Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010IE1190

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi tal-Euromed”

    ĠU C 48, 15.2.2011, p. 94–101 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 48/94


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi tal-Euromed”

    2011/C 48/17

    Relatur: is-Sur Meelis JOOST

    Nhar il-16 ta’ Lulju 2009, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi tal-Euromed.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar dan is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Settembru 2010.

    Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta’ Settembru 2010 (seduta tas-16 ta’ Settembru), b’unanimità, li jagħti opinjoni favorevoli għat-test propost.

    1.   Konklużjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa’ l-fatt li bosta pajjiżi msieħba tal-Mediterran irratifikaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u b’hekk poġġew is-sisien biex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità.

    1.2

    Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran għandhom jiġu involuti b’mod aktar effettiv minn qabel fil-kooperazzjoni fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja. Il-parteċipazzjoni attiva ta’ dawn l-organizzazzjonijiet fl-iżvilupp tas-soċjetà ċivili tirrikjedi li jiġi żgurat il-finanzjament tagħhom.

    1.3

    Il-KESE jitlob lill-pajjiżi msieħba tal-Mediterran jippromovu l-approċċ “Disinn għal kulħadd” fit-tfassil tal-ambjent li jgħixu fih in-nies, għaliex permezz ta’ ambjent mingħajr barrieri u faċli għall-utent ikun qed isir kontribut ukoll għall-iżvilupp tal-potenzjal turistiku.

    1.4

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tiżgura li l-mezzi finanzjarji għall-pajjiżi msieħba tal-Mediterran ikunu disponibbli wkoll għall-għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità, u li l-fondi mill-programmi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat ma jintużawx b’tali mod li jinħolqu ostakli addizzjonali għall-parteċipazzjoni ekwa tal-persuni b’diżabilità fil-ħajja tas-soċjetà.

    1.5

    Fid-dawl tal-isfond kulturali tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran u tat-titjib li sar fil-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità permezz tal-mudell ibbażat fuq il-karità, il-KESE jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati biex issa jibdew mexjin lejn approċċ ibbażat fuq id-drittijiet sabiex is-soċjetà terfa’ r-responsabbiltà tagħha fir-rigward tal-benesseri tal-persuni b’diżabilità u l-għajxien ta’ kuljum tagħhom, u toħloq ambjent kif ukoll servizzi li jikkunsidraw il-bżonnijiet tal-utenti kollha. Approċċ bħal dan huwa konformi mal-Konvenzjoni tal-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità.

    1.6

    Il-pajjiżi tal-Mediterran għandhom jiffokaw aktar fuq l-oqsma ta’ taħriġ li huma adatti għall-persuni b’diżabilità, sabiex b’hekk jinħolqu impjiegi ta’ kwalità tajba u jkun hemm il-ħaddiema li jissodisfaw l-eżiġenzi tas-suq. Barra minn hekk, għandhom itaffu wkoll il-konsegwenzi negattivi tal-eżodu miż-żoni rurali fuq l-impjiegi u l-mewġiet ta’ migrazzjoni.

    1.7

    Fuq il-bażi tal-istatistika, li skontha l-persuni b’diżabilità jammontaw għal mill-inqas 10 % tal-popolazzjoni, aktarx fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran jgħixu madwar 25 miljun persuna b’diżabilità. Il-KESE jappella biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fir-reġjun tal-Mediterran jaħdmu favur l-opportunitajiet indaqs u jippromovu wkoll, fost affarijiet oħra, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol.

    1.8

    Sabiex tissaħħaħ il-koeżjoni tal-pajjiżi fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran, il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran għandhom jiġu inklużi f’kemm jista’ jkun inizjattivi, fosthom is-snin tematiċi Ewropej (1), il-Bliet Kapitali Ewropej tal-Kultura li jingħażlu kull sena u l-inizjattiva reċenti li kull sena tingħażel Kapitali Ewropea għall-Aċċessibbiltà Universali (2).

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    F’opinjonijiet preċedenti l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew eżamina l-iżvilupp soċjali fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran.

    2.2

    Il-Kumitat iddeċieda li jħejji din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja sabiex jikber l-għarfien dwar is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fir-reġjun tal-Mediterran, u biex isir kontribut għat-titjib tal-qagħda tagħhom. Bħalissa l-qasam soċjali għaddej minn fażi deċiżiva ta’ żvilupp bi sfidi dinjija kbar.

    2.3

    Il-Proċess ta’ Barċellona, li ġie introdott fl-1995, ta spinta ġdida lir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-ġirien tagħha fir-reġjun tal-Mediterran (3), u identifika l-kundizzjonijiet il-ġodda għall-ħolqien ta’ żona ta’ paċi u prosperità ekonomika fir-reġjun. Però ħmistax-il sena wara l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona, il-progress għadu limitat.

    2.4

    L-inizjattiva tal-Unjoni għall-Mediterran, li tnediet fl-2008, tat impulsi ġodda lill-kooperazzjoni, u l-parteċipanti fis-Sħubija Ewro-Mediterranja jistgħu jużaw dan biex jiżviluppaw ir-reġjun b’mod ibbilanċjat. L-iżvilupp tal-kwistjonijiet soċjali, fosthom it-titjib tas-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità, jista’ jaqdi rwol essenzjali f’dan il-kuntest.

    2.5

    Fil-kuntest tal-ftehim ta’ sħubija, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti aktar importanza lill-aspett tal-iżvilupp fis-settur soċjali u tiġbed l-attenzjoni b’mod aktar ċar għall-ħtieġa urġenti li tittejjeb il-koeżjoni soċjali.

