EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CJ0176

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Jannar 2014.
Association de médiation sociale vs Union locale des syndicats CGT et.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza).
Politika soċjali – Direttiva 2002/14/KE – Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 27 – Issuġġettar tal-ħolqien ta’ istituzzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal għal ċerti limiti ta’ ħaddiema impjegati – Kalkolu tal-limiti – Leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni – Rwol tal-qorti nazzjonali.
Kawża C‑176/12.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2014:2

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

15 ta’ Jannar 2014 ( *1 )

“Politika soċjali — Direttiva 2002/14/KE — Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 27 — Issuġġettar tal-ħolqien ta’ istituzzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal għal ċerti limiti ta’ ħaddiema impjegati — Kalkolu tal-limiti — Leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni — Rwol tal-qorti nazzjonali”

Fil-Kawża C‑176/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ April 2012, fil-proċedura

Association de médiation sociale

vs

Union locale des syndicats CGT,

Hichem Laboubi,

Union départementale CGT des Bouches-du-Rhône,

Confédération générale du travail (CGT),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi-President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, u M. Safjan, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, E. Levits (Relatur), J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev, C. Toader, D. Šváby, M. Berger u A. Prechal, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Union locale des syndicats CGT, H. Laboubi, l-Union départementale CGT des Bouches-du-Rhône u l-Confédération générale du travail (CGT), minn H. Didier u F. Pinet, avukati,

għall-Gvern Franċiż, minn N. Rouam kif ukoll minn G. de Bergues u J. Rossi, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn K. Petersen, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u C. Wissels, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn J. Faldyga u A. Siwek, kif ukoll minn B. Majczyna u M. Szpunar, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren, D. Martin u G. Rozet, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-18 ta’ Lulju 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), kif ukoll tad-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2003, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 219).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Association de médiation sociale (iktar ’il quddiem l-“AMS”) u l-Union locale des syndicats de la Confédération générale du travail CGT kif ukoll H. Laboubi, l-Union départementale CGT des Bouches-du-Rhône u l-Confédération générale du travail (CGT) dwar l-implementazzjoni mill-unjoni sindakali lokalment kompetenti, ta’ istituzzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal fi ħdan l-AMS.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

L-Artikolu 27 tal-Karta huwa fformulat kif ġej:

“Il-ħaddiema jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom, fil-livelli xierqa, jkunu ggarantiti informazzjoni u konsultazzjoni fi żmien utli, fil-każijiet u skond il-kondizzjonijiet previsti mil-liġi ta’ l-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.”

4

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/30, intitolat “L-għanijiet”, jipprovdi:

“1.   L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas ġenerali li jqiegħed il-ħtiġiet minimi għad-dritt ta’ l-informazzjoni u l-konsultazzjoni ta’ l-impjegati f’impriża jew fi stabbeliment fi ħdan il-Komunità.

2.   L-arranġamenti prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni għandhom ikunu definti w implementati bi qbil mal-liġi nazzjonali u l-prattiċi tar-relazzjonijiet industrijali fi Stati Membri ndividwali b’tali mod hekk li jassiguraw l-effettività tagħhom.

[…]”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

[...]

d)

‘impjegat’ tfisser kwalunkwe persuna li, fl-Istat Membru kkonċernat, hija protetta bħala impjegat permezz tal-liġi nazzjonali ta’ l-impiegi u bi qbil mal-prattika nazzjonali;

[...]”

6

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”, jippreċiża fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tkun tapplika, skont il-għażla magħmula mill-Istati Membri, għal:

a)

impriżi li jimpjegaw mill-anqas 50 impjegat fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri, jew

b)

impriżi li jimpjegaw mill-anqas 20 impjegat fi kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri.

L-Istati Membri għandhom jiddetterminaw il-metodu għall-kalkolazzjoni tal-limiti tal-ħaddiema mpjegati.”

