Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Prodotti għall-bini

Prodotti għall-bini

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 305/2011 — kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa għandu l-għan li jtejjeb il-funzjonament tas-suq uniku u jtejjeb il-moviment liberu tal-prodotti għall-bini* fl-Unjoni Ewropea (UE), billi jistabbilixxi regoli uniformi għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti u jipprovdi lingwaġġ tekniku komuni biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini*.
  • B’dan il-mod, ir-regolament jippermetti wkoll lill-Istati Membri tal-UE jiżguraw is-sigurtà tax-xogħlijiet tal-bini*.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2019/1020 ikompli jsaħħaħ is-sorveljanza tas-suq biex jiżgura li l-prodotti mqiegħda fis-suq ikunu sikuri u konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Ir-regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini.
  • Huwa jistabbilixxi metodi u kriterji biex tiġi vvalutata u espressa l-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini u l-kondizzjonijiet għall-użu tal-immarkar CE.
  • L-Istati Membri jibqgħu responsabbli għas-sikurezza kontra n-nirien, ir-reżistenza u l-istabbiltà mekkanika, ir-rekwiżiti ambjentali, tal-enerġija u oħrajn applikabbli għall-bini u xogħlijiet oħra ta’ bini.

Dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni u l-immarkar CE

  • Fejn manifattur jiddeċiedi li jqiegħed prodott għall-bini fis-suq u dak il-prodott ikun kopert minn standard armonizzat jew tkun inħarġet valutazzjoni teknika Ewropea għalih, il-manifattur irid ifassal dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni li, fost affarijiet oħra, tinkludi l-informazzjoni li ġejja:
    • ir-referenza tat-tip ta’ prodott;
    • is-sistemi ta’ valutazzjoni u verifika tal-konsistenza tal-prestazzjoni tal-prodott;
    • ir-referenza tal-istandard armonizzat applikabbli jew tal-valutazzjoni teknika Ewropea;
    • l-użu jew l-użi intiżi għall-prodott;
    • il-prestazzjoni ddikjarata abbażi tal-valutazzjoni skont l-istandard armonizzat applikabbli jew il-valutazzjoni teknika Ewropea.
  • Ladarba titfassal id-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni, il-manifattur irid iwaħħal l-immarkar CE mal-prodott.
  • L-immarkar CE jindika li l-prestazzjoni tal-prodott tkun ġiet ivvalutata u li tibqa’ kostanti.
  • L-immarkar CE jippermetti li prodott għall-bini jitqiegħed fis-suq b’mod legali f’kwalunkwe Stat Membru u mbagħad jiġi nnegozjat fis-suq uniku tal-UE.
  • L-Istati Membri jridu jistabbilixxu punti ta’ kuntatt għall-prodotti għall-bini biex jipprovdu informazzjoni dwar ir-rekwiżiti għall-prodotti għall-bini.

Obbligi tal-manifatturi, tal-importaturi u tad-distributuri

  • Il-manifatturi jridu jagħmlu dan li ġej.
    • Iħejju dokumentazzjoni teknika u, abbażi ta’ din, ifasslu dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni u jwaħħlu mmarkar CE mal-prodott.
    • Jiżguraw li l-prodott iżomm il-konformità tiegħu mad-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni. Fejn il-manifatturi jikkunsidraw li l-prodott ma jibqax jikkonforma aktar mad-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni, huma jridu jieħdu minnufih il-miżuri korrettivi meħtieġa jew jirtiraw jew jieħdu l-prodott lura mis-suq.
  • L-importaturi jridu jagħmlu dan li ġej.
    • Jiżguraw li l-prodott ikollu l-immarkar CE u jkun akkumpanjat mid-dokumentazzjoni meħtieġa.
    • Jevitaw li jqiegħdu l-prodott fis-suq jekk jikkunsidraw li dan ma jkunx konformi mad-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni.
    • Jiżguraw li l-prodott iżomm il-konformità tiegħu mad-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni u li t-trasport jew il-ħżin tiegħu ma jipperikolax il-prestazzjoni tiegħu. Fejn prodott ma jikkonformax mad-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni, l-importaturi jridu minnufih jieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa jew jirtiraw jew jieħdu l-prodott lura mis-suq.
  • L-obbligi tad-distributuri jinkludu dawn li ġejjin.
    • Jiżguraw li l-prodott ikollu l-immarkar CE u li jkun akkumpanjat mid-dokumentazzjoni meħtieġa.
    • Ma jagħmlux il-prodott disponibbli fis-suq jekk jikkunsidraw li huwa ma jikkonformax mad-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni, sakemm il-prodott isir konformi jew id-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni tiġi kkoreġuta.
    • Jiżguraw li t-trasport jew il-ħżin tal-prodott ma jipperikolax il-prestazzjoni tiegħu. Fejn prodott ma jikkonformax mad-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni tiegħu, id-distributuri jridu jiżguraw li jittieħdu l-miżuri korrettivi meħtieġa, jew li l-prodott jiġi rtirat jew jittieħed lura mis-suq.

Speċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati

  • L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi armonizzati jinkludu standards armonizzati u dokumenti Ewropej ta’ valutazzjoni. L-istandards armonizzati jitfasslu minn korpi Ewropej għall-istandardizzazzjoni (il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni jew il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika) abbażi ta’ talbiet maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea. L-istandards armonizzati jiddefinixxu l-metodi u l-kriterji biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-prodotti għall-bini.
  • Jekk prodott għall-bini ma jkunx kopert, jew ma jkunx kopert b’mod sħiħ, minn standard armonizzat, il-manifatturi jistgħu jitolbu valutazzjoni teknika Ewropea, maħruġa minn wieħed mill-korpi għall-valutazzjoni teknika abbażi ta’ dokument Ewropew tal-valutazzjoni żviluppat mill-Organizzazzjoni Ewropea għall-Valutazzjoni Teknika. Il-valutazzjoni teknika Ewropea hija valutazzjoni dokumentata tal-prestazzjoni ta’ prodott għall-bini, fir-rigward tal-karatteristiċi essenzjali tiegħu.
  • L-istandards armonizzati u l-valutazzjonijiet tekniċi Ewropej joħolqu lingwaġġ tekniku komuni li jintuża fis-settur tal-bini kollu u jippermettu lill-manifatturi jfasslu d-dikjarazzjoni ta’ prestazzjoni u jwaħħlu l-immarkar CE. Ir-referenzi ta’ standards armonizzati u tad-dokumenti Ewropej ta’ valutazzjoni jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Sorveljanza tas-suq

  • L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq tal-Istati Membri jridu jiżguraw li jkun hemm konformità mar-regolament fil-pajjiżi tagħhom.
  • Fejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isibu li prodott ma jikkonformax mar-rekwiżiti tar-regolament (eż. ma jiksibx il-prestazzjoni ddikjarata tiegħu u/jew jippreżenta riskju), huma jridu, mingħajr dewmien, jirrikjedu lill-operatur ekonomiku rilevanti jagħmel il-prodott konformi, jew jirtira l-prodott mis-suq, jew jieħdu lura fi żmien perjodu raġonevoli, skont in-natura tar-riskju. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw kif meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq.

Atti ta’ implimentazzjoni u delegati

Il-Kummissjoni adottat serje ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati rigward ir-regolament. Lista ta’ dawn hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Revoka

Ir-regolament jirrevoka d-Direttiva 89/106/KEE.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika bis-sħiħ mill-1 ta’ Lulju 2013.

SFOND

L-approċċ tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 (magħruf ukoll bħala r-regolament dwar il-prodotti għall-bini) għal tħaddim aħjar tas-suq uniku għall-prodotti għall-bini huwa differenti mill-prinċipji ġenerali stabbiliti oriġinarjament fil-qafas leġiżlattiv ġdid. Id-differenzi ewlenin huma dawn li ġejjin.

  • Diviżjoni tas-setgħat bejn l-UE u l-Istati Membri. L-UE tittratta biss ir-regoli tal-aċċess għas-suq uniku u mhux ir-rekwiżiti għall-prestazzjoni tal-prodotti bħala tali. Kif imsemmi hawn fuq, l-Istati Membri huma responsabbli għas-sikurezza kontra n-nirien, u r-rekwiżiti ambjentali, tal-enerġija u oħrajn applikabbli għal bini u xogħlijiet oħrajn ta’ bini.
  • Kundizzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni armonizzati. Minflok ma jarmonizza l-prodotti għall-bini jew ir-rekwiżiti għalihom, ir-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini jillimita lilu nnifsu biex joħloq kundizzjonijiet armonizzati għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawn il-prodotti.
  • Standards armonizzati. L-użu ta’ standards armonizzati huwa obbligatorju għall-manifatturi meta jqiegħdu l-prodotti għall-bini tagħhom fis-suq u għall-Istati Membri meta jistabbilixxu rekwiżiti għall-prestazzjoni tagħhom.

Il-proposta tal-Kummissjoni għal regolament ġdid dwar il-prodotti għall-bini ġiet ippubblikata f’Marzu 2022. L-għanijiet ewlenin tal-proposta huma li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern għall-prodotti għall-bini, twieġeb għall-ħtiġijiet regolatorji tal-Istati Membri, tintroduċi rekwiżiti għal prodotti tal-kostruzzjoni aktar ekoloġiċi u sikuri, tippermetti twassil aktar faċli ta’ standards armonizzati u ttejjeb l-informazzjoni tal-prodotti diġitali.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Prodott għall-bini. Kwalunkwe prodott jew kitt li jiġi prodott u mqiegħed fis-suq għall-inkorporazzjoni permanenti f’xogħlijiet ta’ bini jew partijiet minnhom, li l-prestazzjoni tiegħu jkollha effett fuq il-prestazzjoni tax-xogħlijiet ta’ bini fir-rigward tar-rekwiżiti bażiċi għax-xogħlijiet tal-bini.
Prestazzjoni ta’ prodott għall-bini. Il-prestazzjoni relatata mal-karatteristiċi essenzjali rilevanti, espressi skont il-livell jew klassi, jew f’deskrizzjoni.
Xogħlijiet ta’ bini. Bini u xogħlijiet ta’ inġinerija ċivili.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, pp. 5-43).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 305/2011 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, pp. 1-44).

Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 316, 14.11.2012, pp. 12-33).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar qafas komuni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/465/KEE (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 82-128)

Ir-Regolament (UE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 30-47).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 12.08.2022

Top