EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TJ0280

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla Estiża) tas-6 ta’ Lulju 2022 (Estratti).
ABLV Bank AS vs Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni.
Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Deċiżjoni tas-SRB li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni – Rikors għal annullament – Att li jikkawża preġudizzju – Interess ġuridiku – Locus standi – Ammissibbiltà parzjali – Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Kompetenza tal-awtur tal-att – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament.
Kawża T-280/18.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:T:2022:429

 SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

6 ta’ Lulju 2022 ( *1 )

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Proċedura ta’ riżoluzzjoni applikabbli f’każ ta’ entità li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli – Deċiżjoni tas-SRB li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni – Rikors għal annullament – Att li jikkawża preġudizzju – Interess ġuridiku – Locus standi – Ammissibbiltà parzjali – Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 – Kompetenza tal-awtur tal-att – Dritt għal smigħ – Obbligu ta’ motivazzjoni – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑280/18,

ABLV Bank AS, stabbilita f’Riga (il-Latvja), irrappreżentata minn O. Behrends, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB), irrappreżentat minn J. De Carpentier, E. Muratori u H. Ehlers, bħala aġenti, assistiti minn J. Rivas Andrés, avukat, u minn B. Heenan, solicitor,

konvenut,

sostnut minn

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn R. Ugena, A. Witte u A. Lefterov, bħala aġenti,

intervenjent,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk, G. Hesse (Relatur) u D. Petrlík, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura, b’mod partikolari:

ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Mejju 2018,

in-nota ta’ intervent tal-BĊE ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Mejju 2019,

id-deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2020 li l-kawża tiġi sospiża sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm l-istanza fil-kawżi li taw lok għas-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021 ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369),

il-provi l-ġodda ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Ottubru 2021,

wara s-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

1

Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, ABLV Bank AS, titlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tat-23 ta’ Frar 2018 li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ABLV Bank AS u ABLV Bank Luxembourg SA, fis-sens tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

Fatti li wasslu għall-kawża

[omissis]

12

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet (SRB/EES/2018/09 u SRB/EES/2018/10), tat-23 ta’ Frar 2018, is-SRB ddeċieda li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tar-rikorrenti u ta’ ABLV Luxembourg rispettivament (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”). Is-SRB adotta l-istima tal-BĊE li dawn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu kienu qegħdin ifallu jew x’aktarx li kienu ser ifallu, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014. Huwa qies ukoll li ma kinitx teżisti prospettiva raġonevoli li miżuri oħra jxekklu l-falliment tagħhom f’terminu raġonevoli fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ dan ir-regolament. Madankollu, is-SRB qies li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi partikolari tar-rikorrenti u ta’ ABLV Luxembourg, miżura ta’ riżoluzzjoni fil-konfront tagħhom ma kinitx meħtieġa fl-interess pubbliku fis-sens tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) u fis-sens tal-Artikolu 18(5) tal-istess regolament. Fl-istess jum, id-deċiżjonijiet ikkontestati ġew innotifikati lid-destinatarji rispettivi tagħhom, jiġifieri l-FKTK u ċ-CSSF.

13

L-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09 huwa fformulat kif ġej: “ABLV Bank AS ma għandhiex tiġi suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

Skont l-Artikolu 2(1) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09: “[d]in id-deċiżjoni hija indirizzata lill-[FKTK], fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità nazzjonali ta’ riżoluzzjoni fis-sens tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 806/2014”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

L-Artikolu 2(2) tad-dispożittiv tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09 jipprevedi li, “[k]onformement mal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 806/2014, il-[FKTK] għandha timplimenta din id-deċiżjoni u għandha tiżgura li kwalunkwe miżura meħuda tkun konformi magħha, skont il-kunsiderazzjonijiet previsti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

L-Artikoli 1 u 2 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/10, dwar ABLV Luxembourg, għandhom kontenut analogu.

[omissis]

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà

23

Is-SRB iqajjem erba’ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, ibbażati, essenzjalment, l-ewwel waħda, fuq il-fatt li r-rikorrenti ma bbażatx ir-rikors fuq it-test tad-deċiżjonijiet ikkontestati iżda fuq dak tal-istqarrija għall-istampa, it-tieni waħda, fuq in-natura mhux kontestabbli tad-deċiżjonijiet ikkontestati, it-tielet waħda, fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti inkwantu ma hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjonijiet ikkontestati, u r-raba’ waħda, fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti.

[omissis]

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-natura mhux kontestabbli tad-deċiżjonijiet ikkontestati

29

Skont is-SRB, id-deċiżjonijiet ikkontestati ma humiex atti li jistgħu jiġu kkontestati, peress li ma humiex intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti, billi jbiddlu b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu. Id-deċiżjonijiet ikkontestati ma ordnawx l-istralċ taż-żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu. Skont is-SRB, huma l-ANR li kellhom jieħdu l-miżuri neċessarji, konformement mad-dritt nazzjonali applikabbli, fil-konfront tal-imsemmija istituzzjonijiet wara li ddeċieda li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni.

