Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011AE0062

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper – It-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni COM(2010) 284 finali

ĠU C 84, 17.3.2011, pp. 13–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 84/13


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper – It-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni

COM(2010) 284 finali

2011/C 84/03

Relatur: is-Sur SMYTH

Nhar it-2 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

il-Green Paper — It-tmexxija korporattiva fl-istituzzjonijiet finanzjarji u l-politiki ta’ rimunerazzjoni

COM(2010) 284 finali

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, responsabbli sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta’ Jannar 2011.

Matul l-468 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-19 u l-20 ta’ Jannar 2011 (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’173 vot favur u 4 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   F’din l-opinjoni, il-KESE jippreżenta t-tweġibiet ikkunsidrati tiegħu għal-lista twila ta’ mistoqsijiet li tressqu fil-Green Paper tal-Kummissjoni. Il-mistoqsijiet jindirizzaw tmien aspetti ewlenin tat-tmexxija tal-istituzzjonijiet finanzjarji, mill-prestazzjoni tal-bordijiet tad-diretturi u l-prestazzjoni tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza, permezz tal-ġestjoni tar-riskju, il-kunflitti ta’ interess, u r-rwol tal-azzjonisti permezz tal-kwistjoni kumplessa tal-rimunerazzjoni tad-diretturi.

1.2   Il-KESE jilqa’ l-intenzjoni wara l-Green Paper tal-Kummissjoni iżda jinnota xi nuqqasijiet dwar id-definizzjonijiet fil-kontenut tiegħu, b’mod partikulari fir-rigward tad-definizzjoni preċiża tat-tmexxija korporattiva li l-Kummitat jemmen għandha tkun iktar b’saħħitha, u d-differenzi fl-istrutturi tal-bordijiet, bejn is-sistema Brittanika u dik Kontinentali. Iqis ukoll li jeħtieġ li d-definizzjoni ta’ “istituzzjoni finanzjarja” tiġi ppreċiżata sabiex ir-rakkomandazzjonijiet jimmiraw b’mod partikulari fuq l-istituzzjonijiet tal-kreditu.

1.3   Fil-kunsiderazzjoni tiegħu tal-Green Paper, il-KESE sab li d-differenzi bejn il-mudell Brittaniku u dak kontinentali tal-governanza korporattiva ma jistgħux jiġu rikonċiljati fil-livell strutturali għaliex il-kunċetti organizzattivi huma tant differenti minn xulxin. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra l-prinċipji li għandhom ikunu l-bażi tal-prattika tal-governanza korporattiva fl-UE. Pereżempju, il-mudell Brittaniku huwa mibni fuq il-prinċipju ta’ indipendenza kompetenti li tiffaċilita r-rwol indipendenti ta’ kumitati tal-bordijiet ewlenin. L-indipendenza għandha tkun prinċipju ewlieni fil-governanza korporattiva tal-UE kollha kemm hi? Jekk iva, kif għandha tintlaħaq fil-mudell kontinentali?

1.4   Barra minn hekk, il-Green Paper ma tantx tagħti attenzjoni għall-ħtiġijiet tal-konsumaturi. Anke l-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji ntlaqtu b’mod qawwi mill-effetti ta’ tmexxija ħażina f’kull qasam tas-sistema finanzjarja.

1.5   F’termini ta’ politika ta’ rimunerazzjoni, il-KESE diġà esprima l-fehmiet ġenerali tiegħu f’għadd ta’ opinjonijiet reċenti. Fil-qosor, il-Kumitat jemmen li politika ta’ rimunerazzjoni m’għandhiex tkun biss dwar dawk fil-quċċata tal-istituzzjonijiet finanzjarji, iżda wkoll dwar ir-rimunerazzjoni fil-livelli kollha.

1.6   Is-sens wiesa’ tal-opinjoni huwa li hemm lok biex ċerti aspetti tat-tmexxija ta’ istituzzjonijiet finanzjarji isiru iktar stretti, iżda li fil-waqt li l-kodiċi ta’ tmexxija jibqgħu volontarji, ir-responsabbiltà taqa’ fuq spallejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza biex jiżguraw li kemm jista’ jkun dawn il-kodiċi jiġu rrispettati madwar l-Unjoni Ewropea.

2.   Daħla u Kuntest tal-Opinjoni

2.1   L-għan tal-Green Paper huwa li jiġu indirizzati nuqqasijiet li jista’ jkun hemm fis-sistema ta’ tmexxija korporattiva, kemm fis-sustanza kif ukoll fl-implimentazzjoni. Fil-kuntest tal-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi, it-tisħiħ tat-tmexxija korporattiva jinsab fil-qalba tal-programm ta’ riforma tal-Kummissjoni. Il-proposti ppreżentati fil-Green Paper għandhom jitqiesu fil-kuntest ta’ riformi usa’ tal-arkitettura superviżorja Ewropea, id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRD), id-Direttiva dwar is-Solvibbiltà II, ir-riforma tas-sistema tal-UCITS (Undertaking for Collective Investment in Transferable Securities) u r-Regolament dwar il-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi. Għandhom jitqiesu wkoll fil-kuntest usa’ ta’ reviżjoni mill-Kummissjoni tat-tmexxija korporattiva ta’ kumpaniji kkwotati u r-rwol tal-azzjonisti, is-superviżjoni adatta tat-timijiet ta’ tmexxija ta’ gradi għoljin, il-kompożizzjoni tal-bordijiet tad-diretturi u r-responsabbiltà soċjali korporattiva.

