Agħżel il-karatteristiċi sperimentali li tixtieq tipprova

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 61998CJ0379

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta' Marzu 2001.
    PreussenElektra AG vs Schhleswag AG, fil-preżenza ta' Windpark Reußenköge III GmbH u Land Schleswig-Holstein.
    Talba għal deċiżjoni preliminari: Landgericht Kiel - il-Ġermanja.
    Għajnuna mogħtija mill-Istat.
    Kawża C-379/98.

    IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2001:160

    SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    13 ta’ Marzu 2001 (*)

    “Elettriku ─ Sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu ─ Leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi obbligu ta’ xiri ta’ elettriku bi prezzijiet minimi u li tqassam l-ispejjeż li jirriżultaw minnu bejn dawn l-impriżi u l-impriżi li joperaw is-sistema li jinsabu f’pożizzjoni upstream fuq impriżi li jipprovdu l-elettriku ─ Għajnuna mill-Istat ─ Kompatibbiltà mal-moviment liberu tal-merkanzija”

    Fil-kawża C-379/98,

    li għandha bħala suġġett talba indirizzata lill-Qorti tal-Ġustizzja skond l-Artikolu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 234 KE) mil-Landgericht Kiel (il-Ġermanja) u intiża sabiex tikseb, fil-kawża li tressqet quddiem din il-qorti bejn

    PreussenElektra AG

    u

    Schleswag AG,

    fil-preżenza ta’:

    Windpark Reußenköge III GmbH

    u

    Land Schleswig-Holstein,

    talba għal deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 30 u 92 tat-Trattat KE (li saru, wara emenda, l-Artikoli 28 KE u 87 KE), kif ukoll l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 88(3) KE),

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

    komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, C. Gulmann, M. Wathelet u V. Skouris, Presidenti ta’ Awla, D. A. O. Edward, J. P. Puissochet, P. Jann, L. Sevón u R. Schintgen (Relatur), Imħallfin,

    Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

    Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

    wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati bil-miktub:

    –        għal PreussenElektra AG, minn D. Sellner, Rechtsanwalt,

    –        għal Schleswag AG, minnM. Nebendahl, Rechtsanwalt,

    –        għal Windpark Reußenköge III GmbH u l-Land Schleswig-Holstein, minnW. Ewer, Rechtsanwalt,

    –        għall-Gvern Ġermaniż, minn W. D. Plessing u C. D. Quassowski, bħala aġenti,

    –        għall-Gvern Finlandiż, minn H. Rotkirch u T. Pynnä, bħala aġenti,

    għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Kreuschitz u P. F. Nemitz, bħala aġenti,

    wara li rat ir-rapport tas-seduta,

    wara li semgħet l-osservazzjonijiet orali ta’ PreussenElektra AG, ta’ Schleswag AG, ta’ Windpark Reußenköge III GmbH, tal-Land Schleswig-Holstein, tal-Gvern Ġermaniż u tal-Kummissjoni matul is-seduta tas-27 ta’ Ġunju 2000,

    wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2000,

    tagħti l-preżenti

    Sentenza

    1        B’digriet tat-13 ta’ Ottubru 1998, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Ottubru 1998 segwenti, il-Landgericht ta’ Kiel ressqet, skond l-Artiklu 177 tat-Trattat KE (li sar l-Artiklu 234 KE), tliet domandi preliminari fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 30 u 92 tat-Trattat KE (li, wara emendi, saru l-Artioli 28 KE u 87 KE) kif ukoll l-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE (li sar l-Artiklu 88(3) KE)

    2        Dawn id-domandi ġew issollevati fil-kuntest ta’ kawża bejn PreussenElektra AG (iktar ’il quddiem “PreussenElektra”) u Schleswag AG (iktar ’il quddiem “Schleswag”) dwar ir-rifużjoni ta’ somom imħallsa minn ta’ l-ewwel lit-tieni skond l-Artiklu 4(1) tal-Gesetz über die Einspeisung von Strom aus erneubaren Energien in das öffentliche Netz tas-7 ta’ Diċembru 1990 (liġi dwar il-provvista ta’ kurrent elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fis-sistema ta’ servizz pubbliku, BGBl 1990 I, p. 2633), aktar ’il quddiem l- “[I]Stromeinspeisungsgesetz”), fil-verżjoni li tirriżulta mill-Artiklu 3(2) tal-Gesetz zur Neuregelung des Energiewirtschaftsrechts ta’ l-24 ta’ April 1998 (liġi dwar leġiżlazzjoni ġdida tad-dritt għall-enerġija, BGBl. 1998 I, p. 730, iktar ’il quddiem il- “liġi ta’ l-1998”).

     Il-kuntest leġiżlattiv

    3        Is-Stromeinspeisungsgesetz daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1991. Skond l-Artikolu 1, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” din tirregola, fil-verżjoni oriġinali tagħha, ix-xiri, mill-impriżi pubbliċi li jipprovdu elettriku prodott esklużivament minn enerġija idrawlika, mill-enerġija tar-riħ, mill-enerġija tax-xemx, mill-gass li joħorġu minn miżbla jew minn impjanti ta’ purifikazzjoni jew minn prodotti jew residwi u skart bijoloġiku ta’ l-agrikoltura u tas-silvikultura, kif ukoll il-kumpens li għandu jitħallas għal din it-tip ta’ kurrent elettriku.

    4        Huwa stabbilit li l-kunċett ta’ impriża pubblika ta’ provvista ta’ l-elettriku tkopri kemm l-impriżi privati kif ukoll impriżi li jappartjenu, parzjalment jew totalment, mas-settur pubbliku.

    5        Il-Gesetz zur Sicherung des Einsatzes von Steinkohle in der Verstromung und zur Änderung des Atomgesetzes und des Stromeinspeisungsgesetzes, tad-19 ta’ Lulju 1994 (liġi li tassigura l-provvista ta’ faħam fl-istazzjonijiet fejn jiġi ġġenerat l-elettriku u li temenda l-liġi dwar l-enerġija nukleari u l-[I]Stromeinspeisungsgesetz, BGBl. 1994 I, p. 1618, aktar ’il quddiem il-“liġi ta’ l-1994”) estendiet il-kamp ta’ applikazzjoni tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif definita fl-Artikolu 1, għall-kurrent elettriku li huwa prodott mill-industrija ta’ l-injam. Il-liġi ta’ l-1998 ssostitwiet ir-referenza għall-prodotti jew residwi u skart bijoloġiku ta’ l-agrikultura u tas-silvikultura kif ukoll għall-industrija ta’ l-injam bl-espressjoni “bijomassa” u ppreċiżat li s-Stromeinspeisungsgesetz tapplika għall-kurrent ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu elenkati “fil-kuntest ta’ validità ta’ din il-liġi”.

    6        L-Artiklu 2 tas-Stromeinspeisungsgesetz, intitolat “Obbligu ta’ xiri” jipprovdi li l-impriżi li jipprovdu l-elettriku għandhom l-obbligu li jixtru l-kurrent elettriku prodott fiż-żona ta’ provvista tagħhom minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu u li jħallsuh skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 3. Fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-liġi ta’ l-1998, li kienet żiedet miegħu t-tieni u t-tielet frażi, dan l-Artikolu jipprovdi kif ġej:

    “L-impriżi li jipprovdu l-elettriku li joperaw sistema ta’ provvista ġenerali għandhom l-obbligu li jixtru l-kurrent elettriku prodott fiż-żona ta’ provvista tagħhom minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu u li jħallsu l-kumpens għal dan il-kurrent elettriku skond l-Artikolu 3. F’dak li jikkonċerna l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni li ma jinsabux fiż-żona ta’ provvista ta’ operatur ta’ sistema, dan l-obbligu jikkonċerna l-impriża fejn is-sistema adattata għall-provvista tal-kurrent elettriku huwa l-aktar qrib l-installazzjoni. L-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ l-Artikoli 2 u 4 jistgħu jiġu imposti, fil-kuntest tal-kompatibbiltà, fuq id-distribuzzjoni jew it-trassmissjoni u jiġu kkunsidrati matul id-determinazzjoni tal-kumpens tat-transitu.”

