EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008AR0272

Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar trasport aktar ekoloġiku

ĠU C 120, 28.5.2009, p. 47–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 120/47


Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar trasport aktar ekoloġiku

2009/C 120/09

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

jilqa’ l-fatt li, għall-ewwel darba, fi proposta għal Direttiva ġdida qed jitqies il-prinċipju tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, u li din il-proposta għal emenda tad-Direttiva dwar il-ħlas għall-użu tat-toroq hija bbażata fuq diversi studji li analizzaw il-kwistjoni fil-fond;

ifakkar li skont il-White Paper tat-trasport, l-għanijiet tal-politika Ewropea tat-trasport huma: it-twaqqif ta’ bilanċ ġdid bejn id-diversi mezzi ta’ trasport, sistema ta’ tassazzjoni imsejsa fuq prinċipji komuni u indipendenti mill-mezz ta’ trasport ikkonċernat għal allokazzjoni imtejba tal-ispejjeż tat-trasport, kundizzjonijiet ugwali għall-mezzi ta’ trasport differenti, l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż soċjali u ambjentali, il-fatt li l-ħlas għall-użu tal-infrastruttura jinkludi l-ispejjeż tal-infrastruttura u l-ispejjeż esterni li huma marbuta mal-inċidenti, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju ferrovjarju u l-konġestjoni, u l-fatt li dawn il-prinċipji japplikaw għal kull mezz ta’ trasport u għal kull kategorija ta’ utenti;

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-aktar għanijiet importanti tal-politika Ewropea tat-trasport huwa li l-ferroviji jieħdu post it-trasport bit-triq fil-qasam tat-trasport transkonfinali tal-merkanzija, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport transkonfinali tal-merkanzija tqila. L-UE għandha tiżgura li dan l-għan jitwettaq permezz ta’ miżuri adattati u fid-dawl tal-kapaċità disponibbli biex dan ikun jista’ jseħħ;

jinsab konvint li l-allokazzjoni tal-ispejjeż esterni tar-rotot tat-TEN ma tistax titħalla f’idejn l-Istati Membri. Minflok għandu jkun hemm sistema trasparenti bbażata fuq kriterji adegwati, u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jallokaw l-ispejjeż esterni tagħhom u jużaw id-dħul iġġenerat għal għan partikolari.

Rapporteur

:

Is-Sur Herwig van Staa (AT/PPE), President tal-Parlament tal-Land ta’ Tirol

Dokumenti ta’ referenza

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Trasport aktar ekoloġiku”

COM(2008) 433 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni”

COM(2008) 435 finali

Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi

COM(2008) 436 finali

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Miżuri għat-tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju maħsuba għall-flotta eżistenti”

COM(2008) 432 finali

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Introduzzjoni

1.

ifakkar li fil-White Paper tagħha “Il-politika Ewropea tat-trasport sal-2010: pjan ta’ rotta għall-ġejjieni” tat-12 ta’ Settembru 2001, COM(2001)370, il-Kummissjoni tiġbed l-attenzjoni għall-għan li stipula l-Kunsill Ewropew ta’ Göteborg, li l-prezzijiet jibdew jirriflettu r-realtà u ssejjaħ għall-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż soċjali u ambjentali permezz ta’ politika tat-trasport sostenibbli;

2.

jinnota li l-Kummissjoni Ewropea tisħaq fuq il-bżonn ta’ miżuri li permezz tagħhom tispiċċa r-rabta bejn iż-żieda fit-traffiku u ż-żieda fil-PGD billi jitnaqqas it-traffiku mit-toroq filwaqt li jiżdiedu t-trasport ferrovjarju, it-trasport pubbliku tal-passiġġieri u t-trasport bil-baħar. Il-Kummissjoni żżid tgħid li t-tassazzjoni għandha tkun imsejsa fuq prinċipji komuni u indipendenti mill-mezz ta’ trasport ikkonċernat sabiex id-distribuzzjoni tal-ispejjeż bejn il-mezzi ta’ trasport tkun ibbilanċjata u permezz t’hekk jitwaqqfu kundizzjonijiet ugwali għall-mezzi ta’ trasport differenti. Hija tagħmilha ċara li l-ħlas għall-użu tal-infrastruttura għandu jinkludi l-ispejjeż tal-infrastruttura u l-ispejjeż esterni li huma marbuta mal-inċidenti, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju u l-konġestjoni tat-traffiku;