2.2   Il-Kummissjoni tiddefinixxi t-tmexxija korporattiva bħala r-relazzjonijiet bejn it-tmexxija fl-ogħla livell ta’ kumpanija, il-bord tad-diretturi tagħha, l-azzjonisti tagħha u l-partijiet interessati l-oħrajn, bħall-impjegati u r-rappreżentanti tagħhom. Tikkonċerna wkoll l-għanijiet stabbiliti ta’ kumpanija, il-mezzi biex jinkisbu u s-sorveljanza tar-riżultati miksuba minn dan l-isforz korporattiv. Fi ħdan is-settur finanzjarju, it-tmexxija għandha importanza ikbar minħabba li l-falliment ta’ istituzzjoni finanzjarja (kbira) jġib miegħu riskju sistemiku għas-settur finanzjarju kollu kemm hu, kif rajna fil-kriżi finanzjarja reċenti, fejn il-gvernijiet kellhom isalvaw is-sistema bankarja bil-fondi pubbliċi.

2.3   Il-KESE huwa sorpriż li jinnota li l-Green Paper ma tagħmilx distinzjoni bejn l-istruttura tal-bordijiet tad-diretturi fl-ekonomiji tal-Gran Brittanja u tal-Kontinent Ewropew. F’tal-ewwel insibu biss bord wieħed li fih diretturi eżekuttivi u dawk mhux eżekuttivi, għalkemm id-drawwa hija li jkun hemm bord eżekuttiv li jaħdem taħt is-CEO. Fil-mudell kontinentali jeżistu żewġ bordijiet – bord ta’ tmexxija u bord superviżorju. Għall-bqija ta’ din l-opinjoni, u sabiex ma jkunx hemm konfużjoni, meta ssir referenza għal “bord” normalment hija f’termini tal-mudell Brittaniku, sakemm ma jiġix ċċarat mod ieħor.

2.4   Il-Green Paper ma tippreċiżax b’mod formali li kull Stat Membru għandu sistema ta’ tmexxija korporattiva proprja tiegħu u ma ssirx distinzjoni fil-każ tat-tmexxija korporattiva ta’ istituzzjonijiet finanzjarji. Id-definizzjoni tal-Kummissjoni tat-tmexxija korporattiva hija wkoll xi ftit parzjali fin-natura tagħha u għaldaqstant trid tissaħħaħ. Il-KESE jissuġġerixxi definizzjoni iktar qawwija u komprensiva tat-tmexxija korporattiva. L-objettiv ewlieni tat-tmexxija korporattiva huwa li jiġi żgurat li kumpanija tissopravivi u tkun b’saħħitha. Biex dan isir il-bord irid jissodisfa l-aspettattivi raġonevoli tal-azzjonisti filwaqt li jiżgura li l-komunità tal-partijiet interessati – il-konsumaturi, l-imsieħba, il-kuntratturi, il-fornituri u l-impjegati – tkun sodisfatta b’mod raġonevoli. Meta l-bord ma jistax jiżgura s-sopravivenza tal-kumpanija, għandu jbiegħ l-assi għall-valur ottimali.

2.5   Il-Green Paper tispjega firxa ta’ nuqqasijiet u problemi fit-tmexxija korporattiva fi ħdan l-istituzzjonijiet finanzjarji u tfittex tweġibiet għal sensiela ta’ tmien mistoqsijiet ġenerali li jittrattaw:

1.

il-kwistjonijiet fir-rigward tal-bordijiet tad-diretturi;

2.

in-nuqqasijiet rigward il-problemi tal-ġestjoni tar-riskju b’kunflitti ta’ interess;

3.

ir-rwol tal-awdituri;

4.

in-nuqqasijiet fl-awtoritajiet ta’ sorveljanza;

5.

il-problemi fir-rwol tal-azzjonisti;

6.

in-nuqqas ta’ implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji tat-tmexxija korporattiva;

7.

ir-rimunerazzjoni tad-diretturi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji;

8.

il-kunflitti ta’ interess.

3.   Tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Green Paper

3.1   Il-KESE ħareġ b’dawn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet speċifiċi li ressqet il-Green Paper:

3.2   Kwistjonijiet fir-rigward tal-bordijiet tad-diretturi

3.2.1   Mistoqsija speċifika 1: Għandu jiġi limitat l-għadd ta’ mandati tad-diretturi (pereżempju, mhux iktar minn tliet mandati f’daqqa)?

