Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62017CC0017
Opinion of Advocate General Kokott delivered on 26 April 2018.#Grenville Hampshire v The Board of the Pension Protection Fund.#Request for a preliminary ruling from the Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).#Reference for a preliminary ruling — Protection of employees in the event of the insolvency of their employer — Directive 2008/94/EC — Article 8 — Supplementary pension schemes — Protection of entitlement to old-age benefits — Minimum level of protection guaranteed.#Case C-17/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-26 ta’ April 2018.
Grenville Hampshire vs The Board of the Pension Protection Fund.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikolu 8 – Skemi komplementari ta’ previdenza – Protezzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tax-xjuħija – Livell ta’ protezzjoni minima ggarantit.
Kawża C-17/17.
Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali J. Kokott, ippreżentati fis-26 ta’ April 2018.
Grenville Hampshire vs The Board of the Pension Protection Fund.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division).
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ ħaddiema impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Direttiva 2008/94/KE – Artikolu 8 – Skemi komplementari ta’ previdenza – Protezzjoni tad-drittijiet għall-benefiċċji tax-xjuħija – Livell ta’ protezzjoni minima ggarantit.
Kawża C-17/17.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2018:287
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fis‑26 ta’ April 2018 ( 1 )
Kawża C‑17/17
Grenville Hampshire
vs
The Board of the Pension Protection Fund,
fil-preżenza ta’:
Secretary of State for Work and Pensions
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit))
“Proċedura għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega – Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE – Protezzjoni ta’ drittijiet miksuba u prospettivi tal-impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija – Skemi komplementari ta’ previdenza professjonali – Garanzija minima – Applikabbiltà diretta”
I. Introduzzjoni
1. |
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, li tappartjeni għall-qasam tal-politika soċjali, tikkonċerna l-protezzjoni tal-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega. Speċifikament, huwa kkonċernat l-eżitu ta’ drittijiet li jirriżultaw minn skema tal-irtirar professjonali, stabbilita mill-persuna li timpjega, f’każ ta’ insolvenza. Tali drittijiet huma koperti mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE ( 2 ), li jobbliga lill-Istati Membri jieħdu miżuri għall-protezzjoni tal-interessi tal-impjegati fir-rigward tad-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega. Fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Robins u Hogan il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat dan l-obbligu ta’ protezzjoni inkwantu tali impjegati jrid jifdlilhom mill-inqas 50 % mid-drittijiet tagħhom għall-benefiċċji tax-xjuħija fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega ( 3 ). |
2. |
F’din il-kawża tinsab mill-ġdid fiċ-ċentru tal-attenzjoni l-implimentazzjoni tad-Direttiva fir-Renju Unit, fejn huwa stabbilit limitu massimu assolut fir-rigward tad-drittijiet għal kumpens li huma intitolati għalihom l-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega. Huma milqutin mil-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata speċjalment dawk l-impjegati li d-drittijiet tagħhom mill-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali diġà huma relattivament għoljin. Fil-każ tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, G. Hampshire, din il-leġiżlazzjoni twassal għal telf ta’ iktar minn 67 % tad-drittijiet tiegħu għal pensjoni tax-xjuħija. |
3. |
F’dan il-kuntest tqum il-kwistjoni dwar il-portata u l-ġestjoni prattika tal-garanzija minima tad-drittijiet tal-pensjoni akkwistati, kif ippreżentati mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
4. |
Barra minn hekk, tqum il-kwistjoni dwar il-possibbiltà ta’ applikabbiltà diretta tal-Artikolu 8 tad-Direttiva f’din il-proċedura. Għalkemm fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha din id-dispożizzjoni hija relattivament miftuħa, din diġà ġiet speċifikata b’mod estensiv bil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
5. |
Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni għal dan il-każ huwa ddeterminat bid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (iktar ’il quddiem ukoll id-“Direttiva”). Kif joħroġ biċ-ċar mill-premessa 3 tagħha, l-għan tagħha huwa li tipproteġi l-impjegati fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, partikolarment fir-rigward tal-ħlas ta’ drittijiet pendenti. |
6. |
L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati u ta’ persuni li jkunu diġa’ telqu mill-impriża jew negozju ta’ min iħaddem fid-data tal-bidu tal-insolvenza tiegħu fir-rigward tad-drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew prospettivament għal benefiċċji tax-xjuħija, inklużi benefiċċji lil min jibqa’ ħaj, taħt skemi pensjonistiċi supplimentari okkupazzjonali jew inter-okkupazzjonali li ma jkunux parti mill-iskemi statutorji nazzjonali ta’ sigurtà soċjali.” |
7. |
Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għall-Artikolu 12(a) tad-Direttiva, li jinkludi d-dispożizzjoni li ġejja: “Din id-Direttiva ma taffettwax l-għażla ta’ l-Istati Membri:
(b) […]” |
B. Id-dritt nazzjonali
8. |
Sa fejn hija kkonċernata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati għall-benefiċċji tax-xjuħija, fir-Renju Unit id-Direttiva 2008/94 ġiet implimentata essenzjalment bil-Pensions Act 2004 (l-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004). |
9. |
L-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 jistabbilixxi fond legali għall-protezzjoni tal-pensjoni, il-Pension Protection Fund (il-Fond tal-Protezzjoni tal-Pensjoni, iktar ’il quddiem il-“PPF”). Fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega, dan il-fond taħt ċerti prerekwiżiti jsir responsabbli għad-drittijiet tal-impjegati li jidderivaw mill-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali. Għall-finanzjament ta’ dan il-kompitu, il-fond jiġbor miżata mill-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali kollha awtorizzati. Barra minn hekk, fil-każ li jsir responsabbli, dan jakkwista l-attiv li jkun għad fadal tal-istituzzjoni milquta. Il-Board of the Pension Protection Fund (il-Bord tal-Fond tal-Protezzjoni tal-Pensjoni, iktar ’il quddiem il-“Bord”) jamministra l-PPF. |
10. |
Skont l-Artikolu 127(2) tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004, waħda mill-kundizzjonijiet sabiex ir-responsabbiltà taqa’ f’idejn il-PPF hija li l-valur tal-attiv tal-iskema milquta jkun inqas mill-ammont tal-obbligazzjonijiet protetti fid-data tal-bidu tal-insolvenza. |
11. |
Madankollu, bħala “obbligazzjonijiet protetti” fi ħdan it-tifsira tal-imsemmija dispożizzjoni ma jitqisux id-drittijiet sħaħ tal-pensjoni tal-impjegati kollha tal-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali, iżda biss dawk id-drittijiet għal kumpens li jirriżultaw mill-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 (l-hekk imsejjaħ kumpens tal-PPF). L-ammont tal-kumpens tal-PPF li għandu jitħallas kull darba jiġi ffissat mill-Bord matul l-hekk imsejjaħ perijodu ta’ evalwazzjoni li jsegwi l-mument tal-insolvenza. |
12. |
L-Artikolu 162 tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 ma jipprevedix tnaqqis tad-drittijiet fir-rigward tal-impjegati li fil-mument tal-insolvenza tal-persuna li timpjega diġà kienu laħqu l-età normali tal-irtirar stabbilita fl-iskema tal-pensjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-impjegati li fil-mument tal-insolvenza jkunu għadhom ma laħqux l-età normali tal-irtirar għandhom biss dritt għal 90 % tal-valur tad-drittijiet miksuba tagħhom. Barra minn hekk, id-dritt tagħhom huwa suġġett għal-limitu massimu kontenzjuż hawnhekk kif speċifikat fil-punt 26 tal-Anness 7 tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004. |
13. |