    2.6

    F’Ottubru 2002, fil-Libanu nbeda d-Deċennju Għarbi għall-Persuni b’Diżabilità li ser jintemm fl-2012. Fit-tnedija ta’ dan id-deċenju ħadu sehem dsatax-il Stat Għarbi u r-rappreżentanti ta’ aktar minn mitt għaqda tas-soċjetà ċivili Għarbija li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità. Id-dikjarazzjoni li saret f’din l-okkażjoni kienet ir-riżultat ta’ proċess twil ta’ konsultazzjoni bejn il-ministri tal-affarijiet soċjali tal-pajjiżi parteċipanti.

    2.7

    Diversi pajjiżi tal-Mediterran irratifikaw il-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità (4), li l-għan tagħha huwa li tiggarantixxi d-drittijiet tal-persuni b’diżabilità u ttejjeb il-kwalità ta’ ħajjithom. Fil-kuntest tal-UE, il-proċess ta’ ratifika tal-Konvenzjoni huwa marbut mal-abbozz ta’ direttiva kontra d-diskriminazzjoni, li dwarha l-KESE esprima fehemtu f’Opinjoni. Id-Direttiva, li għandha tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni f’oqsma differenti tal-ħajja, għadha ma ġietx adottata, iżda l-proċess inbeda. Dan ifisser li l-UE qed tagħmel passi kbar lejn il-protezzjoni legali tal-persuni b’diżabilità.

    2.8

    Il-kooperazzjoni fl-iżvilupp tar-riżorsi umani tat riżultati pożittivi. L-indiċi tal-iżvilupp uman żdied minn 0,694 fl-1995 għal 0,736 fl-2007 (5). Billi l-kriżi attwali għandha impatt negattiv fuq dan l-iżvilupp, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-opportunitajiet indaqs fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran.

    2.9

    Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, is-sitwazzjoni tad-drittijiet u l-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità tvarja minn pajjiż għal ieħor. L-għan ta’ din l-Opinjoni huwa li tiġbed l-attenzjoni tal-Istati għall-ħtieġa li jittejbu s-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità u l-effiċjenza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu f’dan il-qasam kif ukoll li r-rappreżentanti ta’ dawn l-organizzazzjonijiet jiġu inklużi b’mod aktar attiv minn qabel fil-kooperazzjoni regolari tas-soċjetà ċivili bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba tal-Mediterran. L-eżempji tal-Istati individwali kif ukoll ir-referenzi għall-istudji li saru f’dawn l-Istati u d-data miġbura juru biċ-ċar li l-Istati msemmijin jieħdu l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità bis-serjetà u ħadu passi biex itejbu l-koeżjoni soċjali.

    3.   Involviment soċjali u opportunitajiet indaqs

    3.1

    L-intenzjoni tal-Proċess ta’ Barċellona (1995) hija li l-iżviluppi soċjoekonomiċi fiż-żewġ naħat tal-Mediterran jersqu aktar lejn xulxin. Madankollu, dak iż-żmien ma ġewx ikkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi ta’ ċerti gruppi ta’ persuni. Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE wriet li l-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs għall-gruppi li għandhom bżonn il-protezzjoni kif ukoll it-titjib tal-koeżjoni tas-soċjetà huma utli għas-soċjetà kollha.

    3.2

    Meta tkun qed tinħoloq żona ta’ kummerċ ħieles komuni, huwa partikolarment importanti li l-ambjent li jgħixu fih in-nies u l-għajxien tal-persuni b’diżabilità jitqarrbu dejjem aktar lejn l-istandards tal-UE. Sabiex jinkiseb dan, il-persuni b’diżabilità jridu jiġu involuti b’mod aktar effettiv fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.

    3.3

    Sistema edukattiva inklużiva, il-politika tal-impjiegi, l-iżvilupp reġjonali bbilanċjat u l-parteċipazzjoni fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet ilkoll jgħinu biex jitnaqqas il-faqar. Barra minn hekk, iżidu l-attraenza tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran bħala post fejn wieħed jgħix u jaħdem, u b’hekk jaħdmu kontra l-emigrazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, l-involviment soċjali jtejjeb il-mobilità tan-nies. F’ħafna pajjiżi msieħba tal-Mediterran, it-tfal b’diżabilità m’għandhomx l-aċċess meħtieġ għall-edukazzjoni u b’hekk is-suq tax-xogħol u l-opportunitajiet li joffri jkunu fil-biċċa l-kbira magħluqa għalihom meta jkollhom l-età tax-xogħol.

    3.4

    Il-maġġoranza tal-iskejjel fil-pajjiżi tal-Euromed ma joffrux il-possibbiltà ta’ taħriġ għat-tfal b’diżabilità. Madwar nofs it-tfal b’diżabilità ma jgħixux mal-familja iżda f’ċentri tal-kura. Il-persuni b’diżabilità fil-verità ma jistgħux jużaw id-dritt tagħhom li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol għalkemm fil-pajjiżi tal-Euromed tfasslu liġijiet speċifiċi li jinkludu l-obbligu li jingħata l-appoġġ lill-persuni b’diżabilità u li jiġu żgurati l-possibbiltajiet ta’ impjieg għalihom fis-suq tax-xogħol. Stħarriġ li sar fl-2003 mill-Għaqda Libaniża tal-Persuni b’Diżabilità (LPHU – Lebanese Physically Handicapped Union) wera ċar u tond li l-istituzzjonijiet li jirċievu l-akbar parti ta’ fondi pubbliċi maħsuba għall-persuni b’diżabilità, lil dawn tal-aħħar ma jagħtuhomx l-edukazzjoni meħtieġa biex jidħlu fis-suq tax-xogħol.