7

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/14, intitolat “Arranġament prattiċi għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bi qbil mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 1 u mingħajr preġudizju għal xi disposizzjonijiet u/jew prattiċi eżistenti li huma aktar favorevoli għal-ħaddiema, l-Istati Membri għandhom jiddetterminaw l-arranġamenti prattiċi għall-eżerċitar tad-dritt ta’ l-infomazzjoni u l-konsultazzjoni fil-livell xieraq bi qbil ma dan l-Artikolu.”

8

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2002/14 jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jadottaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma din id-Direttiva mhux iktar tard mit-23 ta’ Marzu 2005 jew biex jiżguraw li s-soċji u l-ħaddiema jintroduċu sa dik id-data d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim, l-Istati Membri jkunu obbligati li jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti mill-imsemmija direttiva fi kwalunkwe waqt.

Il-leġiżlazzjoni Franċiża

9

Skont l-Artikolu L. 2312-1 tal-Kodiċi Industrijali l-elezzjoni tad-delegati tal-persunal hija obbligatorja għall-istabbilimenti kollha li għandhom tal-inqas ħdax-il impjegat.

10

Meta l-impriża jew l-istabbiliment ikollhom ħamsin impjegat jew iktar, l-organizzazzjonijiet sindakali għandhom jaħtru, skont l-Artikoli L. 2142-1-1 u L. 2143-3 ta’ dan il-kodiċi, rappreżentant sindakali, u joħolqu, skont l-Artikolu L. 2322-1, kunsill tax-xogħol.

11

L-Artikolu L. 1111-2 tal-Kodiċi Industrijali jipprovdi:

“Għall-implementazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi, l-impjegati tal-impriża huma kkalkulati skont id-dispożizzjonijiet segwenti:

L-impjegati li għandhom kuntratt ta’ xogħol għal perijodu mhux determinat full time u l-ħaddiema li jaħdmu mid-dar huma kollha kkunsidrati bħala impjegati tal-impriża;

L-impjegati li għandhom kuntratt għal perijodu determinat, l-impjegati li għandhom kuntratt tax-xogħol intermittenti, il-ħaddiema li qegħdin għad-dispożizzjoni tal-impriża permezz ta’ impriża esterna, li huma preżenti fil-post tal-impriża utenti u li ilhom jaħdmu hemmhekk tal-inqas għal sena, kif ukoll l-impjegati temporanji, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fin-numru ta’ impjegati tal-impriża skont il-proporzjon taż-żmien tagħhom ta’ preżenza matul it-tnax-il xahar preċedenti. Madankollu l-impjegati b’kuntratt għal perijodu determinat u l-impjegati li qegħdin għad-dispożizzjoni tal-impriża permezz ta’ impriża esterna, inklużi l-impjegati temporanji, huma esklużi mill-għadd tal-impjegati fejn ikunu qed jissostitwixxu impjegat assenti jew fejn il-kuntratt tax-xogħol huwa sospiż, b’mod partikolari minħabba leave tal-maternità, leave minħabba adozzjoni jew leave parentali ta’ edukazzjoni;

L-impjegati part time, tkun xi tkun in-natura tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom, huma kkunsidrati fil-kalkolu billi ssir diviżjoni tas-somma totali tas-sigħat imniżżla fil-kuntratti tax-xogħol tagħhom skont it-tul taż-żmien legali jew it-tul taż-żmien kuntrattwali tax-xogħol.”

12

L-Artikolu L 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali jipprovdi:

“Ma humiex inklużi fil-kalkolu tal-persunal ta’ impriża:

1°)

apprendisti;

2°)

Persuni li huma marbuta b’kuntratt inizjattiva-impjieg, matul it-tul fis-seħħ tal-ftehim previst fl-Artikolu 5134‑66;

3°)

(Imħassar);

4°)

Persuni li għandhom kuntratt ta’ assistenza fl-impjieg matul it-tul tal-ftehim imsemmi fl-Artikolu L. 5134-19-1;

5°)

(Imħassar);

6°)

Persuni li huma marbuta b’kuntratt ta’ taħriġ professjonali sat-terminu previst fil-kuntratt, meta dan huwa ta’ żmien determinat, jew sakemm jintemm il-perijodu ta’ taħriġ professjonali, meta l-kuntratt ikun għal żmien indeterminat.