    7        L-Artikolu 3 tas-Stromeinspeisungsgesetz, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-liġi ta’ l-1998 u li huwa intitolat “Ammont tal- kumpens”, jipprovdi:

    1. F’dak li jirrigwarda l-kurrent elettriku prodott minn enerġija idrawlika, mill-gass li joħroġ minn miżbla jew minn impjanti ta’ purifikazzjoni kif ukoll mill-biomassa, il-kumpens għandu jkun ta’ mill-anqas 80% tal-ħlas medju għal kull kilowatt fis-siegħa pprovdut mill-fornitur tal-kurrent elettriku lill-konsumaturi finali kollha mill-impriżi li jipprovdu l-elettriku. Fil-każ ta’ ċentri idrawliċi jew ta’ impjanti ta’ trattament ta’ gass li joħroġ minn miżbla jew ta’ impjanti fejn is-saħħa taqbeż il-500 kilowatt, din ir-regola tapplika biss għall-parti tal-kurrent elettriku li jiġi pprovdut kull sena ta’ kontabbiltà li tikkorrispondi għal 500 diviż mis-saħħa ta’ l-impjant f’kilowatts; is-saħħa hija definita mill-medju annwali tas-saħħa effettiva massima mkejla xull xahar. Il-prezz tal-kurrent elettriku żejjed jogħla għal mhux inqas minn 65% tad-dħul medju skond l-ewwel frażi.

    2. F’dak li jirrigwarda l-kurrent elettrikku prodott mill-enerġija tax-xemx jew mill-enerġija tar-riħ, il-kumpens jitla’ għal mhux inqas minn 90% tad-dħul medju skond l-ewwel frażi tal-paragrafu 1.

    3. Il-ħlas medju li għandu jiġi kkunsidrat skond il-paragrafi 1 u 2, huwa l-valur ippubblikat kull sena mill-Uffiċċju Federali ta’ l-Istatistiċi għas-sena kalendarja ta’ qabel ta’ l-aħħar, ikkalkulat mingħajr taxxa fuq il-fatturat f’pfennigs għal kull kilowatt fis-siegħa. Sabiex jiġi kkalkolat il-kumpens skond il-paragrafi 1 u 2, dan għandu jsir għal żewġ figuri deċimali.”

    8        Filwaqt li, wara l-emenda magħmula lis-Stromeinspeisungsgesetz permezz tal-liġi ta’ l-1994, il-kumpens iffissat għall-kurrent elettriku skond l-Artiklu 3(1) tela’ minn 75% sa 80% tad-dħul medju għal kull kilowatt fis-siegħa li ġej mill-provvista ta’ kurrent elettriku lill-konsumaturi finali kollha, dak iffissat għall-kurrent elettriku prodott permezz ta’ l-enerġija solari u l-enerġija tar-riħ, skond l-Artiklu 3(2), ma nbidilx sa mid-dħul fis-seħħ tas-Stromeinspeisungsgesetz.

    9        Fil-verżjoni originali tiegħu, l-Artiklu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz, intitolat “Klawżola għal każijiet ta’ tbatija”, jgħid is-segwenti:

    “1. L-obbligi previsti mill-Artikoli 2 u 3 ma japplikawx f’każ fejn ir-rispett tagħhom jikkostitwixxi każ ta’ tbatija inġustifikata jew jagħmel impossibli r-rispett ta’ l-impriża li tipprovdi l-elettriku lejn l-obbligi tagħha li jirriżultaw mill-Bundestarifordnung Elektrizität tat-18 ta’ Diċembru 1989 (BGBl. 1989 I, p. 2255). F’każ bħal dan, l-obbligi huma trasmessi lill-impriża li tipprovdi l-elettriku li tinsab f’pożizzjoni upstream.

    2. Ikun hemm każ ta’ tbatija inġustifikata meta, b’mod partikolari, l-impriża li tipprovdi l-elettriku tkun imġiegħla li tgħolli l-prezzijiet tagħha għal livell kunsiderevolement ogħla minn dak ta’ impiżi ta’ provvista simili jew li jinsabu f’pożizzjoni upstream.”

    10      Il-liġi ta’ l-1998 għamlet diversi emendi lill-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz. Minn naħa, hija żiedet fih żewġ paragrafi ġodda, li saru l-paragrafi numru (1) u (4). Minbarra dan, hija għamlet xi emendi lill-paragrafu (1) oriġinali, li sar il-paragrafu (2) il-ġdid. Il-paragrafu (2) antik, li baqa' l-istess, sar il-paragrafu (3) il-ġdid. Konsegwentement, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-liġi ta’ l-1998, l-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz huwa fformulat kif ġej:

    “1. F’każ fejn il-kilowatts fis-siegħa li għandhom jiġu kkumpensati jaqbżu 5% tal-kilowatts fis-siegħa kollha pprovduti mill-impriża ta’ provvista, matul sena kalendarja, permezz ta’ l-intermedju tas-sistema tagħha, l-operatur tas-sistema li jinsab f’pożizzjoni upstream għandu l-obbligu li jirrimborża lill-impriża ta’ provvista l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-kilowatts fis-siegħa li jaqbżu din il-parti. F’każ ta’ operaturi ta’ sistema li jinsabu f’pożizzjoni upstream, l-ispiża komposta mid-dritt għal rifużjoni skond l-ewwel frażi tagħmel ukoll parti minn dawn l-ispejjeż addizzjonali. Fin-nuqqas ta’ tali operazzjoni, l-obbligu previst fl-ewwel frażi ta’ l-Artikolu 2 ma jibqax japplika fejn jikkonċerna l-impriżi li jipprovdu l-elettriku li jinsabu fis-sitwazzjoni msemmija fl-ewwel u t-tieni frażi, fil-bidu tas-sena kalendarja li ssegwi t-twettiq ta’ din is-sitwazzjoni, f’każ ta’ installazzjonijiet li ma jkunux għadhom ġew essenzjalment ikkompletati sa dak il-mument. Fil-każ ta’ mtieħen tar-riħ, l-ammont rilevanti huwa l-installazzjoni ta’ l-arblu u tar-rotor.

    2. L-obbligi previsti fl-Artikoli 2 u 3 ma jeżistux meta, anki f’każ ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ rifużjoni skond l-ewwel paragrafu, ir-rispett tagħhom jikkostitwixxi każ ta’ tbatija inġustifikata. F’każ simili l-obbligi huma trażmessi lill-operatur ta’ sistema li jinsab f’pożizzjoni upstream.

    3. Ikun hemm każ ta’ tbatija inġustifikata meta, b’mod partikolari, l-impriża li tipprovdi l-elettriku tkun imġiegħla li tgħolli l-prezzijiet tagħha għal livell kunsiderevolement ogħla minn dak ta’ impiżi ta’ provvista simili jew li jinsabu f’pożizzjoni upstream.

    4. Il-Ministru Federali ta’ l-Ekonomija għandu jippreżenta rapport lill-Bundestag dwar l-effetti tal-klawżola għall-każijiet ta’ tbatija fis-seħħ mhux aktar tard mill-1999 u, f’kull każ, fi żmien biżżejjed sabiex leġiżlazzjoni kumpensatorja oħra tiġi adottata qabel ma jseħħu l-konsegwenzi msemmija fit-tielet frażi ta’ l-ewwel paragrafu.