    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità fiż-żona Ewro-Mediterranja

    3.5

    Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità ġiet ratifikata minn dawn il-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE iżda huma msieħba tas-Sħubija Ewro-Mediterranja: l-Alġerija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Marokk, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Eġittu, is-Sirja, il-Ġordan, il-Kroazja u l-Montenegro. S’issa għadha ma ġietx ratifikata mill-Iżrael, il-Palestina, il-Libanu, l-Albanija, il-Mawritanja, Monako u l-Libja, li hija pajjiż osservatur. Xi wħud mill-Istati Membri tal-UE wkoll għandhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni.

    3.6

    L-artikoli tal-Konvenzjoni jiggarantixxu lill-persuni b’diżabilità protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni f’kull qasam tal-ħajja: fid-dinja tax-xogħol u fl-aċċess għall-mezzi tat-trasport, il-bini pubbliku u d-djar. Il-Konvenzjoni tenfasizza bis-sħiħ li għandhom jiġu garantiti servizzi adegwati u protezzjoni soċjali adatta kemm fil-belt kif ukoll fil-kampanja.

    3.7

    Il-Konvenzjoni tagħti importanza partikolari lill-aċċess għall-edukazzjoni, id-dritt li persuna tagħżel b’mod ħieles il-post fejn tgħix, id-dritt li persuna tgħix f’familja u l-parteċipazzjoni fil-ħajja politika. Diversi kapitoli jitkellmu dwar in-nies u t-tfal b’diżabilità, żewġ gruppi li huma importanti ħafna sabiex tittejjeb il-koeżjoni soċjali fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn l-UE u r-reġjun tal-Mediterran.

    3.8

    Flimkien mat-test tal-Konvenzjoni hemm ukoll protokoll mhux vinkolanti. L-Istati li ffirmaw u rratifikaw il-Konvenzjoni jintrabtu li jwaqqfu osservatorju biex jissorvelja l-konformità mal-Konvenzjoni. Fl-istess ħin, meta rratifikaw il-Konvenzjoni l-Istati parteċipanti daħlu għall-impenn li jagħtu rapport lin-Nazzjonijiet Uniti dwar kemm is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità tikkorrispondi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

    3.9

    Ir-ratifika tal-Konvenzjoni hija l-ewwel pass fit-triq twila lejn il-bidla fl-attitudni tas-soċjetà fir-rigward tal-persuni b’diżabilità u l-ambjent li jgħixu fih, kemm fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran. Illum il-ġurnata, is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika ta’ ċerti gruppi tal-popolazzjoni, fosthom anke l-persuni b’diżabilità, fil-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran mhix konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

    L-aspett tal-opportunitajiet indaqs fl-iżvilupp reġjonali

    3.10

    Il-kooperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran għandha rwol importanti fit-titjib tal-ħajja ta’ kuljum tal-persuni b’diżabilità. L-aċċessibbiltà, it-tixrid tal-informazzjoni, il-ħolqien ta’ servizzi għall-persuni b’diżabilità u l-implimentazzjoni ta’ proġetti komuni għandhom ikunu ħafna aktar effiċjenti milli kienu s’issa. Il-koeżjoni reġjonali fil-livell nazzjonali, li tidher fl-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali kif ukoll fil-forniment tas-servizzi għall-persuni b’diżabilità anke barra ż-żoni urbani, iżżid il-kompetittività tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran.

    3.11

    Il-fehim reċiproku, inklużi t-tolleranza bejn gruppi differenti ta’ popolazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, għandu jkun il-bażi tar-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi msieħba tal-Mediterran u r-relazzjonijiet fil-qafas tas-Sħubija Ewro-Mediterranja.

    3.12

    Il-vulnerabbiltà taż-żoni rurali tal-Mediterran toħroġ fid-dieher fil-forma ta’ faqar, qgħad, nuqqas ta’ infrastruttura, degradazzjoni tal-ħamrija u eżodu kontinwu miż-żoni rurali. L-Istati għandhom jagħmlu minn kollox sabiex iwaqqfu dan l-iżvilupp negattiv.

    L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità u r-rwol soċjali tagħhom

    3.13

    Fil-maġġoranza tal-Istati Membri tal-UE jeżistu organizzazzjonijiet ċentrali li jgħaqqdu fi ħdanhom diversi għaqdiet li jirrappreżentaw il-persuni b’diżabilità. L-eżistenza tal-ogranizzazzjonijiet ċentrali għall-persuni b’diżabilità tgħin lill-gruppi differenti ta’ persuni b’diżabilità jifhmu aħjar il-ħtiġijiet ta’ gruppi oħra u jitkellmu b’leħen wieħed fil-kuntest tat-tfassil tal-politiki. Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran għandhom jiġu appoġġjati l-ħolqien u t-tisħiħ tal-organizzazzjonijiet ċentrali għall-persuni b’diżabilità.

    3.14

    Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran li ġejjin twaqqfu organizzazzjonijiet ċentrali għall-persuni b’forom differenti ta’ diżabilitajiet: il-Marokk, il-Ġordan, it-Tuneżija u l-Eġittu.

    3.15

    Handicap International nediet kompetizzjoni għall-organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ biex jinvolvu lill-persuni b’diżabilità fl-attivitajiet tagħhom.