Il-PPF jistabbilixxi l-ammont tal-limitu massimu applikabbli f’kull sena għal impjegati ta’ età partikolari. Huwa minnu li dan jiżdied kull sena b’mod korrispondenti għall-iżvilupp ġenerali tas-salarji. Madankollu, persuna li tirċievi l-benefiċċji, u li għaliha japplika l-limitu massimu, tibqa’ tirċievi, għal ħajjitha kollha, dak l-ammont li jkun ġie stabbilit fis-sena li fiha li tkun irċeviet għall-ewwel darba l-benefiċċji mill-PPF. |
14. |
Barra minn hekk, il-punt 28 tal-Anness 7 tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 jiffissa aġġustament tal-inflazzjoni b’limitazzjoni ta’ mhux iktar minn 2.5 % fis-sena għar-rati massimi li jkunu ġew stabbiliti; madankollu, aġġustament tar-rata massima bbażat fuq din id-dispożizzjoni ma huwiex previst għal kumpens irċevut abbażi ta’ impjieg li kien sar qabel is‑6 ta’ April 1997. |
15. |
Jekk wara l-konklużjoni tal-evalwazzjoni u wara li jkun sar il-kalkolu tal-obbligazzjonijiet protetti totali li għandhom jitħallsu, il-PPF jasal għall-konklużjoni li fid-data rilevanti kien jeżisti biżżejjed attiv fl-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali sabiex għall-inqas jitħallsu lill-impjegati l-benefiċċji li jammontaw għall-kumpens tal-PPF, skont l-Artikolu 154 tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 dan għandu jistabbilixxi li l-PPF ma għandux jerfa’ r-responsabbiltà għall-iskema. |
16. |
F’każ bħal dan, l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali tiġi llikwidata barra mill-PPF. L-iskema komplementari ta’ previdenza rispettiva mbagħad għandha l-obbligu li tħallas lill-impjegati l-kumpens tal-PPF mill-fondi li jkun għad fadal. Skont l-Artikolu 154(7) tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004, f’dan ir-rigward l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali hija suġġetta għall-istruzzjonijiet tal-PPF. |
17. |
Bla ħsara għal kontestazzjoni, ladarba l-evalwazzjoni tal-PPF tkun saret, din issir vinkolanti skont l-Artikolu 145 tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004. |
III. Il-fatti, il-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari
18. |
G. Hampshire, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, kien impjegat ma’ Turner & Newall plc (iktar ’il quddiem “T&N”) bejn l‑1971 u l‑1998. Matul il-perijodu sħiħ tal-impjieg tiegħu, dan kien imsieħeb fl-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali ta’ T&N. Fl‑1998 dan ħareġ bil-pensjoni fl-età ta’ 51 sena, filwaqt li l-amministratur tal-iskema tal-pensjoni ta’ T&N iffissa d-drittijiet tal-pensjoni tiegħu għal 48 781.80 lira sterlina (GBP) gross fis-sena, apparti żieda annwali ta’ mill-inqas 3 %. Wara l-akkwist tagħha mill-impriża Amerikana Federal Mogul, fl‑2001 tħabbret l-insolvenza ta’ T&N, li kienet saret Federal Mogul, fl-Istati Uniti. Sussegwentement, fl‑10 ta’ Lulju 2006, il-PPF fir-Renju Unit beda jevalwa l-akkwist tal-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali. |
19. |
Wara li kkonkluda l-evalwazzjoni, fid‑19 ta’ Settembru 2011 il-PPF wasal għall-konklużjoni li fl‑10 ta’ Lulju 2006 kien għad fadal biżżejjed fondi fl-iskema tal-pensjoni ta’ T&N sabiex l-impjegati li fadal jitħallsu mill-inqas il-kumpens tal-PPF għal ħajjithom. B’riżultat ta’ dan, l-ammont tal-kumpens rilevanti tal-PPF għal G. Hampshire ġie ffissat għal GBP 19819 gross fis-sena, peress li fl‑2006 kien għadu ma laħaqx l-età normali tal-irtirar stabbilita fl-iskema tal-pensjoni ta’ T&N u għalhekk kien suġġett għar-regola tal-limitu massimu. |
20. |
Barra minn hekk, din is-somma ma kinitx suġġetta għal aġġustament tal-inflazzjoni peress li r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ G. Hampshire fil-biċċa l-kbira kienet saret qabel is‑6 ta’ April 1997. Meta mqabbel mad-drittijiet li jammontaw għal GBP 60240 fis-sena li G. Hampshire kien jirċievi fl‑2006 mingħajr l-insolvenza tal-persuna li timpjega, dan ifisser tnaqqis ta’ 67 % u b’tendenza li jiżdied. |
21. |
Minħabba din ir-raġuni, G. Hampshire u 15-il persuna oħra li kienu jaħdmu ma’ T&N, u li kienu milqutin minn tnaqqis simili, l-ewwel fittxew li jsir proċess ta’ verifika tal-evalwazzjoni tal-PPF skont l-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 u mbagħad ippreżentaw appelli kontra d-deċiżjoni li kkonfermat din l-evalwazzjoni, filwaqt li invokaw l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94. |
22. |
Iżda l-Bord jemmen li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 8 tad-Direttiva jirriżulta biss li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta’ protezzjoni li bħala medja jipprovdu garanzija, lill-impjegati kollha msieħba fi skema komplementari ta’ previdenza professjonali, ta’ kumpens li jammonta għal mill-inqas 50 % tal-valur tad-drittijiet miksuba tagħhom, iżda mhux lil kull impjegat individwali. |
23. |
Il-kawża issa hija pendenti quddiem il-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, ir-Renju Unit). B’deċiżjoni tas‑26 ta’ Lulju 2016, li waslet għand il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑16 ta’ Jannar 2017, din issospendiet il-proċeduri quddiemha u rrinvijat lill-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 267 TFUE, id-domandi għal deċiżjoni preliminari segwenti:
|
24. |
Fil-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, G. Hampshire, il-PPF, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, l-Irlanda kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tat‑8 ta’ Marzu 2018 kienu rrappreżentati l-istess partijiet. |
IV. L-analiżi ġuridika
25. |
Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-“Artikolu 8 tad-Direttiva 80/987/KEE (issa ssostitwit bl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE)”. Meta d-direttiva ġiet irriformulata, il-kliem tad-dispożizzjoni ma nbidilx. Peress li fil-kawża prinċipali d-deċiżjoni tal-PPF tad‑19 ta’ Settembru 2011 hija s-suġġett tat-tilwima, fis-segwenti ser nibbaża biss fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/94. |
A. Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari
26. |
L-ewwel nett għandha tiġi indirizzata l-oġġezzjoni ppreżentata mir-Renju Unit li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli għaliex id-domandi magħmula huma ta’ natura purament ipotetika. |
27. |
Ir-Renju Unit jallega li dan jirriżulta miċ-ċirkustanza li, fi kwalunkwe każ, il-PPF ma għandux jerfa’ r-responsabbiltà peress li, anki f’każ ta’ evalwazzjoni tal-obbligazzjonijiet protetti li taqbeż il-limitu massimu, xorta kien hemm biżżejjed attiv fl-iskema tal-pensjoni ta’ T&N sabiex jiġu koperti dawn l-obbligazzjonijiet protetti. |
28. |
Barra minn hekk, huwa jallega li minħabba n-nuqqas ta’ applikabbiltà diretta tal-Artikolu 8 tad-Direttiva, G. Hampshire jista’ jinvoka d-dritt tiegħu biss permezz ta’ talba li trid tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat. Madankollu, tali approċċ mill-bidu nett ma jkollux perspettiva ta’ eżitu pożittiv, peress li fis-sentenza Hogan il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li ksur serju tal-Artikolu 8 tad-Direttiva jista’ jiġi kkonstatat biss wara l‑25 ta’ Jannar 2007 ( 4 ), meta l-insolvenza tal-persuna li timpjega f’dan il-każ kienet diġà saret fl‑2006. |
29. |
Fl-ewwel lok, nibda billi ninnota li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa l-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari għall-adozzjoni tas-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, fid-dawl tal-partikolaritajiet tal-kawża; madankollu, teżisti eċċezzjoni f’dawk il-każijiet li fihom jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali ( 5 ). |
30. |
Madankollu, fil-kawża prinċipali fi kwalunkwe każ ser ikollha tiġi ċċarata l-kwistjoni dwar jekk il-kalkolu tal-obbligazzjonijiet protetti abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 huwiex konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-PPF ser ikollu jwettaq evalwazzjoni mill-ġdid tal-obbligazzjonijiet protetti. Għaldaqstant ma jistax jiġi miċħud li d-domandi preliminari jirreferu għat-tilwima konkreta fil-kawża prinċipali u li huma sinjifikattivi għat-teħid ta’ deċiżjoni fir-rigward tagħha. |
31. |
