Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex
Dokument 62012CJ0571
Judgment of the Court (Third Chamber), 27 February 2014.#Greencarrier Freight Services Latvia SIA v Valsts ieņēmumu dienests.#Request for a preliminary ruling from the Augstākās tiesas Senāts.#Reference for a preliminary ruling — Community Customs Code — Articles 70(1) and 78 — Customs declarations — Partial examination of goods — Sampling — Incorrect code — Application of the results to identical goods covered by earlier customs declarations after release — Post-release examination — Impossible to request a further examination of the goods.#Case C‑571/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Frar 2014.
Greencarrier Freight Services Latvia SIA vs Valsts ieņēmumu dienests.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikoli 70(1) u 78 — Dikjarazzjonijiet doganali — Eżami parzjali tal-merkanzija — Teħid ta’ kampjuni — Kodiċi inkorrett — Estensjoni tar-riżultati għall-merkanzija identika koperta minn dikjarazzjonijiet doganali preċedenti wara l-għoti tar-rilaxx — Eżami wara r-rilaxx — Impossibbiltà li jintalab eżami supplimentari tal-merkanzija.
Kawża C‑571/12.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Frar 2014.
Greencarrier Freight Services Latvia SIA vs Valsts ieņēmumu dienests.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Augstākās tiesas Senāts.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikoli 70(1) u 78 — Dikjarazzjonijiet doganali — Eżami parzjali tal-merkanzija — Teħid ta’ kampjuni — Kodiċi inkorrett — Estensjoni tar-riżultati għall-merkanzija identika koperta minn dikjarazzjonijiet doganali preċedenti wara l-għoti tar-rilaxx — Eżami wara r-rilaxx — Impossibbiltà li jintalab eżami supplimentari tal-merkanzija.
Kawża C‑571/12.
Rapporti tal-qorti - ġenerali
IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2014:102
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
27 ta’ Frar 2014 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikoli 70(1) u 78 — Dikjarazzjonijiet doganali — Eżami parzjali tal-merkanzija — Teħid ta’ kampjuni — Kodiċi inkorrett — Estensjoni tar-riżultati għall-merkanzija identika koperta minn dikjarazzjonijiet doganali preċedenti wara l-għoti tar-rilaxx — Eżami wara r-rilaxx — Impossibbiltà li jintalab eżami supplimentari tal-merkanzija”
Fil-Kawża C‑571/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja), b’deċiżjoni tal-21 ta’ Novembru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura
Greencarrier Freight Services Latvia SIA
vs
Valsts ieņēmumu dienests,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund, A. Ó Caoimh (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Ottubru 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Greencarrier Freight Services Latvia SIA, minn A. Brunavs, assistit minn B. Cera, avukat, |
— |
għall-Gvern Latvjan, minn I. Kucina kif ukoll minn K. Freimanis u I. Kalninš, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, minn M. J. García-Valdecasas Dorrego, bħala aġent, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Keppenne kif ukoll minn A. Sauka u B.‑R. Killmann, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2013,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Doganali”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Greencarrier Freight Services Latvia SIA (iktar ’il quddiem “GFSL”), kumpannija b’responsabbiltà limitata rregolata mid-dritt Latvjan, u l-Valsts ieņēmumu dienests (amministrazzjoni fiskali Latvjana, iktar ’il quddiem il-“VID”), dwar it-teħid ta’ dazji fuq l-importazzjoni u l-impożizzjoni ta’ multa waqt eżami wara r-rilaxx ta’ diversi dikjarazzjonijiet doganali. |
Il-kuntest ġuridiku
3 |