    11      id-digriet tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li b’ittra ta’ l-14 ta’ Awwissu 1990, il-Gvern Ġermaniż innotifika lill-Kummissjoni, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, inkwantu għajnuna mill-Istat, l-abbozz ta’ liġi li saret, wara l-adozzjoni tagħha, is-Stromeinspeisungsgesetz. B’ittra tad-19 ta’ Diċembru 1990, il-Kummissjoni awtorizzat l-abbozz innotifikat, wara li kkunsidrat, minn naħa, li dan l-abbozz kien konformi ta’ l-għanijiet ta’ politika dwar l-enerġija tal-Komunitajiet Ewropej u, min-naħa l-oħra, l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu kienet tikkostitwixxi biss parti żgħira tas-settur ta’ l-enerġija u li d-dħul addizzjonali kif ukoll ir-riperkussjonijiet fuq il-prezzijiet tal-kurrent elettriku kienu minimi. Madanakollu, hija stiednet lill-Gvern Ġermaniż sabiex jikkomunikalha informazzjoni dwar l-applikazzjoni tas-Stromeinspeisungsgesetz, peress li din il-liġi kellha tiġi eżaminata mill-ġdid sentejn wara d-dħul fis-seħħ tagħha, u enfasizzat li kull emenda jew estensjoni ta’ din il-liġi kellha tkun suġġetta għal notifika minn qabel.

    12      Mid-digriet tar-rinviju kif ukoll mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta wkoll li, wara bosta lmenti mingħand impriżi li jipprovdu l-elettriku, il-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 1996, infurmat lill-Ministru Federali ta’ l-Ekonomija dwar id-dubji tagħha rigward il-kwistjoni jekk, b’kunsiderazzjoni taż-żieda tal-produzzjoni ta’ l-elettriku li joriġina mir-riħ, is-Stromeinspeisungsgesetz komplietx tibqa’ kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat. F’din l-ittra, il-Kummissjoni għamlet bosta proposti ta’ emendi f’dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni applikabblil għall-enerġija li toriġina mir-riħ u ppreċiżat li, jekk il-Bundestag ma kienx dispost li jemenda l-[I]Stromeinspeisungsgesetz f’dan ir-rigward, hija setgħet tiġi obbligata li tipproponi lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja miżuri xierqa skond l-Artioklu 93(1) tat-Trattat, sabiex tagħmel il-liġi kompatibbli mar-regoli Komunitarji fis-seħħ fil-qasam ta’ l-għajuna mill-Istat.

    13      Minbarra dan, jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ Windpark Reußenköge III GmbH (iktar ’il quddiem “Windpark”) u tal-Land Schleswig Holstein, intervenjenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll mill-Kummissjoni li, fuq talba tagħha, il-Gvern Ġermaniż informaha bil-progress tax-xogħlijiet dwar l-abbozz ta’ liġi dwar leġiżlazzjoni ġdida tad-dritt ta’ l-enerġija. F’ittra tad-29 ta’ Lulju 1998, jiġifieri wara li daħlet fis-seħħ il-liġi ta’ l-1998, il-Kummissjoni informat lill-Ministru Federali ta’ l-Ekonomija li, b’rigward ta’ l-iżviluppi fis-seħħ f’livell Komunitarju li kienu jikkonċernaw, b’mod partikolari, proposti potenzjali ta’ armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-provvista ta’ enerġija elettrika minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, hija ma kellhiex l-intenzjoni li tieħu deċiżjoni formali dwar l-[I]stromeinspeisungsgesetz, fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mil-liġi ta’ l-1998, qabel ma r-rapport ministerjali dwar l-effetti tal-klawżola għal każijiet ta’ tbatija, previst fl-Aritkolu 4(4) tagħha, jiġi stabbilit, għalkemm il-leġiżlatur Ġermaniż, matul l-adozzjoni tal-liġi ta’ l-1998, ma kienx ħa kunsiderazzjoni tal-proposti ffomulati fl-ittra tagħha tal-25 ta’ Ottubru 1996.

    14      Fl-aħħarnett, fin-nota f’qiegħ ta’ paġna ppubblikata mal-liġi ta’ l-1998, jirriżulta li din il-liġi, fejn l-ewwel Artikolu huwa intitolat “Gesetz über Elektrizitäts- und Gasversorgung” (liġi dwar il-provvista ta’ l-elettriku u tal-gass), ittrasponiet id-Direttiva 96/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 1996 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU L 27, p. 20) fid-dritt nazzjonali.

    15      Din id-Direttiva, li t-tielet premessa tagħha tikkonferma li bl-ebda mod ma taffettwa l-applikazzjoni tat-Trattat, u b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni, tipprovdi, fl-Artikolu 8(3) u (4), li jagħmel parti mill-Kapitolu IV, intitolat “Operazzjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni”:

    “3. Stat Membru jista’ jitlob l-operatur tas-sistema, meta jibgħat l-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, biex jagħti prijorità lill-installazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni illi jużaw sorsi ta’ enerġija li tiġġeded jew skart jew jipproduċu kumbinazzjoni ta’ sħana u elettriku.

    4. Stat Membru jista’, għal raġunijiet ta’ sigurtà ta’ produzzjoni, jitlob illi tingħata prijorità lill-provvista ta’ stallazzjonijiet illi jiġġeneraw illi jużaw sorsi ta’ enerġija primarja indiġena, b’ tali mod illi f’sena kalendarja ma jinqabiżx il-15 % ta’ l-enerġija primarja li tinħtieġ tiġi prodotta biex tiġi kkunsmata fl-Istat Membru kkonċernat.” 

    16      Barra minn hekk, skond l-Artikolu 11(3) li jinsab fil- Kapitolu V, intitolat “Operazzjoni tas-sistema ta’ distribuzzjoni”,

    “ Stat Membru jista’ jitlob l-operatur tas-sistema, meta jibgħat l-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni, biex jagħti prijorità lill-istallazzjonijiet ta’ ġenerazzjoni illi jużaw sorsi ta’ enerġija li tiġġeded jew skart jew jipproduċu kumbinazzjoni ta’ sħana u elettriku.” 

     Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

    17      PreussenElektra topera, fil-Ġermanja, aktar minn 20 stazzjonijiet ta’ l-elettriku konvenzjonali u nukleari kif ukoll sistema ta’ distribuzzjoni ta’ l-elettriku ta’ vultaġġ għoli u ta’ vultaġġ għoli ħafna. Permezz ta’ din is-sistema, PreussenElektra tipprovdi l-elettriku lil impriżi reġjonali li jipprovdu l-elettriku, lil impriżi reġjonali ta’ ċertu daqs u lil impriżi industrijali.

    18      Schleswag hija impriża reġjonali li tipprovdi l-elettriku, li tixtri l-elettriku li għandha bżonn sabiex tipprovdi lill-klijenti tagħha fil-Land Schleswig-Holstein, kważi esklużivament mingħand PreussenElektra.

    19      PreussenElektra għandha 65.3% ta’ l-ishma ta’ Schleswag. Il-34,7% li jifdal huma miżmuma minn diversi awtoritajiet muniċipali tal-Land Schleswig-Holstein.