Mill-bqija, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva jipproduċix effett dirett fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali jew jekk għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss talba li trid tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat hija proprju s-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari ( 6 ). Bl-ebda mod ma huwa manifest li l-Artikolu 8 tad-Direttiva huwa nieqes mill-effett dirett. |
32. |
Minn dan isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli. |
B. Fuq l-ewwel żewġ domandi preliminari
33. |
Bl-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment qiegħda tistaqsi jekk fid-dawl tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawżi Robins ( 7 ) u Hogan ( 8 ) l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandux jinftiehem b’tali mod li jfisser li l-Istati Membri għandhom jipprevedu sistemi ta’ protezzjoni li fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega jiggarantixxu lil kull impjegat individwali mill-inqas ir-riċeviment ta’ 50 % tal-valur tad-drittijiet miksuba għall-benefiċċji tax-xjuħija. |
34. |
Bit-tieni domanda preliminari tagħha l-qorti tar-rinviju b’mod alternattiv tixtieq tkun taf jekk sistema nazzjonali li, f’każijiet individwali, twassal sabiex impjegat jirċievi inqas minn 50 % tal-valur tad-drittijiet miksuba tiegħu (a) minħabba ammonti suġġetti għal limitu massimu jew (b) minħabba n-nuqqas ta’ żieda annwali tal-ammonti, tistax ukoll tkun konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva. Konsegwentement, fil-każ imsemmi f’(b) il-livell ta’ kumpens jaqa’ taħt 50 % tal-livell tad-drittijiet miksuba malli jgħaddi ż-żmien biss, minħabba n-nuqqas ta’ aġġustament. |
35. |
Għaldaqstant, ir-risposta għall-punt (b) tat-tieni domanda tiddependi mill-valur protett bl-Artikolu 8 tad-Direttiva: l-ammont li impjegat kellu dritt għalih fil-mument tal-insolvenza tal-persuna li timpjega jew il-portata sħiħa tad-drittijiet miksuba għall-benefiċċji tax-xjuħija. |
36. |
Peress li kemm l-ewwel kif ukoll it-tieni domanda jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni u l-interpretazzjoni tal-ġurisprudenza eżistenti dwar din id-dispożizzjoni, l-ewwel żewġ domandi preliminari għandhom jiġu ttrattati flimkien. |
37. |
Fl-ewwel stadju għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 8 tad-Direttiva jistabbilixxix garanzija individwali għal kull impjegat individwali, kuntrarjament għal livell ta’ protezzjoni sempliċiment medju li jkopri t-totalità tal-impjegati (ara l-punt 1) u fit-tieni stadju għandha tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar il-valur li għalih tirreferi tali garanzija minima jekk ikun il-każ (ara l-punt 2). Fl-aħħar nett ser nittratta l-argumenti tar-Renju Unit favur restrizzjoni tal-livell ta’ protezzjoni f’dan il-każ (ara l-punt 3). |
1. L-Artikolu 8 tad-direttiva jinkludi garanzija minima individwali għal kull impjegat (l-ewwel domanda u l-punt (a) tat-tieni domanda)?
38. |
Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, l-Istati Membri għandhom jiżguraw “li jittieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni ta’ l-interessi ta’ l-impjegati […] fir-rigward tad-drittijiet li jintitolawhom immedjatament jew prospettivament għal benefiċċji tax-xjuħija […]”. |
39. |
Il-kwistjoni dwar il-livell ta’ protezzjoni li l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu b’mod konkret abbażi ta’ din id-dispożizzjoni diġà ġiet deċiża mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha fil-kawżi Robins u Hogan ( 9 ). Fil-kawża Robins, hija ddeċidiet li meta l-livell tal-benefiċċji “f’ċerti sitwazzjonijiet [jinżel] għal 20 jew 49 % tad-drittijiet li seta’ jistenna impjegat, jiġifieri għal inqas min-nofs ta’ dawn id-drittijiet”, dawn il-benefiċċji ma jkunux jistgħu jibqgħu jitqiesu li jissodisfaw il-protezzjoni tal-interessi tal-impjegati fis-sens tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq ( 10 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ikkonfermat din l-interpretazzjoni fil-kawżi Hogan u Webb-Sämann ( 11 ). |
40. |
L-istqarrija ċċitata tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-livell ta’ protezzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva għandha tinftiehem bħala garanzija minima individwali għal kull impjegat. |
41. |
Minn naħa, dan diġà jirriżulta mill-formulazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja: din ikkonstatat li l-protezzjoni tal-interessi tal-impjegati fis-sens tal-Artikolu 8 tad-Direttiva diġà ma tkunx issalvagwardjata jekk f’ċerti każijiet ( 12 ) jitħallas inqas minn nofs il-valur tad-drittijiet miksuba. Dan juri li livell iktar baxx mil-livell ta’ protezzjoni mitlub f’każ individwali diġà huwa biżżejjed sabiex ikun hemm ksur tad-Direttiva. |
42. |
Għaldaqstant, fil-kawża Hogan kien biżżejjed, għall-konstatazzjoni ta’ ksur serju tal-Artikolu 8 tad-Direttiva, li wara l-insolvenza tal-persuna li kienet timpjegahom għaxar impjegati msemmija b’isimhom irċevew inqas minn 50 % tal-valur tad-drittijiet tal-pensjoni individwali tagħhom abbażi tas-sistema applikabbli fl-Irlanda ( 13 ). Minn dan jirriżulta li huwa biżżejjed li jkun hemm biss ammont żgħir ta’ benefiċjarji li jkunu milqutin minn tnaqqis ta’ iktar minn 50 % – fil-kawża prinċipali madwar 0.1 % sa 0.2 % tal-impjegati ta’ T&N. |
43. |
Barra minn hekk, f’ġurisprudenza stabbilita l-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza l-għan tad-Direttiva, jiġiferi li l-impjegati kollha jiġu ggarantiti livell minimu ta’ protezzjoni ( 14 ). Madankollu, dan l-għan jintlaħaq b’mod effettiv biss jekk dan il-livell minimu jkun japplika għal kull impjegat individwali u jekk kull impjegat ikun jista’ jinvokah. Min-naħa l-oħra, skont l-ipoteżi ppreferuta mir-Renju Unit ta’ sempliċi garanzija tar-riċeviment ta’ 50 % tad-drittijiet tal-pensjoni “b’mod ġenerali”, anki l-eliminazzjoni sħiħa ta’ kull tip ta’ protezzjoni f’każ individwali tispiċċa tkun kompatibbli. Iżda l-kunċett tal-armonizzazzjoni minima li fuqu hija bbażata d-Direttiva jipprojbixxi proprju livell li jkun inqas mil-livell ta’ protezzjoni ddikjarat vinkolanti mid-Direttiva ( 15 ). Għaldaqstant huwa inammissibbli li impjegati individwali jiġu esklużi minn dan il-livell minimu ta’ protezzjoni. |
44. |
Barra minn hekk, mix-xogħol preparatorju relatat mal-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-lum jirriżulta li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li permezz tad-dispożizzjoni jiġu evitati tbatijiet speċjali ( 16 ). Huwa fin-natura ta’ skema għal sitwazzjonijiet ta’ tbatija li din partikolarment għandha tieħu kont taċ-ċirkustanzi tal-każ individwali. |
45. |
Barra minn hekk, l-istess diġà jirriżulta mis-sitwazzjonijiet sottostanti għas-sentenzi Robins u Hogan: fiż-żewġ proċeduri kienet ikkonċernata, rispettivament, il-kwistjoni dwar ir-responsabbiltà tar-Renju Unit u tal-Irlanda għal kumpens minħabba n-nuqqas ta’ traspożizzjoni korretta tad-Direttiva. Iċ-ċirkustanza li dispożizzjoni tistabbilixxi drittijiet għall-individwu tikkostitwixxi prerekwiżit imperattiv għal tali responsabbiltà ( 17 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment iddeċidiet li r-responsabbiltà tal-Istat Membru kienet tiddependi biss mill-konstatazzjoni ta’ ksur serju tal-obbligu ta’ traspożizzjoni ( 18 ) u li għalhekk kienu ssodisfatti l-prerekwiżiti l-oħra kollha, jiġifieri partikolarment l-għoti ta’ drittijiet suġġettivi bl-Artikolu 8 tad-Direttiva. |
46. |
Għalhekk, f’dan il-kuntest għandu jitqies ukoll li l-Artikolu 8 tad-Direttiva jagħti d-dritt individwali lill-impjegati inkwistjoni sabiex jassiguraw mill-inqas 50 % tad-drittijiet miksuba tagħhom għall-pensjoni tal-irtirar. Għalhekk, peress li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun waħda affermattiva, dik għall-punt (a) tat-tieni waħda għandha tkun negattiva. |
47. |
Finalment ninnota wkoll li l-garanzija minima tal-Artikolu 8 tad-Direttiva ovvjament trid tapplika f’kull stadju tal-proċedura, partikolarment anki waqt il-perijodu ta’ evalwazzjoni previst mill-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 ( 19 ). |
2. L-Artikolu 8 tad-Direttiva jipproteġi wkoll l-iżvilupp previst tad-drittijiet tal-pensjoni (il-punt (b) tat-tieni domanda)?
