Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (sal-2017)

Il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (sal-2017)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 — li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jintroduċi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ESCP).
  • L-ESCP għandha l-għan li tissimplifika u tħaffef il-litigazzjoni transkonfinali ta’ talbiet żgħar fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali u li tnaqqas l-ispejjeż.
  • Fil-prinċipju, hija proċedura bil-miktub li ma teħtieġx preżenza fiżika fil-qorti. Madankollu, il-qorti tista’ tiddeċiedi li ssir seduta ta’ smigħ.
  • Il-valur tat-talba (meta tiġi rċevuta mill-qorti) ma jistax jaqbeż l-EUR 2 000.
  • Hija tiżgura li s-sentenzi jiġu rikonoxxuti u jkunu eżegwibbli f’pajjiżi oħrajn tal-UE mingħajr il-ħtieġa għal dikjarazzjoni tal-eżegwibbiltà.
  • L-ESCP hija proċedura alternattiva li teżisti flimkien mal-liġijiet domestiċi tal-pajjiżi tal-UE. Hija proċedura fakultattiva.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • L-ESCP tapplika fejn mill-inqas waħda mill-partijiet tkun domiċiljata jew abitwalment residenti f’pajjiż tal-UE ieħor għajr dak tal-qorti fejn titressaq l-azzjoni.
  • Tista’ tintuża biex jiġu rkuprati talbiet ċivili u kummerċjali. Hija ma tapplikax għal kwistjonijiet amministrattivi, doganali jew relatati mad-dħul, għar-responsabbiltà tal-Istat li jeżerċita awtorità statali (acta jure imperii), jew pereżempju għal:
    • l-istatus jew il-kapaċità legali ta’ persuni fiżiċi (jiġifieri bnedmin);
    • kwistjonijiet relatati mal-liġi tal-familja;
    • falliment;
    • is-sigurtà soċjali;
    • arbitraġġ;
    • il-liġi dwar ix-xogħol;
    • kirjiet ta’ proprjetà, għajr għal talbiet monetarji;
    • ksur tal-privatezza u tad-drittijiet relatati mal-personalità (eż. malafama).

Proċedura

L-ESCP, li għaliha ma huwa meħtieġ ebda avukat, taħdem kif ġej:

Is-sottomissjoni tat-talba

  • It-talba tiġi sottomessa direttament lill-qorti kompetenti permezz ta’ formola (Formola A - fl-annessi tar-regolament) billi jingħataw dettalji tat-talba, tas-somma mitluba, eċċ. Jekk it-talba tkun barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-ESCP, il-qorti tinnotifika lill-pretendent; jekk it-talba ma tiġix irtirata, il-qorti tipproċedi biha skont il-liġi proċedurali rilevanti f’dak il-pajjiż.

Il-korrezzjoni u/jew it-tlestija tal-formola tat-talba

  • Jekk il-pretendent ma jkunx ipprovda biżżejjed informazzjoni, tintbagħat it-tieni formola (Formola B), fejn tintalab l-informazzjoni nieqsa sa skadenza. L-applikazzjoni tiġi miċħuda jekk il-pretendent ma jissodisfax id-domanda tal-qorti fil-ħin, jew jekk ikun jidher b’mod ċar li t-talba tkun infondata jew inammissibbli.

In-notifika lill-konvenut

  • Ladarba tirċievi t-talba kompluta, il-qorti tħejji formola ta’ rispons standard (Formola Ċ), li trid tintbagħat lill-konvenut fi żmien 14-il jum, flimkien ma’ kopja tat-talba u kwalunkwe dokumenti ta’ sostenn. Din trid tintbagħat bil-posta b’rikonoxximent tal-wasla datat; jekk dan ma jkunx possibbli, jistgħu jintużaw metodi ta’ servizz oħrajn.

It-tweġiba tal-konvenut

  • Il-konvenut għandu 30 jum mid-data tas-servizz tal-formola tat-tweġiba sabiex jirrispondi. Fi żmien 14-il jum minn meta tirċievi din it-tweġiba, il-qorti tibgħat kopja tar-risposta lill-pretendent, flimkien ma’ kwalunkwe dokumenti ta’ sostenn rilevanti.
  • Kwalunkwe kontrotalba mill-konvenut (bl-użu tal-Formola A) tintbagħat lill-pretendent, li għandu 30 jum ċans sabiex jirrispondi. Jekk il-kontrotalba taqbeż l-EUR 2 000, kemm it-talba prinċipali kif ukoll il-kontrotalba jiġu indirizzati skont il-liġi applikabbi fil-pajjiż fejn tittieħed l-azzjoni.

Deċiżjoni u skadenzi

  • Il-qorti trid tagħti s-sentenza tagħha fi żmien 30 jum minn dakinhar li tirċievi t-tweġiba mingħand il-konvenut (jew pretendent, jekk ikun hemm kontrotalba). Hija tista’ titlob sabiex tiġi pprovduta aktar informazzjoni fi żmien 30 jum u/jew tikkumpila x-xhieda jew tlaqqa’ lill-partijiet għal seduta ta’ smigħ (ara taħt), li wkoll għandha ssir fi żmien 30 jum miċ-ċitazzjoni. F’dawn il-każijiet, il-qorti xorta tagħti s-sentenza tagħha fi żmien 30 jum, iżda minn meta tirċievi l-informazzjoni meħtieġa jew minn meta tagħmel is-seduta ta’ smigħ.
  • Jekk il-partijiet ma jweġbux fil-ħin, il-qorti xorta tagħti s-sentenza tagħha. Il-qorti għandha toħroġ ċertifikat tas-sentenza biex tiffaċilita l-eżekuzzjoni transkonfinali (mingħajr spiża addizzjonali), billi tuża l-Formola D fuq talba ta’ waħda mill-partijiet.

