EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0808

Kawża T-808/19: Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2019 – Silgan International u Silgan Closures vs Il-Kummissjoni

ĠU C 27, 27.1.2020, p. 65–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 27/65


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Novembru 2019 – Silgan International u Silgan Closures vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-808/19)

(2020/C 27/65)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Silgan International Holdings BV (Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) u Silgan Closures GmbH (München, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Seeliger, H. Wollmann, R. Grafunder, B. Meyring u E. Venot, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 8501 final tal-20 ta’ Novembru 2019 (AT.40522 – Metal Packaging (ex Pandora)) li timponi obbligu li tingħata informazzjoni, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser id-drittijiet essenzjali tad-difiża għaliex id-domandi magħmula huma bbażati prinċipalment fuq dokumenti u informazzjoni li r-rikorrenti kienu pppreżentaw preċedentment inkwantu xhieda li jikkooperaw fil-proċess ġudizzjarju lill-Bundeskartellamt Ġermaniż fi proċedimenti pendenti quddiemu. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisbet dawn id-dokumenti u din l-informazzjoni fil-kuntest ta’ skambju inammissibbli ta’ informazzjoni mal-Bundeskartellamt jew fil-kuntest ta’ spezzjoni illegali bbażata fuq dawn id-dokumenti u din l-informazzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni minħabba ksur tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà

Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummisjoni ma hijiex kompetenti sabiex tmexxi proċeduri kontra r-rikorrenti u sabiex tadotta d-deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl tal-investigazzjonijiet estensivi mwettqa mill-Bundeskartellamt u fid-dawl tal-proċeduri nazzjonali li huma lesti sabiex jiġu deċiżi, ma huwiex ċar għalfejn il-Bundeskartellamt ma kienx f’pożizzjoni li jikkonkludi l-investigazzjoni f’dan il-każ jew għaliex il-Kummissjoni hija f’pożizzjoni aħjar sabiex teżegwixxi l-miżura istruttorja kkontestata.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq motivazzjoni insuffiċjenti

Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex motivata suffiċjentement, sa fejn hija ma tinkludi l-ebda kjarifika dwar ir-raġuni għalfejn il-Kummissjoni kkunsidrat li hija kompetenti, fid-dawl tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, sabiex tmexxi investigazzjoni kontra r-rikorrenti.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba skont l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

Fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni marret kontra l-prinċipju ta’ prassi amministrattiva tajba u kontra l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata hija sproporzjonata, sa fejn hija tikser l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u sa fejn hija tmur kontra l-prinċipju ta’ imparzjalità u ta’ ekwità.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

Fil-kuntest tal-ħames motiv, ir-rikorrenti jsostnu li t-talba għal informazzjoni hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet inadegwati, sa fejn il-Kummissjoni tipprova, f’kooperazzjoni mal-Bundeskartellamt, permezz tal-proċedura ta’ investigazzjoni u b’mod partikolari permezz tad-deċiżjoni kkontestata, tevita d-dispożizzjonijiet dwar l-issanzjonar tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE li huma previsti fid-dritt Ġermaniż.


Top