3.

jiddispjaċih li r-reviżjoni ta’ nofs it-term tal-White Paper tat-trasport (Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tat-22 ta’ Ġunju 2006, COM(2006) 314) ftit li xejn tippreżenta inizjattivi ġodda sabiex titwaqqaf sistema ta’ prezzijiet tat-trasport li tirrifletti r-realtà. L-uniku strument ġdid jinsab fil-kapitolu “L-iċċarġjar intelliġenti”, li jipproponi skemi ta’ ħlas għall-użu tat-toroq biex jiġu ffinanzjati l-infrastruttura u t-titjib tat-trasport. Dan il-ħlas għandu jirrifletti l-impatt ambjentali jew ir-riskji tal-konġestjoni, b’mod partikolari fil-bliet u fiż-żoni sensittivi mil-lat ambjentali, fejn jistgħu jintużaw forom oħra tal-allokazzjoni tal-kapaċità bħall-iskambji kummerċjali tad-drittijiet ta’ tranżitu;

4.

jinnota li bil-pakkett dwar trasport aktar ekoloġiku (Greening Transport Package), li jinkludi wkoll il-proposta għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-sistema ta’ ħlas fit-toroq, il-Kummissjoni qed taqdi dmirha, hekk kif stipulat f’Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/38/KE, li tippreżenta mudell applikabbli b’mod ġenerali u trasparenti għall-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha sabiex fil-ġejjieni jservi bħala l-bażi għall-kalkolu tal-ħlasijiet għall-infrastruttura. Dan il-mudell għandu jkun akkumpanjat minn stima tal-impatt tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għal kull mezz tat-trasport, u minn strateġija ta’ implimentazzjoni gradwali tal-mudell għal kull mezz ta’ trasport;

5.

ifakkar li l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż tat-trasport hija pass importanti, però għandha tkun akkumpanjata minn miżuri oħra maħsuba biex jagħmlu l-offerta tat-trasport aktar attraenti kemm għan-negozji kif ukoll għall-utenti privati, li għandu jkollhom aċċess għal biżżejjed infrastrutturi biex jintlaqgħu l-bżonnijiet tagħhom. F’dan il-kuntest hemm bżonn li jsir progress fil-pakkett ta’ miżuri bil-għan li jinħolqu netwerks ferrovjarji għat-trasport tal-merkanzija – hawnhekk għandha tingħata prijorità l-ewwel u qabel kollox lin-netwerks trans-Ewropej tat-trasport, li jiġu żviluppati bl-aħjar mod possibbli s-sistemi ta’ skambju ferrovjarju, u li jinstabu soluzzjonijiet minnufih għall-problemi li jinqalgħu mid-differenzi bejn il-gauges;

Id-Direttiva dwar il-ħlas għall-użu tat-toroq

6.

jilqa’ l-fatt li, għall-ewwel darba, fi proposta għal Direttiva ġdida qed jitqies il-prinċipju tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, u li din il-proposta għal emenda tad-Direttiva dwar il-ħlas għall-użu tat-toroq, hija bbażata fuq diversi studji li analizzaw il-kwistjoni fil-fond;

7.

jilqa’ wkoll il-fatt li b’konformità ma’ Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/38/KE, il-Kummissjoni Ewropea ffinanzjat studju dwar l-aħjar prassi għall-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni u li fl-2007 ppreżentat ktejjeb dwar il-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni fis-settur tat-trasport (Handbook on estimation of external cost in the transport sector, 2007);