30

Għandu jitfakkar li, bħala prinċipju, jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati l-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni ta’ istituzzjoni fi tmiem proċedura amministrattiva u li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, bl-esklużjoni tal-miżuri intermedjarji li l-għan tagħhom huwa li jippreparaw id-deċiżjoni finali, li ma għandhomx tali effetti (ara s-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, EU:C:2010:701, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

B’mod iktar partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset li, għalkemm l-evalwazzjoni magħmula mill-BĊE tal-falliment ta’ entità li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, imsemmija fit-tieni u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014, ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, xorta jibqa’ l-fatt li l-adozzjoni sussegwenti mis-SRB ta’ skema ta’ riżoluzzjoni, konformement mal-Artikolu 18(6) tal-imsemmi regolament, jew id-deċiżjoni li tali skema ma tiġix adottata, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qrati tal-Unjoni, li fil-kuntest tiegħu l-imsemmija evalwazzjoni tista’ tkun is-suġġett ta’ stħarriġ ġudizzjarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 56).

32

Barra minn hekk, l-Artikolu 86(2) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprevedi li l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-istess bħal kull persuna fiżika jew ġuridika, jistgħu, konformement mal-Artikolu 263 TFUE, jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kontra tali deċiżjoni tas-SRB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C-552/19 P, EU:C:2021:369, punt 56).

33

Minn dan isegwi li d-deċiżjoni tas-SRB li jadotta jew li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward ta’ istituzzjoni ta’ kreditu hija att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, din id-deċiżjoni tistabbilixxi b’mod definittiv il-pożizzjoni tas-SRB fi tmiem il-proċedura amministrattiva kumplessa prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 u mibdija permezz tal-evalwazzjoni tal-falliment ta’ entita li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, li titwettaq, inizjalment, mill-BĊE. Din il-proċedura hija intiża sabiex tipproduċi effetti legali vinkolanti fir-rigward tar-rikorrenti inkwantu mhux ser ikun hemm riżoluzzjoni fir-rigward tagħha.

34

Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li deċiżjoni li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni, bħad-deċiżjonijiet ikkontestati, hija att li jista’ jiġi kkontestat kif ukoll deċiżjoni li tiġi adottata tali skema. Fil-fatt, id-deċiżjoni li tiġi adottata azzjoni ta’ riżoluzzjoni timplika l-impożizzjoni ta’ strumenti ta’ riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 18(6)(b) u (c) u fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 806/2014, bħalma huma l-bejgħ tal-operat, l-użu ta’ istituzzjoni tranżitorja, is-separazzjoni tal-assi, ir-rikapitalizzazzjoni interna jew ukoll l-użu tal-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni insostenn tal-azzjoni ta’ riżoluzzjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li ma jiġux adottati tali strumenti, li wħud minnhom jistgħu jippermettu lir-rikorrent iżomm parti mill-attivitajiet tiegħu, tipproduċi effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent.

35

Fl-aħħar nett, kif jirriżulta wkoll mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawżi magħquda ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:16, punt 93), l-osservanza tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), hija żgurata mill-fatt li d-deċiżjoni tas-SRB li tikkonkludi l-proċedura msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 hija att li jista’ jiġi kkontestat, b’tali mod li l-eventwali illegalitajiet li jivvizzjaw l-evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tar-rikorrenti, imwettqa mill-BĊE fl-ewwel stadju tal-proċedura, jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra l-imsemmija deċiżjoni tas-SRB. Minn dan isegwi li r-rikorrenti għandha tkun f’pożizzjoni li titlob l-annullament tad-deċiżjoni tas-SRB li jadotta jew li ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tagħha.

36

Għaldaqstant, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma atti li jistgħu jiġu kkontestati.

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ locus standi tar-rikorrenti

37

Is-SRB isostni li r-rikorrenti ma hijiex ikkonċernata direttament mid-deċiżjonijiet ikkontestati. Dawn ma pproduċewx direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u jħallu kull libertà lill-ANR responsabbli mill-implimentazzjoni tagħhom. L-istralċ tar-rikorrenti u tas-sussidjarja tagħha huwa r-riżultat ta’ deċiżjonijiet meħuda fuq il-livell nazzjonali u mhux tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni.

