EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Proċedura Ewropea għal talbiet żgħar — regoli li jirregolaw tilwim legali transkonfinali

Proċedura Ewropea għal talbiet żgħar — regoli li jirregolaw tilwim legali transkonfinali

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-Regolament joħloq proċedura bil-miktub issimplifikata u rapida għall-ġestjoni ta’ każijiet li jinvolvu talbiet transkonfinali*żgħar. Dan inaqqas l-ispejjeż u jiggarantixxi li s-sentenzi li jingħataw f’pajjiż wieħed tal-UE jiġu infurzati awtomatikament f’pajjiż ieħor.
  • Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 kompla jittejjeb u ġie mmodernizzat permezz tar-Regolament (UE) 2015/2421 li aġġorna wkoll ir-regoli għall-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (introdotta għall-ewwel darba skont ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006).

PUNTI EWLENIN

Il-leġiżlazzjoni;

  • tapplika għal każijiet ċivili u kummerċjali transkonfinali għal talbiet sa EUR 5 000;
  • ma tapplikax għal:
    • l-istatus jew il-kapaċità ġuridika ta’ individwu;
    • id-drittijiet ta’ proprjetà matrimonjali jew ta’ sħubija;
    • obbligi ta’ manteniment tal-familja;
    • testmenti u suċċessjonijiet;
    • falliment;
    • is-sigurtà soċjali;
    • arbitraġġ;
    • il-liġi dwar ix-xogħol;
    • il-kiri ta’ proprjetà;
    • il-ksur tad-drittijiet għall-privatezza u dawk relatati mal-personalità, inkluża d-diffamazzjoni.

Il-proċedura tiddikjara li:

  • l-ilmentaturi għandhom jibdew il-proċedura bil-miktub billi jibagħtu formola tat-talba standard A mimlija (l-Anness I), inkluża kwalunkwe dokumentazzjoni rilevanti, lill-qorti jew lit-tribunal li se jittrattaw il-każ;
  • il-qrati jistgħu:
    • jitolbu informazzjoni, kjarifiki jew korrezzjonijiet addizzjonali għas-sottomissjoni oriġinali, permezz tal-formola standard B (l-Anness II);
    • jirrifjutaw applikazzjonijiet li huma inammissibbli jew meta l-applikant jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni addizzjonali sal-iskadenza speċifikata;
    • jaqblu li jorganizzaw seduta orali jekk iqisu li jkun impossibbli li tingħata sentenza dwar l-evidenza bil-miktub biss;
  • il-qrati jipproċedu bil-każ billi jibagħtu lill-konvenut it-talba u formola ta’ risposta standard C (l-Anness III) fi żmien 14-il jum minn meta jirċievu l-formola mimlija kif suppost;
  • il-konvenuti:
    • għandhom 30 jum biex iwieġbu lill-qorti. It-tweġiba tagħhom tintbagħat lir-rikorrent fi żmien 14-il jum;
    • jistgħu jwieġbu li l-valur tat-talba mhux monetarja jaqbeż il-limitu massimu ta’ EUR 5 000. Il-qorti tiddeċiedi jekk dan huwiex minnu. Jekk le, il-każ ikompli. Jekk iva, dan jingħata lis-sistema legali rilevanti tal-pajjiż;
  • il-qrati jagħtu sentenza fi żmien 30 jum minn meta jirċievu t-tweġiba tal-konvenut jew tar-rikorrent, sakemm ma:
    • jitolbux aktar dettalji mill-partijiet ikkonċernati;
    • jiħdux evidenza bl-aktar mod sempliċi u bl-inqas piż;
    • jorganizzawx smigħ orali, permezz ta’ teknoloġija ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, bħal vidjos jew telekonferenzi fejn ikun possibbli, għalkemm l-individwi jistgħu jitolbu li jkunu fiżikament preżenti;
  • id-dokumenti u s-sentenzi jingħataw bil-posta jew b’mod elettroniku, u l-wasla tagħhom tiġi rikonoxxuta;
  • il-formoli uffiċjali għandhom ikunu f’lingwa li tintuża mill-qorti u dokumenti oħra jista’ jkollhom bżonn jiġu tradotti;
  • tapplika l-liġi proċedurali tal-pajjiż tal-UE fejn jinstema’ l-każ.

Il-miżati tal-qorti:

  • m’għandhomx ikunu sproporzjonati u mhux ogħla minn dawk tal-proċeduri tal-qorti ssimplifikati nazzjonali;
  • għandhom jippermettu lill-partijiet, b’mod partikolari dawk f’pajjiż ieħor tal-UE, li jużaw forom ta’ ħlas mill-bogħod, bħal trasferiment bankarju, karta ta’ kreditu jew ta’ debitu jew direttament minn kont bankarju.