    It-Tuneżija u l-Ġordan ġew involuti fil-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti (UNDP). Il-Ġordan twaqqfet l-Al Hussein Society for the Habilitation and Rehabilitation of the Physically Challenged, organizzazzjoni għall-persuni b’diżabilità fiżika, bħala msieħba tal-UNDP. L-għan tagħha huwa li tippermetti lill-persuni b’diżabilità fiżika jieħdu sehem fil-possibbiltajiet tat-tekonoloġija tal-informazzjoni billi jintramaw postijiet tal-IT li jkunu mgħammra bi programmi speċifiċi tal-kompjuter, fosthom l-applikazzjonijiet grafiċi, u billi jingħata taħriġ fit-teknoloġija tal-informazzjoni.

    3.16

    L-organizzazzjoni ċentrali internazzjonali għall-persuni b’diżabilità (DPI – Disabled Peoples International), fuq is-sit elettroniku tagħha tindika li qiegħda toħloq fi ħdanha s-sitt reġjun, li jinkludi l-pajjiżi Għarab. Skont l-organizzazzjoni diġà esprimew ix-xewqa li jissieħbu għaxar pajjiżi u l-ħidma preparatorja għandha titlesta f’xahrejn jew tlieta.

    4.   It-tgħaqqid tal-karità mal-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet sabiex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità

    4.1

    Minħabba l-isfond kulturali tar-reġjun tal-Mediterran, it-trattament tal-persuni b’diżabilità u r-rwol tagħhom fis-soċjetà huma influwenzati ħafna mit-twemmin. Id-diversi fehmiet dwar il-kawżi ta’ diżabilità għandhom jiġu sostitwiti b’informazzjoni bbażata fuq ix-xjenza. Dan jgħin biex il-kwistjoni tal-persuni b’diżabilità tiġi indirizzata b’approċċ ibbażat fuq id-drittijiet. Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran hemm it-tendenza li l-attitudni tas-soċjetà fir-rigward tal-persuni li jitwieldu b’diżabilità jew li jsiru diżabbli matul ħajjithom tvarja, u l-persuni li jitwieldu b’diżabilità jew li għandhom diżabilità tidher minn barra huma dawk li jbatu l-aktar. Għalhekk huwa importanti ħafna li tingħata informazzjoni dwar it-tipi differenti ta’ diżabilitajiet u li ssir enfasi fuq il-kompetenzi u l-kapaċitajiet tal-persuni b’diżabilità.

    4.2

    Fil-Marokk, pereżempju, il-kwistjoni tal-persuni b’diżabilità tikkonċerna, fl-agħar każ, 25 % tal-familji. Fil-każ ta’ diżabilità li tidher, l-aċċess għas-servizzi huwa ħafna aktar diffiċli. Fil-Marokk l-approċċ ibbażat fuq il-karità fis-soċjetà nxtered minħabba r-rwol importanti tar-reliġjon u l-familja. Madankollu, il-prinċipju nobbli li wieħed jgħin lin-nies li għandhom bżonn l-għajnuna mhux biżżejjed biex jiggarantixxi li l-persuni b’diżabilitajiet differenti jew b’mard kroniku jkunu jistgħu jgħixu ħajjithom.

    4.3

    Flimkien mat-titjib tal-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità permezz tal-karità, jistgħu jsiru sforzi wkoll biex ikomplu jittejbu s-servizzi offruti u l-ambjent li jgħixu fih in-nies. L-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma involuti mil-lat soċjali jista’ jirnexxilhom – bl-appoġġ min-naħa tas-soċjetà – jikkomplementaw il-karità permezz ta’ mudell ibbażat fuq id-drittijiet. Il-persuni b’diżabilità għandhom jiġu involuti fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp tas-sistema soċjali. Il-Marokk, pereżempju, wieħed jista’ josserva t-tendenza li l-mudell ibbażat fuq il-karità qed jiġi sostitwit minn approċċ li huwa dejjem aktar ibbażat fuq id-drittijiet.

    4.4

    Bħala eżempju tajjeb ta’ dan it-tip ta’ approċċ fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, fejn l-Istat jew awtorità lokali applikat il-mudell imsemmi, wieħed jista’ jsemmi l-proġetti ta’ Handicap International (HI) fil-Marokk. Handicap International hija organizzazzjoni mhux governattiva li ilha attiva fil-Marokk mill-1993. Skont stħarriġ li sar fl-2004, bil-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Ministeru għall-Affarijiet Soċjali, dwar il-qagħda tal-persuni b’diżabilità, inklużi t-tfal b’diżabilità u l-familji tagħhom, 70 % tal-persuni b’diżabilità m’għandhomx aċċess għall-edukazzjoni u 30 % biss tat-tfal b’diżabilità qed jibbenefikaw mill-edukazzjoni fl-iskola. Ħareġ fid-dieher li l-problema ċentrali hija n-nuqqas ta’ servizzi soċjali, in-nuqqas ta’ speċjalisti u l-fatt li f’50 % tal-każi l-esklużjoni mill-edukazzjoni fl-iskola toħloq attitudni negattiva fis-soċjetà fir-rigward tat-tfal b’diżabilità. Bħala konklużjoni ta’ dan l-istħarriġ ingħataw ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

    Is-soċjetà kollha għandha tibdel l-attitudni tagħha lejn il-persuni b’diżabilità.

