Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-politika tal-UE dwar l-asil: Il-pajjiż tal-UE responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet

Il-politika tal-UE dwar l-asil: Il-pajjiż tal-UE responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ir-Regolament ta’ Dublin III), li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (ir-Regolament ta’ Dublin II), jistabbilixxi kriterji u mekkaniżmi biex jiġi deċiż liema huwa l-pajjiż tal-UE responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

ATT

Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida.

SOMMARJU

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (ir-Regolament ta’ Dublin III), li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (ir-Regolament ta’ Dublin II), jistabbilixxi kriterji u mekkaniżmi biex jiġi deċiż liema huwa l-pajjiż tal-UE responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

X’JAGĦMEL DAN IR-REGOLAMENT?

Ir-Regolament ta’ Dublin III jistabbilixxi liema huwa l-pajjiż tal-UE responsabbli sabiex jeżamina applikazzjoni għall-asil. Dan jagħti lill-applikanti protezzjoni aħjar sakemm jiġi stabbilit l-istatus tagħhom. Joħloq ukoll sistema ġdida sabiex jiġu identifikati problemi bikrija fis-sistemi nazzjonali tal-asil jew tal-akkoljenza u biex jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali tagħhom qabel dawn jiżviluppaw fi kriżi kbira.

PUNTI EWLENIN

Prinċipju u kriterji sabiex tiġi ddeterminata r-responsabbiltà

Dawn jinkludu, f’ordni ta’ importanza:

  • kunsiderazzjonijiet tal-familja;
  • pussess reċenti ta’ viża jew permess ta’ residenza f’pajjiż tal-UE;
  • jekk l-applikant ikunx daħal fl-UE b’mod irregolari jew regolari.

Aktar garanziji għall-applikanti

Ir-regolament jinkludi garanziji aktar protettivi għall-applikanti, bħal dawn li ġejjin:

  • id-dritt għall-informazzjoni;
  • intervisti personali;
  • aktar garanziji għall-minorenni, filwaqt li tingħata prijorità lill-aħjar interessi tat-tfal matul il-proċedura kollha;
  • protezzjoni miżjuda għat-tfal, il-membri tal-familja u persuni dipendenti u qraba tal-applikanti;
  • l-għażla tal-għajnuna legali mingħajr ħlas, fuq talba;
  • id-dritt ta’ appell kontra deċiżjoni futura ta’ trasferiment lejn pajjiż tal-UE ieħor, inkluża l-għażla li jingħata effett sospensiv.

Proposta ġdida tal-2014 tistabbilixxi regoli biex jiġi deċiż min huwa responsabbli biex jeżamina applikazzjonijiet ta’ minorenni mhux akkumpanjati.

Detenzjoni

Bħala prinċipju ġenerali, l-applikanti għandhom jiġu detenuti biss minħabba li jkunu qed ifittxu asil. Madankollu, ir-regolament jipprovdi għad-detenzjoni tal-applikanti jekk ikun hemm riskju ta’ ħarba (eż. ikunu qed jiġu trasferiti lejn pajjiż tal-UE ieħor).

Mekkaniżmu ta’ twissija bikrija, tħejjija u ġestjoni tal-kriżijiet

Ir-Regolament ta’ Dublin III jagħmel is-sistema aktar effiċjenti billi jintroduċi mekkaniżmu ta’ twissija bikrija, tħejjija u ġestjoni tal-kriżijiet imfassal sabiex:

  • jindirizza nuqqasijiet fis-sistemi nazzjonali tal-asil jew
  • jgħin lill-pajjiżi tal-UE li jkollhom numri kbar ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fil-fruntieri tagħhom.

MINN META JAPPLIKA DAN IR-REGOLAMENT?

Ir-regolament il-ġdid, li japplika mill-1 ta’ Jannar 2014, jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 (imħassar).

SFOND

L-UE qiegħda taħdem sabiex tistabbilixxi Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA). Mill-2011, ġew adottati diversi testi ġodda biex itejbu l-ħidmiet tas-SEKA.

Wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u l-introduzzjoni ta’ miżuri biex tindirizza l-impatt tal-kriżi, il-Kummissjoni Ewropea adottat: Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COVID-19: Gwida dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-UE fil-qasam tal-proċeduri tal-asil u tar-ritorn u dwar ir-risistemazzjoni

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Regolament (UE) Nru 604/2013

1.1.2014

-

ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31-59

ATTI RELATATI

Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9-26).

Direttiva 2013/32/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60-95).

Direttiva 2013/33/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96-116).

Regolament Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1-30).

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU L 222, 5.9.2003, p. 3-23).

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 118/2014 tat-30 ta’ Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU L 39, 8.2.2014, p. 1-43).

l-aħħar aġġornament 25.05.2020

Top