Madankollu, dawn il-persuni impjegati għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali dwar it-tariffi tar-riskji ta’ inċidenti fil-post tax-xogħol u għall-mard ikkaġunat mix-xogħol.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

13

L-AMS hija assoċjazzjoni rregolata mil-Liġi tal-1 ta’ Lulju 1901 dwar il-kuntratt ta’ assoċjazzjoni. Din l-assoċjazzjoni tipparteċipa fl-implementazzjoni ta’ mezzi ta’ medjazzjoni soċjali u ta’ prevenzjoni tad-delinkwenza fiż-żona urbanistika ta’ Marseille (Franza). Hija għandha wkoll il-missjoni li tiffavorixxi l-inserzjoni mill-ġdid professjonali ta’ persuni mingħajr impjieg jew li qegħdin isibu diffikultajiet soċjali u professjonali ta’ aċċess għall-impjieg. F’dan ir-rigward, l-AMS tipproponilhom li jiksbu taħriġ professjonali fil-qasam tal-medjazzjoni soċjali permezz ta’ proġett professjonali individwali.

14

Fl-4 ta’ Ġunju 2010, l-Union départementale CGT des Bouches-du-Rhône ħatret lil H. Laboubi bħala rappreżentant tat-taqsima sindakali maħluqa fi ħdan l-AMS.

15

L-AMS tikkontesta din il-ħatra. Hija tikkunsidra li n-numru tal-impjegati tagħha huwa ta’ inqas minn ħdax u, a fortiori, ta’ inqas minn ħamsin impjegat u li, għaldaqstant, hija ma għandhiex, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali relevanti, tieħu miżuri ta’ rappreżentazzjoni tal-ħaddiema bħall-elezzjoni ta’ delegat tal-persunal.

16

Fil-fatt, sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-limiti ta’ ħdax jew ħamsin impjegat intlaħqux fi ħdan l-assoċjazzjoni, skont l-AMS għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tan-numru ta’ impjegati, skont l-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali, l-apprendisti, il-ħaddiema fuq kuntratt ta’ inizjattiva-impjieg jew kuntratt ta’ assistenza fl-impjieg kif ukoll il-ħaddiema li għandhom kuntratti ta’ professjonalizzazzjoni (iktar ’il quddiem il-“ħaddiema li għandhom kuntratti aġevolati”).

17

It-tribunal d’instance ta’ Marseille, adita b’talba tal-AMS intiża għall-annullament tal-ħatra ta’ H. Laboubi bħala rappreżentant tat-taqsima sindakali CGT kif ukoll b’kontrotalba ta’ dan is-sindakat intiża sabiex l-AMS tiġi ordnata torganizza elezzjonijiet għall-finijiet tal-implementazzjoni ta’ istituzzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal fi ħdanu, għamlet talba prijoritarja ta’ konstituzzjonalità lill-Cour de cassation dwar id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali.

18

Il-Cour de cassation ressqet din id-domanda quddiem il-Conseil constitutionnel. Fid-29 ta’ April 2011, dan tal-aħħar iddikjara li l-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali hija konformi mal-Kostituzzjoni.

19

Quddiem it-tribunal d’instance ta’ Marseille, H. Laboubi u l-Union locale des syndicats CGT des Quartiers Nord — li l-Union départementale des Syndicats CGT des Bouches-du-Rhône u l-CGT ingħaqdu magħha volontarjament — sostnew li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali huma madankollu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni kif ukoll kontra l-obbligi internazzjonali tar-Repubblika Franċiża.

20

Billi reġa’ ddeċieda fis-7 ta’ Lulju 2011, it-tribunal d’instance ta’ Marseille laqa’ dan l-argument u ċaħad l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali peress li dawn ma humiex konformi mad-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-imsemmi tribunal ivvalida l-ħatra ta’ H. Laboubi bħala rappreżentant ta’ taqsima sindakali, wara li kkonstata li, fin-nuqqas tal-applikazzjoni tal-esklużjonijiet stabbiliti mill-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali, in-numru ta’ impjegati tal-assoċjazzjoni inkwistjoni jaqbeż sewwa l-limitu ta’ ħamsin impjegat.