38

Għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-inċidenza individwali tar-rikorrenti, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, ma ġiex ikkontestat mis-SRB. Fil-fatt, id-deċiżjonijiet ikkontestati jikkonċernaw rispettivament lir-rikorrenti u lis-sussidjarja 100 % tagħha bħala istituzzjonijiet ta’ kreditu li fir-rigward tagħhom is-SRB ma jadottax skema ta’ riżoluzzjoni u, għalhekk, jindividwalizzaw lir-rikorrenti b’mod analogu għal dak li bih huwa individwalizzat id-destinatarju tagħhom. Għaldaqstant, ir-rikorrenti hija individwalment ikkonċernata mid-deċiżjonijiet ikkontestati.

39

Fir-rigward tal-assenza allegata ta’ inċidenza diretta tar-rikorrenti f’din il-kawża, għandu jitfakkar li l-kundizzjoni li persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex destinatarja tad-deċiżjoni li tkun is-suġġett tar-rikors għandha tkun direttament ikkonċernata minnha, kif previst fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, teħtieġ li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, minn naħa, tkun tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u, min-naħa l-oħra, ma tkun tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji inkarigati bl-implimentazzjoni tagħha, fejn din l-implimentazzjoni tkun ta’ natura purament awtomatika u tkun tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biss, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra (sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2007, Regione Siciliana vs Il-Kummissjoni, C‑15/06 P, EU:C:2007:183, punt 31; tat-13 ta’ Ottubru 2011, Deutsche Post u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑463/10 P u C‑475/10 P, EU:C:2011:656, punt 66, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2018, Scuola Elementare Maria Montessori vs Il-Kummissjoni, Il-Kummissjoni vs Scuola Elementare Maria Montessori u Il-Kummissjoni vs Ferracci, C‑622/16 P sa C‑624/16 P, EU:C:2018:873, punt 42).

– Fuq l-inċidenza diretta tar-rikorrenti sa fejn ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni SRB/EES/2018/10 dwar ABLV Luxembourg

40

Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li r-rikors ġie ppreżentat mir-rikorrenti f’isimha stess kontra d-deċiżjoni SRB/EES/2018/09 u bħala kumpannija parent u azzjonista unika ta’ ABLV Luxembourg fir-rigward tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/10.

41

Għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punt 12 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni SRB/EES/2018/10 tipprevedi li ebda skema ta’ riżoluzzjoni ma hija ser tiġi adottata fir-rigward ta’ ABLV Luxembourg. B’hekk, din id-deċiżjoni tipproduċi effetti fuq is-sitwazzjoni legali ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2020, Bernis et vs SRB, T‑282/18, mhux ippubblikat, EU:T:2020:209, punt 39).

42

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni SRB/EES/2018/10 ma tipproduċix effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-azzjonisti bħar-rikorrenti, peress li d-dritt tal-imsemmija azzjonisti li jirċievu dividendi u li jipparteċipaw fit-tmexxija ta’ ABLV Luxembourg ma ġiex affettwat mill-imsemmija deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 110).

43

Fil-fatt, kif jirriżulta mis-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923), l-effett negattiv għall-azzjonisti ta’ rtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu huwa ta’ natura ekonomika u mhux ġuridika, peress li, anki jekk din ma tkunx għadha f’pożizzjoni li tkompli bl-attività tagħha wara dan l-irtirar u, fil-fatt, li tiddistribwixxi d-dividendi, id-dritt tal-azzjonisti li jirċievu dividendi u li jipparteċipaw fil-ġestjoni jibqa’ ma jinbidilx (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, BĊE et Trasta Komercbanka et, C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923, punt 111, u d-digriet tal-14 ta’ Mejju 2020, Bernis et vs SRB, T‑282/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:209, punt 41).

44

F’dan il-każ, dan huwa iktar u iktar il-każ peress li d-deċiżjoni SRB/EES/2018/10 tipprevedi biss li ABLV Luxembourg ma hijiex ser tkun suġġetta għal proċedura ta’ riżoluzzjoni. B’hekk, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2019, BĊE et vs Trasta Komercbanka et (C‑663/17 P, C‑665/17 P u C‑669/17 P, EU:C:2019:923), l-imsemmija deċiżjoni la għandha bħala għan u lanqas ma għandha l-effett li lill-imsemmi bank tirtiralu l-awtorizzazzjoni tiegħu sabiex jeżerċita attività ta’ istituzzjoni ta’ kreditu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2020, Bernis et vs SRB, T-282/18, mhux ippubblikat, EU:T:2020:209, punt 42).

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma hijiex direttament ikkonċernata mid-deċiżjoni SRB/EES/2018/10 fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

– Fuq l-inċidenza diretta tar-rikorrenti sa fejn ir-rikors huwa dirett kontra d-deċiżjoni SRB/EES/2018/09 dwar ir-rikorrenti

46

Dan ir-rikors ġie ppreżentat mir-rikorrenti f’isimha stess sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09.