48. |
Tqum ukoll il-kwistjoni dwar jekk il-garanzija minima prevista fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 tirreferix biss għall-valur tas-somma tad-drittijiet fil-mument tal-insolvenza tal-persuna li timpjega jew jekk din tinkludix ukoll l-iżvilupp previst tal-livell tal-benefiċċji fil-perijodu sħiħ tal-pensjoni. |
49. |
Permezz tal-ġurisprudenza diġà ġie ċċarat f’dan ir-rigward li l-għan tal-Artikolu 8 tad-Direttiva huwa intiż li jipproteġi d-drittijiet sħaħ tal-pensjoni miksuba bil-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet. Fil-kawża Webb-Sämann il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, b’differenza għal pereżempju l-Artikolu 3 tad-Direttiva, l-Artikolu 8 “huwa intiż li jiżgura l-protezzjoni fit-tul tal-interessi tal-impjegati, [li] fir-rigward tad-drittijiet kweżiti jew fil-proċess li jinkisbu jestendu, bħala prinċipju, fuq il-perijodu tal-irtirar kollu” ( 20 ). |
50. |
Dan jirriżulta wkoll mix-xogħol preparatorju tal-abbozz tad-direttiva, fejn huwa stabbilit li l-Artikolu 8 tad-Direttiva għandu jiżgura li jkunu jistgħu jinżammu dawk l-ammonti tal-pensjoni li l-impjegat “ikun intitolat għalihom wara ħidma ta’ diversi snin fin-negozju” ( 21 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Konsegwentement, f’ġurisprudenza stabbilita l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-drittijiet tal-pensjoni ta’ impjegati minn skema komplementari ta’ previdenza professjonali huma forma ta’ “paga differita” ( 22 ). |
51. |
Madankollu, jekk l-iżvilupp previst tad-drittijiet tal-pensjoni ma jiġix inkorporat fil-kalkolu tal-protezzjoni minima, il-ħlasijiet ta’ kontribuzzjoni mwettqa qabel ma jkunux qegħdin jittieħdu inkunsiderazzjoni suffiċjentement. Dan għaliex iż-żieda annwali prevista hija inkluża fil-ħlasijiet ta’ kontribuzzjoni. |
52. |
Konsegwentement, is-sistemi ta’ protezzjoni tal-Istati Membri jridu jiggarantixxu l-iżvilupp tad-drittijiet, fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, b’tali mod li l-ammont iggarantit ma jistax jaqa’ taħt il-50 % tal-valur inizjalment miksub għal sena tal-pensjoni, anki jekk jgħaddu bosta snin. |
53. |
Għalhekk ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun fin-negattiv fl-intier tagħha. |
3. Possibbiltà ta’ limitazzjoni fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali?
54. |
B’hekk jonqos li jiġi investigat jekk f’dan il-każ jistax ikun iġġustifikat livell ta’ protezzjoni individwali iktar baxx minħabba raġunijiet oħra. |
55. |
L-ewwel raġuni li jsemmi r-Renju Unit hija li G. Hampshire xorta waħda diġà għandu livell ta’ pensjoni partikolarment għoli meta mqabbel ma’ impjegati oħra u li kumpens sħiħ ta’ dawn id-drittijiet ma jkunx soċjalment ekwu. |
56. |
Kif il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat diġà, fil-kuntest tal-Artikolu 8 tad-Direttiva ma jeżisti l-ebda obbligu għall-protezzjoni sħiħa kontra t-telf ta’ drittijiet ( 23 ). Għalhekk ma huwiex eskluż limitu massimu tad-drittijiet. Għall-kuntrarju, meta jimplimentaw id-Direttiva l-Istati Membri jistgħu u għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti ta’ ħtieġa ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali bbilanċjat ( 24 ). |
57. |
Għaldaqstant huwa possibbli, kif previst ukoll fuq din il-bażi mid-dispożizzjoni nazzjonali kontenzjuża, li l-livell ta’ kumpens jiġi stabbilit b’mod differenti skont il-portata sħiħa tad-drittijiet, bil-konsegwenza li benefiċjarji li qabel kellhom dħul ikbar u li issa għandhom drittijiet ogħla jkunu suġġetti għal piż ikbar. Jista’ jinħoloq kumpens soċjali billi dawn il-benefiċjarji jingħataw biss 50 % tal-valur tad-drittijiet tagħhom ( 25 ). Madankollu, ma jistax jikkostitwixxi kumpens xieraq il-fatt li ċerti individwi jiġu fil-biċċa l-kbira mċaħħda mill-protezzjoni tad-Direttiva. |
58. |
Minn naħa, dan jirriżulta mill-għan tad-Direttiva li jiġu onorati l-kontribuzzjonijiet li jkunu tħallsu matul il-ħajja professjonali, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanza li d-drittijiet idderivati mill-iskema tal-irtirar professjonali jikkostitwixxu “paga differita” ( 26 ). Min-naħa l-oħra, il-PPF ma huwiex iffinanzjat bi flus tat-taxxa, iżda permezz ta’ kontribuzzjonijiet tal-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali u bl-akkwist tal-attiv tagħhom. Fis-seduta ġie spjegat ukoll li dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkalkolati fuq bażi ta’ riskju, b’tali mod li skemi tal-pensjoni li għandhom obbligazzjonijiet għoljin iridu wkoll iħallsu kontribuzzjonijiet korrispondentement għoljin lill-PPF. |
59. |
F’dan il-kuntest jidher li huwa kumpens soċjalment xieraq li d-dritt tal-Unjoni jipprevedi garanzija minima ta’ 50 % għall-impjegati kollha. Barra minn hekk, fil-kawża prinċipali huma biss ftit l-impjegati li huma milqutin minn limitu massimu tad-drittijiet tagħhom. Għaldaqstant lanqas l-effetti finanzjarji possibbli meta mqabbla mal-ispejjeż totali tas-sistema ma huma rilevanti b’mod sinjifikattiv. |
60. |
It-tieni raġuni li jsemmi l-Gvern tar-Renju Unit hija li jiġi miġġieled l-hekk imsejjaħ moral hazard, jiġifieri l-perikolu ta’ aġir tal-impjegati fil-livell maniġerjali li xjentement huwa dannuż għan-negozju. L-impjegati mlaħħqa ma għandhomx jaqgħu għat-tentazzjoni li jieħdu deċiżjonijiet riskjużi li taħt ċerti ċirkustanzi jistgħu jwasslu għall-insolvenza tal-impriża għax ikollhom moħħhom mistrieħ li d-drittijiet tal-pensjoni tagħhom huma ggarantiti mill-Istat anki fil-każ ta’ insolvenza tal-impriża. |
61. |
