajnuna finanzjarja. Id-Deċiżjoni 2009/459/KE kienet emendata fis-16 ta' Marzu 2010 permezz tad-Deċiżjoni 2010/183/EU (3). Wara li r-Rumanija implimentat b'suċċess il-programm, u hekk kif kien hemm aġġustament parzjali tal-kont kurrenti minħabba d-dgħjufijiet strutturali li għad hemm fis-swieq tal-prodott u tax-xogħol tar-Rumanija u li jagħmlu lill-pajjiż sensittiv għax-xokkijiet fil-prezz internazzjonali, fit-12 ta' Mejju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/288/UE (4) biex ikun hemm għad-disponibilità tar-Rumanija għajnuna finanzjarja prekawzjonarja fuq terminu ta' żmien medju għal perjodu ta' tliet snin skont l-Artikolu 143 tat-Trattat. Il-Memorandum ta' Qbil li jakkumpanjaha ġie ffirmat fid-29 ta' Ġunju 2011.

(2)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(3)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010 adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (5), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi nazzjonali tagħhom.

(4)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(6)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin għall-inklużjoni fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(7)

Fit-2 ta' Mejju 2011, ir-Rumanija ressqet il-Programm ta’ Konverġenza aġġornat għall-2011 li jkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2011. Dawn iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(8)

Bejn l-2002 u l-2008 l-ekonomija Rumena bdiet tikber b'mod qawwi, bi tkabbir reali tal-PDG ikun medja ta' 6,3 %, aktar mil-livell ta' tkabbir potenzjali tiegħu. It-tkabbir ekonomiku kien primarjament immexxi mid-domanda domestika hekk kif kreditu b'saħħtu u żviluppi fil-paga bdew jagħtu spinta 'l quddiem lill-konsum u lill-investiment privat. Dan it-tkabbir kien alimentat ukoll minn influssi ta' kapital barrani, li wassal għal tkabbir mgħaġġel wisq (overheating) u żbilanċi esterni u fiskali mhux sostenibbli. Id-defiċit tal-kont kurrenti laħaq massimu ta' 13,4 % tal-PDG fl-2007 u naqas biss marġinalment għal 11,6 % tal-PDG fl-2008. Skont il-valutazzjoni dwar is-sostenibbiltà fit-tul l-aktar riċenti tal-Kummissjoni, jidher li r-riskji fir-rigward tas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi huma għoljin. Madankollu, din il-valutazzjoni għadha mhux qed tieħu kont tal-miżuri dwar ir-riforma komprensiva tal-pensjonijiet li ttieħdu fl-2010, li tejbu sostanzjalment is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet tar-Rumanija. Il-livell għoli ta' self estern kien immexxi minn politika fiskali proċiklika, b'defiċits ewlenin li jiżdiedu minn 1,2 % tal-PDG fl-2005 għal 5,7 % tal-PDG fl-2008 bħala riżultat ta' telf baġitarju rikorrenti, l-aktar fir-rigward tal-infiq li qed isir bħalissa. Il-kriżi finanzjarja u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fuq livell globali li jirriżulta minn din il-kriżi, żiedu l-evitar tar-riskju fost l-investituri, u dan wassal għal restrizzjoni sinifikanti fuq il-flussi tal-kapital lejn ir-Rumanija. Ma kienx hemm żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol minkejja l-kundizzjonijiet ekonomiċi favorevoli u r-rata ta' impjiegi nbidlet ftit ħafna waqt is-snin ta' tkabbir. Ir-rata ta' impjieg imbagħad naqset għal 63,3 % sal-2010 filwaqt li r-rata tal-qgħad żdiedet minn 5,8 % fl-2008 għal 7,3 % fl-2010 bħala riżultat tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-livell tal-qgħad baqa' partikolarment għoli fost gruppi vulnerabbli, pereżempju l-popolazzjoni Rom. F'dan l-isfond u hekk kif kienu qed jaffrontaw ħtiġijiet finanzjarji privati kbar, l-awtoritajiet Rumeni talbu għall-għajnuna finanzjarja internazzjonali u dik tal-UE f'Mejju 2009.

(9)