L-istipular ta’ numru preċiż huwa arbitrarju. Ikun aħjar li jiġi żgurat li malli jinħatar, u wara, direttur ikun jista’ jikkommetti ruħu u jqatta’ ħinu fil-kumpanija kif ir-rwol tiegħu jew tagħha jesiġi. Il-ħin meħtieġ għandu jiġi speċifikat u maqsum bejn laqgħat formali tal-bord u tal-kumitati u żjarat inqas formali u l-ispezzjonijiet ta’ dipartimenti, taqsimiet u reġjuni. F’xi każi ħatra tista’ tkun xogħol full time. Wieħed dejjem jista’ jiggwadanja minn talinqas żewġ ħatriet minħabba it-tqabbil bejn kumpanija u oħra.

3.2.2   Mistoqsija speċifika 2: Għandu jiġi pprojbit li wieħed jgħaqqad il-funzjonijiet tal-president tal-bord tad-diretturi u tad-direttur ġenerali fl-istituzzjonijiet finanzjarji?

Dan l-approċċ diġà huwa meqjus bħala l-aqwa prattika f’xi ġurisdizzjonijiet. Il-qsim tar-rwoli għandu jkun obbligatorju fl-istituzzjonijiet finanzjarji minħabba t-tensjoni bejn ir-rwol operattiv tal-eżekuttiv u r-rwol ta’ tmexxija tal-bord.

3.2.3   Mistoqsija speċifika 3: Il-politiki ta’ reklutaġġ għandhom jiddefinixxu b’mod preċiż id-dmirijiet u l-profil tad-diretturi, inkluż tal-President, jiżguraw li d-diretturi jkollhom il-kompetenzi x-xierqa u jiżguraw id-diversità tal-kompożizzjoni tal-bord tad-diretturi? Jekk iva, kif għandhom jagħmlu dan?

Hija prattika pjuttost komuni f’xi ġurisdizzjonijiet li jiġu analizzati l-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa fil-bord biex imbagħad ir-reklutaġġ isir skont il-bżonn. Pereżempju, għal istituzzjoni finanzjarja ewlenija wieħed għandu jistenna, forsi bħala l-President, membru eżekuttiv irtirat mill-qasam bankarju, imsieħba ta’ livell għoli ta’ kumpaniji legali u tal-kontabilità b’esperjenza fl-industrija tal-finanzi, CEO ta’ kumpanija kummerċjali ewlenija biex joħloq bilanċ mas-CEO u biex iġib miegħu il-perspettiva ta’ klijent korporattiv u xi ħadd b’esperjenza fil-qasam tal-konsumatur, dawn jistgħu kollha jiffurmaw il-grupp tal-qalba li madwaru jissawwar tim ikbar. Dan jista’ jinkludi esperjenza fl-ogħla livell fl-oqsma tal-kreditu, attwarjali, ekonomiku, industrijali u kummerċjali. Idealment il-proporzjon ma jkunx inqas minn 60 % diretturi mhux eżekuttivi: 40 % diretturi eżekuttivi. Bejniethom l-eżekuttivi u dawk mhux eżekuttivi jeħtieġu wkoll li jdaħħlu fehim tal-ġeografiji prinċipali fejn topera l-impriża. F’xi ġurisdizzjonijiet, l-Awtorità ta’ Sorveljanza issa twettaq studju ddettaljat tal-ħiliet, l-esperjenza u l-istorja professjonali tal-kandidat qabel ma tiġi awtorizzata l-ħatra. Dan l-approċċ huwa milqugħ b’sodisfazzjon.

3.2.4   Mistoqsija speċifika 4: Taqbel mal-opinjoni li jekk wieħed jinkludi iktar nisa u iktar diretturi ta’ oriġini soċjali u kulturali differenti fil-bordijiet tad-diretturi, dan jista’ jtejjeb il-funzjonament u l-effikaċja tal-bordijiet tad-diretturi?

Fil-kuntest tal-mistoqsija 3 hawn fuq, il-bilanċ tas-sess u dak etniku huwa preferibbli jekk ma jdgħajjifx l-esperjenza u l-għarfien espert. Jista’ jġib miegħu perspettivi differenti u ta’ valur. Irid ikun hemm limiti prattiċi fid-daqs tal-bordijiet.

3.2.5   Mistoqsija speċifika 5: Għandha tiġi stabbilita evalwazzjoni obbligatorja tal-funzjonament tal-bord tad-diretturi, mwettqa minn evalwatur estern? Ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni għandu jitgħarraf lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza u lill-azzjonisti?

L-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandhom jinkarigaw lill-Presidenti kollha biex jivverifikaw l-arranġamenti ta’ governanza tagħhom fil-kuntest tal-erba’ fatturi msemmija hawn fuq. Fl-istess waqt, l-Awtoritajiet għandhom iwettqu verifika sabiex jiċċertifikaw kull direttur li ma kinux iċċertifikaw meta nħatar. Ir-responsabbiltà permanenti tal-prestazzjoni tal-bord taqa’ fuq spallejn il-President. Ikun xieraq li l-Presidenti jikkummissjonaw evalwazzjoni esterna perijodika tal-effikaċja tal-bord għall-użu tagħhom stess. Fil-mudell kontinentali, huwa d-dmir tal-bord ta’ superviżjoni li jieħu azzjoni jekk in-negozju ma jkunx sejjer tajjeb jew jekk ir-rapport tal-awditur javża lill-bord dwar xi kwistjonijiet importanti.