Il-ħames u s-sitt premessi tal-Kodiċi Doganali huma fformulati kif ġej: “Billi, sabiex jinkiseb bilanċ bejn il-ħtiġijiet tal-awtoritajiet doganali fir-rigward li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tal-leġislazzjoni doganali, min-naħa l-waħda, u d-dritt ta’ negozjanti li jiġu ttrattati b’mod ġust, min-naħa l-oħra, l-imsemmija awtoritajiet għandu jingħatalhom, fost oħrajn, poteri estensivi ta’ kontroll u lill-imsemmija negozjanti d-dritt ta’ appell; billi l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ appelli doganali tagħmilha neċessarja għar-Renju Unit li jintroduċi proċeduri amministrattivi ġodda li ma jistgħux jiġu mwettqa qabel l-1 ta’ Jannar 1995; Billi minħabba l-importanza kbira ferm tal-kummerċ estern għall-Komunità, formalitajiet u kontrolli doganali għandhom jiġu aboliti jew għallinqas jinżammu f’livell minimu.” |
4 |
L-Artikolu 68 ta’ dan il-kodiċi jistabbilixxi: “Għall-verifika tad-dikjarazzjonijiet li jkunu aċċettaw, l-awtoritajiet doganali jistgħu:
|
5 |
Skont l-Artikolu 70 tal-imsemmi kodiċi: “1. Fejn parti biss mill-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni tkun eżaminata, ir-riżultati ta’ l-eżami parzjali għandhom jittieħdu bħala li jgħoddu għall-merkanzija kollha koperta b’dik id-dikjarazzjoni. Iżda, id-dikjarant jista’ jitlob eżami ieħor tal-merkanzija jekk jidhirlu li r-riżultati ta’ l-eżami parzjali m’humiex validi fir-rigward tal-bqija tal-merkanzija dikjarata. 2. Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1, meta formola ta’ dikjarazzjoni tkopri żewġ oġġetti jew aktar, id-dettalji dwar kull oġġett għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu dikjarazzjoni separata.” |
6 |
L-Artikolu 71 ta’ dan l-istess kodiċi huwa fformulat kif ġej: “1. Ir-riżultati tal-verifika tad-dikjarazzjoni għandhom jintużaw għall-iskopijiet ta’ l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura doganali li taħtha tpoġġiet il-merkanzija. 2. Fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix verifikata, id-dispożizzjonijiet li ssir referenza għalihom fil-paragrafu 1 għandhom jiġu applikati skond il-bażi tad-dettalji li jkunu jinsabu fid-dikjarazzjoni.” |
7 |
L-Artikolu 78 ta’ dan il-kodiċi jipprovdi: “1. L-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq inizjattiva tagħhom jew fuq talba ta’ min jagħmel id-dikjarazzjoni, jemendaw id-dikjarazzjoni wara l-ħelsien tal-merkanzija. 2. L-awtoritajiet doganali jistgħu, wara li jeħilsu l-merkanzija u sabiex jissodisfaw ruħhom li d-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni huma eżatti, jispezzjonaw id-dokumenti kummerċjali u data li għandha x’taqsam ma’ l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u esportazzjoni fir-rigward tal-merkanzija konċernata jew operazzjonijiet kummerċjali sussegwenti li jinvolvu dik il-merkanzija. Spezzjonijiet bħal dawk jistgħu jsiru fil-fond tad-dikjarant, ta’ kull persuna oħra direttament jew indirettament involuta f’dawk l-operazzjonijiet f’kapaċità kummerċjali jew ta’ kull persuna oħra li jkollha f’idejha d-dokument u d-data imsemmija għal skopijiet kummerċjali. Dawk l-awtoritajiet jistgħu ukoll jeżaminaw il-merkanzija meta jkun għadu possibbli li din tkun prodotta. 3. Fejn reviżjoni tad-dikjarazzjoni jew eżami wara l-ħelsien tal-merkanzija jindika illi d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ dwana involuta ġew applikati fuq il-bażi ta’ informazzjoni skorretta jew mhux sħiħa, l-awtoritajiet doganali għandhom, skond kull dispożizzjoni stipulata, jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jirregolarizzaw is-sitwazzjoni, wara li tkun ikkunsidrata l-informazzjoni ġdida disponibbli għalihom.” |
8 |
Skont l-Artikolu 221(1) u (3) ta’ dan il-Kodiċi: “1. Malli jkun iddaħħal fil-kontijiet, l-ammont ta’ dazju għandu jiġi kkomunikat lid-debitur skond il-proċeduri li jkunu xierqa. [...] 3. Komunikazzjoni lid-debitur m’għandhiex issir wara l-għeluq ta’ perjodu ta’ tliet snin mid-data li fiha d-dejn doganali jkun ġie inkors [...].” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 |
GFSL timporta mir-Russja, f’isem Hantas SIA, gallettini u ċikkulata għal ċirkulazzjoni libera fl-Unjoni Ewropea. |
10 |