Seduta ta’ smigħ

  • Seduta ta’ smigħ issir biss jekk ikun meħtieġ jew tintalab minn waħda mill-partijiet. It-talba tista’ tiġi rrifjutata jekk ikun jidher ċar illi mhijiex meħtieġa għat-twettiq ġust tal-proċedimenti. Is-seduta ta’ smigħ tista’ ssir permezz ta’ vidjokonferenza jew b’teknoloġija simili.

Il-kumpilazzjoni tax-xhieda

  • Il-qorti tiddetermina l-firxa tax-xhieda meħtieġa għas-sentenza tagħha u l-mezzi tal-kumpilazzjoni tagħha, bl-użu tal-aktar metodu sempliċi u l-inqas oneruż.

L-eżekuzzjoni tas-sentenza

  • Is-sentenza ma tistax tiġi riveduta fir-rigward tas-sustanza tagħha fil-pajjiż tal-UE tal-eżekuzzjoni.
  • Irregolata mil-liġi tal-pajjiż fejn tiġi infurzata s-sentenza, il-parti li tfittex l-eżekuzzjoni tipproduċi kopja oriġinali tas-sentenza u taċ-ċertifikat (Formola D) tradotti għal-lingwa tal-pajjiż tal-eżekuzzjoni. Ma jista’ jkun meħtieġ ebda titolu, bond jew depożitu fuq il-bażi li l-pretendent huwa ċittadin barrani jew mhuwiex domiċiljat jew residenti fil-pajjiż tal-UE tal-eżekuzzjoni. Il-pretendent ma jeħtieġ ebda rappreżentant awtorizzat jew indirizz fil-pajjiż tal-eżekuzzjoni, għajr dak tal-aġenti kompetenti biex iwettqu l-proċedura tal-eżekuzzjoni.

Ċaħda tal-eżekuzzjoni

  • Il-qorti fil-pajjiż tal-infurzar tista’, fuq talba tal-konvenut, tirrifjuta li teżegwixxi s-sentenza meta:
    • din tkun irrikonċiljabbli ma’ sentenza preċedenti bejn l-istess partijiet fl-istess kwistjoni:same matter:
      • is-sentenza preċedenti tkun ingħatat fil-pajjiż tal-UE tal-eżekuzzjoni jew tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tkun tista’ tiġi rikonoxxuta hemmhekk; u
      • din l-irrikonċiljabbiltà ma kinitx, u ma setgħetx tkun, imqajma bħala oġġezzjoni matul il-proċedimenti fejn ingħatat is-sentenza tal-ESCP
  • Fil-każ li waħda mill-partijiet tikkontesta sentenza tal-ESCP, il-pajjiż tal-eżekuzzjoni jista’ jillimita l-eżekuzzjoni għal miżuri protettivi, jagħmlu kundizzjonali fuq xi titolu, jew, f’xi każijiet, jissospendi l-eżekuzzjoni.

Appell

  • Appell kontra sentenza huwa possibbli jekk ikun previst taħt il-liġi tal-pajjiż minn fejn toriġina s-sentenza.

Reviżjoni

  • Il-konvenut jista’ jitlob lill-qorti kompetenti fejn inħarġet is-sentenza għal reviżjoni meta:
    • il-formola tat-talba jew iċ-ċitazzjoni għal smigħ tkun ġiet innotifikata permezz ta’ metodu mingħajr prova tal-irċevuta mill-konvenut personalment u meta s-servizz ma jkunx ġie effettwat fil-ħin sabiex id-difiża tkun imħejjija sewwa, mingħajr l-ebda ħtija min-naħa tal-konvenut; jew
    • il-konvenut ma jkunx tħalla joġġezzjona għat-talba minħabba force majeure, mingħajr l-ebda ħtija min-naħa tiegħu.
  • F’dawn il-każijiet, il-konvenut huwa mistenni li jaġixxi fil-pront. Meta reviżjoni tkun ġustifikata, is-sentenza oriġinali ssir nulla u bla effett.
  • Il-qorti ma tirrikjedix lill-partijiet sabiex jagħmlu valutazzjoni legali tat-talba. Jekk ikun meħtieġ, hija tinforma lill-partijiet dwar il-mistoqsijiet proċedurali u, fejn xieraq, tfittex li tilħaq soluzzjoni bejniethom.

Lingwi u traduzzjonijiet

  • It-talba għandha tiġi sottomessa bil-lingwa tal-qorti, l-istess bħat-tweġiba, kwalunkwe kontrotalba, id-deskrizzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn, id-dokumenti essenzjali, eċċ.

Spejjeż

  • Il-parti li titlef tħallas l-ispejjeż tal-proċedimenti. Il-qorti ma tirrifondix l-ispejjeż lill-parti rebbieħa jekk dawn ikunu saru bla bżonn jew jekk ikunu sproporzjonati għat-talba.

Emenda

Ir-Regolament (UE) 2015/2421 jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 861/2007. Ilu japplika mill- 14 ta’ Jannar 2017.

Ir-Regolament ma japplikax fid-Danimarka.

META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill- 1 ta’ Jannar 2009, apparti r-regoli li jitolbu lill-pajjiżi tal-UE jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar aspetti ta’ ġurisdizzjoni, mezzi ta’ komunikazzjoni u appelli (Artikolu 25) li daħlu fis-seħħ fl- 1 ta’ Jannar 2008.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 861/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Lulju 2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 1-22)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 861/2007 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2015/2421 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 861/2007 li jistabbilixxi Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar u r-Regolament (KE) Nru 1896/2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU L 341, 24.12.2015, p. 1-13

l-aħħar aġġornament 25.10.2016

Top