    Għall-perijodu bejn l-2006 u l-2011 tfasslet strateġija governattiva li tinkludi l-Marokk u t-Tuneżija bil-għan li tkabbar l-ispettru ta’ servizzi offruti billi jinħoloq netwerk taċ-ċentri lokali għall-persuni b’diżabilità. Bħalissa l-Marokk hemm madwar 100 għaqda li qed jaħdmu għall-persuni b’diżabilità.

    Il-punt ċentrali tal-istrateġija kien it-taħriġ ta’ dawk li jipprovdu servizz (pereżempju, l-iżvilupp ta’ netwerk ta’ fiżjoterapisti bil-kooperazzjoni tal-Ministeru għas-Saħħa).

    Il-gruppi interessati lokali kollha għandhom jiġu involuti fil-ħidma tan-netwerk għall-persuni b’diżabilità.

    Minbarra l-iżvilupp ta’ miżuri għar-riabilitazzjoni medika, għandu jsir aktar xogħol għat-tixrid lokali u bbażat fuq il-komunità tal-għarfien rilevanti.

    4.5

    Għandha tingħata attenzjoni speċjali lis-sitwazzjoni tat-tfal b’diżabilità u tal-familji li fihom jgħixu persuni b’diżabilità fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran. Il-persuni b’diżabilità u l-familji li jieħdu ħsieb dawn il-persuni, inklużi t-tfal b’diżabilità, għandhom jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet dwar is-servizzi l-ġodda meħtieġa u fil-ħolqien ta’ possibbiltajiet adatti ta’ riabilitazzjoni u servizzi oħra. Fis-sistema attwali tal-għajnuna soċjali u r-riabilitazzjoni, il-familja hija l-imsieħba kemm tal-amministrazzjoni lokali u tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll ta’ dawk li jipprovdu s-servizzi. Hija tressaq proposti għal servizzi, tipparteċipa fit-tfassil tas-servizzi offruti u hija konsulent siewi f’kull kwistjoni marbuta mad-diżabilità. Fin-nuqqas ta’ netwerk żviluppat tas-servizzi, huwa possibbli li jiġi applikat l-approċċ imsemmi fuq il-bażi tar-riabilitazzjoni (community-based rehabilitation, CBR) u li jiġu involuti l-gruppi informali li jappoġġjaw il-persuni b’diżabilità kif ukoll l-assoċjazzjonijiet (persuni ġuridiċi) li jaħdmu għal dan l-objettiv mingħajr skop ta’ qligħ.

    L-iżvilupp soċjali u ekonomiku u l-miżuri għat-titjib tal-kundizzjonijiet li jgħixu fihom il-persuni b’diżabilità

    4.6

    Huwa biss permezz ta’ appoġġ sistematiku u kontinwu li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu ħajjithom ta’ kuljum u jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. Billi d-differenzi fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-pajjiżi tal-Mediterran u l-kriżi attwali ftit li xejn iħallu flessibbiltà għall-istabbiliment tas-serivizzi, il-persuni b’diżabilità stess għandhom ikunu attivi fit-tfittxija tas-soluzzjonijiet.

    4.7

    L-involviment soċjali jirnexxi l-aktar meta jittieħdu azzjonijiet sabiex jinħolqu l-opportunitajiet ta’ impjieg. Hawnhekk għandhom jitqiesu kemm l-opportunitajiet ta’ impjieg fis-suq tax-xogħol ewlieni u miftuħ kif ukoll it-twettiq ta’ xogħol protett u sussidjat. Fl-Unjoni Ewropea ttieħdu passi għat-titjib tal-qagħda tal-impjiegi għall-persuni b’diżabilità permezz ta’ miżuri leġislattivi u tal-applikazzjoni tal-prattiki t-tajba. Fl-okkażjoni tas-Sena Ewropea tal-Persuni b’Diżabilità, fl-2003, l-għaqdiet tal-imsieħba soċjali fl-UE reġgħu enfasizzaw id-dikjarazzjoni konġunta tagħhom dwar il-promozzjoni tal-impjiegi għall-persuni b’diżabilità. Il-ħsieb ewlieni ta’ din id-dikjarazzjoni, li tiffoka fuq il-ħiliet aktar milli fuq id-diżabilitajiet, huwa strument tajjeb sabiex jittieħdu l-passi meħtieġa għall-promozzjoni tal-impjiegi għall-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, speċjalment permezz tal-intrapriżi fl-ekonomija soċjali.

    4.8

    Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, l-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità fis-suq tax-xogħol tista’ tiġi appoġġjata wkoll mill-ftehim tal-1993 bejn l-Istati Għarab dwar il-promozzjoni tal-impjiegi u r-riabilitazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Il-ftehim jenfasizza l-ħtieġa li l-ambjent tax-xogħol ikun aktar aċċessibbli u li l-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jużaw b’mod adegwat it-trasport pubbliku. Barra minn hekk, issir il-proposta li tiddaħħal kwota ta’ impjiegi għall-persuni b’diżabilità, miżura li diġà ġiet applikata f’xi Stati Membri tal-UE bil-għan li tittejjeb il-qagħda tal-impjiegi għall-persuni b’diżabilità.

    4.9

    Il-persuni b’diżabilità jridu jagħtu kontribut għas-soċjetà. Però, biex isir dan, irid jinħoloq ambjent adatt li jkun imsejjes fuq id-drittijiet u fuq l-integrazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà. Huwa importanti wkoll li tiġi appoġġjata l-ħidma tal-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità. L-Istat għandu jieħu ħsieb b’mod sistematiku tan-nies, fosthom dawk b’diżabilità, li huma l-aktar ħolqa dgħajfa tas-soċjetà.