Matul ix-xhur ta’ April u Mejju 2007, VID wettqet spezzjoni tad-dazji doganali mħallsa minn Hantas SIA bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru 2006 abbażi ta’ 35 dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati minn GFSL, li kellha titqies li hija debitriċi f’każ ta’ dejn doganali. |
11 |
Dan l-eżami seħħ wara t-teħid u l-analiżi, mill-VID, ta’ kampjuni relatati ma’ sitt dikjarazzjonijiet doganali mwettqa matul ix-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni”). Billi bbażat fuq ir-riżultati ta’ dan l-eżami, il-VID osservat li, fid-29 dikjarazzjonijiet doganali ppreżentati bejn l-4 ta’ Ġunju 2004 u d-29 ta’ Novembru 2005, li jinkludu s-sitt dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni, GFSL iddikjarat il-merkanzija importata fl-Unjoni sabiex din titqiegħed f’ċirkulazzjoni libera skont il-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda għall-klassifikazzjoni tagħha fit-Tariffa Integrata tal-Komunitajiet Ewropej (TARIC) stabbilita fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382) |
12 |
B’deċiżjoni tal-31 ta’ Mejju 2007, il-VID informat lil GFSA b’dejn doganali, iffissat l-ammonti tad-dazji fuq l-importazzjoni u tat-taxxa fuq il-valur miżjud, miżjuda bl-interessi moratorji u imponiet fuqha multa minħabba applikazzjoni inkorretta tal-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda. |
13 |
L-ilment ta’ GFSL kontra din id-deċiżjoni ġie miċħud b’deċiżjoni tal-VID tal-14 ta’ Settembru 2007. |
14 |
Din id-deċiżjoni ta’ ċaħda kienet is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem l-administratīvā rajona tiesa (tribunal amministrattiv distrettwali), li laqgħu parzjalment b’deċiżjoni tad-29 ta’ Ġunju 2009, li ġiet ikkonfermata mill-Administratīvā apgabaltiesa (Qorti amministrattiva reġjonali ta’ Appell). Din tal-aħħar iddeċidiet, b’sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011 li, jekk id-dazji fuq l-importazzjoni, it-taxxa fuq il-valur miżjud u l-multa li tikkonċerna l-merkanzija msemmija fid-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni kienu ġew stabbiliti fid-dritt, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-14 ta’ Settembru 2007 kellha, għall-kumplament, tiġi annullata, għar-raġuni li l-VID, bi ksur tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali, kienet applikat b’mod żbaljat ir-riżultati tal-eżami tal-merkanzija msemmija fid-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni għall-merkanzija koperta minn 23 dikjarazzjonijiet oħra mwettqa bejn l-4 ta’ Ġunju 2004 u s-6 ta’ Settembru 2005 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet doganali preċedenti”) kif ukoll għall-merkanzija importata iktar minn sena qabel il-merkanzija kkontrollata. Il-VID ma kinitx konsegwentement stabbilixxiet li l-kodiċijiet inkorretti kienu ġew applikati għall-merkanzija inkwistjoni, b’mod li GFSL bl-ebda mod ma kienet obbligata li tipproduċi provi li jikkonċernaw il-proprjetajiet oġġettivi ta’ din il-merkanzija, u dan peress li hija lanqas ma kellha iktar il-possibbiltà li twettaq eżamijiet tagħhom. |
15 |
Kemm il-VID kif ukoll GFSL ippreżentaw appell fil-kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem l-Augstākās tiesas Senāts (Senat tal-Qorti Suprema). |
16 |
Insostenn tal-appell tagħha, il-VID issostni li l-merkanzija li kienet suġġetta għal dikjarazzjonijiet doganali preċedenti kienet identika għal dik imsemmija mid-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni, li għandha l-istess kompożizzjoni, l-istess denominazzjoni, l-istess dehra u l-istess manifattur kif huwa pprovat mill-informazzjoni li tidher fiċ-ċertifikati pprovduti minn din tal-aħħar. Il-VID għalhekk għandha dritt, skont il-prinċipju ta’ ekonomija tal-ġudizzju, li ma tivverifikax il-kumplament tal-merkanzija u li tapplika r-riżultati tal-identifikazzjoni għall-merkanzija oħra li hija identika, billi l-GFSL kienet obbligata, min-naħa tagħha, li tipproduċi provi tad-differenza bejn il-merkanzija. |
17 |