Wara implimentazzjoni b'suċċess tal-programm ta' aġġustament UE-FMI u sabiex ikun ikkonsolidat dan il-ksib pożittiv, kien innegozzjat mal-awtoritajiet programm prekawzjonarju UE-FMI għall-2011-2013. Dak il-programm il-ġdid ikompli l-konsolidazzjoni fiskali, ir-riformi ta' governanza fiskali u l-ħarsien tal-istabilità finanzjarja mibdija bil-programm għall-2009-2011. Barra dan, jenfasizza ħafna r-riformi strutturali fis-swieq tal-prodott (fis-setturi tal-enerġija u t-trasport) u tax-xogħol meħtieġa sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal għal tkabbir li għandha r-Rumanija, iħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi u jżid l-impenn tal-fondi tal-UE. Ir-Rumanija tibqa' fit-triq it-tajba sabiex tikseb l-għan tad-defiċit tal-kontanti ta' 4,4 % tal-PDG fl-2011 (taħt il-5 % tal-PDG f'termini tas-Sistema Ewropea tal-Kontabilità). Dan jipprovdi wkoll bażi xierqa biex tintlaħaq il-mira tad-defiċit ta' taħt it-3 % tal-PDG għall-2012, għalkemm ikunu jridu jittieħdu miżuri addizzjonali skont it-tbassir għar-rebbiegħa 2011 tas-rervizzi tal-Kummissjoni. L-awtoritajiet ħadu wkoll passi sabiex jilħqu l-objettivi għar-riforma strutturali tal-programm il-ġdid u jkomplu jżommu l-istabilità finanzjarja.

(10)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-Programm ta’ Konverġenza aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li l-assunzjonijiet makroekonomiċi sottostanti għall-proġettazzjonijiet fil-programm huma plawsibbli. Il-Programm ta' Konverġenza għandu l-għan li jikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2012, skadenza stabbilita mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2010. Il-programm jimmira defiċits nominali ta' 2,6 % tal-PDG fl-2013 u ta' 2,1 % tal-PDG fl-2014, bil-konsolidazzjoni prevista tkun ibbażata l-aktar fuq in-nefqa. Skont il-bilanċ strutturali kkalkulat mill-ġdid mis-servizzi tal-Kummissjoni, l-objettiv ta' terminu medju (OTM) mhux se jintlaħaq fil-perjodu tal-programm. L-istrateġija ta' konsolidazzjoni tidher li diġà hija ingranata bit-titjib strutturali jkun ikkonċentrat fl-2011 u l-2012. Bil-kontra ta' dan, ma hemm l-ebda titjib fil-bilanċ strutturali fl-2013 u fl-2014. It-triq tad-defiċit prevista hija waħda xierqa fl-2011 u l-2012, iżda mhux fl-2013 u l-2014. Ir-riskji prinċipali għall-miri baġitarji huma r-riskji tal-implimentazzjoni, l-arretrati tal-intrapriżi tal-istat li jirrappreżentaw obbligazzjoni kontinġenti importanti għall-baġit u r-riservi espressi mill-Kummissjoni (Eurostat) fir-rigward tan-notifika dwar il-proċedura għal defiċit eċċessiv tar-Rumanija (6). Fid-dawl ta' dan, ir-Rumanija impenjat ruħha li tagħti prijorità għat-titjib il-ġbir tal-istatistika dwar il-finanzi tal-gvern fl-ESA 95 fi ħdan l-Istitut Nazzjonali tal-Istatistika.

(11)

Ir-Rumanija kkomunikat l-impenji tagħha skont il-Patt Euro Plus fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma u l-Programm ta' Konverġenza tagħha, li kienu sottomessi fit-2 ta' Mejju 2011. Il-maġġoranza ta' dawn l-impenji kienu jew qiegħdin fil-proċess li jkunu implimentati bħala parti mill-programm ta' assistenza finanzjarja fuq terminu medju u huma ġeneralment xierqa sabiex jindirizzaw sfidi eżistenti skont il-Patt.

(12)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Konverġenza u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, inkluż l-impenji tal-Patt Euro Plus. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fir-Rumanija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, minħabba l-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(13)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta jitqiesu wkoll ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Frar 2010, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ Konverġenza tar-Rumanija u l-opinjoni tiegħu (7) hija riflessa fir-rakkomandazzjoni ta' hawn isfel. Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tar-Rumanija,

JIRRAKKOMANDA li r-Rumanija:

Timplimenta l-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2009/459/KE hekk kif emendata bid-Deċiżjoni 2010/183/UE, kif ukoll il-miżuri stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/288 u speċifikati aktar fil-Memorandum ta' Qbil tat-23 ta' Ġunju 2009 u s-supplimenti sussegwenti tiegħu, u fil-Memorandum ta' Qbil tad-29 ta' Ġunju 2011 u s-supplimenti sussegwenti tiegħu.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  ĠU L 150, 13.6.2009, p. 8.

(3)  ĠU L 83, 30.3.2010, p. 19.

(4)  ĠU L 132, 19.5.2011, p. 15.

(5)  Miżmuma għall-2011 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(6)  L-Eurostat wera riservi li għandu fir-rigward tal-kwalità taċ-ċifri Rumeni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv minħabba:

(i)

inċertezzi dwar l-impatt ta' xi korporazzjonijiet pubbliċi fuq id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika,

(ii)

ir-rappurtar tal-kategoriji ESA95 “kontijiet oħra riċevibbli u pagabbli”,

(iii)

in-natura u l-impatt ta' xi tranżazzjonijiet finanzjarji u

(iv)

il-konsolidazzjoni tal-flussi intragovernattivi.

(7)  Previst fl-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.


Top