Huwa minnu li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja ħadd ma għandu dritt li jinvoka b’mod frawdolenti jew abbużiv id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ( 27 ). Filwaqt li jispeċifika dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt ( 28 ), l-Artikolu 10 tad-Direttiva 80/987, issa ssostitwit bl-Artikolu 12(a) tad-Direttiva 2008/94, jirrikonoxxi espliċitament id-dritt tal-Istati Membri li jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi evitat l-abbuż. |
62. |
Madankollu, ir-Renju Unit bl-ebda mod ma ssostanzja li permezz tad-dispożizzjoni li tipprevedi limitu massimu fuq id-drittijiet dan kien qiegħed jinvoka s-setgħa prevista fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 80/987, issa ssostitwit bl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/94. Konsegwentement, l-applikabbiltà tad-dispożizzjoni nazzjonali ma teħtieġx il-konstatazzjoni ta’ aġir abbużiv tal-benefiċjarju mill-qrati tal-Istat Membru ( 29 ). Madankollu, apparti s-setgħa espressa fid-Direttiva sabiex jiġu miġġielda każijiet ta’ abbuż konkreti, ma hemmx lok għal miżuri oħra tal-Istati Membri li għandhom biss għan simili. |
63. |
Fi kwalunkwe każ, id-dispożizzjoni fl-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jiġi miġġieled il-moral hazard ( 30 ). |
64. |
Minn naħa, il-preżunzjoni bażika li impjegat imlaħħaq li ħareġ bil-pensjoni b’mod premeditat, u li għandu drittijiet tal-pensjoni korrispondentement għoljin, probabbilment iġorr parti mit-tort għall-insolvenza tal-impriża, hija awdaċi. Min-naħa l-oħra, impjegati mlaħħqa li diġà jkunu laħqu l-età normali tal-irtirar lanqas biss ma huma affettwati minn dan il-limitu massimu, anki jekk possibbilment kienu involuti f’deċiżjonijiet intraprenditorjali riskjużi u li setgħu parzjalment ikkawżaw l-insolvenza tal-persuna li timpjega. Għaldaqstant, id-dispożizzjoni nazzjonali fi kwalunkwe każ ma ssegwix l-għan invokat mill-Gvern tar-Renju Unit b’mod koerenti u sistematiku ( 31 ). L-età manifestament ma hijiex kriterju adattat li bih jista’ jiġi ddeterminat il-perikolu ta’ abbuż. |
65. |
Għalhekk, b’mod konklużiv, id-dispożizzjoni nazzjonali tqajjem forma ta’ suspett ġenerali fil-konfront ta’ impjegati mlaħħqa li jkunu għadhom ma laħqux l-età tal-irtirar, u dan jikkontradixxi l-kunċett fundamentali tal-ġlieda kontra l-abbuż. Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza hija inammissibbli l-preżunzjoni ġenerali ta’ abbuż ( 32 ). |
4. Konklużjoni intermedjarja
66. |
Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel żewġ domandi għandha tkun li l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 għandu jiġi interpretat fis-sens li kull impjegat individwali, bla ħsara għal każijiet konkreti ta’ abbuż fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva, għandu d-dritt għal kumpens ta’ mill-inqas 50 % tal-valur totali tad-drittijiet miksuba jew prospettivi tiegħu għall-benefiċċji tax-xjuħija fil-każ ta’ insolvenza tal-persuna li timpjega. |
C. Fuq it-tielet domanda preliminari
67. |
It-tielet domanda preliminari tikkonċerna l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 fil-kawża prinċipali. |
68. |
Skont ġurisprudenza stabbilita huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali għall-partijiet f’kawża li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u li għandhom jiggarantixxu l-effett sħiħ tagħhom ( 33 ). Jekk direttiva tkun tinkludi tali dispożizzjonijiet, il-qrati nazzjonali, meta japplikaw id-dritt nazzjonali, huma meħtieġa wkoll jadattaw, sakemm ikun possibbli, l-interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali għat-test u għall-għan tad-direttiva inkwistjoni sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit minnha u sabiex b’dan il-mod ikunu konformi mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE ( 34 ). |
69. |
Jekk fil-fehma tal-qorti nazzjonali ma tkunx possibbli interpretazzjoni konformi mad-direttiva, dispożizzjoni ta’ direttiva tista’ tiġi applikata wkoll b’mod dirett. F’każ ta’ traspożizzjoni li ma tkunx saret fiż-żmien stipulat jew f’każ ta’ traspożizzjoni insuffiċjenti, dan japplika għad-dispożizzjonijiet kollha ta’ direttiva li mil-lat sostantiv jidhru li huma inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi (ara l-punt 1), sakemm dawn jiġu invokati fil-konfront tal-Istat (ara l-punt 2) ( 35 ). |
1. In-natura inkundizzjonata u suffiċjentement preċiża tad-dispożizzjoni
70. |
Fil-kawża Francovich il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat taħt liema prerekwiżiti dispożizzjoni għandha titqies bħala inkundizzjonata fir-rigward tal-kontenut u suffiċjentement preċiża. F’dan ir-rigward huma rilevanti tliet aspetti: fl-ewwel lok, il-benefiċjarju, fit-tieni lok, il-kontenut tad-dritt u, fit-tielet lok, id-destinatarju tiegħu, jiġifieri l-persuna tad-debitur tal-azzjoni jew l-obbligu inkwistjoni ( 36 ). B’differenza għall-kawża Francovich, it-tliet kriterji għal applikazzjoni diretta f’dan il-każ huma kollha ssodisfatti, filwaqt li d-destinatarju hawnhekk jirriżulta b’mod ċar mid-dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ( 37 ).
|
71. |
Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 jirriżulta b’mod ċar li għandhom jiġu protetti dawk l-impjegati li huma milqutin minn insolvenza tal-persuna li timpjega. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-Direttiva tiddeskrivi ċ-ċirku ta’ persuni li għandu jgawdi mill-garanziji tal-istess direttiva b’mod preċiż u inkundizzjonat biżżejjed għal applikazzjoni diretta tad-dispożizzjoni, kif ġie stabbilit fil-ġurisprudenza ( 38 ).