    20      Skond l-Artikolu 2 tas-Stromeinspeisungsgesetz, Schleswag għandha l-obbligu li tixtri l-elettriku prodott fiż-żona ta’ provvista tagħha minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, inkluż l-elettriku li joriġina mir-riħ. Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li l-parti ta’ l-elettriku li joriġina mir-riħ fil-fatturat totali fil-qasam ta’ l-elettriku ta’ Schleswag, li kien 0.77% fl-1991, żied b’mod kontinwu u kellu jilħaq madwar 15% fl-1998. Konsegwentement, l-ispejjeż addizzjonali li kienu imposti fuq Schleswag minħabba l-obbligu ta’ xiri bil-prezz minimu ffissat mis-Stromeinspeisungsgesetz, li kien DEM 5.8 miljun fl-1991 kellhom jitilgħu għal madwar DEM 111.5 miljun fl-1998, fejn kienu biss madwar DEM 38 miljun li kellhom jibqgħu a karigu ta’ Schleswag b’kunsiderazzjoni ta’ l-applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ kumpens introdott fl-Artikolu 4(1) tas-Stromeinspeisungsgesetz peremzz tal-liġi ta’ l-1998.

    21      Fl-aħħar tax-xahar ta’ April 1998, il-provvista minn Schleswag ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu kienet laħqet 5% tal-kwantità ta’ elettriku mibjugħ matul is-sena preċedenti kollha. B’hekk Schleswag iffatturat lil PrussenElektra, skond l-Artikolu 4(1) tas- Stromeinspeisungsgesetz, fil-verżjoni tagħha kif tirriżulta mil-liġi ta’ l-1998 (iktar ’il quddiem is- “Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata”), l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mix-xiri ta’ l-elettriku ta’ provenjenza minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, li hija fil-bidu talbet il-ħlas diviż ta’ DEM 10 miljun fix-xahar.

    22      PreussenElektra ħallset l-ammont mitlub għax-xahar ta’ Mejju 1998, iżda rriservat id-dritt li fi kwalunkwe mument titlob ir-rifużjoni. Hija għamlet dan billi ressqet talba għal rifużjoni għal ammont ta’ DEM 500,000 quddiem il-Landgericht Kiel, li jirrappreżenta s-somma mħallsa lil Schleswag bħala kumpens ta’ l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mix-xiri minnha ta’ elettriku li joriġina mir-riħ. Il-Landgericht indikat, fid-digriet tar-rinviju tagħha, li dawn l-ispejjeż addizzjonali ma jistgħux jiġu mgħoddija fuq il-kljienti ta’ Schleswag peress li l-Ministeru ta’ l-Enerġija tal-Land Schleswig-Hostein kien irrifjuta li japprova talba ta’ bidla fit-tariffi ta’ Schleswag.

    23      Quddiem il-Landgericht, PreussenElektra sostniet li s-somma mitluba kienet tħallset lil Schleswag mingħajr raġuni legali valida u għalhekk għandha tiġi rkuprata, peress li l-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, li fuqu kien ibbażat dan il-ħlas, kien imur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar għajnuna mill-Istat li huma direttament applikabbli u għaldaqstant ma setax jiġi applikat. L-emenda tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-Stromeinspeisungsgesetz u l-introduzzjoni ta’ regola ta’ tqassim ta’ l-ispejjeż addizzjonali, li jirriżultaw mil-liġi ta’ l-1998 kienet in-neċessita, qabel id-dħul fis-seħħ tagħha, l-implementazzjoni tal-proċedura prevista fl-Artikolu 93 tat-Trattat, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kienet naqset milli tagħmel. Minbarra dan, PrussenElektra talbet sabiex Schleswag tiġi ordnata tirrimborżaha s-somma ta’ DEM 5000, 000 kif ukoll l-imgħax bir-rata ta’ 5% li jibda jiddekorri minn Ġunju 1998.

    24      Schleswag talbet li din it-talba tiġi miċħuda. Filwaqt li rrikonoxxiet li s-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, kienet tinkludi sistema ta’ għajnuna rreveduta, hija ssosnti li l-Artikolu 4 tagħha kien jikkostitwixxi biss sempliċi regola ta’ distribuzzjoni mill-ġdid, intiż sabiex jitnaqqsu l-konsegwenzi li l-impriżi ta’ provvista ta’ l-elettriku jissubixxu minħabba l-Artikoli 2 u 3 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, u kkunsidrat waħdu, ma kellux għalhekk il-karatteristika ta’ għajnuna skond l-Artikolu 92 tat-Trattat. Madankollu, minn naħa, l-Artikoli 2 u 3 tas- Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata ma jaffettwawx ir-relazzjoni legali eżistenti bejn PreussenElektra u Schleswag, b’mod li l-Landgericht ma tistax, fil-kawża prinċipali, ma tikkunsidrax l-applikazzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, iħalli intatt l-obbligu ta’ Schleswag li tixtri l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu għal prezzijiet minimi fissi. Konsegwentement, l-effett tas-sanzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni diretta mit-tielet frażi ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat ma jippermettix la li tiġi ppenalizzata l-għajnuna illegali kkostitwita mill-Artikoli 2 u 3 tas-Stromeinspeisungsgestez, kif emendata, u lanqas li tiġi prekluża l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgestez, kif emendata, b’mod li l-ħlas in kwistjoni għandu jiġi kkunsidrat li kien sar skond raġuni legali valida.

    25      Minn naħa, filwaqt li kkonstatat li l-Kummissjoni ma kinitx informatha, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, bl-emendi magħmula lis-Stromeinspeisungsgesetz peremzz tal-liġi ta’ l-1998, il-Landgericht ikkunsidrat li l-kwistjoni dwar jekk il-verżjoni l-ġdida tagħha, kollha kemm hi, jew uħud mill-elementi tagħha jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92 tibqa’ rilevanti, anki jekk il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni kienu diġà kkwalifikaw bħala għajnuna s-sistema inizjali tas-Stromeinspeisungsgesetz fil-kuntest tal-proċedura ta’ notifika li saret fl-1990. Fil-fatt, skond il-Landgericht, anki jekk l-emendi magħmula mil-liġi ta’ l-1998 lis-Stromeinspeisungsgesetz kellhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu fdal tas-sistema inizjali, il-proċedura ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat ma kellhiex tiġi applikata għal din is-sistema rriveduta ħlief jekk din stess tikkostitwixi sistema ta’ għajnuna skond l-Artikolu 92 tat-Trattat.

    26      Min-naħa l-oħra, il-Landgericht ikkunsidrat li l-obbligu li tixri l-elettriku prodotti fil-Ġermanja mingħand sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu b’kundizzjonijiet li ma setgħux jinkisbu fuq suq liberu seta’ jwassal għal tnaqqis fit-talba għal eletttriku prodott fi Stati Membri l-oħra, b’mod li ostakolu għall-kummerċ bejn l-Istati Membri, li huwa projbit mill-Artikolu 30 tat-Trattat, ma setax jiġi eskluż.

    27      F’dawn il-kundizzjonijiet, peress li kkunsidrat li l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 30, 92 u 93(3) tat-Trattat kienet neċessarja għaliha sabiex tiddeċiedi l-kawża li tressqet quddiemha, il-Landgericht Kiel iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tressaq id-domandi preliminari segwenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

    “1)Il-kumpens għall-provvista tal-kurrent elettriku (Stromeinspeisevergütung) u r-regola dwar ir-rifużjoni, skond l-Artikoli 2 jew 3 jew 4 jew ta’ l-Artikoli 2 sa 4 flimkien tal-Gesetz über die Einspeisung von Strom aus erneuerbaren Energien in das öffentliche Netz, tas-7 ta’ Diċembru 1990 (BGBl.I, p. 2633), fil-verżjoni ta’ l-Artikolu 3(2) tal-Gesetz zur Neuregelung des Energiewirtschaftsrechts, ta’ l-24 t'April 1998 [BGBl.I, p. 730 (734 sa736)], jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92 tat-Trattat KE?