Il-qorti tar-rinviju tosserva madankollu li d-dikjarazzjonijiet doganali preċedenti saru iktar minn sena qabel id-dikjarazzjonijiet doganali inkwistjoni, li għalihom kienu ttieħdu kampjuni. Issa, skont GFSL, ma huwiex oġġettivament possibbli li l-merkanzija li kienet suġġetta għal dikjarazzjonijiet doganali preċedenti tiġi suġġetta għal eżami wara t-tranżitu doganali u lanqas li jiġi eżerċitat id-dritt li jintalab eżami supplimentari. |
18 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
Fi kliem ieħor:
|
Fuq id-domandi preliminari
19 |
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet doganali jestendu r-riżultati tal-eżami parzjali ta’ merkanzija msemmija minn dikjarazzjoni doganali, li sar permezz ta’ kampjuni meħuda minn fuq din tal-aħħar, għal merkanzija msemmija minn dikjarazzjonijiet preċedenti magħmula mill-istess dikjarant doganali, li ma kinitx u li ma tistax tiġi suġġetta għal tali eżami, peress li r-rilaxx tal-merkanzija kien diġà sar, meta jirriżulta minn indikazzjonijiet bil-miktub ipprovduti minn dan id-dikjarant li din il-merkanzija kollha taqa’ taħt l-istess kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, hija provenjenti mill-istess manifattur u għandha denominazzjoni kif ukoll kompożizzjoni identika. |
20 |
Hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet doganali billi jipproċedu kemm għal eżami dokumentarju li jirrigwarda d-dikjarazzjoni u d-dokumenti li huma mehmuża magħha, kif ukoll l-eżami tal-merkanzija flimkien ma’ eventwali teħid ta’ kampjuni sabiex tiġi analizzata jew li jsir eżami akkurat. |
21 |
F’dan l-aħħar każ, l-Artikolu 70(1) ta’ dan l-istess kodiċi jipprevedi li, fejn parti biss mill-merkanzija koperta bid-dikjarazzjoni tkun eżaminata, ir-riżultati tal-eżami parzjali għandhom jittieħdu bħala li jgħoddu għall-merkanzija kollha koperta b’dik id-dikjarazzjoni, bla ħsara li d-dikjarant doganali jista’ jitlob eżami ieħor jekk jidhirlu li r-riżultati tal-eżami parzjali ma humiex validi fir-rigward tal-bqija tal-merkanzija ddikjarata. |
22 |
Din id-dispożizzjoni ġenerali għalhekk tistabbilixxi riflessjoni fittizja tal-kwalità uniformi li tippermetti lill-awtoritajiet doganali jestendu r-riżultati ta’ eżami parzjali ta’ merkanzija, li hija suġġetta għall-istess dikjarazzjoni, għall-merkanzija kollha ta’ din id-dikjarazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2006, Nowaco Germany, C-353/04, Ġabra p. I-7357, punti 54 u 55, kif ukoll tal-24 ta’ Novembru 2011, Gebr. Stolle, C-323/10 sa C-326/10, Ġabra p. I-12177, punti 100 u 101). |
23 |
Din id-dispożizzjoni hija intiża, f’dan ir-rigward, li tiggarantixxi proċeduri rapidi u effettivi ta’ ċirkulazzjoni libera billi ma tobbligax lill-awtoritajiet doganali sabiex iwettqu eżami ddettaljat tal-merkanzija kollha li hija suġġetta għal dikjarazzjoni doganali, li ma jikkorrispondix kemm mal-interess tal-operaturi ekonomiċi, li ġeneralment ikunu ħerqana li jitolbu r-rilaxx sabiex ikunu jistgħu jikkummerċjalizzaw malajr il-merkanzija li huma jiddikjaraw, u lanqas mal-interess tal-imsemmija awtoritajiet, li għalihom eżami sistematiku tal-merkanzija ddikjarata jimplika żieda kunsiderevoli ta’ xogħol (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Marzu 2004, Derudder, C-290/01, Ġabra p. I-2041, punt 45). |
24 |
Għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta kemm mit-termini tal-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali kif ukoll mit-tfassil tal-Artikoli 68 sa 74 ta’ dan il-kodiċi li din il-possibbiltà ta’ estensjoni tar-riżultati ta’ eżami parzjali tikkonċerna biss il-merkanzija li hija suġġetta għall-“istess dikjarazzjoni” meta din il-merkanzija tiġi eżaminata mill-awtoritajiet doganali matul il-perijodu preċedenti għall-għoti minn dawn tal-aħħar tar-rilaxx ta’ din il-merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Derudder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43). |
25 |