8.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li wieħed mill-aktar għanijiet importanti tal-politika Ewropea tat-trasport huwa li l-ferroviji jieħdu post it-trasport bit-triq fil-qasam tat-trasport transkonfinali tal-merkanzija, b’mod partikolari fil-qasam tat-trasport transkonfinali tal-merkanzija tqila. L-UE għandha tiżgura li dan l-għan jitwettaq permezz ta’ miżuri adattati u fid-dawl tal-kapaċità disponibbli biex dan ikun jista’ jseħħ, u għandha taħdem biex tiżgura li jintużaw l-infrastrutturi meħtieġa, speċjalment fil-kuntest tan-netwerks trans-Ewropej tat-trasport;

9.

ifakkar li skont il-White Paper tat-trasport, l-għanijiet tal-politika Ewropea tat-trasport huma: it-twaqqif ta’ bilanċ ġdid bejn id-diversi mezzi ta’ trasport, sistema ta’ tassazzjoni imsejsa fuq prinċipji komuni u indipendenti mill-mezz ta’ trasport ikkonċernat għal allokazzjoni imtejba tal-ispejjeż tat-trasport, kundizzjonijiet ugwali għall-mezzi ta’ trasport differenti, l-internalizzazzjoni sħiħa tal-ispejjeż soċjali u ambjentali, li l-ħlas għall-użu tal-infrastruttura jinkludi l-ispejjeż tal-infrastruttura u l-ispejjeż esterni li huma marbuta mal-inċidenti, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju ferrovjarju u l-konġestjoni, u li dawn il-prinċipji japplikaw għal kull mezz ta’ trasport u għal kull kategorija ta’ utenti;

10.

jiġbed attenzjoni għall-fatt li l-Kummissjoni ma inkludietx l-ispejjeż tal-inċidenti fl-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tat-trasport bit-triq u josserva li dawn l-ispejjeż huma esklużi fuq il-bażi tal-fatt li jeżistu l-poloz tal-assigurazzjoni tal-kumpaniji. Fil-fehma tal-KtR, ħafna drabi, il-poloz tal-assigurazzjoni mhumiex inċentiv biżżejjed biex jiżguraw sewqan għaqli. Lanqas ma jqisu l-ispejjeż soċjali li jista’ jkollu inċident tat-traffiku. Għalhekk ikun xieraq li l-UE toħloq qafas biex tevalwa u tikkalkula l-ispejjeż esterni tal-inċidenti. B’hekk kull Stat Membru jkun jista’ jiddeċiedi jekk l-ispejjeż esterni tal-inċidenti għandhomx jiġu internalizzati skont il-poloz tal-assigurazzjoni jew b’mod ieħor;

11.

ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea temmen fil-bżonn ta’ bidla fl-attitudni soċjali lejn it-trasport u fil-promozzjoni tal-użu mifrux tal-mezzi tat-trasport pubbliku miċ-ċittadini għax din l-attitudni hija marbuta mal-għanijiet tal-UE fil-qasam tal-ambjent u l-klima. Hija temmen ukoll li l-miżuri tal-UE favur il-mobilità sostenibbli m’għandhomx jitqiesu biss fid-dawl ta’ Artikolu 71 tat-TKE iżda wkoll fid-dawl ta’ Artikoli 6, 174 ff u 176 tat-TKE għaliex wieħed mill-għanijiet ċentrali tal-politika komuni tat-trasport huwa li t-trasport isir aktar ekoloġiku u effiċjenti;

12.

jinsab imħasseb dwar jekk din il-proposta hix adattata biex tiżgura li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika Ewropea tat-trasport għax ma tiġbor fiha l-ebda proposta għall-allokazzjoni tal-ispejjeż esterni li kienet proposta fid-Direttiva 2006/38/KE. Barra minn hekk, skont il-proposta tal-Kummissjoni hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeċiedu dwar jekk hux ser jgħollu n-nollijiet tat-TEN-T u kif. Jeħtieġ li tiġi kkunsidrata wkoll il-leġiżlazzjoni tal-pajjiżi Skandinavi fir-rigward tat-taxxa fuq it-trasport tal-merkanzija;

13.

