Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Informazzjoni tal-konsumatur, id-dritt tal-irtirar u drittijiet oħra tal-konsumatur

Informazzjoni tal-konsumatur, id-dritt tal-irtirar u drittijiet oħra tal-konsumatur

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2011/83/UE dwar id-drittijiet tal-konsumatur

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 li temenda d-Direttiva 83/2011/UE dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur

Id-Direttiva (UE) 2023/2673 li temenda d-Direttiva 2011/83/UE fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod u li tħassar id-Direttiva 2002/65/KE

Id-Direttiva (UE) 2024/825 li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVI?

  • Id-Direttiva 2011/83/UE għandha l-għan li:
    • żżid il-protezzjoni tal-konsumatur billi tarmonizza diversi aspetti ewlenin tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa;
    • tinkoraġġixxi l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), b’mod partikolari għall-konsumaturi li jixtru online.
  • Id-direttiva ssostitwiet id-direttiva dwar il-bejgħ mill-bogħod (id-Direttiva 97/7/KE) u d-direttiva dwar il-bejgħ fid-djar (id-Direttiva 85/577/KEE).
  • Id-Direttiva (UE) 2019/2161 dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur temenda d-Direttiva 2011/83/UE u direttivi oħra. L-emendi jżidu l-protezzjoni għall-konsumaturi tal-UE f’diversi oqsma bħax-xiri minn swieq online*, it-trasparenza ta’ personalizzazzjoni tal-prezz* u l-klassifikazzjoni tal-offerti online u d-drittijiet tal-konsumatur meta juża servizzi online “bla ħlas”.
  • Biex tirrifletti t-tkabbir rapidu f’servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod (online jew bit-telefon), id-Direttiva (UE) 2023/2673 li temenda żżid kapitolu li jintroduċi regoli li jiggvernaw tali kuntratti. Din tħassar ir-Direttiva 2002/65/KE (ara s-sommarju), il-leġiżlazzjoni eżistenti li tikkonċerna aspetti tal-protezzjoni tal-konsumatur ta’ kummerċjalizzazzjoni mill-bogħod ta’ servizzi finanzjarji mit-18 ta’ Ġunju 2026.
  • Fl-2024, regoli addizjonali kienu ddaħħlu b’Direttiva emendatorja (UE) 2024/825 biex tadatta d-Direttiva 2011/83/UE għat-tranżizzjoni ekoloġika u l-ekonomija ċirkolari.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • B’xi eċċezzjonijiet, bħal kura tas-saħħa u servizzi soċjali (u s-servizzi finanzjarji sa Ġunju 2026), id-Direttiva 2011/83/UE tkopri firxa wiesgħa ta’ kuntratti konklużi bejn kummerċjanti u konsumaturi, bħal kuntratti tal-bejgħ *, kuntratti ta’ servizz *, kuntratti għal kontenut diġitali online jew servizzi dipitali u kuntratti għall-forniment ta’ ilma, gass, elettriku u tisħin distrettwali.
  • Dan japplika għal kuntratt konklużi fi ħwienet u għal kuntratti konklużi mhux fuq il-post (pereżempju fid-dar tal-konsumatur) jew mill-bogħod (pereżempju online), flimkien ma’ kuntratti li taħthom il-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz diġitali * jew kontenut diġitali * lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi jew jintrabat li jipprovdi data personali *.
  • Din tistabbilixxi wkoll obbligazzjonijiet għal aktar informazzjoni għall-fornituri ta’ swieq online rigward il-kuntratti li konsumaturi jikkonkludu ma’ fornituri differenti fuq is-suq online. Barra minn dan, din tistabbilixxi regoli li jirregolaw it-trasparenza ta’ personalizzazzjoni tal-prezz u l-klassifikazzjoni tal-offerti online u d-drittijiet tal-konsumatur meta juża servizzi online “bla ħlas”.