21

L-AMS appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Cour de cassation

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi l-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel is-segwenti domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Id-dritt fundamentali għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-impjegati, irrikonoxxut mill-Artikolu 27 tal-[Karta], kif ippreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva [2002/14/KE], jista’ jiġi invokat f’kawża bejn individwi bil-għan li tiġi vverifikata l-konformità ta’ miżura nazzjonali ta’ traspożizzjoni tad-direttiva?

2)

Jekk it-tweġiba tkun fl-affermattiv, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li teskludi mill-kalkolu tal-ħaddiema tal-kumpannija, partikolarment sabiex jiġu ddeterminati il-limiti legali għall-implementazzjoni ta’ istituzzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal, l-impjegati li għandhom il-kuntratti [aġevolati]?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, essenzjalment, jekk l-Artikolu 27 tal-Karta, waħdu jew flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, bħall-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali tkun inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan l-artikolu tal-Karta jista’ jiġi invokat f’kawża bejn individwi sabiex ma tiġix applikata l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali.

24

F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrelevat li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li d-Direttiva 2002/14 iddefiniet, fl-Artikolu 2(d), il-kuntest tal-persuni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tan-numru tal-impjegati tal-impriża, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu mill-imsemmi kalkolu kategorija determinata ta’ persuni li jaqgħu inizjalment taħt dan il-kuntest (ara s-sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Confédération générale du travail et, C-385/05, Ġabra p. I-611, punt 34).

25

Fil-fatt, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li teskludi mill-kalkolu tan-numru ta’ impjegati tal-impriża kategorija partikolari ta’ ħaddiema, għandha l-konsegwenza li teħles ċerti persuni li jimpjegaw mill-obbligi previsti fid-Direttiva 2002/14 u li ċċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet tagħhom rikonoxxuti minn din. Konsegwentement, din hija ta’ natura li tneħħi s-sustanza mill-imsemmija drittijiet u għalhekk tostakola d-direttiva mill-effettività tagħha (ara s-sentenza Confédération générale du travail et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

26

Ċertament, hija ġurisprudenza stabbilita l-promozzjoni tal-impjieg, adottata mill-Gvern Franċiż fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika soċjali u li l-Istati Membri għandhom, fl-għażla tal-miżuri li jistgħu jwettqu l-għanijiet tagħhom ta’ politika soċjali, marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa (ara s-sentenza Confédération générale du travail et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Istati Membri għandhom fil-qasam tal-politika soċjali ma jistax ikollu l-effett li jħalli mingħajr sustanza l-implementazzjoni ta’ prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni jew ta’ dispożizzjoni ta’ dan l-istess dritt (ara s-sentenza Confédération générale du travail et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

28

Issa, interpretazzjoni tad-Direttiva 2002/14, li tgħid li l-Artikolu 3(1) tagħha jippermetti lill-Istati Membri li jeskludu mill-kalkolu tan-numru tal-impjegati tal-impriża kategorija partikolari ta’ ħaddiema għal raġunijiet bħal dawk imressqa mill-Gvern Franċiż fil-kawża prinċipali, hija inkompatibbli mal-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex ikunu jistgħu jiggarantixxu r-riżultati imposti mid-Direttiva 2002/14, sa fejn timplika li huwa permess għall-Istati Membri li jaħarbu minn dan l-obbligu ta’ riżultat ċar u preċiż impost mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza Confédération générale du travail et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik fl-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali, li teskludi, l-ħaddiema li għandhom kuntratti aġevolati mill-kalkolu tan-numru ta’ impjegati tal-impriża fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-limiti legali ta’ stabbiliment ta’ istituzzjonijiet rappreżentattivi tal-persunal.