jinnota li fost l-għanijiet tal-qafas leġiżlattiv f’dan il-qasam insibu l-armonizzazzjoni tas-sistemi ta’ ħlas li hija waħda mill-mezzi ta’ kif jistgħu jitneħħew l-ostakli għall-kompetizzjoni, u li diġà kienet teżisti dispożizzjoni għal trasport aktar ekoloġiku fil-forma ta’ sistemi ta’ ħlas ibbażati fuq il-kategorija tal-vettura;

14.

madankollu jittama li l-proposta tal-Kummissjoni tipprovdi risposta aktar effiċjenti għall-problemi li qed joħolqu d-differenzi kbar li jeżistu bejn l-ispejjeż u t-taxxi, bħan-nuqqas ta’ bilanċ fl-użu ta’ mezzi ta’ trasport differenti u l-piż żejjed fuq ċerti infrastrutturi, b’mod speċjali fid-dawl tal-fatt li l-qafas leġiżlattiv attwali għas-sistemi ta’ ħlas għall-użu tat-toroq, ma rnexxilux isolvi dan in-nuqqas ta’ bilanċ;

15.

jinnota li l-isforzi tal-Kummissjoni sabiex tarmonizza t-taxxi fuq il-karburanti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għadhom ma wasslu għall-ebda tibdil u li għalhekk għad hemm differenzi kbar bejn il-prezz tal-karburanti fl-Ewropa. Jeħtieġ li l-Kummissjoni tkompli tagħmel sforz biex tnaqqas id-differenzi kbar fit-tassazzjoni fuq il-karburanti. Sakemm it-taxxi fuq il-karburanti jiġu armonizzati b’mod komprensiv, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jinternalizzaw l-ispejjeż esterni tal-effetti tal-bidla fil-klima;

16.

iħeġġeġ tnaqqis gradwali u fuq perijodu fit-tul tad-differenzi l-kbar fis-sistema tat-taxxa fil-qasam tat-trasport (pereżempju t-taxxi fuq il-vetturi, it-taxxa fuq iż-żejt, eċċ.) u użu aktar trasparenti tad-dħul mit-taxxi;

17.

jiddispjaċih li għadhom jeżistu d-differenzi bejn l-ispejjeż tal-infrastruttura fil-qasam tat-trasport transkonfinali tal-merkanzija, u li xi pajjiżi li mhumiex membri tal-UE, bħall-Iżvizzera, sejrin aħjar mill-Istati Membri f’dan il-qasam; jenfasizza l-fatt li minkejja t-tibdil u t-titjib li sar dan l-aħħar fis-sistemi tal-ħlas għall-użu tat-toroq ftit li xejn sar progress, li għad hemm differenzi kbar bejn in-nollijiet miġbura fuq rotot komparabbli, u li dawn id-differenzi fl-ispejjeż qed iwasslu għal bdil fir-rotot u b’hekk jostakolaw il-kompetizzjoni; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni toħloq il-miżuri neċessarji u tappoġġja lill-Istati Membri sabiex meta jsir bdil fir-rotot tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jiġu kkunsidrati l-impatt ta’ dan il-bdil fuq l-ambjent, is-sigurtà tat-trasport u l-kundizzjonijiet tat-toroq;

18.

huwa konxju li l-punt tat-tluq tal-proposti kollha tal-Kummissjoni Ewropa fil-qasam tal-politika komuni tat-trasport huwa l-assigurazzjoni tal-erba’ libertajiet fundamentali, b’mod partikolari il-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi, u li l-politika Ewropea tat-trasport għandha fuq kollox tiżgura li t-trasport jaħdem tajjeb, mingħajr problemi tekniċi u bi spejjeż baxxi;

19.