Obbligi ta’ informazzjoni

  • Qabel jikkonkludu kuntratt, il-kummerċjanti għandhom jipprovdu lill-konsumaturi, fi kliem ċar u li jinftiehem, informazzjoni bħal:
    • l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom;
    • il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott; kif ukoll
    • il-kundizzjonijiet li japplikaw, inklużi t-termini ta’ ħlas, iż-żmien ta’ konsenja, l-eżekuzzjoni u t-tul tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni.
  • Fil-ħwienet, għandha tingħata l-informazzjoni li mhijiex diġà ovvja.
  • Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni, b’mod partikolari dwar id-dritt tal-irtirar, huma aktar dettaljati għal kuntratti konklużi mill-bogħod (bħal pereżempju online, bit-telefon jew bil-posta) u għal kuntratti konklużi barra mill-post tan-negozju (eż. meta kummerċjant iżur id-dar ta’ konsumatur).
  • Rekwiżiti għal informazzjoni speċifika jeżistu għal kuntratti konklużi fuq swieq online. Is-suq online għandu:
    • jinforma l-konsumaturi jekk fornitur ta’ parti terza huwiex kummerċjant jew le (jiġifieri konsumatur ieħor);
    • jwissi lill-konsumatur li r-regoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-UE ma japplikawx għal kuntratti konklużi ma’ min mhux kummerċjant; u
    • jispjega min hu responsabbli għall-prestazzjoni tal-kuntratt: il-kummerċjant ta’ parti terza jew is-suq online innifsu.
  • Il-kummerċjanti jridu jinfurmaw lill-konsumaturi jekk il-prezz offrut ikunx ġie personalizzat abbażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati.
  • Id-Direttiva (UE) 2024/825 temenda d-Direttiva 2011/83/UE li tintroduċi regoli ġodda biex tassikura li, fil-punt ta’ bejgħ, il-konsumaturi jkunu infurmati dwar id-durabbiltà u l-possibbiltà ta’ tiswija ta’ prodotti li huma għandhom il-ħsieb jixtru. Din l-informazzjoni hi maħsuba li tgħinhom jagħmlu għażliet aktar sostenibbli ta’ xiri. Il-kummerċjanti ser ikunu mitluba jipprovdu lil konsumaturi l-informazzjoni li ġejja qabel ma jagħmlu xi xirja.
    • nota ta’ tfakkir li l-garanzija legali ta’ konformità għal prodotti u l-aspetti prinċipali tagħha, inkluża li d-durata minima tagħha hi ta’ sentejn, murija b’mod ċar bl-użu ta’ avviż armonizzat;
    • fejn fabbrikant joffri garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà b’ebda spiża addizzjonali, li tkopri l-prodott kollu u li għandha durata ta’ tal-inqas sentejn, u jinforma lill-kummerċjant dwar dan, il-kummerċjant irid jinforma lil konsumatur billi juża t-tikketta armonizzata;
    • fil-każ ta’ kontenut diġitali u servizzi diġitali, nota ta’ tfakkira dwar l-eżistenza tal-garanzija legali ta’ konformità;
    • nota ta’ tfakkira dwar l-eżistenza u l-kundizzjonijiet ta’ servizzi wara x-xiri u garanziji kummerċjali;
    • fil-każ ta’ prodotti b’elementi diġitali, jew kontenut diġitali u servizzi diġitali, il-perjodu minimu li matulu l-manifattur jew il-fornitur ser jipprovdi aġġornamenti tas-software.
  • Fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod, id-Direttiva (UE) li temena 2024/825 tirrekjedi li kummerċjanti jinfurmaw lil konsumaturi dwar termini ta’ pagament u ta’ konsenja, inklużi opzjonijiet favur l-ambjent, u fejn applikabbli, kif tilwim ser ikunu indirizzati.
  • Il-Kummissjoni Ewropea ser tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw it-tqassim u l-kontenut tal-avviż armonizzat u tiketta użata biex tinforma lil konsumaturi dwar id-drittijiet tagħhom.

Servizzi finanzjarji tal-konsumatur

Direttiva Emendatorja (UE) 2023/2673 tintroduċi regoli fir-rigward ta’ servizzi finanzjarji tal-konsumatur, bħal dawn li ġejjin

  • Informazzjoni pre-kuntrattwali li kummerċjanti jridu jipprovdu lil konsumaturi qabel ma jiffirmaw kuntratt. Il-konsumaturi jrid ikollhom ħin biżżejjed biex jipproċessaw u jifhmu din l-informazzjoni u jqabblu ma prodotti oħra biex ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni infurmata L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jimponu regoli nazzjonali aktar stretti f’dan ir-rigward.
  • Id-dritt tal-konsumaturi li jitolbu intervenzjoni umana ħalli jifhmu aħjar l-implikazzjonijiet ta’ kuntratt speċifikat fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom meta kummerċjant juża għodda bħal chatbots.
  • Ir-rekwiżit li Stat Membru jintroduċi miżuri li jillimitaw l-użu ta’ tekniki ta’ kummerċjalizzazzjoni b’elementi qarrieqa (interfaċċi li jqarqu lil utenti biex jagħmlu affarijiet li ma jkollhomx intenzjoni jagħmlu) biex jinfluwenzaw l-għażliet tal-konsumatur.
  • L-addizzjoni għal Direttiva 2011/83/UE tas-“sistema netta tas-sigurtà” għas-servizzi finanzjarji li huma esklużi minn leġiżlazzjoni settorali oħra jew li huma koperti parzjalment minnha.