47

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din id-deċiżjoni tipproduċix direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, jekk fl-evalwazzjoni tiegħu l-BĊE jqis li l-entità kkonċernata tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tal-imsemmi regolament, dan għandu bħala konsegwenza l-bidu tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament. Min-naħa l-oħra, jekk il-BĊE jasal għall-konklużjoni opposta, il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ma tinbediex, peress li t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 806/2014 jipprovdi li l-BĊE għandu jikkomunika l-evalwazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lis-SRB biss meta jqis li l-entità tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punti 6770).

48

B’hekk, minn naħa, il-konklużjoni tas-SRB, ibbażata fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-BĊE, li r-rikorrenti tinsab f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, hija għalhekk kundizzjoni sine qua non tad-dispożittiv tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09 li tipprevedi li ma jiġux adottati skemi ta’ riżoluzzjoni fir-rigward tar-rikorrenti. Għaldaqstant, il-konklużjoni li tgħid li r-rikorrenti tinsab f’sitwazzjoni li qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli tikkostitwixxi l-appoġġ neċessarju tal-Artikolu 1 tad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni SRB/EES/2018/09, sa fejn din tikkonstata l-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 39 iktar ’il fuq.

49

Min-naħa l-oħra, kif ġie rrilevat fil-punt 34 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni li ma jiġux adottati skemi ta’ riżoluzzjoni u għalhekk li ma jiġux imposti strumenti ta’ riżoluzzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 806/2014, li wħud minnhom jistgħu jippermettu lir-rikorrenti żżomm parti mill-attivitajiet tagħha, tipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha.

50

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk din id-deċiżjoni tħallix setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji responsabbli mill-implimentazzjoni tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 39 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, id-deċiżjoni li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni fil-konfront tar-rikorrenti ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-detinatarji inkarigati mill-implimentazzjoni tagħha, peress li din l-implimentazzjoni hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedjarji oħra. Fil-fatt, l-ANR ikkonċernata ma għandha l-ebda marġni ta’ manuvra fir-rigward tad-deċiżjoni tas-SRB li l-ebda strument ta’ riżoluzzjoni ma ser jiġi adottat fir-rigward tar-rikorrenti, peress li din id-deċiżjoni ma teħtieġ l-applikazzjoni ta’ ebda regola jew miżura intermedjarja sabiex tipproduċi l-effetti legali vinkolanti tagħha. Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-imsemmija ANR tista’ tasal sabiex tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 806/2014, li l-kontenut tiegħu huwa mfakkar fl-Artikolu 2(2) tad-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni, peress li dawn jaqgħu barra mill-kuntest tal-mekkaniżmu ta’ riżoluzzjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2020, Bernis et vs SRB, T‑282/18, mhux ippubblikat, EU:T:2020:209, punt 43).

51

B’mod partikolari, skont id-dritt Latvjan, l-istralċ tar-rikorrenti jaqa’ barra kwalunkwe skema ta’ riżoluzzjoni u ma jirriżultax mid-deċiżjoni SRB/EES/2018/09. Fil-fatt, l-imsemmi stralċ ġie deċiż mill-azzjonisti ta’ din il-kumpannija wara dik id-deċiżjoni tas-SRB, li skontha ma kienx meħtieġ fl-interess pubbliku li tiġi applikata skema ta’ riżoluzzjoni għar-rikorrenti skont ir-Regolament Nru 806/2014 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 49). B’hekk, l-istralċ ma ġiex ordnat minn din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-14 ta’ Mejju 2020, Bernis et vs SRB, T‑282/18, mhux ippubblikat, EU:T:2020:209, punti 39 sa 45).

52

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma għandhiex locus standi fil-konfront tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/10 u li r-rikors huwa inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, hija għandha tali locus standi fil-konfront tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09.

Fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà bbażata fuq in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti

53

Skont is-SRB, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija għandha interess ġuridiku reali u attwali. Hija ma wrietx b’liema mod hija tkun tibbenefika minn annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati. Fir-rigward tal-interessi invokati mir-rikorrenti sa fejn id-deċiżjonijiet ikkontestati allegatament ippreġudikaw ir-reputazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, is-SRB isostni li din ma ġietx affettwata mid-deċiżjonijiet ikkontestati, iżda mill-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN jew mill-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ taż-żewġ istituzzjonijiet ta’ kreditu magħmula mill-BĊE. L-interess li jiġi ppreżentat rikors għad-danni ma huwiex interess reali u attwali fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għal annullament. Fl-aħħar nett, fil-każ li r-rikorrenti tkun sofriet dannu, dan ikun ir-riżultat tad-deċiżjoni tal-azzjonisti li jipproċedu bl-istralċ awtomatiku tagħha.