    4.10

    B’mod ġenerali n-nisa jieħdu sehem attiv fl-implimentazzjoni tal-miżuri biex tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità, jew b’mod privat fil-familja jew inkella fil-kuntest ta’ azzjonijiet soċjali. Ir-rwol tan-nisa fit-twettiq ta’ dan ix-xogħol għandu jiġi rikonoxxut. Fl-istess ħin, l-implimentazzjoni tal-miżuri soċjali m’għandhiex taqa’ fuq il-familji biss. Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, ħafna drabi huma n-nisa, jiġifieri l-ommijiet tat-tfal, li jerfgħu l-akbar piż tal-kura fil-familji li fihom jgħixu t-tfal b’diżabilità, u din it-tendenza hija promossa mill-konvinzjoni reliġjuża u l-ispeċifiċitajiet kulturali.

    Is-sitwazzjoni ġenerali tan-nisa u t-tfal kif ukoll tal-minoranzi fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran hija deskritta f’rapport dwar l-iżvilupp uman fid-dinja Għarbija (Arab Human Development Report) tal-2002. Skont dan ir-rapport, fl-2000 madwar 53 % tal-nisa kienu illetterati u huwa mbassar li fl-2015 din iċ-ċifra ser tkun għadha 37 %.

    4.11

    Bħala eżempju tajjeb ta’ programm tas-sigurtà soċjali fir-reġjun tal-Mediterran jistgħu jissemmew il-proġetti ta’ Handicap International (HI). Dawn il-proġetti saru t-Tuneżija biex jiġu żviluppati s-sigurtà soċjali u s-solidarjetà, u fihom ħadu sehem kemm speċjalisti, li huma magħqudin f’netwerk, kif ukoll l-utenti aħħarija, jiġifieri l-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Bejn l-1998 u l-2002 sar il-proġett “Il-prevenzjoni tad-diżabilitajiet tat-tfal” bil-għan li tittejjeb il-kwalità tas-servizzi offruti lit-tfal b’diżabilità billi l-ispeċjalisti jiġu mħarrġin fil-qasam tar-riabilitazzjoni u billi jiġi pprovdut it-tagħmir meħtieġ fiċ-ċentri speċjalizzati. Fil-perijodu ta’ bejn l-1998 u l-2003, fil-qafas ta’ proġett speċifiku twaqqfu żewġ kliniki ta’ riabilitazzjoni kif ukoll ċentru ta’ riabilitazzjoni, workshop ta’ assistenza teknika u żewġ workshops mobbli ta’ tiswija teknika. L-għan tal-proġett imwettaq minn Handicap International fil-Marokk, l-Alġerija u t-Tuneżija bl-isem “Il-promozzjoni tal-awtonomija tal-persuni b’diżabilità fil-Maghreb” kien li jinkoraġġixxi inizjattivi lokali sabiex jippromovi l-integrazzjoni soċjali tal-persuni b’diżabilità u jagħtihom aktar dinjità u fiduċja fihom innifishom. F’dan il-proġett ħadu sehem ukoll il-Ministeru tat-Tuneżija għall-Affarijiet Soċjali u diversi għaqdiet tal-persuni b’diżabilità.

    4.12

    Eżempju ċar ta’ proġett li l-Unjoni Ewropea wettqet f’pajjiż imsieħeb tal-Mediterran biex tbiddel l-attitudni lejn il-persuni b’diżabilità huwa l-proġett taż-żgħażagħ tal-Euromed (EuroMed Youth Programme), li huwa wieħed mill-pilastri tal-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea maż-żgħażagħ fil-pajjiżi tat-tielet dinja. Dan huwa wieħed mill-programmi reġjonali stabbiliti fit-tielet kapitolu tal-Proċess ta’ Barċellona, li għandu l-għan li jiżviluppa t-taħriġ informali u d-djalogu interkulturali fis-27 pajjiż imsieħeb tal-Euromed. F’qasir żmien in-numru ta’ pajjiżi parteċipanti ser jitla’ għal 37. Il-programm taż-żgħażagħ tal-Euromed huwa inizjattiva konkreta tas-Sħubija Ewro-Mediterranja. Il-mezzi disponibbli fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva jistgħu jintużaw biex jittejjeb il-fehim reċiproku fost iż-żgħażagħ fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, biex tiġi promossa d-demokratizzazzjoni tas-soċjetà ċivili, biex jitqawwa l-kuraġġ ċivili taż-żgħażagħ, speċjalment tan-nisa żgħażagħ, biex jinstema’ aktar il-leħen tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kif ukoll biex jiġi stimulat l-iskambju ta’ informazzjoni u esperjenzi bejn l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ. Dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għal bidla fl-attitudni lejn il-persuni b’diżabilità u lejn il-persuni b’mard kroniku. Il-programm ġie stabbilit fl-1999 u jista’ jitqies bħala estensjoni tal-programm taż-żgħażagħ tal-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-reġjun.

    5.   “Disinn għal kulħadd” – il-ħolqien ta’ ambjent mingħajr barrieri fir-reġjun tal-Mediterran

    5.1

    Fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran, l-istrutturi tal-bini u t-trasport għadhom mhumiex adattati għall-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità. Wieħed m’għandux jinsa li, flimkien mal-persuni b’diżabilità, minn ambjent mingħajr barrieri u faċli għall-utent jibbenefikaw ukoll gruppi soċjali oħra, bħan-nisa bit-tfal, l-anzjani u persuni li jkunu weġġgħu u għal ċertu żmien il-mobilità tagħhom tkun limitata.