    L-Artikolu 92 tat-Trattat KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ għajnuna, li fuqu hija bbażata din id-dispożizzjoni, japplika bl-istess mod għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li għandhom bħala għan li jsostnu l-persuna li tirċievi l-ħlas, li għalihom il-motivi ta’ sostenn neċessarji madankollu mhumiex ġejjin la direttament u lanqas indirettament mill-baġits pubbliċi, iżda huma imposti, skond obbligi ta’ xiri stabbiliti mil-liġi għal prezzijiet minimi fissi, lil ċerti impriżi ta’ settur, li, minħabba motivi ta’ dritt u ta’ fatt, ma jistgħux jirkupraw dawn l-ispejjeż fuq il-konsumatur finali?

    L-Artikolu 92 tat-Trattat KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ għajnuna, li fuqha hija bbażata din id-dispożizzjoni, japplika wkoll għal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li jirregolaw biss it-tqassim, bejn l-impriżi li jsibu ruħhom fi stadji ta’ produzzjoni differenti, spejjeż li huma l-konsegwenza ta’ obbligi ta’ xiri u ta’ kumpensi minimi, meta l-intenzjoni tal-leġiżlatur fil-fatt twassal għal tqassim fit-tul ta’ dawn l-ispejjeż, mingħajr ma l-impriża li tħallas l-ispejjeż tirċievi kumpens?

    2) F’każ ta’ tweġiba negattiva għad-domanda (1), f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz [kif emendata]:

    L-Artikolu 93(3) tat-Trattat KE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-effett ta’ ostaklu ta’ din id-dispożizzjoni ma japplikax biss għas-sostenn inkwantu tali, iżda għar-regoli ta’ eżekuzzjoni bħall-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgestez [kif emendata]?

    3)F’kaz ta’ tweġibiet negattivi għad-domandi (1) u (2):

    L-Artikolu 30 tat-Trattat KE għandu jiġi interpretat fis-sens li restrizzjoni kwantitattiva fuq l-importazzjoni jew miżuri li għandhom effett ekwivalenti bejn l-Istati Membri teżisti skond l-Arikolu 30 tat-Trattat KE, meta leġiżlazzjoni nazzjonali timponi fuq impriżi l-obbligu li jixtru l-kurrent elettriku ta’ provenjenza minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu bi prezzijiet minimi u minbarra dan tobbliga lill-operaturi tas-sistemi li jassiguraw il-finanzjament, mingħajr kumpens?”

     Fuq l-ammissibbiltà

    28      Windpark u l-Land Schleswig-Holstein (iktar ’il quddiem il-“partijiet intervenjenti prinċipali”) kif ukoll il-Gvern Ġermaniż jikkontestaw l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari kollha jew parti minnha.

    29      Fl-ewwel lok, l-intervenjenti prinċipali jsostnu li d-digriet tar-rinviju fih bosta lacunae jew żbalji ta’ fatt.

    30      Huma jsostnu, f’dan ir-rigward, li l-qorti tar-rinviju żbaljat meta kkunsidrat, minn naħa, li l-Kummissjoni ma kinitx ġiet informata dwar l-emendi magħmula lis-Stromeinspeisungsgesetz permezz tal-liġi ta’ l-1998, u min-naħa l-oħra, li l-impriżi li jipprovdu l-elettriku ma setgħux, għal raġunijiet ta’ fatt u ta’ dritt, jirkupraw minn fuq il-konsumatur finali l-ispejjeż li huma jkunu għamlu fir-rigward tal-kumpens imsemmi fl-Artikolu 3 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata.

    31      It-tieni nett, l-intervenjenti prinċipali u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-kawża prinċipali m'hijiex disputa reali iżda ġiet mibnija mix-xejn.

    32      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti u r-rikorrenti prinċipali jaqblu li moqrija flimkien, l-Artikoli 2 sa 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, imorru kontra d-dritt Komunitarju. Madanakollu, PreussenElektra għamlet il-ħlas kumpensatorju previst fl-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, filwaqt li immedjatament talbet ir-rifużjoni parzjali. Hija ssostni wkoll li PressenElektra hija l-azzjonista prinċipali ta’ Schleswag u kellha, minħabba dan il-fatt, influwenza predominanti fuq id-deċiżjonijiet u l-pożizzjonijiet legali tagħha.

    33      It-tielet nett, l-intervenjenti prinċipali u l-Gvern Ġermaniż isostnu li d-domandi mressqa mhumiex rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali.

    34      Fir-rigward tad-domandi dwar l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat, l-intervenjenti prinċipali jfakkru li, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 1973, Lorenz, 120/73, Ġabra p. 1471, punt 9), hija s-sistema legali interna ta’ kull Stat membru li għandha tistabbilixxi l-proċedura legali li tippermetti li jiġi assigurat l-effett dirett tat-tielet frażi ta’ l-Artikolu 93(3) tat-Trattat. Madanakollu, il-qorti tar-rinviju ma tindikax jekk u taħt liema kundizzjonijiet PreussenElektra, fis-sistema legali Ġermaniża, għandha dritt għar-rifużjoni tas-somom li hija qed titlob u, b’hekk, ma turix ir-rilevanza tad-domandi preliminari fir-rigward tad-dritt nazzjonali.

    35      Minbarra dan, l-intervenjenti prinċipali jsostnu li jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C-72/91 u C-73/91, Ġabra p. 887, punti 11 u 12) li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ għajnuna skond l-Artikolu 92 tat-Trattat biss meta l-proċedura ta’ eżami preliminari skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat ma tkunx ġiet irrispettata. Madanakollu, minn naħa, is-Stromeinspeisungsgesetz, fil-verżjoni oriġinali tagħha, kienet ġiet innotifikata lill-Kummissjoni u ġiet awtorizzata minnha u, min-naħa l-oħra, l-emendi li saru lis-Stromeinspeisungsgesetz, permezz tal-liġi ta’ l-1998, ma kinux jikkostitwixxu bidla fl-għajnuna, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, fatt li kieku kien jagħmel notifika ġdida neċessarja. F’kull każ, l-iskambju ta’ korrispondenza li seħħ bejn l-awtoritajiet Ġermaniżi u l-Kummissjoni, qabel u wara l-adozzjoni tal-liġi ta’ l-1998 kien ekwivalenti għal, minn naħa, notifika mill-Gvern Ġermaniż ta’ l-emendi li saru fuq din il-liġi lis-Stromeinspeisungsgesetz u, min-naħa l-oħra, kien jimplika awtorizzazzjoni impliċita mill-Kummissjoni ta’ dawn l-emendi.

    36      Fir-rigward tal-Gvern Ġermaniż, huwa jqis li risposta għad-domandi dwar l-Artikolu 92 tat-Trattat mhijiex neċessarja ssabiex il-qorti tar-rinviju tkun tista’ tieħu deċiżjoni, peress li fil-kawża prinċipali, l-unika domanda determinati hija dwar jekk Schleswag għandhiex dritt għal ħlas kumpensatorju skond l-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, Artikolu li madankollu jirrigwarda biss it-tqassim ta’ l-ispejjeż konsekuttivi fuq il-ħlas tal-kumpens għall-provvista tal-kurrent elettriku u ma jirrigwardax għajnuna li hija vantaġġ għad-destinatarji ta’ dan il-kumpens.

    37      Fir-rigward tad-domanda dwar l-Artikolu 30 tat-Trattat, l-intervenjenti prinċipali u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-kawża prinċipali ma tippreżenta ebda karatteristika transkonfini u li r-rikorrenti u r-rikorrenti prinċipali ma wrewx li s- Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, timpedixxihom milli jimpurtaw l-elettriku minn Stati Membri oħra.

    38      Għandu jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita mill-Artikolu 177 tat-Trattat, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għall-eventwali deċiżjoni ġudizzjarja, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C 415/93, Ġabra p. I-4921, punt 59).