3.2.6   Mistoqsija speċifika 6: Għandha tkun ħaġa obbligatorja li wieħed joħloq, fi ħdan il-bord tad-diretturi, kumitat tar-riskji u li wieħed jistabbilixxi regoli dwar il-kompożizzjoni u l-funzjonament ta’ dan il-kumitat?

Hemm tliet kwistjonijiet: il-verifika, il-konformità u r-riskju. Il-konfigurazzjoni tal-kumitat għandha tirrifletti t-taħlita partikolari tan-negozju. Mil-lat makro, ir-riskju huwa inerenti fil-pjani strateġiċi tal-bord. Huwa hawn li għandhom jiġu stabbiliti u mkejla kemm wieħed huwa lest li jieħu riskju u l-profil tar-riskju. F’bank, dan huwa fejn jiġu stabbiliti l-politiki għar-riskju aċċettabbli f’kull settur tan-negozju: ipoteki domestiċi, karti tal-kreditu, proprjetà kummerċjali, self industrijali, ġestjoni tal-fondi, l-iskambju ta’ muniti barranin u komoditajiet, kif ukoll il-kompożizzjoni tar-riżervi, limiti tal-kontropartijiet, eċċ. Mhuwiex possibbli li jkollok kumitat tar-riskju fi ħdan bord tal-ġestjoni kontinentali li huwa kompost minn ftit nies (is-soltu mhux aktar minn 5-7 persuni) li jkollhom it-tendenza jkunu speċjalisti f’attivitajiet diversi.

3.2.7   Mistoqsija speċifika 7: Għandha tkun ħaġa obbligatorja li membru wieħed jew aktar mill-kumitat tal-verifika jieħu sehem fil-kumitat tar-riskji u viċeversa?

Ir-riskji fil-livell mikro, bil-kontra tal-livell makro diskuss fil-punt 3.2.6 hawn fuq, jistgħu fil-fatt jagħmlu parti mill-mandat tal-kumitat tal-verifika.

3.2.8   Mistoqsija speċifika 8: Il-president tal-kumitat tar-riskji għandu jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Assemblea Ġenerali?

Ir-riskju huwa komponent ewlieni ta’ kull strateġija tan-negozju. Kemm wieħed ikun lest jieħu riskju u l-profil tar-riskju jiddefinixxu kif aktarx se jimxi negozju u kemm ħa jkunu stabbli jew le r-riżultati. Dawn huma kwistjonijiet li huwa l-kompitu tal-President u tas-CEO biex jispjegaw u l-istqarrijiet tagħhom se jippermettu lill-azzjonisti jżidu jew inaqqsu l-investiment tagħhom fin-negozju skont kemm huma lesti li jieħdu riskju.

3.2.9   Mistoqsija speċifika 9: X’għandu jkun ir-rwol tal-bord tad-diretturi fl-istrateġija u fil-profil tar-riskju ta’ istituzzjoni finanzjarja?

It-tfassil tal-istrateġija huwa l-kompitu ċentrali ta’ bord. Billi l-qasam finanzjarju, huwa fin-natura tiegħu riskjuż, l-istrateġija trid tiġi żviluppata fi ħdan limiti ta’ riskju li jiddefinixxu l-firxa ta’ riżultati possibbli. L-istrateġija magħżula se tkun dik li tissodisfa l-aspettattivi raġjonevoli tal-azzjonisti u twassal biex il-partijiet interessati joħorġu kuntenti. Filwaqt li r-responsabilità tal-eżekuttivi permanenti fil-ġestjoni tar-riskju m’għandhiex titnaqqas, ir-rwol tal-bord huwa fundamentali. Fil-mudell kontinentali, il-bord ta’ sorveljanza japprova l-istrateġija tal-bord ta’ tmexxija.

3.2.10   Mistoqsija speċifika 10: Għandha tiġi stabbilita u ppubblikata dikjarazzjoni tal-kontroll tar- riskji?

It-tweġiba hija iva iżda fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-istrateġija lill-azzjonisti u lill-partijiet interessati biss. L-iżvelar ta’ informazzjoni kummerċjali u kunfidenzjali għandu jiġi evitat.

3.2.11   Mistoqsija speċifika 11: Għandha tiġi stabbilita proċedura għall-approvazzjoni, mill-bord tad-diretturi, ta’ prodotti finanzjarji ġodda?

Iva, jekk huma materjali. L-introduzzjoni ta’ prodott normalment hija l-funzjoni ta’ implimentazzjoni strateġika u għaldaqstant kwistjoni ta’ interess konsiderevoli għall-bord.