madankollu jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li b’mod speċjali fir-reġjuni sensittivi li huma milquta sew minn spejjeż esterni tat-trasport, l-impatt ta’ ammont kbir ta’ traffiku fuq is-saħħa tal-poplu u fuq l-ambjent huwa serju ħafna. Il-moviment liberu tal-merkanzija għalhekk għandu impatt negattiv sinifikanti fuq ir-reġjuni sensittivi; jirrimarka li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja għandu jiġi kkunsidrat il-ħarsien tal-ambjent. Hija tgħid ukoll li l-ħarsien tal-ambjent u tas-saħħa pubblika huma sfida għall-politika Ewropea tat-trasport tant li l-għan prinċipali li tinħoloq sistema tat-trasport moderna issa għandu jqis mhux biss il-fatturi ekonomiċi u soċjali iżda wkoll dawk ambjentali sabiex titwaqqaf sistema sostenibbli fuq perijodu fit-tul;

20.

jisħaq li s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej hija prezzjuża u li l-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija mingħajr l-ebda limiti m’għandux jikkomprometti d-drittijiet fundamentali tas-saħħa u ta’ ambjent nadif. Fl-istess waqt, dawn id-drittijiet għandhom jikkonformaw mar-rispett tal-moviment liberu tal-persuni u tal-oġġetti permezz tal-adozzjoni tal-miżuri meħtieġa. F’dan il-kuntest, il-miżuri edukattivi u informattivi dwar is-sigurtà tat-traffiku tat-triq fl-iskejjel u fil-mezzi tax-xandir pubbliċi ser jaqdu rwol essenzjali;

21.

jemmen li, filwaqt li fil-qafas tad-Direttiva 1999/62/KE, in-nollijiet li jitħallsu għall-użu tat-triq jiġu kkalkulati fuq l-ispiża tal-kostruzzjoni, it-tħaddim u l-iżvilupp tal-infrastruttura tan-netwerk ikkonċernat, din il-proposta ma toffri l-ebda soluzzjoni għall-problema fundamentali tad-differenzi kbar li jeżistu bejn it-taxxi fis-settur tat-trasport billi ma tobbligax lill-Istati Membri li jiġbru t-taxxi tal-użu tat-triq fuq in-netwerk TEN: ir-rati massimi ġew stabbiliti iżda r-rati minimi ma ġewx, barra minn hekk, l-Istati Membri stess jiddeċiedu kif ser jużaw il-qligħ iġġenerat minn dan id-dħul u ma jeżisti l-ebda għan komuni li lejh ser imur il-qligħ;

22.

jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li d-dħul mill-internalizzazzjoni jitwarrab għat-tnaqqis tal-impatt negattiv tat-trasport fuq in-netwerk TEN. L-ispejjeż tal-konġestjoni għandhom jitqiesu jekk ikun hemm pjan ta’ azzjoni li jistabbilixxi kif għandhom jissolvew il-problemi ta’ konġestjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jintuża dejjem l-istess mezz ta’ trasport;

23.

fid-dawl tad-dibattitu kontroversjali dwar il-proposta tal-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ ċertezza attwali fis-swieq finanzjarji u l-biża’ minn riċessjoni, il-Kumitiat jiddubita kemm l-Istati Membri kollha ser japplikaw is-sistema għall-allokazzjoni tal-ispejjeż esterni;

24.

jinsab konvint li l-allokazzjoni tal-ispejjeż esterni tar-rotot tat-TEN ma tistax titħalla f’idejn l-Istati Membri. Minflok għandu jkun hemm sistema trasparenti bbażata fuq kriterji adegwati, u l-Istati Membri għandhom jiġu mħeġġa jallokaw l-ispejjeż esterni tagħhom u jużaw id-dħul iġġenerat għal għan partikolari;

25.

josserva li f’ħafna Stati Membri r-reġjuni u l-muniċipalitajiet huma responsabbli għal parti kbira min-netwerk tat-toroq. L-introduzzjoni ta’ taxxi tal-użu ta’ żona waħda jew parti minn triq tista’ twassal għal distribuzzjoni mill-ġdid u xejn mixtieqa tat-traffiku. Għalhekk huwa importanti li d-Direttiva tispeċifika li dawk kollha li huma responsabbli mill-ġestjoni tat-toroq fil-livell lokali u reġjonali jkollhom sehem fil-mod ta’ kif titfassal is-sistema tat-taxxi għall-użu tat-toroq u kif ser jintuża d-dħul li ġej minnhom;

