This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32013D0679
2013/679/EU: Council Implementing Decision of 15 November 2013 amending Decision 2007/441/EC authorising the Italian Republic to apply measures derogating from Articles 26(1)(a) and 168 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
2013/679/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
2013/679/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill tal- 15 ta’ Novembru 2013 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
ĠU L 316, 27.11.2013, p. 37–38
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2019
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Modifies | 32007D0441 | Sostituzzjoni | artikolu 7 | 01/01/2014 | |
Modifies | 32007D0441 | Sostituzzjoni | artikolu 6 | 01/01/2014 | |
Extended validity | 32007D0441 |
27.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 316/37 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL
tal-15 ta’ Novembru 2013
li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
(2013/679/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
B’ittra rreġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fit-2 ta’ April 2013, l-Italja talbet l-awtorizzazzjoni biex testendi miżura ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkun tista’ tkompli tirristrinġi d-dritt għal tnaqqis fejn jidħlu l-ispejjeż fuq ċerti vetturi tat-triq bil-magna li ma jintużawx biss għal skopijiet ta’ negozju. |
(2) |
Permezz tal-ittra datata l-10 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Italja. Permezz ta’ ittra ddatata l-14 ta’ Ġunju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba. |
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE (2) tawtorizza lill-Italja biex tillimita d-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta fuq infiq marbut ma’ vetturi tat-triq bil-magna li ma jintużawx biss għal skopijiet ta’ negozju, għal 40 %. Id-Deċiżjoni 2007/441/KE tipprovdi wkoll li l-użu għal skopijiet privati ta’ dawk il-vetturi li ġew soġġetti għal dritt ta’ tnaqqis skont dik id-Deċiżjoni ma kellux jiġi kkunsidrat bħala forniment għal konsiderazzjoni. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2007/441/KE fiha definizzjonijiet tal-vetturi u tan-nefqa inklużi fl-ambitu ta’ dik id-Deċiżjoni, u lista ta’ vetturi li huma espliċitament esklużi minnha. Id-Deċiżjoni 2007/441/KE ġiet emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/748/UE (3), li tistabbilixxi d-data ta’ skadenza għall-31 ta’ Diċembru 2013. |
(4) |
Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2007/441/KE, l-Italja ssottomettiet rapport lill-Kummissjoni li jkopri l-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni u li jinkludi reviżjoni tal-persentaġġ tar-restrizzjoni. L-informazzjoni pprovduta mill-Italja għadha turi li r-restrizzjoni tad-dritt għal tnaqqis, għal 40 % tikkorrispondi għal ċirkustanzi attwali fir-rigward ta’ użu għan-negozju u użu mhux għan-negozju tal-vetturi kkonċernati Għalhekk l-Italja għandha tkun awtorizzata biex tapplika l-miżura għal perjodu limitat ulterjuri, sal-31 ta’ Diċembru 2016. |
(5) |
Fl-eventwalità li l-Italja titlob estensjoni ulterjuri lil hinn mill-2016, rapport flimkien mat-talba għal estensjoni għandu jitressaq lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2016. |
(6) |
Fid-29 ta’ Ottubru 2004, il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE (4) bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Il-miżuri ta’ deroga previsti f’din id-Deċiżjoni għandhom jiskadu mad-dħul fis-seħħ ta’ tali Direttiva emendatorja, jekk dik id-data hija qabel id-data ta’ skadenza prevista f’din id-Deċiżjoni. |
(7) |
Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-ġbir tal-VAT. |
(8) |
Id-Deċiżjoni 2007/441/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2007/441/KE hija emendata kif ġej:
1. |
l-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 6 Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2016. Kwalunkwe talba għall-estensjoni ta’ dawk il-miżuri għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport li jinkludi reviżjoni tar-restrizzjoni tal-persentaġġ fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT dovut dwar infiq fuq vetturi tat-triq bil-magna li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali.”; |
(2) |
l-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej: “Artikolu 7 Din id-Deċiżjoni tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw l-infiq marbut mal-vetturi bil-magna li m’għandux ikun eliġibbli għal tnaqqis totali tat-taxxa fuq il-valur miżjud, u tiskadi l-iktar tard fil-31 ta’ Diċembru 2016.”. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.
Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2013.
Għall-Kunsill
Il-President
R. ŠADŽIUS
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE tat-18 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri li jidderogaw mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 33).
(3) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/748/UE tad-29 ta’ Novembru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 318, 4.12.2010, p. 45).
(4) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).