    5.2

    Il-kunċett “Disinn għal kulħadd” ifisser li l-prodotti u l-ambjent li jgħixu fih in-nies jitfasslu b’tali mod li kulħadd ikun jista’ jużahom kemm jista’ jkun mingħajr limiti u mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu adattati jew li tinsab soluzzjoni speċjali. Id-disinn universali huwa effettiv flimkien ma’ objettivi soċjali oħra, u huwa parti minn soluzzjoni olistika.

    5.3

    Il-prinċipji essenzjali tal-kunċett “Disinn għal kulħadd” li għandhom jitqiesu fit-tfassil tal-ambjent li ngħixu fih huma dawn:

    il-gruppi differenti tal-popolazzjoni għandu jkollhom l-istess dritt għall-użu;

    fil-kunċett “Disinn għal kulħadd”, il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem hija importanti ħafna;

    użu faċli għall-utent / użu flessibbli – ikun faċli li jiddaħħlu xi bidliet;

    sempliċi u intuwittiv – għandha titqies il-loġika tal-utent;

    informazzjoni li jifhimha l-utent;

    b’saħħtu – l-ambjent maħluq irid jirreżisti għat-tkissir u l-ħsara;

    l-ambjent u l-mezzi ta’ għajnuna m’għandhomx jitolbu sforz fiżiku kbir;

    l-ambjent maħluq irid ikun spazjuż u adattat biex jintuża min-nies li jużaw tipi differenti ta’ għajnuna.

    5.4

    Minbarra t-tfassil tal-ambjent fiżiku, l-attitudni tan-nies ukoll għandha rwol importanti. Is-sigurtà tat-traffiku fl-ambjent urban tiddependi ħafna drabi minn kemm l-utenti tat-trasport jagħtu kas tal-utenti l-oħra. Is-sensibilizzazzjoni taqdi rwol importanti immens meta jkun qed jinħoloq ambjent mingħajr barrieri u faċli għall-utent.

    5.5

    F’xi pajjiżi msieħba tal-Mediterran, fosthom il-Ġordan, il-Marokk u t-Tuneżija, diġà nħoloq qafas legali dwar l-aċċessibbiltà tal-postijiet pubbliċi. Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-persuni b’diżabilità tgħid ċar u tond li l-fatt li ma jiġix rispettat il-prinċipju tal-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità huwa att ta’ diskriminazzjoni. L-aċċess mingħajr barrieri għall-impjiegi u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol ukoll huma importanti immens.

    5.6

    L-użu tat-trasport pubbliku huwa aktar faċli għall-persuni b’diżabilità fil-postijiet fejn jiġi promoss u mmodernizzat it-trasport bil-ferrovija. Fil-Marokk, pereżempju, it-trasport bil-ferrovija huwa żviluppat sew u l-persuni b’diżabilità jistgħu jaqbdu t-tren jekk il-bini tal-istazzjon u l-pjattaformi jkunu aċċessibbli għalihom.

    5.7

    L-eżempji tajbin tal-aċċess mingħajr barrieri fis-settur tat-trasport u proġetti oħrajn li jsiru fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran fil-qafas tal-inizjattiva “Disinn għal kulħadd” għandhom jiġu enfasizzati.

    5.8

    Il-Ġordan, pereżempju, ittieħdu xi passi sabiex id-dispożizzjoni legali li jiżguraw l-aċċess tal-persuni b’diżabilità għall-postijiet pubbliċi jiġu rispettati wkoll fil-ħajja ta’ kuljum. Għal dan il-għan l-awtorità amministrattiva tal-agglomerazzjoni ta’ Amman organizzat seduta ta’ jumejn flimkien mal-Kunsill tal-Persuni b’Diżabilità. Huwa mixtieq li jsiru inizjattivi bħal dawn fir-reġjun kollu.

    Ambjent mingħajr barrieri bħala xprun għas-settur tat-turiżmu

    5.9

    Kull sena aktar minn 40 miljun turist iżuru l-pajjiżi msieħba tal-UE fir-reġjun tal-Mediterran. Ambjent mingħajr barrieri u l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-kunċett “Disinn għal kulħadd” jaqdu rwol importanti ħafna fis-settur tat-turiżmu. Il-kumdità u l-aċċessibbiltà huma fatturi importanti li jinfluwenzaw lit-turisti fl-għażla tad-destinazzjoni tal-vaganzi tagħhom. Għalhekk tingħata preferenza lir-reġjuni fejn diġà qed isiru sforzi sabiex jinħoloq ambjent mingħajr barrieri.

    5.10

    Il-prinċipji tal-kunċett “Disinn għal kulħadd” għandhom jiġu applikati fl-implimentazzjoni tal-proġetti konġunti, b’mod partikolari l-proġetti kollha ffinanzjati mill-UE. Hija importanti wkoll il-promozzjoni tal-aċċess mingħajr barrieri fil-qasam tat-trasport http://www.euromedtransport.org.

    5.11

    Ir-rapport tal-Kunsill tal-Ewropa rigward l-integrazzjoni sħiħa permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipji tad-“Disinn għal kulħadd” fih sensiela ta’ eżempji tajbin dwar kif il-vantaġġi ta’ ambjent aċċessibbli għal kulħadd jistgħu jintużaw fl-integrazzjoni tal-persuni b’diżabilità. Il-pajjiżi msieħba tal-UE fir-reġjun tal-Mediterran jistgħu jagħmlu użu minn dawn l-eżempji pożittivi.