26.

jitlob għall-allokazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha (fl-oqsma tas-saħħa, il-ħarsien tal-klima, l-ambjent b’mod ġenerali, l-ispejjeż relatati ma’ inċidenti, l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-enerġija, l-ispejjeż tal-produzzjoni, tal-manutenzjoni u r-rimi tal-vetturi, l-impatt fuq il-persuni mexjin u ċ-ċiklisti, l-użu tal-art) u jsejjaħ lill-Kummissjoni sabiex tirrevedi l-proposta tagħha u żżid fiha pjan ibbażat fuq diversi livelli għall-implimentazzjoni tal-ispejjeż esterni;

27.

jiddispjaċih li skont din il-proposta, l-għan tal-allokazzjoni tal-ispejjeż esterni huwa li jipprovdu soluzzjoni speċifika għall-problemi gravi fil-bliet il-kbar, filwaqt li m’hemmx allokazzjoni tal-ispejjeż esterni li ġejjin minn toroq interurbani, tant li n-nuqqas ta’ internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fuq ir-rotta sħiħa ser ifisser li t-trasport tal-merkanzija mhux ser jibda jaqa’ fuq it-trasport ferrovjarju u li l-bidliet li ser isiru favur it-trasport li jħares l-ambjent ser ikunu marġinali;

28.

fid-dawl tal-eżiġenzi ekonomiċi (just in time delivery) jiddubita kemm it-taxxi tal-konġestjoni tat-traffiku, għolja kemm ikunu għolja, ser ikollhom l-impatt mistenni;

29.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għanijiet ambizzjużi tal-Kumissjoni Ewropea (prezzijiet li jirriflettu r-realtà, kundizzjonijiet ugwali għall-mezzi ta’ trasport differenti) jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ applikazzjoni mifruxa tas-sistema;

30.

għalhekk jitlob li din is-sistema tingħata spinta ’l quddiem u tiġi appoġġjata sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni fejn minħabba l-klima ekonomika l-implimentazzjoni tal-allokazzjoni tal-ispejjeż tibda tapplika biss fiż-żoni urbani b’ħafna nies (jiġifieri għall-konġestjoni u t-tniġġis tal-arja);

31.

jiddispjaċih li l-finanzjament transversali ma jistax jintrabat mal-allokazzjoni tal-ispejjeż esterni għax il-finanzjament transversali huwa strument finanzjajru filwaqt li l-ispejjeż esterni, fil-prinċipju, jistgħu jintużaw għal skopijiet oħra;

32.

jiddispjaċih li l-proposta ma tinkludix kunsiderazzjoni globali tal-ispejjeż esterni kollha fuq in-netwerk sħiħ – din il-kunsiderazzjoni hija importanti immens sabiex għall-ġarr tal-merkanzija jibdew jintużaw mezzi ta’ trasport li jirrispettaw l-ambjent, bil-għan li t-trasport tal-merkanzija jibda jseħħ aktar permezz tat-trasport ferrovjarju permezz ta’ żieda fil-ħlas għall-użu tal-art;

33.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li b’riżultat tan-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fis-sistemi tat-tassazzjoni u b’mod partikolari minħabba li ma jeżistix l-obbligu ta’ ħlas minimu għall-użu tat-triq, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta’ internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, in-nuqqas ta’ ugwaljanza bejn in-nollijiet għall-użu ta’ rotot ta’ tranżitu differenti qed tkompli tiżdied;

34.

jenfasizza li fl-interess tas-sigurtà tat-traffiku tat-triq għandu jiġi evitat l-użu sproporzjonat ta’ rotot ta’ tranżitu partikolari u għandhom isiru sforzi biex jittejbu ċerti rotot u jinħolqu rotot ferrovjarji u fuq il-baħar alternattivi u ekoloġiċi; hemm bżonn li nkomplu nippromovu r-rotot tal-baħar li jeżistu u li nappoġġjaw il-ftuħ ta’ rotot bħal dawn ġodda għax dan jista’ jnaqqas l-intensità tat-trasport tal-merkanzija bit-triq;