L-istess dispożizzjoni konsegwentement ma tippermettix lill-awtoritajiet doganali, f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, li jestendu r-riżultati ta’ eżami parzjali tal-merkanzija msemmija minn dikjarazzjonijiet doganali għal merkanzija msemmija minn dikjarazzjonijiet doganali preċedenti li kienet diġà rrilaxxata minn dawn l-awtoritajiet. |
26 |
Minn dan jirriżulta madankollu li tali dikjarazzjonijiet doganali preċedenti ma jistgħux jiġu kkontestati mill-awtoritajiet doganali. |
27 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li permezz tagħha tkun tista’ tiddeċiedi l-kawża li tkun tressqet quddiemha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Marzu 2007, Campina, C-45/06, Ġabra p. I-2089, punt 30, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Fuß, C-243/09, Ġabra p. I-9849, punt 39). |
28 |
Issa, hekk kif il-Gvern Ċek u l-Gvern Spanjol indikaw fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, wara l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija msemmija minn dikjarazzjoni doganali, l-awtoritajiet doganali jistgħu jipproċedu, skont il-każ, ex officio, għar-reviżjoni ta’ tali dikjarazzjoni, skont l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Overland Footwear, C-468/03, Ġabra p. I-8937, punti 62, 64 u 66). |
29 |
Skont l-Artikolu 78(2) ta’ dan il-kodiċi, wara li jkunu rrilaxxaw il-merkanzija, l-awtoritajiet doganali jistgħu fil-fatt jipproċedu għall-eżami tad-dokumenti u tad-data kummerċjali dwar l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni jew ta’ esportazzjoni tal-merkanzija kif ukoll għall-operazzjonijiet kummerċjali ulterjuri relatati mal-istess merkanzija u huma jistgħu wkoll jagħmlu l-eżami ta’ din tal-aħħar, meta din tkun għadha tista’ tiġi ppreżentata. |
30 |
Din id-dispożizzjoni għalhekk tippermetti lill-awtoritajiet doganali li jikkontestaw dikjarazzjonijiet doganali preċedenti li ma kinux ġew suġġetti għall-verifiki skont l-Artikolu 68 tal-Kodiċi Doganali u li, għaldaqstant, ġew ittrattati, skont l-Artikolu 71(2) ta’ dan il-kodiċi, skont ma huwa stipulat fiha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, DP grup, C-138/10, Ġabra p. I-8369, punt 37). |
31 |
Xejn ma jipprekludi li, għal dan il-għan, l-awtoritajiet doganali jestendu riżultati ta’ eżami parzjali ta’ merkanzija msemmija minn dikjarazzjoni doganali għal merkanzija msemmija minn dikjarazzjonijiet doganali preċedenti, li kienet diġà rrilaxxata minn dawn l-istess awtoritajiet, meta din il-merkanzija hija identika, fatt li hija l-qorti tar-rinviju biss li tista’ tivverifika. L-istabbiliment tal-identiċità tal-merkanzija jista’, b’mod partikolari, ikun ibbażat fuq l-eżami tad-dokumenti u ta’ data kummerċjali relatati mal-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni kif ukoll mal-operazzjonijiet kummerċjali ulterjuri relatati mal-istess merkanzija, u b’mod partikolari fuq l-indikazzjonijiet ipprovduti mid-dikjarant li skont dawn din il-merkanzija ġejja mingħand l-istess manifattur u li għandha l-istess denominazzjoni, l-istess dehra kif ukoll l-istess kompożizzjoni bħal dawk tal-merkanzija li kienet is-suġġett ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet doganali preċedenti. |
32 |
Tali possibbiltà ta’ estensjoni hija ġġustifikata mill-għan stess tal-Kodiċi Doganali li huwa intiż, skont il-ħames premessa ta’ dan il-kodiċi, li jiżgura applikazzjoni korretta tat-taxxi previsti minnu, filwaqt li jiggarantixxi, hekk kif jirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, proċeduri rapidi u effettivi fl-interess kemm tal-operaturi ekonomiċi kif ukoll tal-awtoritajiet doganali, billi jippermetti lil dawn tal-aħħar li jwettqu kontrolli sistematiċi tal-merkanzija kollha li hija suġġetta għal dikjarazzjoni doganali, billi jillimita għaldaqstant kemm huwa possibbli, skont is-sitt premessa tal-istess kodiċi, il-formalitajiet u l-kontrolli doganali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Derudder, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 u 45). |
33 |