Dritt ta’ rtirar

  • Il-konsumaturi jistgħu jirtiraw minn kuntratti mill-bogħod u mhux fuq il-post fi żmien 14-il jum mill-konsenja tal-prodotti * jew il-konklużjoni tal-kuntratt tas-servizz, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, mingħajr spjegazzjoni jew spiża. Formola standard ta’ rtirar ipprovduta mill-bejjiegħ hija biżżejjed. Jekk il-konsumaturi ma jkunux ġew mgħarrfa dwar id-drittijiet tagħhom, il-perjodu ta’ rtirar jiġi estiż bi 12-il xahar.
  • Eżenzjonijiet japplikaw f’bosta ċirkostanzi, pereżempju għal prodotti li jispiċċaw, prodotti issiġġillati miftuħa mill-konsumatur li ma jistax jirritorna għal raġunijiet ta’ saħħa jew iġjene u prenotazzjonijiet ta’ lukandi jew kirjiet ta’ karozzi li huma marbuta ma’ dati speċifiċi. Japplikaw eċċezzjonijiet, taħt ċerti ċirkostanzi, għal kuntratti għal provvista ta’ kontenut diġitali, li ma jkunx ipprovdut fuq mezz tanġibbli, jekk il-prestazzjoni tkun bdiet. Meta l-konsumaturi jirtiraw minn kuntratt, għandhom iżommu lura milli jużaw il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali u li jagħmluh disponibbli għal partijiet terzi.
  • Direttiva (UE) 2023/2673 li temenda tippermetti lil konsumaturi li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom ta’ irtirar mill-kuntratti kollha konklużi mill-bogħod billi tirrekjedi li l-fornituri tagħhom jassikuraw li l-interfaċċi tagħhom joffru funzjonament ta’ irtirar li jkun faċli biex issib.

Ebda kost mhux ġustifikat jew spejjeż addizzjonali

  • Il-kummerċjanti m’għandhomx jimponu tariffi fuq il-konsumaturi għall-użu ta’ meżżi ta’ ħlas li jaqbżu l-kost imġarrab mill-kummerċjant għall-użu tat-tali mezzi. F’ħafna każijiet, l-iċċarġjar ta’ tali tariffi huwa kompletament ipprojbit skont id-direttiva dwar is-servizzi ta’ pagament (Direttiva (UE) 2015/2366 — ara s-sommarju).
  • Meta konsumatur iċempel lil kummerċjant biex jistaqsi jew biex jilmenta dwar il-kuntratt konkluż, m’għandux iħallas aktar mit-tariffa telefonika bażika.
  • Il-kummerċjanti jridu jkollhom il-kunsens espress tal-konsumaturi meta joffru servizzi addizzjonali imħallsa. Għal tali ħlasijiet, ma jistgħux jintużaw kaxxi mmarkati bil-lest fuq il-formola tal-ordni.

Pieni

  • Id-Direttiva 2011/83/UE tirrekjedi li l-Istati Membri jintroduċu penali effettivi, proporzjonati u dissważiv applikabbli għal ksur ta’ regoli nazzjonal li jinkorporaw id-direttiva. Din tinkludi wkoll lista ta’ kriterji li jridu japplikaw meta jimponu dawn il-penali.
  • L-Istati Membri jridu jassikuraw li meta jkunu imposti penali konformi ma’ Regolament (UE) 2017/2394 (ara s-sommarju) fil-kuntest ta’ azzjonijiet ikkoordinati fir-rigward ta’ ksur transkonfinali maġġur, huma jinkludu l-possibbilità jew li jimponu penali permezz ta’ proċeduri amministrattivi jew li jibdew proċedimenti ġudizzjarji għall-impożizzjoni ta’ penali, jew it-tnejn, l-ammont massimu ta’ tali penali jrid ikun tal-inqas 4% tad-dħul annwali tal-kummerċjant fl-Istat Membru jew fl-Istati Membri kkonċernati. Għal każijiet fejn penali trid tkun imposta konformi ma’ Regolament (UE) 2017/2394, imma ma jkun hemm disponibbli ebda informazzjoni dwar il-fatturat annwali tal-kummerċjant, l-Istati Membri jridu jintroduċu l-possibbiltà li jimponu penali, li l-ammont massimu tagħhom jrid ikun tal-inqas €2 miljuni.