3.2.12   Mistoqsija speċifika 12: Il-bord tad-diretturi għandu jkollu d-dmir li jgħarraf lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza dwar ir-riskji materjali li jista’ jkun jaf bihom?

Huwa mistenni li dan ikun element regolari tad-djalogu kontinwu bejn l-istituzzjoni u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza.

3.2.13   Mistoqsija speċifika 13: Il-bord tad-diretturi għandu jkollu d-dmir espliċitu li jqis l-interessi tad-depożituri u tal-partijiet interessati l-oħrajn fit-teħid tad-deċiżjonijiet (“id-dmir li jagħti każ” (“duty of care”))?

F’xi ġurisdizzjonijiet diġà jeżisti l-obbligu li wieħed iqis l-interessi tal-partijiet interessati. Dan għandu jkun każ ta’ rutina. Jekk il-partijiet interessati mhumiex kuntenti, negozju mhux se jirnexxi. M’għandu jiddomina l-ebda grupp ta’ interess. Il-minuti tal-bord għandhom juru li l-interessi kollha ġew ikkunsidrati meta tfasslet l-istrateġija.

3.3   Nuqqasijiet rigward il-problemi fil-ġestjoni tar-riskju b’kunflitti ta’ interess

3.3.1   Mistoqsija speċifika 14: Kif jista’ jissaħħaħ l-istatus tad-direttur tar-riskji? L-istatus tad-direttur tar-riskji għandu jkun tal-anqas daqs dak tad-direttur finanzjarju?

Din il-mistoqsija timplika li nafu dak li huwa mistenni jagħmel id-direttur tar-riskji. Jekk ir-riskju huwa parti integrali mill-istrateġija tan-negozju, mela d-direttur finanzjarju d-direttur tar-riskji. Ir-riskju fil-livell mikro jpoġġi lid-direttur tar-riskji fl-istess livell bħall-kap tal-verifika interna. It-tnejn iridu jirrapportaw lil kumitat tal-bord u jkollhom aċċess bla xkiel għall-president ta’ dak il-kumitat. It-tnejn għandhom jirrapportaw perijodikament lill-bord sħiħ.

3.3.2   Mistoqsija speċifika 15: Kif tista’ tittejjeb is-sistema ta’ komunikazzjoni ta’ bejn il-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskji u l-bord tad-diretturi? Għandha tiġi stabbilita proċedura sabiex il-kunflitti jew il-problemi jintbagħtu lil min qiegħed iktar ’il fuq fil-ġerarkija sabiex jissolvew?

Dan il-punt qed jintwieġeb fil-punt 3.3.1 hawn fuq. Din il-proċedura diġà għandha tagħmel parti mill-funzjonament tal-kumitat u tal-bord.

3.3.3   Mistoqsija speċifika 16: Il-direttur tar-riskji għandu jkun jista’ jirrapporta direttament lill-bord tad-diretturi, inkluż lill-kumitat tar-riskji?

Dan il-punt qed jintwieġeb ukoll fil-punt 3.3.1 hawn fuq.

3.3.4   Mistoqsija speċifika 17: L-għodod tal-informatika għandhom jiġu pperfezzjonati sabiex jittejbu l-kwalità u l-ħeffa tat-trażmissjoni, lill-bord tad-diretturi, tat-tagħrif dwar ir-riskji l-kbar?

Jiddependi minn dak li jeżisti bħalissa f’kull istituzzjoni. Mhux ir-riskji kollha jistgħu jiġu ssorveljati bħala rutina mill-IT. F’ħafna każi avviż bil-posta elettronika jista’ jkun biżżejjed. Iktar ma tkun kbira u kumplessa l-organizzazzjoni, f’termini ta’ taqsimiet, ġeografiji u prodotti, iktar jagħmel sens li jiġi użat programm tal-IT għall-ġestjoni tar-riskji.

3.3.5   Mistoqsija speċifika 18: Id-diretturi eżekuttivi għandu jkollhom l-obbligu li japprovaw rapport dwar l-adegwatezza tas-sistemi ta’ kontroll intern?

Iva. F’ċerti ġurisdizzjonijiet dan diġà huwa obbligatorju. Is-soltu jiġi ġestit permezz tal-kumitat tal-verifika.

3.4   Ir-rwol tal-awdituri esterni

3.4.1   Mistoqsija speċifika 19: Għandha tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-awdituri esterni u l-awtoritajiet ta’ sorveljanza? Jekk iva, kif għandu jsir dan?

Kumpaniji tal-verifika jridu jaħdmu għall-membri tal-kumpanija. Madankollu, jekk isibu kwistjonijiet serji ta’ riskju jew nuqqas ta’ konformità, li jkollhom implikazzjonijiet sistemiċi, is-superviżuri jridu jiġu avżati. Il-kwistjonijiet li jistgħu jitranġaw mill-kumpanija u li m’għandhomx implikazzjonijiet esterni għandhom jitħallew f’idejn il-kumpanija. Fis-sistema ta’ tmexxija kontinentali, il-bord ta’ sorveljanza jaħtar l-awdituri u jiltaqa’ magħhom kull sena mingħajr il-preżenza tal-bord ta’ tmexxija u s-CEO.