54

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar ikollha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, Mory et vs Il-Kummissjoni, C‑33/14 P, EU:C:2015:609, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Huwa paċifiku li, filwaqt li titlob l-annullament sħiħ tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09, ir-rikorrenti ma tilmentax dwar ir-rifjut li tiġi stabbilita skema ta’ riżoluzzjoni, iżda hija topponi, essenzjalment, il-konklużjonijiet tas-SRB li hija kienet qed tfalli jew li x’aktarx kienet ser tfalli u ma kienx hemm prospettiva raġonevoli li miżuri oħra jimpedixxu dan il-falliment.

56

Madankollu, din il-kawża hija kkaratterizzata minn partikolaritajiet li, minħabba f’hekk, ma jippermettux li jiġi miċħud l-interess ġuridiku tar-rikorrenti.

57

Minn naħa, kif jirriżulta wkoll mill-punti 47 u 48 iktar ’il fuq, jekk il-BĊE jasal għall-konklużjoni li l-entità kkonċernata ma tinsabx f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, l-ebda evalwazzjoni ma għandha tiġi trażmessa lis-SRB u għalhekk il-proċedura ta’ riżoluzzjoni ma tinbediex. L-evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, peress li din tiġi adottata mis-SRB, hija għalhekk kundizzjoni minn qabel sine qua non tal-bidu tal-proċedura ta’ riżoluzzjoni prevista mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 u, għaldaqstant, ta’ deċiżjoni formali li tiġi adottata jew li ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni.

58

Għalhekk, il-motivi għad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09, b’mod partikolari l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti mwettqa mill-BĊE, adottata mis-SRB, jikkostitwixxu l-appoġġ neċessarju tad-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni. Fil-fatt, kieku l-Qorti Ġenerali kellha tikkonkludi li din l-evalwazzjoni kienet żbaljata, il-proċedura li tat lok għal din id-deċiżjoni ma kellhiex tinbeda fil-konfront tar-rikorrenti.

59

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-eżerċizzju tal-attivitajiet bankarji tagħha, l-entità kkonċernata għandha interess leġittimu li ma tkunx is-suġġett ta’ evalwazzjoni li minnha jirriżulta li hija qiegħda tfalli jew li x’aktarx ser tfalli.

60

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti tiġġustifika interess ġuridiku għall-annullament tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09.

61

Ir-rikors huwa għalhekk inammissibbli sa fejn huwa dirett kontra d-deċiżjoni SRB/EES/2018/10 u ammissibbli sa fejn huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09.

Fuq il-mertu

[omissis]

Fuq it-tielet u r-raba’ motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014

87

It-tielet u r-raba’ motiv, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, huma magħmula minn parti u minn erba’ partijiet, rispettivament. Fil-kuntest tar-raba’ motiv, li għandu jiġi eżaminat l-ewwel, ir-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li huwa b’mod żbaljat li s-SRB ma wettaqx eżami proprju tal-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014. Is-SRB allegatament ibbaża ruħu kompletament fuq l-evalwazzjoni tal-falliment li seħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti magħmula mill-BĊE. Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ din l-evalwazzjoni, ir-rikorrenti targumenta li l-problemi ta’ likwidità temporanji li hija kienet ikkonfrontata bihom wara l-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN ma jikkostitwixxux fihom infushom motiv suffiċjenti sabiex jitqies li qiegħda tfalli jew x’aktarx ser tfalli. Konformement mal-linji gwida ABE/GL/2015/07 tal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), tas-6 ta’ Awwissu 2015, dwar l-interpretazzjoni tas-sitwazzjonijiet differenti li fihom il-falliment ta’ istituzzjoni jitqies li seħħ jew li x’aktarx ser iseħħ skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59 (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-EBA”), huwa rrakkomandat li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi oġġettivi kollha u ma huwiex irrakkomandat li l-evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ entità tiġi bbażata fuq element wieħed, bħalma hija d-disponibbiltà immedjata ta’ likwidità. Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-ammont rikjest mill-BĊE ta’ biljun euro disponibbli fil-kont tar-rikorrenti mal-Bank tal-Latvja, qabel it-tneħħija eventwali tal-moratorju, fit-23 ta’ Frar 2018, kien sproporzjonat. Fil-fatt, il-BĊE ssopravaluta l-irtirar ta’ depożiti previst fil-każ ta’ ftuħ mill-ġdid tar-rikorrenti billi bbaża ruħu fuq medja ta’ rtirar ta’ EUR 200 miljun għal kull jum matul perijodu ta’ ħamest ijiem wara xulxin. Fir-raba’ lok, ir-rikorrenti tqajjem serje ta’ argumenti insostenn tat-teżi tagħha li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-assi likwidi kollha tagħha, speċjalment dawk li għalihom hija ma kellhiex aċċess istantanju. Fil-kuntest tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma eżaminax b’mod suffiċjenti jekk kienx jeżisti prospettiva raġonevoli li miżuri oħra jxekklu l-falliment tagħha.