|
72. |
Huwa minnu li f’każ ta’ kunsiderazzjoni sempliċi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 8 tad-direttiva huwa inqas ċar il-kontenut konkret tad-dritt li għandu jiġi kkonferit lill-impjegati ( 39 ). |
73. |
Madankollu, fil-kawża Francovich il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ċċarat li s-sempliċi possibbiltà ta’ għażla bejn diversi mezzi ma teskludix li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni tad-direttiva jkunu jistgħu jiġu applikati b’mod dirett ( 40 ). Pjuttost huwa biżżejjed li tista’ tiġi ddeterminata garanzija minima abbażi tad-dispożizzjoni rispettiva ( 41 ). F’dan is-sens, fil-kawża Webb-Sämann il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94, l-Istati Membri xorta waħda huma obbligati li jiggarantixxu lill-impjegati l-protezzjoni minima mitluba f’din id-dispożizzjoni ( 42 ). |
74. |
Bla ebda dubju, il-kontenut preċiż tal-imsemmija garanzija minima jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar din id-dispożizzjoni ( 43 ). F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tiċċara u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata mid-data tad-dħul fis-seħħ tagħha ( 44 ). |
75. |
Il-ħtieġa ta’ definizzjoni sostantiva u inkundizzjonalità ta’ dispożizzjoni li għandha tiġi applikata b’mod dirett għandha l-iskop li tiggarantixxi dritt ġestibbli fil-prattika. F’dan is-sens il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza, f’ġurisprudenza stabbilita, li dispożizzjoni trid tkun suffiċjentement preċiża sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu u applikata minn qorti ( 45 ). B’hekk, għall-evalwazzjoni huwa determinanti jekk il-kontenut preċiż jistax jiġi dedott mingħajr dubju għall-applikant tal-leġiżlazzjoni, u dan proprju mid-dispożizzjoni nnifisha, mill-kuntest tagħha u mill-oriġini tagħha ( 46 ) kif ukoll bl-assistenza tal-ġurisprudenza ( 47 ). |
76. |
Għall-persuni responsabbli tal-PPF kien ċar, mhux iktar tard minn meta tħabbret is-sentenza fil-kawża Robins fil‑25 ta’ Jannar 2007, li ma setgħux japplikaw bażi tal-kalkolu li fil-każ ta’ ċerti impjegati twassal għal kumpens li jinsab taħt il-50 % tal-valur tad-drittijiet li huma kisbu ( 48 ). Minflok, taħt applikazzjoni diretta tal-Artikolu 8 tad-direttiva, il-limitu massimu tad-drittijiet għal kumpens kellu jiġi ffissat għal mill-inqas 50 % tad-drittijiet tal-pensjoni miksuba. |
77. |
Konsegwentement, fid‑19 ta’ Settembru 2011, il-jum li fih ittieħdet id-deċiżjoni ta’ evalwazzjoni kontenzjuża tal-PPF ( 49 ), il-kontenut tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 kellu jitqies bħala inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż.
|
78. |
F’dak li għandu x’jaqsam mad-destinatarju tal-obbligu, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li fil-kuntest tal-Artikolu 8 tad-Direttiva l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tar-realizzazzjoni tal-protezzjoni. Il-protezzjoni tista’ pereżempju tiġi ggarantita permezz ta’ finanzjament dirett mill-Istat, b’obbligu ta’ assigurazzjoni għall-persuna li timpjega jew permezz tal-ħolqien ta’ skema ta’ garanzija ( 50 ). |
79. |
Madankollu, fil-kawża Gharehveran il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, dwar il-kwistjoni tad-definizzjoni tad-destinatarju, li l-individwu għandu jista’ jinvoka d-direttiva ladarba l-Istat Membru jkun eżawrixxa din il-marġni ta’ diskrezzjoni fl-intier tagħha ( 51 ). Konsegwentement, l-Istat Membru jrid iżomm ma’ deċiżjoni meħuda fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-direttiva, jekk din tikkostitwixxi l-eżerċizzju tad-diskrezzjoni li huwa intitolat għaliha l-Istat Membru ( 52 ). |
80. |
Fil-kawża Francovich il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat li l-Artikolu 3 tad-Direttiva 80/987 fir-rigward tad-definizzjoni tad-destinatarju ma kienx direttament applikabbli minħabba s-sempliċi raġuni li lanqas biss kienet ġiet trasposta fl-Istat Membru inkwistjoni. Dak iż-żmien il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li r-Repubblika Taljana ma setgħetx tiġi kkunsidrata hija stess bħala d-debitur tal-obbligu inkwistjoni minħabba s-sempliċi raġuni li ma kinitx ittrasponiet fil-ħin id-direttiva ( 53 ). |
81. |
Madankollu, hawnhekk għandna każ differenti: ir-Renju Unit adotta dispożizzjoni li tittrasponi d-Direttiva 2008/94 u huwa biss fir-rigward tal-garanzija minima preskritta ta’ 50 % li ma tikkorrispondix mal-ispeċifikazzjonijiet tal-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva. Madankollu, id-dispożizzjoni nazzjonali tiddefinixxi b’mod ċar min huwa responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-kalkolu u għall-obbligu, jiġifieri l-PPF. Barra minn hekk ġew adottati dispożizzjonijiet dettaljati dwar il-finanzjament tal-PPF u l-likwidazzjoni tal-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali ( 54 ). |
82. |
Għalhekk, fil-każ ineżami d-destinatarju tal-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 8 tad-Direttiva wkoll huwa stabbilit b’mod inkundizzjonat u b’mod suffiċjentement preċiż. |
2. L-invokabbiltà tal-applikabbiltà diretta fil-konfront ta’ korpi tal-Istat
83. |
Huwa rrikonoxxut li dispożizzjonijiet inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi ta’ direttiva mhux biss jistgħu jiġu invokati mill-individwi fil-konfront ta’ Stat Membru u l-awtoritajiet amministrattivi kollha tiegħu ( 55 ), iżda anki fil-konfront ta’ organi jew ta’ entitajiet li huma suġġetti għall-awtorità jew għall-kontroll tal-Istat jew li jkollhom setgħat eżorbitanti ( 56 ). |
84. |
Korp, indipendentement mill-forma ġuridika tiegħu, li jkun tqabbad, skont miżura adottata mill-Istat, iwettaq servizz ta’ interess pubbliku u għal dan l-iskop ikollu setgħat eżorbitanti li jmorru lil hinn minn dawk li jirriżultaw min-normi applikabbli għal relazzjonijiet bejn individwi, skont ġurisprudenza stabbilita f’kull każ ikun inkluż fost il-korpi li kontrihom jistgħu jkunu invokati d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva li jista’ jkollhom effett dirett ( 57 ). |
85. |
Il-PPF jissodisfa din id-definizzjoni. Huwa jwettaq is-servizz ta’ interess pubbliku stabbilit fid-Direttiva ( 58 ), jiġifieri li f’kull każ individwali jistabbilixxi l-livell ta’ protezzjoni speċifiku u f’ċerti ċirkustanzi jġorr ir-responsabbiltà għad-drittijiet tal-impjegati. Barra minn hekk, dan għandu setgħat eżorbitanti fi ħdan it-tifsira tad-definizzjoni msemmija hawn fuq ( 59 ), peress li jista’ jiġbor taxxa mingħand l-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali awtorizzati u skont l-Artikolu 154 tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 għandu wkoll is-setgħa jagħti l-istruzzjonijiet neċessarji lill-iskemi komplementari ta’ previdenza professjonali fil-kuntest tal-likwidazzjoni tagħhom. Fis-seduta ħareġ ukoll li bejn il-partijiet ma hijiex ikkontestata l-kwalifika tal-PPF bħala entità statali. |
86. |
Min-naħa l-oħra, direttiva ma tistax timponi direttament obbligi fuq individwu ( 60 ). |
87. |
Għal din ir-raġuni, ir-Renju Unit jiċħad l-applikazzjoni diretta tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94 fil-kawża prinċipali, peress li d-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata fil-konfront ta’ korp privat bħall-iskema ta’ pensjoni ta’ T&N. |
88. |
Madankollu, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fil-kawża prinċipali ma huwiex ikkonċernat proprju l-eżami dwar jekk G. Hampshire jistax direttament jitlob, mingħand T&N, il-ħlas ta’ kumpens li jammonta għal mill-inqas 50 % tad-drittijiet tal-pensjoni li huwa kiseb. Il-konvenut fil-kawża prinċipali pjuttost huwa l-PPF. Il-qorti nazzjonali tiddeskrivi s-suġġett tal-kawża bħala l-evalwazzjoni mill-PPF tal-obbligazzjonijiet protetti li tippreċedi l-ħlas. Permezz tal-imsemmija deċiżjoni jiġi stabbilit b’mod vinkolanti l-ammont tal-kumpens li l-impjegati jirċievu kemm f’każ li l-PPF jerfa’ r-responsabbiltà, kif ukoll f’każ ta’ likwidazzjoni eventwali barra mill-PPF. |