    39      Madanakollu, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat ukoll li, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, hija għandha d-dritt li teżamina l-kundizzjonijiet li fihom il-każ ġie rrinvijat mill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika jekk hija għandhiex kompetenza (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1981, Foglia, 244/80, Ġabra p. 3045, punt 21). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tirrifjuta li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali meta jidher manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mqajjem m’għandha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja m’għandhiex elementi ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li tressqu quddiemha. (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Bosman, iċċitata aktar 'il fuq, punt 61; tat-13 ta’ Lulju 2000, Idéal Tourisme, C- 36/99, Ġabra p. I-6049, punt 20, u tas-26 ta’ Settembru 2000, Kachelmann, C- 322/98, Ġabra p. I-7505, punt 17).

    40      F’dan il-każ, f’dak li jirrigwarda, l-ewwelnett, ta’ l-allegati lacunae u żbalji ta’ fatt fid-digriet tar-rinviju, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li m'hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li taw lok għad-disputa u li fuqhom tiddeċiedi dwar id-deċiżjoni li hija mitluba tagħmel (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C 435/97, Ġabra p. I-5613, punt 32).

    41      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li r-rikors imressaq minn PreussenElektra huwa intiż għar-rifużjoni tas-somma li hija kellha tħallas lil Schleswag sabiex tikkumpensaha l-ispiża addizzjonali li jirriżultaw, għaliha, mix-xiri ta’ l-elettriku li joriġina mir-riħ li jkun sar, skond l-obbligu ta’ xiri previst mis- Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, mingħand prodotturi ta’ dan it-tip ta’ elettriku stabbiliti fiż-żona ta’ provvista tagħha.

    42      Għaldaqstant, il-kawża prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata li għandha natura ipotetika.

    43      Huwa veru li Schleswag, bħal PreussenElektra, għandha interess li l-Artikoli 2 u 3 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, li jipprovdu għal dan l-obbligu ta’ xiri u li jiffissaw prezz li għandu jitħallas bħala kumpens, jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu għajnuna illegali, ħlas li hija tista’ minħabba dan il-fatt, tevita. Madanakollu, il-kontroversja prinċipali ma tikkonċernax l-għajnuna li Schleswag allegatament tagħti lill-produtturi ta’ l-elettriku minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, skond l-Artikoli 2 u 3 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, iżda fuq il-parti ta’ dik l-allegata għajnuna li PreussenElektra kellha tirrimborża lil Schleswag, skond l-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata.

    44      Peress li dawn l-obbligi ta’ Schleswag u ta’ PreussenElektra jirriżultaw direttament mis-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, id-disputa kontra l-konvenuta u l-konvenuta prinċipali ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi kostruzzjoni proċedurali miftehma mill-partijiet prinċipali sabiex twassal lill-Qorti tal-Ġustizzja li tieħu pożizzjoni fuq ċerti problemi ta’ dritt Komunitarju li ma jirrispondux għal bżonn oġġettiv li huwa parti mis-soluzzjoni tad-disputa.

    45      Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-fatt li l-qorti tar-rinviju ammettiet intervent fil-kawża prinċipali, bħala sostenn tat-talbiet ta’ Schleswag, ta’ Windpark u tal-Land Schleswig-Holstein, li jsostnu l-legalità ta’ l-Artikoli 2 u 3 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata.

    46      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li PreussenElektra hija l-azzjonista prinċipali ta’ Schleswag m'huwiex ta’ natura li jċaħħad id-disputa min-natura reali tagħha.

    47      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li, fid-digriet tar-rinviju tagħha, il-Landgericht ddefinixxiet b’mod suffiċjenti l-kuntest leġiżlattiv nazzjonali u spjegat b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li d-domandi li hija qed tagħmel huma rilevanti u li risposta għal dawn id-domandi hija neċessarja għas-soluzzjoni tad-disputa.

    48      Għal dak li jirrigwarda, minn naħa, id-domandi dwar l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat, il-qorti tar-rinviju indikat, b’mod partikolari, kif jirriżulta minn punt 25 ta’ din is-sentenza, li l-kwistjoni dwar jekk is-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, tikkostitwixxix għajnuna tieħu preċedenza fuq dwar jekk l-emendi li l-liġi ta’ l-1998 għamlet lill-verżjoni oriġinali tas-Stromeinspeisungsgesetz jikkostitwixxux bidla fl-għajnuna, skond l-Artikolu 93(3) tat-Trattat, li jirrikjedi l-applikazzjoni tal-proċedura prevista minn din id-dispożizzjoni sabiex tiġi adottata din il-bidla.

    49      Il-qorti tar-rinviju spjegat ukoll li jekk, bi żball, il-proċedura ta’ eżami preliminari ma kinitx ġiet irrispettata, hija għandha l-kompetenza li tiddeduċi l-konsegwenzi ta’ l-effett dirett tat-tielet frażi ta’ l-Artikolu 3(3) tat-Trattat, skond id-dritt nazzjonali tagħha, billi tiddeċiedi li s-sistema rriveduta tas-Stromeinspeisungsgesetz hija inapplikabbli u li l-ħlasijiet magħmula minn PreussenElektra lil Schleswag għandhom jitħallsu lura.

    50      Kif l-intervenjenti prinċipali jirrikonoxxu huma stess, l-argument li l-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ għajnuna skond l-Artikolu 92 tat-Trattat meta l-proċedura ta’ eżami preliminari prevista mill-Artiklu 93(3) ma tkunx ġiet irrispettata, jeħtieġ interpretazzjoni tal-kriterju dwar il-bidla fl-għajnuna jew tal-portata ta’ l-effett sospensiv tat-tielet frażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, interpretazzjoni li tikkostitwixxi s-suġġett stess ta’ wħud mid-domandi magħmula.

    51      Dan japplika wkoll għall-argument tal-Gvern Ġermaniż skond liema risposta għad-domandi relatati ma’ l-Artikolu 92 tat-Trattat m'hijiex neċessarja peress li, fil-kawża prinċipali, huwa biss l-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendat, li jirregola r-relazzjonijiet bejn PreussenElektra u Schleswag. Infatti, id-domandi dwar l-Artikolu 92 tat-Trattat jirrigwardaw preċiżament il-kwistjoni jekk l-Artikolu 4 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, jikkostitwixxix, waħdu jew flimkien ma’ l-Artikoli 2 u 3, skema ta’ għajnuna skond din id-dispożizzjoni.

    52      Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-domanda dwar l-Artikolu 30 tat-Trattat, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba m'għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali.

    53      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jirriżulta li hemm lok li d-domandi magħmula jiġu risposti.

     Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 92 tat-Trattat

    54      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li mhuwiex ikkontestat li obbligu ta’ xiri, bi prezzijiet minimi, ta’ l-elettriku prodotti minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, bħal dak previst fl-Artikoli 2 u 3 tas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, jagħti vantaġġ ekonomiku ċert lill-produtturi ta’ dan it-tip ta’ elettriku, peress li dan jiggarantixxilhom, mingħajr ebda riskju, qliegħ akbar minn dak li huma jagħmlu mingħajru.

    55      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat, li jirriżulta mir-risposta mogħtija mill-Gvern Ġermaniż għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja li kien biss f’tnejn mit-tmien impriżi Ġermaniżi prinċipali li jipproduċu l-elettriku u li joperaw sistemi ta’ trażmissjoni b’vultaġġ għoli, li fosthom hemm PrussenElectrka, li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom il-maġġoranza. Minbarra dan, jirriżulta minn din ir-risposta li PrussenElektra hija 100% sussidjarja ta’ kumpannija oħra miżmuma 100% minn interessi privati. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 19 ta’ din is-sentenza, PrussenElektra għandha 65.3% ta’ Schleswag u li xi awtoritajiet muniċipali tal-Land Schleswig-Hostein għandhom biss 34.7% minnha.