[omissis]

– Fuq il-kwistjoni dwar jekk is-SRB kellux dritt jibbaża ruħu fuq l-evalwazzjoni, mill-BĊE, tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti

103

Fir-replika, ir-rikorrenti ssostni li s-SRB ma setax jibbaża ruħu biss fuq l-evalwazzjoni, imwettqa mill-BĊE, tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti mingħajr ma jwettaq huwa stess eżami proprju. Dan l-ilment, li għandu jiġi ttrattat l-ewwel, għandu jiġi miċħud indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan huwiex ilment ġdid fis-sens tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

104

Fil-fatt, dan l-ilment iwassal sabiex jiġi injorat ir-rwol tal-BĊE fis-sistema stabbilita mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, kif ġie rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE (C‑551/19 P u C-552/19 P, EU:C:2021:369).

105

Ċertament, is-SRB ma huwiex marbut mill-evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ entità stabbilita mill-BĊE. Fil-fatt, din l-evalwazzjoni ma hijiex att vinkolanti u, b’mod partikolari, ma tqegħidx lis-SRB f’sitwazzjoni ta’ kompetenza marbuta ma’ din l-evalwazzjoni. Ma hemm xejn fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li jindika li s-SRB huwa mċaħħad minn setgħa diskrezzjonali fir-rigward tas-sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tal-entità inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 67).

106

Madankollu, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tal-istess regolament jagħti rwol prijoritarju, anki jekk mhux esklużiv, lill-BĊE, peress li bħala regola ġenerali huwa dan tal-aħħar li, fl-ewwel lok, għandu jwettaq l-evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ ta’ entità. Għalkemm is-SRB jista’ wkoll iwettaq tali evalwazzjoni, huwa jista’ jagħmel dan biss wara li jkun informa lill-BĊE bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan u biss jekk dan tal-aħħar ma jwettaqx evalwazzjoni fi żmien tlett ijiem tal-kalendarju minn meta jirċievi din l-informazzjoni. Għaldaqstant lill-BĊE hija rrikonoxxuta kompetenza prijoritarja sabiex iwettaq tali evalwazzjoni, ibbażata fuq l-għarfien li hija għandha bħala awtorità ta’ superviżjoni, peress li, billi għandha aċċess, f’din il-kwalità, għall-informazzjoni prudenzjali kollha dwar l-entità kkonċernata, hija tinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex tiddetermina, fid-dawl tad-definizzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, li tinsab fl-Artikolu 18(4) ta’ dan ir-regolament, li jirreferi, b’mod partikolari, għal elementi marbuta mas-sitwazzjoni prudenzjali bħalma huma l-kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni, l-ammont tal-attiv imqabbel ma’ dak tal-passiv jew id-dejn attwali jew futur, jekk din il-kundizzjoni hija ssodisfatta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 62).

107

F’dan il-każ, fil-punt 3.2.1 tad-deċiżjoni kkontestata SRB/EES/2018/09, billi bbaża ruħu fuq l-evalwazzjoni mwettqa mill-BĊE, is-SRB espona li l-falliment tar-rikorrenti kien meqjus li kien seħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ fis-sens tal-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, moqri flimkien mal-Artikolu 18(4)(c) tal-istess regolament, minħabba li, li kieku l-moratorju tneħħa wara t-23 ta’ Frar 2018, kien probabbli ħafna li l-ħruġ ta’ flus mill-istituzzjonijiet kien ser ikompli bl-istess ritmu bħalma kien qabel l-istabbiliment tiegħu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-preġudizzju lir-reputazzjoni tagħha ipprovokat mill-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN. Minħabba f’hekk, is-SRB adotta l-evalwazzjoni tal-BĊE li r-rikorrenti kellu jkollha kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid ta’ biljun euro fil-kont tagħha mal-Bank tal-Latvja, li huwa ammont li jippermetti li tiġi ssodisfatta l-portata tal-irtirar antiċipat matul il-ħamest ijiem immedjatament wara t-tneħħija tal-moratorju. Peress li din il-kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid ma ntlaħqitx, is-SRB adotta wkoll l-istima tal-BĊE li tafferma li r-rikorrenti probabbilment ma kinitx ser tkun kapaċi, fil-futur qarib, tħallas id-dejn tagħha mal-iskadenza tagħhom u li l-falliment tagħha kien ser iseħħ jew x’aktarx kien ser iseħħ.

