Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0755

    Kawża T-755/18: Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2018 – FL Brüterei M-V et vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 93, 11.3.2019, p. 65–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.3.2019   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 93/65


    Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Diċembru 2018 – FL Brüterei M-V et vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-755/18)

    (2019/C 93/86)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Partijiet

    Rikorrenti: FL Brüterei M-V GmbH (Finkenthal, il-Ġermanja), Erdegut GmbH (Finkenthal), Ökofarm Groß Markow GmbH (Lelkendorf, il-Ġermanja) (rappreżentant: H. Schmidt, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1584 (1) tat-22 ta’ Ottubru 2018, ippubblikat bin-Numru L 264/1 fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Ottubru 2018, li emenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 (2) kif ġej: “fl-Artikolu 42(b), id-data l-‘31 ta’ Diċembru 2018’ hija sostitwita bid-data l-‘31 ta’ Diċembru 2020’”;

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta’ EUR 2 469 503,44 lil FL Brüterei M-V GmbH bl-interessi moratorji mill-jum tan-notifika tar-rikors, bir-rata bażika tal-Bank Ċentrali Ewropew miżjuda bi tmien punti perċentwali fis-sena; u

    tikkonstata li l-konvenuta hija obbligata tikkumpensa d-dannu addizzjonali subit mir-rikorrenti minħabba li, billi adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1584, il-Kummissjoni ppermettiet deroga ġdida ta’ sentejn, li tawtorizza, meta ebda flieles organiċi ma “jkunu disponibbli”, l-introduzzjoni ta’ flieles mhux organiċi fit-trobbija ta’ għattuqi organiċi, mingħajr ma l-Kummissjoni, kif kien l-obbligu tagħha li tagħmel, kienet “żammet f’minimu” din id-deroga skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007 (3), billi l-użu ta’ din id-deroga kien jirrikjedi li ebda maqfas f’radju sa 700 kilometru mis-sit tal-post ta’ trobbija ta’ għattuqi ma jipprovdi flieles organiċi u li għandha tiġi prodotta prova tan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ flieles organiċi permezz tal-ordnijiet mingħajr suċċess ma’ tliet maqfsiet magħrufa bħala fornituri ta’ flieles organiċi u mhux permezz tat-talba lil maqfsiet li huma magħrufa li ma jipprovdux flieles organiċi.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq invalidità tal-att regolatorju

    Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li żżomm f’minimu d-derogi mill-prinċipju stabbilit mill-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 834/2007, li skont dan l-annimali żgħar għat-trobbija organika ta’ bhejjem għandhom ikunu mwielda u mrobbija f’impriżi organiċi.

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-estensjoni b’sentejn tad-deroga tikser ir-rekwiżit tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 834/20047, li skont dan id-derogi għandhom jinżammu f’minimu. Skont ir-rikorrenti, l-assenza ta’ kundizzjonijiet jew limiti kwalitattivi tagħmel possibbli prassi abbużiva bħal dik skoperta fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mill-konvenuta.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq responsabbiltà għal illegalità ta’ att amministrattiv, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

    Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-konvenuta naqset milli tiżgura l-osservanza mill-Pajjiżi l-Baxxi tar-regola stabbilita fl-Artikolu 42(b) tar-Regolament (KE) Nru 889/2008.

    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li batew telf ta’ dħul minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tal-konvenuta, peress li l-konvenuta naqset milli tħeġġeġ lill-awtoritjaiet Olandiżi biex jaġixxu korrettament fir-rigward tal-użu ta’ flieles organiċi fit-trobbija ta’ għattuqi organiċi.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq responsabbiltà għall-eżerċizzju illegali tal-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni

    Skont it-tielet motiv, ir-rikorrenti jsostnu li billi adottat mill-ġdid deroga, li hija limitata biss ratione temporis u ma hija suġġetta għal ebda kundizzjoni jew rekwiżit kwalitattivi, il-konvenuta kisret ir-rekwiżiti tal-Artikolu 22 tar-Regolament (KE) Nru 824/2007 u aġixxiet barra mill-kuntest tal-kompetenzi attribwiti lilha.


    (1)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1584 tat-22 ta’ Ottubru 2018 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 889/2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU 2018, L 264, p. 1).

    (2)  Regolament tal-Kummissjoni (E) Nru 889/2008 tal-5 ta’ Settembru 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi fir-rigward tal-produzzjoni, it-tikkettar u l-kontroll organiku (ĠU 2008, L 250, p. 1).

    (3)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta' prodotti organiċi u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 2092/91 (ĠU 2007, L 189, p. 1, rettifika fil-ĠU 2013, L 68, p. 61, rettifika fil-ĠU 2014, L 300, p. 72).


    Top