    56      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi mifhuma bħala li hija intiża, essenzjalment, sabiex jiġi vverifikat jekk leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, tobbliga impriżi privati li jipprovdu l-elettriku li jixtru l-elettriku prodott fiż-żona ta’ provvista tagħhom mingħand sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu bi prezzijiet minimi ogħla mill-valur ekonomiku reali ta’ dan it-tip ta’ elettriku u, min-naħa l-oħra, li jqassmu l-ispiża finanzjarja li tirriżulta minn dan l-obbligu bejn dawn l-impriżi li jipprovdu l-elettriku u l-operaturi privati tas-sistemi ta’ l-elettiku li jinsabu f’pożizzjoni upstream tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

    57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Artikolu 92(a) tat-Trattat jiddikjara kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tivvaforixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, safejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq komuni.

    58      Madankollu, jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz tar-riżorsi ta’ l-Istat li huma kkunsdrati bħala għajnuna skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat. Fil-fatt, id-distinzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni bejn l-“għajnuna …. mogħtija minn Stat Membru” u l-għajnuna mogħtija “permezz ta’ riżorsi ta’ l-Istat” ma jfissirx li l-vantaġġi kollha li l-Istat jagħti l-kunsens tagħhom jikkostitwixxu għajnuna, kemm jekk ikunu jew le finanzjati perezz ta’ riżorsi statali, iżda hija intiża sabiex tinkludi f’dan il-kunċett il-vantaġġi li huma mogħtija direttament mill-Istat kif ukoll dawk li huma mogħtija permezz ta’ l-intermedju ta’ entità pubblika jew privata, maħtura jew stabbilita minn dan l-Istat. (ara s-sentenzi ta’ l-24 ta’ Jannar 1978, Van Tiggele, 82/77, Ġabra p. 25, punti 24 u 25; Sloman Neptun, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19; tat-30 ta’ Novembru 1993, Kirsammer-Hack, C-189/91, Ġabra p. I-6185, punt 16; tas-7 ta’ Mejju 1998, Viscido et, C 52/97 sa C-54/97, Ġabra p. I-2629, punt 13; ta’ l-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C 200/97, Ġabra p. I-7907, punt 35, u tas-17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio, C 295/97, Ġabra p. I-3735, punt 35).

    59      Fil-każ preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-obbligu, impost fuq impriżi privati ta’ provvista ta’ elettriku, li jixtru, bi prezzijiet minimi fissi l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu ma jwassal għal ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi ta’ l-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku.

    60      Għaldaqstant, it-tqassim ta’ l-ispiża finanzjajra li tirriżulta għal dawn l-impriżi privati li jipprovdu l-elettriku ta’ dan l-obbligu ta’ xiri bejnhom u impriżi privati oħra ma jistax jikkostitwixxi trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi ta’ l-Istat.

    61      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-fatt li l-obbligu ta’ xiri huwa impost mil-liġi u jagħti vantaġġ inkontestabbli lil ċerti mpriżi, m'huwiex ta’ natura li jagħtih il-karattru ta’ għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92(a) tat-Trattat.

    62      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata miċ-ċirkustanza, rrilevata mill-qorti tar-rinvju, li l-ispiża finanzjarja li tirriżulta mill-obbligu ta’ xiri għal prezzijiet minimi tista’ jkollha riperkussjonijiet negattivi fuq ir-riżultati ekonomiċi ta’ l-impriżi suġġetti għal dan l-obbligu u li konsegwentement twassal għal tnaqqis tad-dħul fiskali ta’ l-Istati. Fil-fatt, din il-konsegwenza hija inerenti għal tali leġiżlazzjoni u ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li tikkostitwixxi mezz li jagħti lill-produtturi ta’ l-elettriku li jieħdu provvista minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu vantaġġ partikolari fuq l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati Sloman Neptun, punt 21, u Ecotrade, punt 36).

    63      Bħala alternattiva, il-Kummissjoni ssostni li sabiex jiġi ppreservat l-effett utli ta’ l-Artikoli 92 u 93 tat-Trattat, moqrija flimkien ma’ l-Artikolu 5 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 10 KE), jeħtieġ li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jiġi interpretat b’mod li jfisser ukoll miżuri ta’ sostenn li, bħal dawk previsti mis-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, huma deċiżi mill-Istat iżda ffinanzjati minn impriżi privati. Hija tibbaża l-analiżi tagħha, b’analoġija, fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja skond liema l-Artikolu 85 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 81 KE), moqri flimkien ma’ l-Artikolu 5 ta’ l-istess Trattat, jipprojbixxi lill-Istati membri milli jadottaw miżuri, anki taħt il-forma ta’ liġijiet u regolamenti, li jistgħu jeliminaw l-effett utli tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Novembru 1993, Meng, C 2/91, Ġabra p. 5751, punt 14).

    64      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, kuntrarjament għall-Artikolu 85 tat-Trattat li jikkonċerna biss l-aġir ta’ l-impriżi, l-Artikolu 92 tat-Trattat jirrigwarda direttament miżuri adottati mill-Istati membri.

    65      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Artikolu 92 tat-Trattat huwa biżżejjed minnu nnifsu sabiex jipprojbixxi l-aġir ta’ l-Istat li huwa jirreferi għalih u l-Artikolu 5 tat-Trattat li, fit-tieni subparagrafu tiegħu, jipprovdi li l-Istati membri m’għandhom jieħdu ebda miżura li tista’ tipperikola r-realizzazzjoni ta’ l-għanijiet ta’ dan it-Trattat, ma jistax iservi sabiex jifrex il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 92 għal aġir ta’ l-Istat li ma jaqgħux taħtu.

    66      Għaldaqstant, l-ewwel domanda preliminari għandha tiġi risposta li leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, tobbliga l-impriżi privati ta’ provvista ta’ l-elettriku li jixtru l-elettriku prodott fiż-żona ta’ provvista tagħhom mingħand sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu għal prezzijiet minimi ogħla mill-valur ekonomiku reali ta’ dan it-tip ta’ elettriku u, min-naħa l-oħra, li tqassam l-ispiża finanzjara li tirriżulta minn dan l-obbligu bejn dawn l-impriżi li jipprovdu l-elettriku u lill-operaturi privati tas-sistemi ta’ elettriku li jinsabu f’pożizzjoni upstream ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat.

    67      Fir-rigward ta’ din ir-risposta, mhemmx bżonn li t-tieni domanda preliminari tiġi risposta, peress li din tqajmet biss f’każ fejn l-obbligu ta’ xiri bi prezzijiet minimi fissi jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, filwaqt li t-tqassim ta’ l-ispiża finanzjarja li tirriżulta minnha ma kinitx.

     Fuq l-interpretazzjoni ta’ l-Artikolu 30 tat-Trattat

    68      Permezz tat-tielet domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk din il-leġiżlazzjoni hija jew le inkompatibbli ma’ l-Artikolu 30 tat-Trattat.

    69      Jeħtieġ li jiġi mfakkar f’dan ir-rigward li, l-ewwelnett, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 30 tat-Trattat, peress li jipprojbixxi bejn l-Istati membri l-miżuri b’effett ekwivalenti għar-restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni, jirreferi għal kull miżura nazzjonali li tista’ tostakola direttament jew indirettament, attwalment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju (sentenza tal-11 ta’ Lulju 1974, Dassonville, 8/74, Ġabra p. 837, punt 5).