Din il-possibbiltà hija wkoll konformi mal-loġika speċifika tal-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali, li tikkonsisti li l-proċedura doganali tiġi allinjata mas-sitwazzjoni reali billi jiġu kkoreġuti l-iżbalji jew l-ommissjonijiet materjali kif ukoll l-iżbalji ta’ interpretazzjoni tad-dritt applikabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63; tal-14 ta’ Frar 2010, Terex Equipment et, C-430/08 u C-431/08, Ġabra p. I-321, punt 56, kif ukoll tat-12 ta’ Lulju 2012, Südzucker et, C‑608/10, C‑10/11 u C‑23/11, punt 47). |
34 |
Huwa irrilevanti, f’dan ir-rigward, li d-dikjarant doganali ma jistax iktar, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, jitlob eżami supplimentari tal-merkanzija kkonċernata u, skont il-każ, li jittieħdu kampjuni addizzjonali. |
35 |
Fil-fatt, l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali japplika, bħala prinċipju, wara l-għoti tar-rilaxx tal-merkanzija, f’mument meta l-preżentazzjoni tagħha tista’ tirriżulta impossibbli (ara s-sentenza Overland Footwear, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66). |
36 |
Fi kwalunkwe każ, hekk kif osservaw il-parti l-kbira tal-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub, jirriżulta mit-test stess tal-Artikolu 78(2) tal-Kodiċi Doganali li l-eżami wara r-rilaxx tad-dikjarazzjonijiet doganali jista’ jseħħ fid-dawl ta’ dokumenti bil-miktub mingħajr ma l-awtoritajiet doganali huma obbligati li jivverifikaw fiżikament il-merkanzija, peress illi talli verifika hija prevista biss meta l-merkanzija “jkun għadu possibbli li din tkun prodotta” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2012, Digitalnet et, C‑320/11, C‑330/11, C‑382/11 u C‑383/11, punti 66 u 67). |
37 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, meta l-merkanzija li kienet suġġetta għal eżami parzjali u dik imsemmija minn dikjarazzjonijiet doganali preċedenti huma identiċi, b’mod partikolari meta dan jirriżulta minn eżami tad-dokumenti u minn data kummerċjali dwar l-operazzjonijiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni tal-merkanzija inkwistjoni kif ukoll dwar l-operazzjonijiet kummerċjali ulterjuri relatati mal-istess merkanzija, u b’mod partikolari mal-fatt li, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mid-dikjarant doganali, din il-merkanzija tirriżulta mill-istess manifattur u għandha denominazzjoni, dehra kif ukoll kompożizzjoni identiċi, fatt li l-qorti tar-rinviju biss tista’ tivverifika, l-awtoritajiet jistgħu jestendu r-riżultati ta’ dan l-eżami parzjali għal din l-aħħar merkanzija. |
38 |
Madankollu huwa importanti li d-dikjarant doganali jkollu d-dritt li jikkontesta tali estensjoni, b’mod partikolari meta, bħal fil-kawża prinċipali, dan iqis, minkejja l-indikazzjonijiet proprji pprovduti fid-dikjarazzjonijiet doganali tiegħu, li r-riżultat tal-eżami parzjali ta’ merkanzija msemmija minn dikjarazzjoni ma huwiex trasponibbli għal merkanzija msemmija minn dikjarazzjonijiet preċedenti, filwaqt li jipproduċi kull element probatorju ta’ natura li jsostni din l-allegazzjoni li turi l-assenza ta’ identiċità tal-merkanzija inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Derudder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42). |
39 |
F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi enfasizzat li affermazzjoni ġenerali u astratta, bħal dik imressqa minn GFSL fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont liema, fir-rigward ta’ prodotti alimentari bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, diversi fatturi jistgħu jkunu biddlu l-kompożizzjoni kimika tagħhom, b’mod partikolari l-kontenut ta’ lamtu tagħhom, ma jista’ jkollha ebda rilevanza, peress illi tali ċirkustanzi, filwaqt li jiġi aċċettat li jistgħu jintwerew, ma wasslux lid-dikjarant doganali li jipprovdi, f’dak li jikkonċerna l-merkanzija msemmija mid-dikjarazzjonijiet doganali preċedenti, indikazzjonijiet differenti minn dawk ipprovduti fir-rigward tal-merkanzija li kienet suġġetta għal eżami parzjali jew, skont il-każ, li tintalab ir-reviżjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, b’mod li ma jintweriex, u lanqas barra minn hekk ma jiġi sostnut, li tali fatturi jistgħu jeżerċitaw effett fuq il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-prodotti fin-Nomenklatura Magħquda. Hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq kwalunkwe evalwazzjoni f’dan ir-rigward. |