3.4.2   Mistoqsija speċifika 20: Għandu jissaħħaħ id-dmir tal-awdituri li jgħarrfu lill-bord tad-diretturi u/jew lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza dwar kwistjonijiet serji li jistgħu jkunu ndunaw bihom huma u jwettqu xogħolhom?

Jiddependi fuq l-istatus quo. F’ċerti ġurisdizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet diġà huma adegwati. Fis-sistema Ewropea kontinentali dan għandu jiġi deċiż fuq bażi kuntrattwali bejn il-bord ta’ sorveljanza u l-awditur.

3.4.3   Mistoqsija speċifika 21: Il-kontroll tal-awditur estern għandu jitwessa’ biex jinkludi wkoll it-tagħrif finanzjarju marbut mar-riskju?

L-awdituri huma meħtieġa jikkonfermaw li l-kotba tal-kontabilità ta’ kumpanija jagħtu stampa vera u ġusta tan-negozju attwali tagħha. F’dan il-kuntest, kull riskju materjali suppost ikun diġà ntwera bħala provvediment jew nota fil-kotba. Jidher li hawnhekk m’hemm bżonn tal-ebda estensjoni.

3.5   Nuqqasijiet fl-awtoritajiet ta’ sorveljanza

3.5.1   Mistoqsija speċifika 22: Għandu jiġi ddefinit mill-ġdid u jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza fit-tmexxija interna tal-istituzzjonijiet finanzjarji?

Iva, f’ġurisdizzjonijiet fejn dan għadu ma sarx.

3.5.2   Mistoqsija speċifika 23: L-awtoritajiet ta’ sorveljanza għandhom jingħataw is-setgħa u d-dmir li jivverifikaw li l-bord tad-diretturi u l-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskji jkunu qed jaħdmu tajjeb? Dan kif jista’ jiġi implimentat fil-prattika?

Ara r-risposta spjegata fil-punt 3.5.1 hawn fuq.

3.5.3   Mistoqsija speċifika 24: Il-kriterji tal-eliġibbiltà (it-test imsejjaħ “fit and proper test” (it-test ta’ kemm huma kompetenti u xierqa) għandhom jitwessgħu biex ikopru wkoll il-kompetenzi tekniċi u professjonali, kif ukoll il-karatteristiċi tal-imġiba tad-diretturi futuri? Dan kif jista’ jsir fil-prattika?

Hija drawwa u prattika fis-sistema kontinentali li dan jiġi vverifikat. L-Awtorità tas-Servizzi Finanzjarji tar-Renju Unit (FSA) stabbilixxiet proċeduri ġodda sabiex dan jidħol fis-seħħ.

3.6   Problemi fir-rwol tal-azzjonisti

3.6.1   Mistoqsija speċifika 25: L-iżvelar tal-politiki u tal-prattiki tal-vot tal-investituri istituzzjonali għandu jkun obbligatorju? B’liema frekwenza?

Iva, f’relazzjoni mal-aġenda tal-laqgħat ġenerali.

3.6.2   Mistoqsija speċifika 26: L-investituri istituzzjonali għandu jkollhom l-obbligu li jżommu ma’ kodiċi (nazzjonali jew internazzjonali) ta’ prattiki tajbin, bħal pereżempju l-kodiċi mfassal min-Netwerk Internazzjonali dwar it-Tmexxija Korporattiva (l-“International Corporate Governance Network (ICGN)”? Dan il-kodiċi jobbliga lill-firmatarji biex jiżviluppaw u jippubblikaw il-politiki tal-investiment u tal-vot tagħhom, biex jieħdu miżuri sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess u biex jużaw id-dritt tal-vot tagħhom b’mod responsabbli.

Iva, għall-bidu fuq bażi volontarja.

3.6.3   Mistoqsija speċifika 27: Għandha tkun iffaċilitata l-identifikazzjoni tal-azzjonisti sabiex jiġi ffaċilitat id-djalogu bejn il-kumpaniji u l-azzjonisti tagħhom, u sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-abbuż marbut mal-“vot vojt” (“empty voting”)? Vot vojt ifisser vot minn azzjonist li m’għandux interess finanzjarju korrispondenti fil-kumpanija li għaliha qiegħed jivvota, li jista’ jkollu effetti potenzjalment negattivi fuq l-integrità tat-tmexxija tal-impriżi kkwotati u tas-swieq li fihom ikunu qed jiġu nnegozjati l-ishma tagħhom.

Il-kwistjoni tal-azzjonisti għandha tiġi studjata mill-Kummissjoni għaliex m’għadhomx li kienu fil-passat. Illum il-ġurnata l-azzjonisti jistgħu jkunu kumpaniji globali, azzjonisti globali, hedge funds, eċċ. u għaldaqstant bħala negozjanti fl-ishma, ma jaqdux ir-rwol li tradizzjonalment huwa assoċjat mat-term “azzjonisti”.