89. |
Konsegwentement, l-unika kwistjoni li tqum fil-kawża prinċipali hija dwar jekk korp bħalma huwa l-PPF jistax jiġi obbligat iwettaq mill-ġdid l-evalwazzjoni tal-obbligazzjonijiet protetti filwaqt li japplika direttament l-Artikolu 8 tad-Direttiva. |
90. |
Huwa minnu li l-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 jipprevedi li T&N tibqa’ responsabbli għall-ħlas kemm-il darba jkollha fondi suffiċjenti bħala parti mill-assi tagħha sabiex tiggarantixxi l-kumpens tal-PPF stipulat min-naħa tal-Istat. Madankollu dan ma jwassalx għal applikazzjoni diretta tad-dispożizzjoni kontra T&N. F’każ speċjali ta’ eċċess, l-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 sempliċiment ma jipprevedix inklużjoni tal-iskema ta’ previdenza professjonali fil-PPF peress li ma jkunx neċessarju sussidju. Madankollu, l-iskema komplementari ta’ previdenza professjonali xorta tiġi llikwidata skont l-istruzzjonijiet tal-Bord, anki jekk din il-likwidazzjoni ssir barra mill-PPF. Jekk, wara evalwazzjoni mill-ġdid, l-obbligazzjonijiet protetti jaqbżu l-attiv disponibbli, il-PPF fi kwalunkwe każ ikollu jerfa’ r-responsabbiltà. |
91. |
Kif jista’ jiġi dedott mit-talba għal deċiżjoni preliminari u kif ġie diskuss ukoll fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, is-suġġett tal-kawża prinċipali huwa limitat għat-talba li l-PPF japplika direttament l-Artikolu 8 tad-Direttiva meta jiġu kkalkolati l-obbligazzjonijiet. Skont iċ-ċirkustanzi dan għandu jiġi obbligat ukoll li jeżerċita s-setgħa tiegħu li jagħti istruzzjonijiet lil T&N b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni. |
92. |
Konsegwentement, l-effett li l-kalkolu tal-kumpens tal-PPF possibbilment ikollu fl-istadju li jmiss fuq tali skemi komplementari ta’ previdenza, li l-fondi tagħhom huma suffiċjenti anki mingħajr sussidju, jista’ jiġi deskritt bħala sempliċiment rifless. Dan jirriżulta mill-partikolaritajiet tal-Att dwar il-Pensjonijiet tal‑2004 u mhux mid-Direttiva stess. Jekk wieħed irid jikkonstata żvantaġġ għal T&N, infakkar li fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa rrikonoxxut li sempliċi riperkussjonijiet negattivi fuq id-drittijiet ta’ terzi, anki jekk ikunu ċerti, ma jiġġustifikawx li tiġi rrifjutata lil individwu l-opportunità li jinvoka, kontra l-Istat Membru, dispożizzjoni tad-direttiva li hija direttament applikabbli ( 61 ). |
93. |
Wieħed irid jikkonċedi li meta tqassam l-eċċess li nħoloq minħabba d-drittijiet tal-pensjoni ta’ G. Hampshire u tar-rikorrenti l-oħra li ġew ikkalkolati bħala inqas milli suppost kienu, l-impjegati l-oħra ta’ T&N x’aktarx li kienu jirċievu ħlasijiet addizzjonali. Madankollu, f’dan ir-rigward irid jitfakkar li s-sempliċi eliminazzjoni ta’ tali vantaġġ eventwali lanqas ma għandha timplika obbligu ta’ terz minħabba d-dispożizzjoni tad-direttiva invokata ( 62 ). |
V. Konklużjoni
94. |
Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il‑Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU 2008, L 283, p. 36) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2008/94/KE”), li tissostitwixxi d-Direttiva tal-Kunsill 80/987/KEE tal‑20 ta’ Ottubru 1980 dwar it-taqrib tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar il-protezzjoni tal-impjegati f’każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 5, Vol. 1, p. 217).
( 3 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 57), u tal‑25 ta’ April 2013, Hogan et (C‑398/11, EU:C:2013:272, punt 51).
( 4 ) Sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Hogan et (C‑398/11, EU:C:2013:272, punt 51).
( 5 ) Sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 1992, Meilicke (C‑83/91, EU:C:1992:332, punt 23), tat‑22 ta’ Novembru 2005, Mangold (C‑144/04, EU:C:2005:709, punti 34 u 37) u tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 130).
( 6 ) Xorta waħda ma huwiex issostanzjat għalfejn rinviju għal deċiżjoni preliminari li għandu l-għan ta’ applikazzjoni diretta ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi eskluż jekk ir-rekwiżiti għat-tressiq ta’ talba li trid tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Istat ma jkunux issodisfatti. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-aġir rilevanti tal-Istat li seta’ kiser l-Artikolu 8 tad-Direttiva ma huwiex il-fatt li seħħet l-insolvenza fl‑2006 iżda huwa d-deċiżjoni tal-PPF fl‑2011.
( 7 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56).
( 8 ) Sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Hogan et (C‑398/11, EU:C:2013:272).
( 9 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56), u tal‑25 ta’ April 2013, Hogan et (C‑398/11, EU:C:2013:272).
( 10 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 57).
( 11 ) Sentenzi tal‑25 ta’ April 2013, Hogan et (C‑398/11, EU:C:2013:272, punt 51), u tal‑24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann (C‑454/15, EU:C:2016:891, punt 35).
( 12 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 57).
( 13 ) Għaldaqstant anki d-dispożittiv tas-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Hogan et (C‑398/11, EU:C:2013:272) huwa bbażat fuq il-fatt li r-rikorrenti ma kienx għad fadlilhom mill-inqas 50 % tal-valur tad-drittijiet tagħhom.
( 14 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 3), tat‑18 ta’ Ottubru 2001, Gharehveran (C‑441/99, EU:C:2001:551, punt 26), u tal‑24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann (C‑454/15, EU:C:2016:891, punt 31); ara wkoll il-premessa 3 tad-Direttiva 2008/94.
( 15 ) Ara wkoll l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/94.
( 16 ) COM(78) 141 finali, p. 7 dwar l-Artikolu 7 tal-abbozz ta’ direttiva, li essenzjalment jikkorrispondi mal-Artikolu 8 tad-direttiva finali.
( 17 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punti 38 et seq.), tal‑5 ta’ Marzu 1996, Brasserie du Pêcheur u Factortame (C‑46/93 u C‑48/93, EU:C:1996:79, punt 51), tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 69).
( 18 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punt 82).
( 19 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 11 u 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 20 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann (C‑454/15, EU:C:2016:891, punt 27).
( 21 ) COM(78) 141 finali, p. 7.
( 22 ) Sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 25), tal‑1 ta’ April 2008, Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 45) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Parris (C‑443/15, EU:C:2016:493, punt 33).
( 23 ) Sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punti 42 et seq.) u tal‑25 ta’ April 2013, Hogan et (C‑398/11, EU:C:2013:272, punt 42).
( 24 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Robins et (C‑278/05, EU:C:2006:476, punt 71).
( 25 ) Mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni dan il-limitu jikkostitwixxi kumpens ġust; ara s-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Hogan et (C‑398/11, EU:C:2013:272, punti 43 et seq.).
( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 50 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-noti ta’ qiegħ il-paġna 21 u 22.
( 27 ) Sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, EU:C:1974:131, punt 13), tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 24), tat‑28 ta’ Lulju 2016, Kratzer (C‑423/15, EU:C:2016:604, punt 37), u tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 27).
( 28 ) Sentenzi tat‑22 ta’ Mejju 2008, Ampliscientifica u Amplifin (C‑162/07, EU:C:2008:301, punti 27 et seq.), tal‑5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punt 38), u tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 27).
( 29 ) Madankollu, skont il-ġurisprudenza huma meħtieġa indizji speċifiċi li jirrigwardaw il-każ individwali inkwistjoni; ara, pereżempju, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy u McCarthy Rodriguez (C‑202/13, EU:C:2014:2450, punt 53).