40 |
Fl-aħħar nett, hemm lok li jiġi osservat li, għalkemm l-Artikolu 78 tal-Kodiċi Doganali ma jistabbilixxi ebda terminu speċifiku għar-reviżjoni tad-dikjarazzjonijiet doganali, l-awtoritajiet doganali, skont l-Artikolu 221(3) ta’ dan il-kodiċi, jistgħu jikkomunikaw dejn doganali ġdid matul terminu ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data ta’ bidu ta’ dan id-dejn. |
41 |
Issa, f’dan il-każ, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta mill-elementi pprovduti lill-Qorti tal-Ġustizzja li dan it-terminu, hekk kif GFSL ikkonfermat fi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, kien ġie osservat, peress illi, hekk kif jirriżulta mill-punti 11 u 12 ta’ din is-sentenza, l-ewwel mid-dikjarazzjonijiet doganali rriveduti għandha d-data tal-4 ta’ Ġunju 2004, filwaqt li l-komunikazzjoni tad-dejn doganali ġdid seħħet fil-31 ta’ Mejju 2007. |
42 |
Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, id-domandi magħmula għandhom jiġu risposti li l-Artikolu 70(1) tal-Kodiċi Doganali għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li huwa applikabbli biss għall-merkanzija li hija suġġetta għall-“[istess] dikjarazzjoni”, meta din il-merkanzija tiġi eżaminata mill-awtoritajiet doganali matul il-perijodu preċedenti għall-għoti minn dawn tal-aħħar tar-rilaxx tal-imsemmija merkanzija, din id-dispożizzjoni ma tippermettix lil dawn l-awtoritajiet, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, li jestendu r-riżultati ta’ eżami parzjali ta’ merkanzija msemmija minn dikjarazzjoni doganali għal merkanzija msemmija minn dikjarazzjonijiet doganali preċedenti li kienet diġà rrilaxxata minn dawn l-istess awtoritajiet. |
43 |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 78 ta’ dan il-kodiċi għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet doganali jestendu r-riżultati tal-eżami parzjali ta’ merkanzija msemmija minn dikjarazzjoni doganali, imwettaq permezz ta’ kampjuni meħuda minnha, lil merkanzija msemmija minn dikjarazzjonijiet preċedenti mressqa mill-istess dikjarant doganali, li ma kinitx u ma tistax tkun suġġetta għal tali eżami, peress li jkun sar ir-rilaxx, meta din il-merkanzija hija identika, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Fuq l-ispejjeż
44 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 70(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għandu jiġi interpretat fis-sens li peress li huwa applikabbli biss għall-merkanzija li hija suġġetta għall-“[istess] dikjarazzjoni”, meta din il-merkanzija tiġi eżaminata mill-awtoritajiet doganali matul il-perijodu preċedenti għall-għoti minn dawn tal-aħħar tar-rilaxx tal-imsemmija merkanzija, din id-dispożizzjoni ma tippermettix lil dawn l-awtoritajiet, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, li jestendu r-riżultati ta’ eżami parzjali ta’ merkanzija msemmija minn dikjarazzjoni doganali għal merkanzija msemmija minn dikjarazzjonijiet doganali preċedenti li kienet diġà rrilaxxata minn dawn l-istess awtoritajiet. |
Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 78 ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-awtoritajiet doganali jestendu r-riżultati tal-eżami parzjali ta’ merkanzija msemmija minn dikjarazzjoni doganali, imwettaq permezz ta’ kampjuni meħuda minnha, għal merkanzija msemmija minn dikjarazzjonijiet preċedenti mressqa mill-istess dikjarant doganali, li ma kinitx u ma tistax tkun suġġetta għal tali eżami, peress li jkun sar ir-rilaxx, meta din il-merkanzija hija identika, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.