Ftehim ta’ Sħubija mal-Armenja
SOMMARJU TA’:
Ftehim ta’ Sħubija Komprensiva u Mtejba bejn l-UE u r-Repubblika tal-Armenja
Id-Deċiżjoni (UE) 2018/104 dwar l-iffirmar, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Armenja
Id-Deċiżjoni (UE) 2021/270 dwar il-konklużjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-UE u l-Armenja
X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?
L-għanijiet prinċipali tal-Ftehim huma:
- it-titjib tas-sħubija politika u ekonomika komprensiva u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet;
- it-tisħiħ tal-bażi għal djalogu politiku fl-oqsma kollha ta’ interess reċiproku;
- il-kontribuzzjoni għat-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istabbiltà politika, ekonomika u istituzzjonali fl-Armenja;
- il-promozzjoni, il-preservazzjoni u t-tisħiħ tal-paċi u l-istabbiltà kemm fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak internazzjonali;
- it-titjib tal-kooperazzjoni fil-qasam tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja;
- it-titjib tal-mobbiltà u tal-kuntatti bejn in-nies;
- l-appoġġ għall-isforzi tal-Armenja biex tiżviluppa l-potenzjal ekonomiku tagħha permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali;
- l-istabbiliment tal-kooperazzjoni kummerċjali msaħħa;
- l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet għal kooperazzjoni dejjem aktar mill-qrib f’oqsma oħra ta’ interess reċiproku.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/104 tapprova l-iffirmar tal-UE għall-ftehim ta’ sħubija. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/270 tapprova l-ftehim innifsu.
PUNTI EWLENIN
Il-ftehim jifforma l-bażi għall-UE u l-Armenja biex jaħdmu flimkien għall-benefiċċju taċ-ċittadini tagħhom. Dawk il-benefiċċji jinkludu:
1.
Żieda fl-impjiegi permezz ta’:
- il-provvediment ta’ ambjent regolatorju aħjar biex jittejbu l-klima tan-negozju u l-opportunitajiet ta’ investiment;
- il-ħolqien ta’ aktar impjiegi fis-settur tal-enerġija ekoloġika.
2.
Il-ħolqien ta’ aktar opportunitajiet ta’ negozju billi:
- jibbaża l-governanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Armenja fuq l-istandards tal-UE u dawk internazzjonali biex jiġi pprovdut ambjent tan-negozju aktar stabbli u prevedibbli;
- il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bilaterali f’ħafna setturi;
- il-ftuħ ta’ opportunitajiet ta’ akkwist fl-UE għan-negozji Armeni, u viċi versa.
3.
L-istabbiliment ta’ regoli aktar ġusti permezz ta’:
- l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ proprjetà intellettwali b’saħħitha li tippermetti lill-artisti Armeni jibbenefikaw bl-istess mod bħall-kontropartijiet tagħhom;
- it-titjib tat-trasparenza fil-proċeduri tal-akkwist pubbliku;
- it-titjib tal-istandards tax-xogħol għall-ħaddiema Armeni bħal f’kuntratti ta’ xogħol u għal perikli tax-xogħol.
4.
Tnaqqis tal-ispejjeż u espansjoni tal-għażla tal-konsumatur permezz ta’:
- permess għal aktar kompetizzjoni fis-settur tal-enerġija;
- tneħħija tal-ostakli għall-kummerċ bħal rekwiżiti ta’ tikkettar bla bżonn.
5.
Titjib tas-sigurtà u s-sikurezza permezz ta’:
- titjib tas-sigurtà nukleari fl-Armenja;
- żieda fis-sikurezza tal-prodott u fil-protezzjoni tal-konsumaturi;
- aġġornament tal-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra attivitajiet kriminali inkluż il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu.
6.
Ambjent iktar nadif permezz ta’:
- l-adozzjoni ta’ standards ambjentali tal-UE;
- l-iżvilupp ta’ sorsi nodfa ta’ enerġija.
7.
It-titjib tal-edukazzjoni u ż-żieda tal-opportunitajiet ta’ riċerka permezz ta’:
- il-provvediment ta’ taħriġ u pariri tal-UE biex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni fl-Armenja;
- l-universitajiet Armeni jitħallew jipparteċipaw fi programmi konġunti ta’ riċerka ma’ universitajiet Ewropej oħra taħt il-programm Orizzont 2020 kif ukoll fl-inizjattiva EU4Innovation.
8.
Tisħiħ tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta’:
- żieda fl-attenzjoni miż-żewġ partijiet għall-importanza ta’ elezzjonijiet ħielsa, il-libertà tal-ġudikatura, id-dritt għal proċess ġust u d-drittijiet tal-bniedem b’mod ġenerali;
- l-istabbiliment ta’ Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili komposta minn organizzazzjonijiet Armeni u tal-UE, biex tissorvelja l-implimentazzjoni tal-ftehim u tagħmel rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet Armeni u lill-UE.
DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ
Il-Ftehim ilu japplika b’mod proviżorju mill-1 ta’ Ġunju 2018. Dan daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2021.
SFOND
L-Armenja hija waħda mill-benefiċjarji tal-Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) li jipprovdi l-parti l-kbira tal-fondi lis-16-il pajjiż kopert mill-Politika Ewropea tal-Viċinat.
Għal iktar informazzjoni, ara:
DOKUMENTI EWLENIN
Ftehim ta’ sħubija komprensiv u msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (ĠU L 23, 26.1.2018, pp. 4-466)
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/104 tal-20 ta’ Novembru 2017 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (ĠU L 23, 26.1.2018, pp. 1-3)
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/270 tal-25 ta’ Jannar 2021 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (ĠU L 61, 22.2.2021, pp. 1-2)
DOKUMENTI RELATATI
Informazzjoni li tikkonċerna d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija Komprensiv u Msaħħaħ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Armenja, min-naħa l-oħra (ĠU L 55, 16.2.2021, p. 1)
l-aħħar aġġornament 26.02.2021