Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62020TN0754

Kawża T-754/20: Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2020 – Cristescu vs Il-Kummissjoni

ĠU C 62, 22.2.2021, p. 37–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.2.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 62/37


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2020 – Cristescu vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-754/20)

(2021/C 62/48)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Adrian Sorin Cristescu (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentant: M.-A. Lucas u P. Pichault, avukati)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali [kunfidenzjali(1) tas-27 ta’ Frar 2020 li timponi fuq ir-rikorrenti s-sanzjoni ta’ ċanfira;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent tinvoka disa’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ eżekuzzjoni tat-12 ta’ Ġunju 2019 dwar it-twettiq ta’ investigazzjonijiet amministrattivi u tal-proċeduri dixxiplinari (iktar ’il quddiem id-“DĠE”) sa fejn l-Uffiċju ta’ Investigazzjoni u ta’ Dixxiplina tal-Kummissjoni (IDOC) ma eżaminax qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni l-informazzjoni li tindika nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu potenzjali u d-dokumenti ta’ sostenn tagħha, u lanqas ma ħejja għall-Awtorità tal-Ħatra nota dwar dan is-suġġett.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu (7)(4) tad-DĠE sa fejn l-IDOC bagħat ir-rapport kunfidenzjali tad-Dipartiment tas-Sigurtà lid-Direttriċi Ġenerali ta’ [kunfidenzjali] għas-smigħ tagħha jew kompla bl-investigazzjoni mingħajr ma stabbilixxa, bi ksur tal-mandat tiegħu, jekk ir-regoli ta’ proċedura kinux ġew osservati, filwaqt li din tal-aħħar kienet taf dwar ir-rapport. Ir-rikorrenti ssostni li mill-fajl jirriżulta li d-Direttriċi Ġenerali ta’ [kunfidenzjali] kienet taf dwar ir-rapport li jirrigwarda l-inċident li wassal għall-investigazzjoni u għall-proċedura dixxiplinari, għalkemm dan ir-rapport kien kunfidenzjali u li l-eżami preliminari kien jippreżupponi, b’mod partikolari, il-verifika tal-konkordanza tad-dikjarazzjonijiet tagħha ma’ dan ir-rapport li kien fih, barra minn hekk, elementi li jindikaw li hija kienet involuta, kienet talbet rapport ta’ sigurtà u avżat li hija kienet ser tirrapporta lis-superjuri tagħha.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tad-DĠE sa fejn il-proċedura ma twettqitx f’terminu raġonevoli. Ir-rikorrenti ssostni li seħħew interruzzjonijiet mhux iġġustifikati bejn il-ftuħ tal-investigazzjoni u l-eżami preliminari, sussegwentement bejn dan l-eżami u s-smigħ tax-xhieda kontra tagħha u, fl-aħħar nett, bejn dawn is-seduti ta’ smigħ u dik tar-rikorrenti bil-konsegwenza li uħud mix-xhieda insew elementi essenzjali jew, fi kwalunkwe każ, naqsu milli jsemmuhom. Ir-rikorrenti tqis li dawn l-insuffiċjenzi kisru d-drittijiet tad-difiża tagħha u ppreġudikaw is-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1) u (2) tad-DĠE sa fejn l-IDOC ma vverifikax sensiela ta’ fatti ppreżentati bħala difiża.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 28(b) tad-DĠE sa fejn ir-rapport dixxiplinari ma sarx mill-Awtorità tal-Ħatra u ma kienx jindika n-nuqqasijiet preżunti ta’ twettiq tal-obbligi tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ssostni li, għall-kuntrarju għal dak indikat fid-deċiżjoni tal-5 ta’ Diċembru 2018 li permezz tagħha nfetħet proċedura dixxiplinari, ir-rapport dixxiplinari tas-6 ta’ Diċembru 2018 imħejji mill-IDOC, għalkemm dan ma kellux mandat f’dan is-sens, ma kienx jindika l-fatti lmentati, bir-riżultat li d-deċiżjoni ta’ sanzjoni kienet tinkludi ilmenti differenti minn dawk indikati fir-rapport finali tal-investigazzjoni.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 28(a) u tal-Artikolu 3 tad-DĠE sa fejn ir-rapport dixxiplinari ma kienx jindika ċ-ċirkustanzi attenwanti u li jeżentaw mir-responsabbiltà. Ir-rikorrenti ssostni li minħabba żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, l-IDOC ma indikax fir-rapport tal-investigazzjoni tiegħu ċerti fatti attenwanti jew li jeżentaw mir-responsabbiltà li l-preżunzjoni ta’ innoċenza kienu jobbligawh jeżamina u li ġew ikkunsidrati bħala stabbiliti peress li ma ġewx ikkonfutati, b’tali mod li r-responsabbiltà tagħha ma setgħetx tiġi kkontestata.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 11 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, tal-Artikoli 29 u 30 tad-DĠE kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża tagħha sa fejn l-ilment sostnut ma ġiex indikat b’mod ċar fil-ftuħ tal-proċedura u sa fejn ir-rikorrenti ma tqegħditx f’pożizzjoni li tiddefendi ruħha b’mod effettiv.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq żbalji ta’ dritt u fuq żbalji ta’ fatt jew ta’ evalwazzjoni li jirriżultaw minnhom.

9.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-fatt li ma ġiex stabbilit li r-rikorrenti użat lingwaġġ mhux xieraq matul l-inċident li wassal għall-investigazzjoni u għall-proċedura dixxiplinari.


(1)  Data kunfidenzjali moħbija.


Top