108

F’dawn iċ-ċirkustanzi u fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li kellu s-SRB skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 91 sa 94 iktar ’il fuq fil-kuntest tal-evalwazzjoni ekonomika kumplessa li hija l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti, is-SRB, filwaqt li ma kienx marbut bl-eżami u l-istima tal-BĊE, ma wettaqx żball ta’ liġi meta bbaża ruħu fuqu, peress li l-BĊE huwa l-istituzzjoni fl-aħjar pożizzjoni sabiex twettaq l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti.

109

Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’.

– Fuq l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti li hija essenzjalment ibbażata fuq il-kriżi ta’ likwidità tagħha

110

Skont ir-rikorrenti, il-BĊE qies, b’mod żbaljat, li problema temporanja ta’ aċċess għal ċerti tipi ta’ likwidità kienet tiġġustifika l-konklużjoni li hija kienet qiegħda tfalli jew li x’aktarx kienet ser tfalli. Il-BĊE bbaża ruħu fuq ċirkustanza waħda biss, jiġifieri n-nuqqas temporanju ta’ likwidità wara l-irtirar massiv matul il-perijodu bejn l-14 u s-16 ta’ Frar 2018, u ma ħax biżżejjed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni globali tar-rikorrenti. Hija ssostni li la l-proporzjon ta’ kopertura tagħha u lanqas il-kapitalizzazzjoni qawwija tagħha ma ttieħdu suffiċjentement inkunsiderazzjoni. B’mod partikolari mil-Linji gwida tal-EBA jirriżulta li l-elementi oġġettivi kollha li jirrigwardaw id-diffikultajiet ta’ istituzzjoni ta’ kreditu għandhom jiġu bbilanċjati sabiex jiġi ddeterminat jekk din hijiex qiegħda tfalli jew x’aktarx ser tfalli.

111

Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 18(4) tar-Regolament Nru 806/2014, il-falliment ta’ entità jitqies li qiegħed iseħħ jew x’aktarx ser iseħħ jekk din tkun tinsab f’waħda jew iktar mis-sitwazzjonijiet elenkati fil-punti (a) sa (d) tal-imsemmija dispożizzjoni. F’dan il-każ, il-BĊE qieset li r-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha jew twettaq impenji oħra sad-data tal-iskadenza, jew li kienu jeżistu elementi oġġettivi li jippermettu li jiġi konkluż li dan ser iseħħ fil-futur qarib, fis-sens tal-Artikolu 18(4)(c) tal-istess regolament. Kif ġustament sostna l-BĊE, mill-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 ma jirriżultax li l-BĊE u s-SRB għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni elementi bħall-proporzjon ta’ kopertura jew il-kapitalizzazzjoni ta’ istituzzjoni ta’ kreditu qabel ma jkunu jistgħu jikkonkludu li din qiegħda tfalli jew x’aktarx ser tfalli.

112

Din il-kunsiderazzjoni ma tistax tiġi mminata mil-Linji gwida tal-EBA. Fil-fatt, skont il-punt 5 tal-verżjoni tagħhom bil-lingwa Ingliża, l-imsemmija linji gwida huma intiżi li jiffavorixxu, skont l-Artikolu 32(6) tad-Direttiva 2014/59, il-konverġenza tal-prattiki superviżorji u ta’ riżoluzzjoni f’dak li jikkonċerna l-interpretazzjoni tas-sitwazzjonijiet differenti li fihom il-falliment ta’ istituzzjoni jitqies bħala li qiegħed iseħħ jew x’aktarx li ser iseħħ. Il-BĊE ġustament isostni li dawn il-linji gwida ma jistgħux jiġu interpretati b’kontradizzjoni mar-Regolament Nru 806/2014 u li għalhekk ma jimponux kundizzjonijiet addizzjonali li ma jirriżultawx mill-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament.

113

Fi kwalunkwe każ, konformement mal-punt 14 tal-linji gwida tal-EBA, fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, l-awtorità ta’ riżoluzzjoni għandha tevalwa l-elementi oġġettivi li jikkonċernaw, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni ta’ fondi proprji tal-istituzzjoni ta’ kreditu u l-pożizzjoni ta’ likwidità tagħha. Issa, skont il-punt 16 tal-verżjoni bil-lingwa Ingliża ta’ dawn il-linji gwida, għalkemm, fil-parti l-kbira tal-każijiet, huwa previst li diversi mill-fatturi ddefiniti fl-imsemmija linji gwida u mhux wieħed minnhom biss jippermettu li jiġi ddeterminat jekk falliment ta’ istituzzjoni ta’ kreditu hux qiegħed iseħħ jew x’aktarx ser iseħħ, xorta jibqa’ l-fatt li, f’ċerti sitwazzjonijiet, huwa possibbli li waħda biss mill-kundizzjonijiet tkun suffiċjenti sabiex tiskatta riżoluzzjoni, skont is-severità u l-impatt prudenzjali tagħha. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, mil-Linji gwida tal-EBA ma jirriżultax li diversi kundizzjonijiet jew fatturi għandhom neċessarjament jittieħdu inkunsiderazzjoni qabel ma jkun jista’ jiġi konkluż li istituzzjoni ta’ kreditu ma tinsabx jew ma hijiex ser tkun f’pożizzjoni li tħallas id-djun jew impenji oħra tagħha sal-iskadenza fil-futur qarib.