30

Fit-tieni lok, jaqbel li jiġi eżaminat jekk id-Direttiva 2002/14, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex ikun hemm effett dirett u, jekk tali jkun il-każ, jekk il-konvenuti fil-kawża prinċipali jistgħux jużawh kontra l-AMS.

31

F’dan ir-rigward, huwa importanti li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonali u preċiżi biżżejjed, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat, kemm meta dan ikun naqas milli jittrasponi fit-terminu tad-direttiva, kemm meta jittrasponi b’mod żbaljat (ara s-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Pfeiffer et, C-397/01 sa C-403/01, Ġabra p. I-8835, punt 103 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 jipprovdi li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-mod ta’ kalkolu tal-limiti ta’ ħaddiema impjegati.

33

Għalkemm l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14 iħalli għall-Istati Membri ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fl-adozzjoni tal-miżuri neċessarji għall-implementazzjoni ta’ din id-direttiva, dan il-fatt ma jaffettwax, madankollu, in-natura preċiża u inkondizzjonali tal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-ħaddiema kollha, li tinsab f’dan l-artikolu.

34

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, kif ġie enfasizzat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, li peress li d-Direttiva 2002/14 ddefiniet il-kuntest tal-persuni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu, l-Istati Membri ma jistgħux jeskludu mill-imsemmi kalkolu kategorija ta’ persuni li inizjalment kienu jaqgħu taħt dan il-kuntest. Għalhekk, għalkemm l-imsemmija direttiva ma tippreskrivix il-mod kif l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-ħaddiema li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha fil-kalkolu tal-limiti tal-ħaddiema impjegati, hija tippreskrivi madankollu li għandhom jeħduhom inkunsiderazzjoni (ara s-sentenza Confédération générale du travail et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).

35

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza stabbilita dwar l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2004/14 (ara s-sentenza Confédération générale du travail et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40) minn dan isegwi li din id-dispożizzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiġi prodott effett dirett.

36

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, anki dispożizzjoni ċara, preċiża u inkondizzjonali ta’ direttiva intiża sabiex tikkonferixxi drittijiet jew timponi obbligi fuq individwi ma tistax tiġi applikata bħala tali fil-kuntest ta’ kawża esklużivament bejn individwi (ara s-sentenzi Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 109, kif ukoll tad-19 ta’ Jannar 2010, Kücükdeveci, C-555/07, Ġabra p. I-365, punt 46).

37

F’dan ir-rigward, ġie kkonstatat fil-punt 13 ta’ din is-sentenza li l-AMS hija assoċjazzjoni rregolata mid-dritt privat, anki jekk għandha vokazzjoni soċjali. Minn dan jirriżulta li, minħabba n-natura ġuridika tal-AMS, il-konvenuti fil-kawża prinċipali ma jistgħux jużaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, bħala tali, kontra din l-assoċjazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C-282/10, punt 42).

38

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li qorti nazzjonali, meta tkun adita b’kawża esklużivament bejn individwi, hija marbuta, fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt intern adottati sabiex jiġu trasposti l-obbligi previsti minn direttiva, li tieħu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u li tinterpretahom, sa fejn ikun possibbli, fid-dawl tat-test kif ukoll fid-dawl tal-għan finali ta’ din id-direttiva sabiex twassal għal soluzzjoni konformi mal-għan tagħha (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, Adeneler et, C-212/04,Ġabra. p. I-6057, punt 111, kif ukoll Pfeiffer et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 119 u Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

39

Madankollu, l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali għandu ċertu limiti. Għalhekk, l-obbligu għall-qorti nazzjonali li tirreferi għall-kontenut ta’ direttiva meta tinterpreta u tapplika r-regoli relevanti tad-dritt intern huwa limitat mill-prinċipji ġenerali tad-dritt u ma jistax iservi ta’ bażi għal interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali (ara s-sentenza tal-15 ta’ April 2008, Impact, C-268/06, Ġabra p. I-2483, punt 100, u Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

40

Fil-kawża prinċipali, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li l-Cour de cassation hija kkonfrontata b’tali limitu, b’mod li l-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali ma jistax jiġi interpretat b’mod konformi mad-Direttiva 2002/14.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi vverifikat, fit-tielet lok, jekk is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hijiex simili għal dik fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod li l-Artikolu 27 tal-Karta, waħdu jew flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, jista’ jiġi invokat f’kawża bejn individwi sabiex titwarrab, skont il-każ, id-dispożizzjoni nazzjonali mhux konformi mal-imsemmija direttiva.