3.6.4   Mistoqsija speċifika 28: Liema miżuri oħrajn jistgħu jħeġġu lill-azzjonisti biex jimpenjaw ruħhom fit-tmexxija korporattiva tal-istituzzjonijiet finanzjarji?

Miżura waħda possibbli tista’ tkun il-ħolqien ta’ organizzazzjoni ta’ prokura li tirrappreżenta l-azzjonisti privati f’kull kumpanija. Alternattivament, tista’ ssir pressjoni mill-istituzzjonijiet ta’ sorveljanza, mill-politikanti, mill-mezzi tax-xandir fuq investituri istituzzjonali sabiex isiru iktar attivi.

3.7   Implimentazzjoni iktar effettiva tal-prinċipji tat-tmexxija korporattiva

3.7.1   Mistoqsija speċifika 29: Jeħtieġ li jiżdiedu r-responsabbiltajiet tal-membri tal-bord tad-diretturi?

Mhux jekk irridu li jkollna kandidati tajbin. Ikun utli għal ħafna istituzzjonijiet li jiddefinixxu x’qed jistennew mill-membri tal-bord.

3.7.2   Mistoqsija speċifika 30: Għandha tissaħħaħ ir-responsabbiltà ċivili u kriminali tad-diretturi, filwaqt li jitqies il-fatt li r-regoli dwar il-proċeduri kriminali mhumiex armonizzati fuq livell Ewropew?

F’ċerti ġurisdizzjonijiet, id-dispożizzjonijiet diġà huma adegwati. L-ikbar riskju għal direttur is-soltu huwa li jitlef ir-reputazzjoni għax kien assoċjat ma’ negozju li falla. Reċentement saru talbiet biex isiru projbizzjonijiet awtomatiċi fuq diretturi li jonqsu milli javżaw dwar riskji żejda sabiex ma jkunux jistgħu jerġgħu jassumu rwoli simili. Aktarx din hija għodda ta’ politika iktar preċiża u promettenti.

3.8   Ir-rimunerazzjoni tad-diretturi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji

3.8.1   Mistoqsija speċifika 31: X’jistgħu jkunu jinkludu l-miżuri addizzjonali possibbli fil-livell tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mar-rimunerazzjoni tad-diretturi tal-kumpaniji kkwotati, u liema forma li torbot jew li ma torbotx jista’ jkollhom?

Id-dispożizzjonijiet tat-tielet emenda għad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti tal-Kapital (CRD3) jidhru li huma adegwati. Dan il-fatt għandu jimpenja lill-awtoritajiet ta’ sorveljanza. Il-pubblikazzjoni ta’ politiki ta’ votazzjoni istituzzjonali dwar ir-rimunerazzjoni tkun pass tajjeb ’il quddiem (ara l-punt 3.8.4 hawn fuq).

3.8.2   Mistoqsija speċifika 32: Taħseb li għandhom jiġu indirizzati l-problemi marbutin mal-għażliet tal-ishma tad-diretturi? Jekk iva, b’liema mod? L-għoti tagħhom għandu jiġi rregolat fuq livell Komunitarju jew saħansitra pprojbit?

Is-CRD3 dehret li indirizzat dan il-punt. Il-kwistjonijiet relatati maż-żmien, l-ostakoli u l-kwantum huma koperti f’dik id-Direttiva.

3.8.3   Mistoqsija speċifika 33: Filwaqt li jitħarsu l-kompetenzi tal-Istati Membri, taħseb li t-trattament fiskali favorevoli tal-għażliet tal-ishma u ta’ rimunerazzjonijiet simili oħra li jeżisti f’ċerti Stati Membri jinkuraġġixxi t-teħid ta’ riskji eċċessivi? Jekk iva, din il-kwistjoni għandha tiġi diskussa fil-livell tal-UE?

Il-Kummissjoni għandha titħeġġeġ tistudja din il-kwistjoni, iżda kif inhuma l-affarijiet bħalissa, it-tassazzjoni hija kwistjoni tal-Istat Membru.

3.8.4   Mistoqsija speċifika 34: Taħseb li għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-azzjonisti kif ukoll tal-impjegati u tar-rappreżentanti tagħhom huma u jiġu stabbiliti l-politiki ta’ rimunerazzjoni?

F’ċerti ġurisdizzjonijiet ir-rapport ta’ rimunerazzjoni huwa soġġett għall-approvazzjoni tal-azzjonisti. Jekk ir-riżultati tal-votazzjoni tal-azzjonisti istituzzjonali jiġu ppubblikati, is-sistemi tkun iktar trasparenti. Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-problema tal-effett ta’ lieva tal-konsulenti dwar ir-rimunerazzjoni. Is-sistema ta’ organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-azzjonisti fil-Pajjiżi l-Baxxi tista’ sservi ta’ mudell utli għall-konsiderazzjoni tal-Kummissjoni.