L-ispejjeż jitħallsu mit-tellief tal-każ u ma jiġux aġġudikati lir-rebbieħ jekk ikunu saru bla bżonn jew jekk ikunu sproporzjonati għat-talba.

Appell kontra s-sentenza huwa possibbli, jekk ikun previst hekk mil-liġi nazzjonali tal-qorti.

Reviżjoni tas-sentenza:

  • hija possibbli jekk il-konvenut:
    • ma jkunx irċieva l-formola tat-talba jew iċ-ċitazzjoni għal seduta orali fi żmien biżżejjed biex iħejji d-difiża tiegħu;
    • ikun ġie impedit milli jikkontesta t-talba minħabba force majeure (jew ċirkostanzi straordinarji) mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu;
    • japplika għal reviżjoni fi żmien 30 jum mis-sentenza;
  • tista’ tiġi aċċettata mill-qorti, f’liema każ is-sentenza tkun nulla u bla effett, jew tiġi rrifjutata u s-sentenza tibqa’ valida.

Sentenzi:

  • huma:
    • eżegwibbli fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE;
    • għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat, formola standard D (l-Anness IV), fil-lingwa rilevanti tal-UE, filwaqt li għandhom jingħataw mingħajr l-ebda spiża, jekk waħda mill-partijiet tkun tixtieq dan;
  • jiġu rrifjutati fil-ġurisdizzjoni tal-eżekuzzjoni, wara talba mill-parti telliefa, jekk ikunu inkompatibbli ma’ deċiżjoni preċedenti jew f’pajjiż tal-UE jew mhux tal-UE, sakemm din:
    • tkun involviet l-istess azzjoni u partijiet;
    • tkun ingħatat fil-pajjiż tal-eżekuzzjoni tal-UE jew rikonoxxuta legalment bħala tali;
    • l-inkompatibbiltà ma tqajmitx u ma setgħetx titqajjem bħala oġġezzjoni fil-proċedimenti tal-qorti tal-pajjiż l-ieħor;
  • tista’, wara kontestazzjoni jew applikazzjoni għal reviżjoni minn waħda mill-partijiet, twassal lil qorti fil-ġurisdizzjoni tal-eżekuzzjoni biex:
    • tillimita l-proċeduri tal-eżekuzzjoni għal miżuri protettivi;
    • tagħmel l-eżekuzzjoni kundizzjonali;
    • taħt ċirkostanzi eċċezzjonali, tissospendi l-proċedimenti kompletament.

L-eżekuzzjoni tas-sentenzi hija rregolata mil-liġi tal-pajjiż tal-eżekuzzjoni.

Il-pajjiżi tal-UE:

  • għandhom jagħmlu l-formola tat-talba standard A disponibbli fil-qrati u t-tribunali kollha li japplikaw il-proċedura Ewropea għal talbiet żgħar;
  • jipprovdu assistenza bla ħlas biex jimlew il-formoli u l-informazzjoni ġenerali;
  • mhumiex mitluba jipprovdu għajnuna jew assistenza legali f’każ speċifiku;
  • jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea jekk appell huwiex possibbli skont il-liġi nazzjonali tagħhom — informazzjoni li l-Kummissjoni tagħmel pubblika;
  • jużaw in-Network Ġudizzjarju Ewropew fil-Materji Ċivili u Kummerċjali biex jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali u lill-professjonisti.

MINN META BDEW JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?

  • Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009, bħala parti mir-regoli li jirrikjedu lill-pajjiżi tal-UE jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-aspetti tal-ġurisdizzjoni, il-mezzi ta’ komunikazzjoni u l-appelli (l-Artikolu 25) li ilhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2008.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2015/2421 ilu japplika mill-14 ta’ Lulju 2017 bl-eċċezzjoni tal-punt (16) tal-Artikolu 1, li jemenda l-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 861/2007, li ilu japplika mill-14 ta’ Jannar 2017.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Transkonfinali: mill-inqas waħda mill-partijiet tkun domiċiljata jew residenti f’pajjiż tal-UE li mhuwiex il-pajjiż li fih tkun ibbażata l-qorti jew it-tribunal li jkunu qed jiġġudikaw il-każ.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, pp. 1-22)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 861/2007 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 399, 30.12.2006, pp. 1-32).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 05.05.2020

Top