Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019CN0641

    Kawża C-641/19: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hamburg (il-Ġermanja) fit-30 ta’ Awwissu 2019 – EU vs PE Digital GmbH

    ĠU C 27, 27.1.2020, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    27.1.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 27/12


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Hamburg (il-Ġermanja) fit-30 ta’ Awwissu 2019 – EU vs PE Digital GmbH

    (Kawża C-641/19)

    (2020/C 27/16)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Amtsgericht Hamburg

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: EU

    Konvenuta: PE Digital GmbH

    Domandi preliminari

    1)

    L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), fid-dawl tal-premessa 50 tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“ammont” li għandu jitħallas mill-konsumatur li huwa “proporzjonali għal kemm ġie fornut sal-mument li fih il-konsumatur ikun informa lill-kummerċjant bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess, meta mqabbel mal-kopertura totali tal-kuntratt”, fil-każ ta’ kuntratt li skont il-kontenut tiegħu ma huwiex servizz uniformi li huwa dovut, iżda servizz globali li jikkonsisti f’diversi servizzi parzjali, jiġi kkalkolat purament fuq bażi ta’ pro rata temporis, meta għalkemm il-konsumatur ikun ħallas pro rata temporis għas-servizz globali madankollu s-servizzi parzjali ma twettqux bl-istess ħeffa?

    2)

    L-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“ammont” li għandu jitħallas mill-konsumatur li huwa “proporzjonali għal kemm ġie fornut sal-mument li fih il-konsumatur ikun informa lill-kummerċjant bl-eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess, meta mqabbel mal-kopertura totali tal-kuntratt”, għandu wkoll jiġi kkalkolat purament fuq bażi ta’ pro rata temporis anki jekk servizz (parzjali) ġie pprovdut kontinwament, iżda għandu valur ogħla jew inqas għall-konsumatur fil-bidu tal-perijodu tal-kuntratt?

    3)

    Il-punt 11 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 u l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (2) għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali fajls għandhom ukoll “kontenut diġitali” fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/83 u l-punt 1 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/770 li jistgħu jiġu ppreżentati bħala parti minn servizz li huwa fuq kollox meqjus bħala “servizz diġitali” fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2019/770, bir-riżultat li l-operatur jista’ jtemm id-dritt ta’ reċess skont l-Artikolu 16(m) tad-Direttiva 2011/83 fir-rigward tal-eżekuzzjoni parzjali, iżda l-konsumatur, fil-każ li l-operatur ma jagħmilx hekk, jista’ jittermina l-kuntratt kollu mingħajr ma jkollu għalfejn iħallas ebda kumpens għal dan is-servizz parzjali permezz tal-Artikolu 14(4)(b)(ii) tad-Direttiva 2011/83?

    4)

    Fid-dawl tal-premessa 50 tad-Direttiva 2011/83, l-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prezz totali miftiehem kuntrattwalment għal servizz fis-sens tat-tielet sentenza tal-Artikolu 14(3) tad-Direttiva 2011/83 huwa “eċċessiv” jekk huwa kunsiderevolment ogħla mill-prezz totali miftiehem ma’ konsumatur ieħor għal servizz b’kontenut identiku pprovdut mill-istess operatur għall-istess perijodu ta’ kuntratt u dan ukoll fil-kuntest tal-istess kundizzjonijiet ġenerali?


    (1)  ĠU 2011, L 304, p. 64.

    (2)  ĠU 2019, L 136, p. 1, rettifika fil-ĠU 2019, L 305, p. 60.


    Top