( 30 ) Skont il-formola tal-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fiskali, irid ikun hemm dispożizzjonijiet korrispondenti li speċifikament għandhom l-għan li jindirizzaw is-sitwazzjonijiet abbużivi; ara s-sentenzi tat‑12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas (C‑196/04, EU:C:2006:544, punt 55) u tat‑13 ta’ Marzu 2007, Test Claimants in the Thin Cap Group Litigation (C‑524/04, EU:C:2007:161, punt 79).
( 31 ) Ara, dwar dan ir-rekwiżit, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2003, Gambelli et (C‑243/01, EU:C:2003:597, punt 67), tal‑10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55), u tas‑6 ta’ Marzu 2018, SEGRO u Horváth (C‑52/16 u C‑113/16, EU:C:2018:157, punt 78). Din il-ġurisprudenza relatata mal-libertajiet fundamentali trid tapplika wkoll għal-leġiżlazzjoni sekondarja (f’dan ir-rigward ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Persidera, C‑112/16, EU:C:2017:250, punt 66 bin-nota ta’ qiegħ il-paġna 46, kif ukoll fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑187/16, EU:C:2017:578, punt 71).
( 32 ) F’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2004, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑334/02, EU:C:2004:129, punt 27), tat‑28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud (C‑72/09, EU:C:2010:645, punt 34), u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo (C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 64).
( 33 ) Ara, fir-rigward tad-direttivi, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 111), u tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 42) kif ukoll, b’mod ġenerali, is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34), u tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea (C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 34).
( 34 ) Sentenzi tat‑13 ta’ Novembru 1990, Marleasing (C‑106/89, EU:C:1990:395, punt 8), tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 113), tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 98), tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 38) u tad‑19 ta’ April 2016, DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 29 u 31).
( 35 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punti 17 sa 25), tad‑9 ta’ Marzu 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 103), tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 33) u tal‑15 ta’ Frar 2017, British Film Institute (C‑592/15, EU:C:2017:117, punt 13).
( 36 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 12).
( 37 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 78 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif ukoll is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2001, Gharehveran (C‑441/99, EU:C:2001:551, punti 39 sa 44).
( 38 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 22), u tat‑18 ta’ Ottubru 2001, Gharehveran (C‑441/99, EU:C:2001:551, punt 33) dwar id-Direttiva 80/987 bħala l-verżjoni preċedenti tad-Direttiva 2008/94.
( 39 ) Jew, kif iddeskrivih l-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Webb-Sämann (C‑454/15, EU:C:2016:653, punt 58), “redatt f’termini partikolarment vagi”.
( 40 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 17).
( 41 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punti 19 et seq.), tad‑9 ta’ Marzu 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 105), u tal‑15 ta’ April 2008, Impact (C‑268/06, EU:C:2008:223, punt 74).
( 42 ) Sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2016, Webb-Sämann (C‑454/15, EU:C:2016:891, punt 35).
( 43 ) Ara f’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet taħt B. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 44 ) Ara s-sentenzi reċenti tad‑29 ta’ Settembru 2015, Gmina Wrocław (C‑276/14, EU:C:2015:635, punt 44), tad‑19 ta’ April 2016, Dansk Industri (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 40), u tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 41).
( 45 ) Sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 27), tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Pohl-Boskamp (C‑317/05, EU:C:2006:684, punt 41), u tal‑1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr (C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 45).
( 46 ) Ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1970, SACE (33/70, EU:C:1970:118, punt 13), u tal‑4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 12), u tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punti 27 et seq.).
( 47 ) Ara, dwar il-possibbiltà ta’ speċifikazzjoni ta’ dispożizzjoni permezz tal-ġurisprudenza, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 14).
( 48 ) F’dan is-sens il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, pereżempju fis-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Protect Natur-, Arten- und Landschaftsschutz Umweltorganisation (C‑664/15, EU:C:2017:987, punti 45 et seq., 55 et seq.), li dispożizzjoni nazzjonali li ma tiggarantixxix il-protezzjoni minima prevista fl-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus ma tistax tiġi applikata. Ara wkoll is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Djurgården-Lilla Värtans Miljöskyddsförening (C‑263/08, EU:C:2009:631, punt 45).
( 49 ) B’hekk hija irrilevanti d-data tal‑10 ta’ Lulju 2006 li fiha saret id-dikjarazzjoni ta’ insolvenza. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, id-dritt tal-Unjoni fi kwalunkwe każ japplika għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li jkunu bdew fil-passat; ara, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2013, Gemeinde Altrip et (C‑72/12, EU:C:2013:712, punt 22) u tas‑26 ta’ Marzu 2015, Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage (C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 32).
( 50 ) Sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2007, Robins et (C‑278/05, EU:C:2007:56, punti 36 et seq.).
( 51 ) Sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2001, Gharehveran (C‑441/99, EU:C:2001:551, punt 44) dwar id-Direttiva preċedenti 80/987.
( 52 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2001, Gharehveran (C‑441/99, EU:C:2001:551, punt 40).
( 53 ) Sentenza tad‑19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C‑6/90 u C‑9/90, EU:C:1991:428, punt 25). Fil-kawża Wagner Miret imbagħad kienet saret implementazzjoni parzjali biss u minħabba f’hekk ċerti oqsma kienu għadhom lanqas biss ġew irregolati, b’tali mod li l-marġni ta’ diskrezzjoni nazzjonali wkoll kien għadu ma ġiex eżawrit; ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1993 (C‑334/92, EU:C:1993:945, punti 16 et seq.).
( 54 ) Dwar dawn il-kriterji ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2001, Gharehveran (C‑441/99, EU:C:2001:551, punt 41).
( 55 ) Ara pereżempju s-sentenzi tad‑19 ta’ Jannar 1982, Becker (8/81, EU:C:1982:7, punt 25), tat‑8 ta’ Ottubru 1987, Kolpinghuis Nijmegen (80/86, EU:C:1987:431, punt 7), tat‑22 ta’ Ġunju 1989, Costanzo (103/88, EU:C:1989:256, punt 31) u tat‑28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse (C‑363/05, EU:C:2007:391, punt 58).
( 56 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 18), tal‑4 ta’ Diċembru 1997, Kampelmann et (C‑253/96 sa C‑258/96, EU:C:1997:585, punt 46), u tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 33).
( 57 ) Sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 18), tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 39), u tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punt 33).
( 58 ) Dwar dawn il-kriterji ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punti 38 et seq.).
( 59 ) Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tat‑12 ta’ Lulju 1990, Foster et (C‑188/89, EU:C:1990:313, punt 18), tal‑4 ta’ Diċembru 1997, Kampelmann et (C‑253/96 sa C‑258/96, EU:C:1997:585, punt 46), tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez (C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 39), u tal‑10 ta’ Ottubru 2017, Farrell (C‑413/15, EU:C:2017:745, punti 38 et seq.).
( 60 ) Sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 1994, Faccini Dori (C‑91/92, EU:C:1994:292, punt 25), tad‑9 ta’ Marzu 2004, Pfeiffer et (C‑397/01 sa C‑403/01, EU:C:2004:584, punt 108), tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale (C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 36), u tad‑19 ta’ April 2016, Dansk Industri (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 30).
( 61 ) F’dan is-sens, is-sentenzi tas‑26 ta’ Settembru 2000, Unilever (C‑443/98, EU:C:2000:496, punti 49 et seq.), tas‑7 ta’ Jannar 2004, Wells (C‑201/02, EU:C:2004:12, punt 57), tas‑17 ta’ Lulju 2008, Arcor et (C‑152/07 sa C‑154/07, EU:C:2008:426, punt 36), u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, T-Mobile Czech Republic u Vodafone Czech Republic (C‑508/14, EU:C:2015:657, punt 48).
( 62 ) Ara s-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2008, Arcor et (C‑152/07 sa C‑154/07, EU:C:2008:426, punt 38).