    5.12

    Ir-rikonoxximent li ambjent mingħajr barrieri u bbażat fuq il-prinċipji tal-kunċett “Disinn għal kulħadd” għandu impatt pożittiv fuq l-iżvilupp ekonomiku tas-soċjetà huwa argument importanti biex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jibdew jaħdmu għall-ħolqien ta’ ambjent aċċessibbli għal kulħadd, inklużi l-persuni b’diżabilità.

    5.13

    Fl-applikazzjoni tal-kunċett “Disinn għal kulħadd” għandhom jitqiesu l-bosta ostakli li jiffaċċjaw il-persuni li għandhom diżabilità bis-smigħ u bil-vista. L-ostakli ta’ dan it-tip għandhom jitneħħew sabiex jiġu garantiti l-istess drittijiet għan-nies kollha fir-rigward tal-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi f’kull qasam tal-ħajja.

    6.   It-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi msieħba tal-Mediterran b’rabta mal-persuni b’diżabilità

    6.1

    F’kull pajjiż imsieħeb tal-Mediterran hemm rappreżentanza tal-Unjoni Ewropea. B’hekk huwa aktar faċli li wieħed isir familjari ma’ oqsma speċifiċi u mal-politika tal-UE. Ir-rappreżentanzi għandhom jagħtu eżempju u jkunu miftuħin għall-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità. Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li l-bini tar-rappreżentanzi tal-UE, li huwa miftuħ għall-pubbliku, ikun mgħammar b’mod konformi mal-prinċipji tal-kunċett “Disinn għal kulħadd”.

    6.2

    Sa mit-Trattat ta’ Amsterdam fl-1999, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni tal-persuni b’diżabilità hija suġġett importanti għall-UE. Bħalissa qed tiġi diskussa d-direttiva tal-UE kontra d-diskriminazzjoni u l-KESE ħareġ opinjoni dwarha (6). L-2010 hija s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali u fil-kuntest tal-qagħda soċjali fil-pajjiżi tal-Mediterran, din is-Sena għandha tintuża sabiex tkompli tiġi żviluppata l-kooperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi. Is-soċjetajiet ċivili u l-gvernijiet tal-pajjiżi msieħba tal-Mediterran jistgħu jiġu involuti aktar fl-attivitajiet fil-kuntest ta’ din is-Sena Ewropea.

    6.3

    Is-snin tematiċi Ewropej u inizjattivi oħra bil-għan li jwasslu l-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea lil pubbliku akbar jistgħu jintużaw għal skopijet ta’ pubbliċità mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran li huma attivi fil-qasam soċjali u li jindirizzaw il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. Il-pubbliċità hija importanti ħafna sabiex tinbidel l-attitudni fis-soċjetà u tittejjeb il-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità u ta’ gruppi żvantaġġati oħra.

    6.4

    Il-proposta reċenti li, fuq l-eżempju tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura, jibda jingħata wkoll it-titlu ta’ Kapitali Ewropea għall-Aċċessibbiltà Universali żgur li għandha tiġi inkluża fil-proċess tal-Euromed sabiex anke l-bliet fil-pajjiżi msieħba jkunu jistgħu jikkompetu għal dan it-titlu.

    6.5

    Barra minn hekk, il-KESE huwa tal-fehma li l-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp jappoġġjaw il-ħolqien ta’ mezzi tekniċi ġodda tal-għajnuna kif ukoll ta’ prodotti u servizzi bbażati fuq l-ICT, u b’hekk jikkontribwixxu biex itejbu l-kwalità ta’ ħajjet il-persuni b’diżabilità, biex jonqsu l-ispejjeż soċjali u tas-saħħa, biex jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, u biex jippromovu l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda.

    6.6

    Il-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn il-Forum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità (FEPD) u l-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran kif ukoll l-iżvilupp tal-kuntatt dirett bejn l-għaqdiet tal-persuni b’diżabilità fl-Istati Membri tal-UE u dawk fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran għandhom jinfluwenzaw b’mod pożittiv il-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet ċentrali fil-pajjiżi fejn għad m’hemmx dan it-tip ta’ organizzazzjoni.

    6.7

    Il-Forum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità qed jaħdem flimkien mal-Organizzazzjoni Għarbija tal-Persuni b’Diżabilità, li twaqqfet fil-Kajr fl-1989 bħala organizzazzjoni ċentrali indipendenti tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw lill-persuni b’diżabilità f’diversi pajjiżi. Naser Al-Mahmood, President tal-Organizzazzjoni Għarbija tal-Persuni b’Diżabilità, ħa sehem bħala mexxej tad-delegazzjoni fil-laqgħa ġenerali tal-2010 tal-Forum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità f’Madrid. Din il-kooperazzjoni hija importanti ħafna sabiex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-persuni b’diżabilità fil-pajjiżi msieħba tal-Mediterran.

    Brussell, 16 ta’ Settembru 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  L-2010 hija s-Sena Ewropea għall-Ġlieda Kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali.

    (2)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 8.

    (3)  Bħalissa l-Unjoni għall-Mediterran hija magħmula mis-27 Stat Membru tal-UE u minn dawn il-pajjiżi tar-reġjun tal-Mediterran: l-Alġerija, il-Marokk, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Palestina, is-Sirja, il-Libanu, il-Ġordan, il-Kroazja, l-Albanija, il-Montenegro, il-Bosnja-Ħerzegovina, Monako u l-Mawritanja, u l-Libja bħala pajjiż osservatur.

    (4)  http://www.un.org/disabilities.

    (5)  UNDP.

    (6)  ĠU C 182, 04.08.2009, p. 19.


    Top