    70      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-obbligu impost fuq operaturi ekonomiċi ta’ Stat membru li jiffornixxu lilhom infushom minn prodott partikolari, sa limitu ta’ ċertu perċentwali, mingħand fornitur nazzjonali, jillimita b’hekk il-possibbiltajiet ta’ importazzjoni ta’ dan l-istess prodott billi jimpedixxi lil dawn l-operaturi milli jiffornixxu lilhom infushom għal parti tal-bżonnijiet tagħhom mingħand operaturi li jinsabu fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ l-10 ta’ Lulju 1984, Campus Oil et, 72/83, Ġabra p. 2727, punt 16, u ta’ l-20 ta’ Marzu 1990, Du Pont de Nemours Italiana, C 21/88, Ġabra p. I-889, punt 11).

    71      Madankollu, jirriżulta espressament mill-Artikoli 1 u 2 tas-Stromeinspeisungsgesetz li l-obbligu ta’ xiri impost fuq l-impriżi li jipprovdu l-elettriku japplika biss għall-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fil-qasam ta’ validità ta’ din il-liġi u fiż-żona ta’ provvista rispettiva ta’ kull impriża kkonċernata u jista’ minħabba dan il-fatt jostakola għall-anqas potenzjalment il-kummerċ intrakomunitarju.

    72      Madanakollu, sabiex jiġi evalwat jekk dan l-obbligu ta’ xiri huwa madankollu kompatibbli ma’ l-Artikolu 30 tat-Trattat, għandu minn naħa, jiġi kkunsidrat l-għan tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-partikolaritajiet tas-suq ta’ l-elettriku.

    73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu għall-produzzjoni ta’ l-elettriku, li huwa intiż sabiex jippromwovi leġiżlazzjoni bħas- Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, huwa utli għall-protezzjoni ta’ l-ambjent safejn dan jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra, li huma fost il-kawżi prinċipali tat-tibdil klimatiku li l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri ħadu l-impenn li jikkumbattu.

    74      F’dan ir-rigward, l-iżvilupp ta’ dan l-użu jidher fost wieħed mill-għanijiet prijoritarji li l-Komunità u l-Istati membri tagħha għandhom l-intenzjoni li jsegwu sabiex jimplementaw l-obbligi li huma ftehmu li jagħmlu skond il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kambjamenti tal-Klima, approvata f’isem il-Komunita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/69/CE tal-15 ta’ Diċembru 1993 (ĠU L 33, 1994, p. 11), kif ukoll mill-Protokoll tat-tielet konferenza tal-partijiet ta’ din il-Konvenzjoni, li sar fi Kyoto fil-11 ta’ Diċembru 1997 u li ġie ffirmat mill-Komunità Ewropea u mill-Istati Membri tagħha fid-29 ta’ April 1998 [ara, f’dan ir-rigward u b’mod partikolari, ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 98/C 198/01 tat-8 ta’ Ġunju 1998, dwar is-sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu (ĠU C 198, p. 1), u d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 646/2000/KE tat-28 ta’ Frar 2000 li adottat programm multi-annwali għall-promozzjoni ta’ sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu fil-Komunità (Altener) (1998/ 2002) (ĠU L 79, p. 1)].

    75      Għandu jiġi osservat li din il-politika hija intiża wkoll għall-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni u ta’ l-annimali kif ukoll għall-preservazzjoni tal-ħxejjex.

    76      Minbarra dan, kif jirriżulta mit-tielet frażi ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 130R(2) tat-Trattat KE (li, wara emenda, sar l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 174(2) KE), il-ħtiġijiet fil-materja tal-ħarsien ta’ l-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u l-implementazjoni tal-politika tal-Komunità. It-Trattat ta’ Amsterdam ittrasferixxa din id-dispożizzjoni, f’forma ftit emendata, fl-Artikolu 6 KE, li jinsab fl-ewwel parti tiegħu intitolata: “Prinċipji”.

    77      Minbarra minn dan, jirriżulta mit-tmienja u għoxrin premessa tad-Direttiva 96/92, li huwa “għal raġunijiet ta’ protezzjoni ambjentali” li fl-Artikoli 8(3) u 11(3) tagħha tawtorizza lill-Istati membri sabiex jagħtu prijorità lill-produzzjoni ta’ enerġija elettrika minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu.

    78      Għandu wkoll jiġi rrilevat li din id-Direttiva, kif jirriżulta mid-disa’ u tletin premessa tagħha, tikkostitwixxi biss fażi oħra ta’ liberalizzazzjoni u li tħalli jibqgħu ċerti ostakoli għall-iskambji ta’ elettriku bejn l-Istati Membri.

    79      Minbarra dan għandu jiġi kkonstatat li n-natura ta’ l-elettriku hija tali li, ladarba tiġi aċċettata fis-sistema ta’ trażmissjoni jew ta’ distribuzzjoni, huwa diffiċli li jiġi ddeterminat l-oriġini tagħha u b’mod partikolari s-sors ta’ enerġija li minnha hija prodotta.

    80      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-proposta tagħha tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/C 311 E/22 dwar il-promozzjoni ta’ l-elettriku prodott minn sorsi li jiġġeddu fis-suq intern ta’ l-elettriku (ĠU C 311 E, 2000, p. 320), ippreżentata fil-31 ta’ Mejju 2000, li l-implementazzjoni, f’kull Stat Membru, ta’ sistema ta’ ċertifikati ta’ oriġini ta’ l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu, li tista’ tkun s-suġġett ta’ rikonoxximent reċiproku, hija indispensabbli sabiex l-iskambji ta’ dan it-tip ta’ l-elettriku jkun kemm ta’ min joqgħod fuqu kif ukoll possibbli fil-prattika.

    81      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, it-tielet domanda preliminari għandha tiġi risposta li, fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju dwar is-suq ta’ l-elettriku, leġiżlazzjoni bħas-Stromeinspeisungsgesetz, kif emendata, m'hijiex kompatibbli ma’ l-Artikolu 30 tat-Trattat.

     Fuq l-ispejjeż

    82      L-ispejjeż sostnuti mill-Gvern Ġermaniż u l-Gvern Finlandiż, kif ukoll mill-Kummissjoni, li ssottomettew osservazzjonijiet lill-Qorti, ma jistgħux jitħallsu lura. Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinvju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

    Għal dawn il-motivi,

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

    li tiddeċiedi fuq id-domandi li tressqu quddiema mil-Landgericht Kiel, permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Ottubru 1998, taqta’ u tiddeċiedi:

    1)      leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, minn naħa, tobbliga l-impriżi privati ta’ provvista ta’ l-elettriku li jixtru l-elettriku prodott fiż-żona ta’ provvista tagħhom mingħand sorsi ta’ enerġija li jiġġeddu għal prezzijiet minimi ogħla mill-valur ekonomiku reali ta’ dan it-tip ta’ elettriku u, min-naħa l-oħra, li tqassam l-ispiża finanzjara li tirriżulta minn dan l-obbligu bejn dawn l-impriżi li jipprovdu l-elettriku u lill-operaturi privati tas-sistemi ta’ elettriku li jinsabu f’pożizzjoni upstream ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat skond l-Artikolu 92(1) tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 87(1) KE).

    2)      fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju dwar is-suq ta’ l-elettriku, tali leġiżlazzjoni mhijiex inkompatibbli ma’ l-Artikolu 30 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 28 KE).

    Rodríguez Iglesias

    Gulmann

    Wathelet

    Skouris

    Edward

    Puissochet

    Jann

    Sevón

    Schintgen

    Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fit-13 ta’ Marzu 2001.

    R. Grass

     

    G. C. Rodríguez Iglesias            

    Reġistratur

     

           President


    * Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

    Fuq