EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-effiċjenza fl-enerġija

L-effiċjenza fl-enerġija

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija

Direttiva (UE) 2018/2002 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2012/27/UE, flimkien mal-emenda tagħha, għandha l-għan li tadatta l-liġi tal-enerġija tal-UE f’konformità mal-għanijiet tal-effiċjenza fl-enerġija u l-għanijiet tal-klima tal-2030 u tikkontribwixxi għall-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija biex:

  • tnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-enerġija importata;
  • tnaqqas l-emissjonijiet;
  • tisforza l-impjiegi u t-tkabbir;
  • issaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur; u
  • ittaffi l-faqar enerġetiku.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva 2012/27/UE kellha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza fl-enerġija b’20% sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u inkludiet rekwiżit għall-pajjiżi kollha tal-UE biex jiġu stabbiliti miri nazzjonali tal-effiċjenza fl-enerġija biex dan jinkiseb.. Tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija* madwar l-UE permezz ta’ qafas komuni ta’ miżuri li jkopri kull stadju tal-katina tal-enerġija, mill-ġenerazzjoni għad-distribuzzjoni u l-konsum finali.

Din id-direttiva, kif riveduta mid-Direttiva (UE) 2018/2002, flimkien mad-direttiva riveduta dwar l-Enerġija Rinnovabbli u Regolament ġdid dwar il-Governanza huma parti mill-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha .

L-emendi ewlenin għad-direttiva tal-2012 jinkludu:

  • li tintlaħaq mira ta’ effiċjenza fl-enerġija ta’ 32.5% sal-2030 u tantiċipa aktar titjib wara din;
  • it-tneħħija tal-ostakli fis-suq tal-enerġija li jostakolaw l-effiċjenza fil-provvista u l-użu tal-enerġija;
  • Il-pajjiżi tal-UE jistabbilixxu l-kontribuzzjonijiet nazzjonali tagħhom għall-2020 u l-2030;
  • mill-2020, il-pajjiżi tal-UE se jeħtieġu kumpaniji tal-utilitajiet biex jgħinu lill-konsumaturi tagħhom jużaw 0.8% inqas enerġija kull sena (għal Malta u Ċipru 0.24%), li se jattiraw investiment privat u jappoġġjaw kompetituri ġodda fis-suq;
  • regoli aktar ċari dwar il-kejl u l-kontijiet tal-enerġija, it-tisħiħ tad-drittijiet tal-konsumatur, b’mod partikolari għal nies li jgħixu f’bini b’ħafna appartamenti;
  • Il-pajjiżi tal-UE għandu jkollhom regoli nazzjonali trasparenti u disponibbli għall-pubbliku dwar l-allokazzjoni tal-ispejjeż tas-servizzi tat-tisħin, tat-tkessiħ u tal-misħun f’bini b’ħafna appartamenti u b’diversi għanijiet fejn dawn is-servizzi huma kondiviżi;
  • it-tisħiħ tal-aspetti soċjali tal-effiċjenza fl-enerġija billi jitqies il-faqar enerġetiku fit-tfassil ta’ skemi ta’ effiċjenza fl-enerġija u miżuri alternattivi.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2012/27/UE ilha tapplika mill-4 ta’ Diċembru 2012 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-5 ta’ Ġunju 2014.

Id-Direttiva (UE) 2018/2002 ilha tapplika mill-24 ta’ Diċembru 2018 u l-aktar għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-25 ta’ Ġunju 2020. Dan huwa l-każ ħlief għal ċerti regoli emendati li għalihom l-iskadenza hija l-25 ta’ Ottubru 2020. Dawn jikkonċernaw:

  • kejl tal-gass u tal-elettriku;
  • kejl tat-tisħin, tat-tkessiħ u tal-ilma sħun domestiku;
  • kejl separat u allokazzjoni tal-ispejjeż għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku;
  • rekwiżit tal-qari mill-bogħod;
  • informazzjoni dwar kontijiet tal-gass u l-elettriku;
  • informazzjoni dwar kontijiet u konsum għat-tisħin, għat-tkessiħ u għall-ilma sħun domestiku;
  • spejjeż ta’ aċċess għall-kejl u l-kontijiet informattivigħall-elettriku u l-gass;
  • spejjeż ta’ aċċess għall-kejl u l-kontijiet u informazzjoni dwar il-konsum għat-tisħin, għat-tkessiħ u għall-ilma sħun domestiku;
  • rekwiżiti minimi għall-kontijiet u għall-informazzjoni dwar il-kontijiet abbażi tal-konsum attwali tal-elettriku u l-gass (fl-Anness VII); u
  • l-Anness VIIa ġdid dwar ir-rekwiżiti minimi għall-kontijiet u għall-informazzjoni dwar il-l-konsum għat-tisħin, it-tkessiħ u l-ilma sħun domestiku.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Effiċjenza fl-enerġija: il-proporzjon tal-prestazzjoni, servizzi, oġġetti jew enerġija prodotta, għall-ammont ta’ enerġija użata.

DOKUMENTI EWLENIN

Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, pp. 1-56)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2012/27/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 210-230)

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha (COM(2016) 860 final, 30.11.2016)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment — Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b’Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares ’il quddiem (COM(2015) 80 final, 25.2.2015)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija — il-Gwida tal-Kummissjoni (COM(2013) 762 final, 6.11.2013)

l-aħħar aġġornament 04.05.2023

Top