42

Fir-rigward tal-Artikolu 27 tal-Karta, bħala tali, għandu jitfakkar, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-drittijiet fundamentali żgurati fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni għandhom japplikaw fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson, C-617/10, punt 19).

43

Għalhekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tikkostitwixxi l-implementazzjoni tad-Direttiva 2002/14, l-Artikolu 27 tal-Karta għandu jiġi applikat fil-kawża prinċipali.

44

Għandu jiġi rrilevat ukoll li l-Artikolu 27 tal-Karta, intitolat, “id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża”, jipprovdi li l-ħaddiema għandhom ikollhom iggarantit, f’livelli differenti, l-informazzjoni u l-konsultazzjoni fil-każijiet u kundizzjonijiet previsti mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll mil-leġiżlazzjonijiet u prattiċi nazzjonali.

45

Għalhekk mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Karta jirriżulta b’mod ċar li, sabiex dan l-artikolu jħalli l-effetti sħaħ tiegħu, għandu jiġi ppreċiżat mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali.

46

Fil-fatt, il-projbizzjoni, prevista fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2002/14, u indirizzata lill-Istati Membri, li tiġi eskluża mill-kalkolu l-impjegati tal-impriża kategorija partikolari ta’ ħaddiema taqa’ inizjalment fil-kuntest tal-persuni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-imsemmi kalkolu, ma tista’ tiġi dedotta, bħala regola ta’ liġi direttament applikabbli, la mill-formulazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Karta u lanqas mill-ispjegazzjonijiet dwar dan l-artikolu.

47

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, li l-fatti tal-kawża prinċipali huma differenti minn dawk li wasslu għas-sentenza Kücükdeveci, iċċitata iktar ’il fuq, sa fejn il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni minħabba l-età, inkwistjoni f’din l-aħħar kawża, stabbilit fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, huwa biżżejjed, waħdu, biex jagħti lill-individwi dritt suġġettiv invokabbli bħala tali.

48

Għaldaqstant, l-Artikolu 27 tal-Karta ma jistax, bħala tali, jiġi invokat f’kawża, bħal dik fil-kawża prinċipali, sabiex jiġi konkluż li d-dispożizzjoni nazzjonali mhux konformi mad-Direttiva 2002/14, għandha titwarrab.

49

Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-kumbinazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Karta mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, peress li, sa fejn dan l-artikolu ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli bħala tali, ma jistax ikun differenti f’każ ta’ tali kumbinazzjoni.

50

Madankollu, il-parti leża min-nuqqas ta’ konformità tad-dritt nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni tista’ tuża l-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tad-19 ta’ Novembru 1991, Francovich et (C-6/90 u C-9/90, Ġabra p. I-5357), sabiex tikseb, skont il-każ, ħlas għad-dannu li tkun sofriet (ara s-sentenza Dominguez, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

51

Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li l-Artikolu 27 tal-Karta, waħdu jew flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, bħall-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali, tirriżulta inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan l-artikolu tal-Karta ma jistax jiġi invokat f’kawża bejn individwi sabiex titwarrab id-dispożizzjoni nazzjonali.

Fuq l-ispejjeż

52

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, waħdu jew flimkien mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/14 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 2003, li tistabbilixxi qafas ġenerali dwar l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati fil-Komunità Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta dispożizzjoni nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, bħall-Artikolu L. 1111-3 tal-Kodiċi Industrijali Franċiż, tirriżulta inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, dan l-artikolu tal-Karta ma jistax jiġi invokat f’kawża bejn individwi sabiex titwarrab id-dispożizzjoni nazzjonali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top