MINN META JAPPLIKAW DAWN IR-REGOLI?

  • Id-Direttiva 2011/83/UE kellha tkun inkorporata fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri sat-13 ta’ Diċembru 2013 Tapplika għal kuntratti konklużi wara t-13 ta’ Ġunju 2014.
  • Id-Direttiva (UE) 2019/2161 emendatorja kellha tkun trasposta fil-liġi nazzjonali sat-28 ta’ Novembru 2021 u ilha tapplika mit-28 ta’ Mejju 2022.
  • Id-Direttiva (UE) 2023/2673 emendatorja kellha tkun trasposta fil-liġi nazzjonali sad-19 ta’ Diċembru 2025 u ser tapplika mid-19 ta’ Ġunju 2026.
  • Id-Direttiva (UE) 2024/825 emendatorja kellha tkun trasposta fil-liġi nazzjonali sas-27 ta’ Marzu 2026 u ser tapplika mis-27 ta’ Settembru 2026.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Swieq online. Servizz li juża software, inkluż sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni ġestita minn kummerċjant jew f’isem kummerċjant li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jew ma’ konsumaturi oħra.
Personalizzazzjoni tal-prezz. Fejn kummerċjant jiffissa prezzijiet differenti għal konsumaturi individwali jew għal gruppi ta’ konsumaturi bbażati fuq analiżi awtomatizzata tal-preferenzi ta’ dawk il-konsumaturi u r-rieda li jħallsu.
Kuntratt ta’ bejgħ. Kwalunkwe kuntratt li abbażi tiegħu l-kummerċjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi s-sjieda ta’ oġġetti lill-konsumatur, inkluż kwalunkwe kuntratt li għandu bħala s-suġġett tiegħu kemm oġġetti kif ukoll servizzi
Kuntratti ta’ servizz. Kull kuntratt barra minn kuntratt ta’ bejgħ li taħtu l-kummerċjant iforni jew jimpenja ruħu li jforni servizz, inkluż servizz diġitali, lil konsumatur.
Servizz diġitali. Dan hu:

  • servizz li jippermetti lil konsumatur li joħloq, jipproċessa, jaħżen jew jaċċessa data f’forma diġitali; jew
  • servizz li jippermetti x-xerjar ta’ jew kull interazzjoni ma’ data f’forma diġitali mtella’ jew maħluqa mill-konsumatur jew utenti oħra ta’ dak is-servizz.

Kontenut diġitali. Data li tiġi prodotta u fornuta f’forma diġitali.
Data personali. Kull informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ persuna identifikata jew identifikabbli.
Prodotti. Dawn huma:

  • kull oġġett fiżiku li jista’ jiċċaqlaq, inklużi ilma, gass u eletttriku meta jinbigħu f’volum limitat jew kwantità issettjata;
  • kull oġġett fiżiku li jista’ jiċċaqlaq li jinkorpora jew li jkun interkonness ma’ kontenut diġitali jew servizz diġitali b’tali mod li l-assenza ta’ dak il-kontenut diġitali jew servizz diġitali kieku jżomm il-prodotti milli jwettqu l-funzjonament tagħhom (prodotti b’elementi diġitali).

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, pp. 64–88).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2011/83/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, pp. 7–28).

Id-Direttiva (UE) 2023/2673 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Novembru 2023 li temenda d-Direttiva 2011/83/UE fir-rigward tal-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji konklużi mill-bogħod u li tħassar id-Direttiva 2002/65/KE (ĠU L., 2023/2673, 28.11.2023.

Id-Direttiva (UE) 2024/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2024 li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE fir-rigward tal-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar (ĠU L., 2024/825, 6.3.2024).

DOKUMENTI RELATATI

Avviż tal-Kummissjoni — Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-konsumatur (ĠU L 525, 29.12.2021, pp. 1–85).

Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, pp. 28–50).

Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, pp. 1–27).

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Patt Ġdid għall-Konsumaturi (COM(2018) 183 final, 11.4.2018).

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, pp. 1–26).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, pp. 1–33).

Id-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, pp. 35–127).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parliament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 t’April 2008 dwar ftehimiet ta’ kreditu għal konsumaturi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, pp. 66–92).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE (ĠU L 271, 9.10.2002, pp. 16–24).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 07.08.2024

Top