3.8.5   Mistoqsija speċifika 35: X’taħseb dwar l-indennizzi tat-tluq (imsejħin “paraxut tad-deheb”)? L-għoti tagħhom għandu jiġi rregolat fuq livell Komunitarju jew saħansitra pprojbit? Jekk iva, b’liema mod? Dawn għandhom jingħataw biss bħala rimunerazzjoni fil-każ ta’ prestazzjoni effettiva tad-diretturi?

L-indennizzi tat-tluq mhumiex rigal għas-servizz mogħti. Ir-rigali għas-servizzi mogħtija jingħataw waqt is-servizz innifsu. L-indennizzi tat-tluq huma l-obbligi kuntrattwali meta kumpanija tkeċċi direttur eżekuttiv. Is-soltu jingħataw bħala għajnuna finanzjarja sabiex reklutat ġdid ikollu iktar sigurtà fil-każ li l-ħatra tiegħu ma tirnexxiex. It-tkeċċija mhux bil-fors tfisser falliment. Bidla fl-istrateġija tista’ twassal biex anke xi ħadd b’rendiment tajjeb jingħata s-sensja. Għaldaqstant l-indennizzi huma meħtieġa. F’xi ċirkostanzi jistgħu jkunu għoljin wisq, b’mod speċjali fir-rigward tal-pensjonijiet. Jistgħu jitfasslu b’mod li fil-kuntratt ikun stipulat li jonqsu biż-żmien u anke jitneħħew fejn “jidher ċar” li l-persuna inkwistjoni kien falla fil-qadi ta’ dmirijietu. Li l-indennizzi għas-CEOs jiżdiedu għandu jiġi skoraġġut ukoll. Il-premji għandhom jiġu ggwadanjati skont il-prestazzjoni. Fis-sistema kontinentali, l-impjegati huma rappreżentati fuq il-bord ta’ sorveljanza u jistgħu jinfluwenzaw prattiki ta’ rimunerazzjoni bħal dawn.

3.8.6   Mistoqsija speċifika 36: Taħseb li l-parti varjabbli tar-rimunerazzjonijiet fl-istituzzjonijiet finanzjarji li rċevew fondi pubbliċi għandha titnaqqas jew titwaqqaf?

Din il-kwistjoni tirreferi prinċipalment għar-rimunerazzjoni ta’ pożizzjonijiet għoljin f’istituzzjonijiet finanzjarji. Huwa inqas rilevanti għal impjegati ordinarji. Kien hemm xi pakketti ta’ rimunerazzjoni straordinarji għal individwi u sitwazzjonijiet anormali bħal dawn għandhom jiġu evitati. Huwa xogħol is-sidien governattivi ta’ istituzzjonijiet li ngħataw fondi pubbliċi li jagħmlu kif jidhrilhom.

3.9   Kunflitti ta’ interess

3.9.1   Mistoqsija speċifika 37: X’jista’ jkun il-kontenut ta’ miżuri addizzjonali possibbli fil-livell tal-UE li jimmiraw li jsaħħu l-ġlieda kontra l-kunflitti tal-interess u l-prevenzjoni tagħhom fis-settur tas-servizzi finanzjarji?

Il-kunċett ta’ “ħitan Ċiniżi” jirriferi għall-proċeduri infurzati fi ħdan kumpanija tat-titoli jew tal-investiment sabiex jiġi evitat l-iskambju ta’ informazzjoni konfidenzjali bejn id-dipartimenti tal-kumpanija sabiex jiġi evitat l-użu illegali ta’ informazzjoni “ta’ ġewwa”. Jintuża fis-settur finanzjarju u setturi oħrajn biex jiġu evitati kunflitti ta’ interess li jistgħu jagħmlu ħsara. Madankollu, fil-prattika, ħitan Ċiniżi mhumiex infallibbli għaliex jiddependu fuq sistema ta’ rispett reċiproku (honour system). L-informazzjoni hija ristretta biss għad-diskrezzjoni u l-attenzjoni tal-partijiet involuti. Jista’ jagħti l-każ li f’dan ir-rigward regolamenti li jispeċifikaw ir-rekwiżiti legali għas-sigurtà tal-informazzjoni jwasslu għal titjib fil-konformità.

3.9.2   Mistoqsija speċifika 38: Inti tal-fehma li, filwaqt li jitqiesu l-mudelli legali u ekonomiċi differenti eżistenti, jeħtieġ li jiġi armonizzat il-kontenut u d-dettall tar-regoli Komunitarji marbutin mal-kunflitti ta’ interess sabiex id-diversi istituzzjonijiet finanzjarji jkunu sottomessi għal regoli simili skont jekk dawn għandhomx japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-MiFID, dawk tad-Direttiva dwar il-fondi proprji regolatorji, tad-Direttiva dwar l-UCITS jew tad-Direttiva dwar is-Solvibbiltà 2?

Iva.

Brussell, 20 ta’ Jannar 2011.

Il-President Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Staffan NILSSON


Top