This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62019TN0006
Case T-6/19: Action brought on 4 January 2019 — Irish Wind Farmers’ Association and Others v Commission
Kawża T-6/19: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2019 – Irish Wind Farmers’ Association et vs Il-Kummissjoni
Kawża T-6/19: Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2019 – Irish Wind Farmers’ Association et vs Il-Kummissjoni
ĠU C 93, 11.3.2019, p. 69–69
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
11.3.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 93/69 |
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2019 – Irish Wind Farmers’ Association et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-6/19)
(2019/C 93/89)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Irish Wind Farmers’ Association Clg (Kilkenny, l-Irlanda), Carrons Windfarm Ltd (Shanagolden, l-Irlanda), Foyle Windfarm Ltd (Dublin, l-Irlanda) u Greenoge Windfarm Ltd (Bunclody, l-Irlanda) (rappreżentanti: M. Segura Catalán u M. Clayton, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
— |
tannulla l-ittra tal-Kummissjoni Ewropea tal-25 ta’ Ottubru 2018 dwar il-Każ SA.44671 l-Irlanda – Allegata għanjuna illegali mill-Istat mogħtija lis-settur tal-karburanti fil-forma ta’ rati ta’ taxxa fuq il-proprjetà mnaqqsa; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed, jiġifieri li l-Kummissjoni naqset milli tiftaħ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE u l-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589 (1), minkejja dubji dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, u għaldaqstant ċaħdet lir-rikorrenti mid-drittijiet proċedurali tagħhom. Dan il-motiv jikkonsisti f’żewġ partijiet:
1. |
L-ewwel parti: il-Kummissjoni missha adottat deċiżjoni formali. Il-Kummissjoni ma wettqitx eżami xieraq tal-ilment kif inhu meħtieġ skont ir-regoli tagħha stess u l-att ikkontestat ġie adottat bi ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2015/1589. |
2. |
It-tieni parti: il-Kummissjoni missha kellha dubji serji dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura bħala għajnuna u, għaldaqstant, missha fetħet investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4) tar-Regolament 2015/1589, b’mod partikolari u inter alia minħabba li l-Kummissjoni ma fehmitx il-portata tal-ilment, naqset milli teżamina b’mod adegwat l-informazzjoni kollha pprovduta mill-ilmentatur fil-kuntest tal-ilment, ma eżaminatx il-miżura b’mod xieraq, u segwiet l-approċċ żbaljat fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ selettività u ma eżaminatx ir-rekwiżiti l-oħra li huma stabbiliti fl-Artikolu 107 TFUE. |
(1) Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9).