Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0045

    Kawża T-45/10: Rikors ippreżentat fit- 28 ta’ Jannar 2010 — GEA Group vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 100, 17.4.2010, p. 52–53 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    17.4.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 100/52


    Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Jannar 2010 — GEA Group vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-45/10)

    2010/C 100/78

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: GEA Group AG (Bochum, il-Ġermanja) (rappreżentanti: A. Kallmayer, I. du Mont u G. Schiffers, avukati)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla l-Artikolu 1(2) tad-deċiżjoni sa fejn jikkonstata li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 101(1) TFEU (li qabel kien l-Artikolu 81(1) KE) u l-Artikolu 53 ŻEE;

    tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni, sa fejn jimponi multa fuq ir-rikorrenti;

    sussidjarjament, tnaqqas it-terminu tal-allegat ksur tar-rikorrenti kif espost fl-Artikolu 1(2) u tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti skont l-Artikolu 2;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż tal-proċeduri.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 8682 finali, tal-11 ta’ Novembru 2009, fil-Każ COMP/38589 — Stabbilizzaturi tas-sħana. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u fuq impriżi oħrajn abbażi ta’ ksur tal-Artikolu 81 KE u, mill-1 ta’ Jannar 1994, tal-Artikolu 53 ŻEE. Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti pparteċipat f’diversi akkordji u/jew prattiċi miftiehma fil-qasam tal-istabbilizzaturi tal-landa u tal-ESBO/Ester fiż-ŻEE, li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq fl-allokazzjoni tal-kwota ta’ provvista, id-distribuzzjoni u l-allokazzjoni ta’ klijenti kif ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva, b’mod partikolari dwar klijenti, il-produzzjoni u l-volum tal-kunsinna. Ir-rikorrenti hija responsabbli in solidum ma’ żewġ impriżi oħra, li huma s-suċċessuri fid-dritt tal-kumpanniji li pparteċipaw fi ftehim bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

    Insostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni żbaljat meta kkonstatat influwenza deċisiva tal-predeċessur legali tar-rikorrenti fuq il-kumpannija inkwistjoni. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq fatti żbaljati u fuq applikazzjoni żbaljata tal-kundizzjonijiet legali ta’ responsabbiltà, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-preżunzjoni ta’ influwenza deċisiva.

    Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi taħt l-Artikolu 25(1) u (5) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1) kienet preskritta. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-Kumissjoni ma kienet stabbilixxiet ebda ksur matul il-perijodu wara l-1996/97 u fi kwalunkwe każ, matul l-1999 u l-2000 min-naħa tal-kumpannija inkwistjoni. Hija ssostni wkoll li s-sospensjoni tal-proċeduri min-naħa tal-Kummissjoni minħabba l-proċeduri fil-Kawżi magħquda Akzo Nobel Chemicals u Akros Chemicals vs Il-Kummissjoni ma tammontax għal sospensjoni tal-preskrizzjoni fil-konfront tar-rikorrenti.

    Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Hija ssostni li, f’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssospendiet l-investigazzjoni, mingħajr ebda raġuni, għal iktar minn erba’ snin, bil-konsegwenza li kienu għaddew ħames snin sakemm ġiet innotifikata r-rikorrenti u sitt snin sakemm ġew ippreżentati l-oġġezzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma wettqitx investigazzjoni fir-rigward tal-persuni u tal-operat ikkonċernati sabiex tikkjarifika kompletament il-fatti. Ir-rikorrenti tqis li fid-dawl ta’ dawn in-nuqqasijiet, il-Kummissjoni ċaħditha mill-possibbiltà li tippreżenta evidenza u li tiddefendi ruħha b’mod effettiv.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)


    Top