35.

jemmen li din il-proposta hija l-ewwel pass biex tiġi evitata l-konġestjoni fl-infrastruttura tat-toroq u biex tiżgura li l-mezzi ta’ trasport li jirrispettaw l-ambjent jingħataw sehem akbar fis-suq;

36.

jinnota li d-Direttiva riveduta tapplika biss għall-vetturi ta’ merkanzija itqal minn 12-il tunnellata. Huwa jemmen li m’hemm l-ebda raġuni għala d-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-vetturi li jġorru l-merkanzija tqila kollha sa mid-dħul fis-seħħ tagħha;

37.

jenfasizza li minħabba ż-żieda sproporzjonata fit-trasport tal-merkanzija bit-triq, u fid-dawl tal-limiti imposti mill-istandards ambjentali tal-Ewropa, l-industrija u l-impriżi ftit li xejn għandhom ċans ikomplu jiżviluppaw. Għaldaqsant il-poplu qed jiffaċċja kemm riskji għal saħħtu kif ukoll tnaqqis fl-opportunitajiet ekonomiċi li għandu;

38.

jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-bdil fir-rotot huwa ostaklu inaċċettabli għal uħud mir-rotot ta’ tranżitu, u l-kundizzjonijiet xejn ugwali fejn jidħol ħlas ifixklu l-kompetizzjoni fil-Komunità;

39.

għaldaqstant, jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jintroduċu l-miżuri leġiżlattivi possibbli kollha biex jiżguraw sistemi ta’ ħlas għall-użu tat-toroq ugwali fid-diversi rotot ta’ tranżitu u b’hekk jeqirdu l-bdil tar-rotot għal dejjem, filwaqt li jikkunsidraw l-analiżi tal-istat u l-kapaċità ta’ rotot differenti, il-ħtiġijiet tas-suq u l-iżvilupp fiż-żoni kkonċernati;

40.

bħala sors ta’ informazzjoni, jirreferi għat-tabelli dwar it-trasport tal-merkanzija fl-Alpi li jinsabu fl-Anness; dawn it-tabelli juru d-diskrepanza bejn is-sistemi differenti ta’ ħlas għall-użu tat-triq fir-rotot prinċipali fi Franza, l-Iżvizzera u l-Awstrija;

Tnaqqis tal-istorbju ferrovjarju

41.

jaqbel mal-Kummissjoni li jridu jittieħdu miżuri biex jitnaqqas l-istorbju mill-ferroviji tal-merkanzija u jilqa’ l-miżuri li qed tipproponi l-Kummissjoni. It-tagħmir tal-vaguni tal-merkanzija bi brejkijiet bi storbju baxx jista’ jkun soluzzjoni effettiva u relattivament irħisa. Il-Kumitat jemmen li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għall-interoperabbiltà relatati mal-istorbju ferrovjarju (TSI tal-istorbju) għandhom jinkludu wkoll limiti fuq l-istorbju għall-vetturi ferrovjarji li jeżistu u għandu jiġi stabbilit ukoll limitu ta’ żmien għat-tagħmir mill-ġdid tal-vetturi. Huwa jitlob lill-Kummissjoni sabiex teżamina l-possibbiltà li tidentifika u twaqqaf limitu fuq l-elementi li jistgħu jirriżultaw meta jibbrejkjaw il-ferroviji u li jistgħu jkunu perikolużi, sabiex ma ssirx ħsara permanenti fuq il-binarji ferrovjarji. Huwa jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra metodi operattivi moderni u miżuri li jżidu l-kapaċità tal-infrastruttura sabiex il-ferroviji jkollhom inqas bżonn li jibbrejkjaw. Dan jista’ jżid l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tat-trasport ferrovjarju u jnaqqas l-istorbju u l-ħsara fuq il-binarji.

Brussell, 12 ta’ Frar 2009.

Il-President

tal-Kumitat tar-Reġjuni

Luc VAN DEN BRANDE


Top