114

Sussegwentement, kif sostna l-BĊE, il-preżenza ta’ likwidità hija essenzjali għal istituzzjoni ta’ kreditu, peress li l-funzjoni prinċipali ta’ din tal-aħħar hija li tirċievi depożiti mill-pubbliku u li tinvestihom mill-ġdid fl-ekonomija reali billi tagħti self. Din il-funzjoni ta’ intermedjarju hija bbażata fuq il-premessa li depożitant għandu jkun f’pożizzjoni li jikseb lura d-depożiti fuq talba, fil-prinċipju immedjatament. Jekk bank ma jkunx jista’ jirrimborsa l-fondi tad-depożitanti, dan jaffettwa mhux biss il-fiduċja f’din l-istituzzjoni ta’ kreditu, iżda wkoll, potenzjalment, permezz tal-propagazzjoni, il-fiduċja fis-sistema bankarja kollha. Barra minn hekk, huwa paċifiku li l-fenomeni tal-irtirar massiv ta’ depożiti jaffettwaw mhux biss istituzzjonijiet ta’ kreditu f’diffikultà, iżda wkoll istituzzjonijiet b’saħħithom wara telf ta’ fiduċja tal-pubbliku fis-solidità ta’ din is-sistema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Kantarev, C‑571/16, EU:C:2018:807, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

115

Konsegwentement, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk f’dan il-każ ikkaratterizzati minn irtirar massiv ta’ depożiti wara ksur ta’ fiduċja bejn l-istituzzjoni ta’ kreditu u l-klijentela tagħha, il-proporzjon ta’ kopertura ta’ din l-istituzzjoni u l-kapitalizzazzjoni tagħha huma inqas importanti meta mqabbla mad-disponibbiltà immedjata ta’ likwidità fi ħdan din l-istituzzjoni. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

– Fuq il-konklużjoni tal-BĊE li, sabiex tipprekludi l-falliment tagħha, ir-rikorrenti kellu jkollha biljun euro fi flus kontanti miżmuma fil-Bank tal-Latvja fit-23 ta’ Frar 2018 fis-18:00

116

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid ta’ biljun euro fil-kont tagħha mal-Bank tal-Latvja, ikkunsidrata bħala neċessarja mill-BĊE sabiex jiġu rrimborsati d-depożiti li jistgħu jiġu rtirati fi żmien qasir fil-mument ta’ ftuħ mill-ġdid eventwali tar-rikorrenti wara tneħħija tal-moratorju, kienet sproporzjonata.

117

L-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-falliment tagħha li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ mill-BĊE, riprodotta mis-SRB, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li depożiti ‘a vista’, mingħajr skadenza, għalhekk dovuti immedjatament, kienu ġew ikkonvertiti f’depożiti fissi f’ammont ta’ EUR 449 miljun fit-22 ta’ Frar 2018. Skont ir-rikorrenti, dawn id-depożiti ma humiex eżiġibbli, mingħajr il-kunsens tagħha, matul perijodu ta’ sitt xhur wara l-konverżjoni, raġuni li għaliha dawn id-depożiti ma setgħux jintalbu fi żmien qasir. L-ammont tad-depożiti immedjatament eżiġibbli għalhekk jammonta għal EUR 1.596 biljun u mhux għal EUR 2.043 biljun kif ġie vvalutat mill-BĊE.

118

It-tieni, skont ir-rikorrenti, it-teżi tal-BĊE li tiddikjara li l-irtirar tad-depożiti kompla bl-istess ritmu bħat-tlett ijiem qabel is-sospensjoni tal-pagamenti, mill-14 sas-16 ta’ Frar 2018, jiġifieri l-irtirar ta’ medja ta’ EUR 200 miljun kuljum, ma hijiex fondata. Xejn ma juri li l-irtirar tad-depożiti kien ser jerġa’ jibda b’mod lineari wara t-tneħħija eventwali tal-moratorju. Hija ssostni li, wara l-irtirar inizjali tad-depożiti l-iktar volatili, jibqa’ bilanċ bażiku ta’ depożiti iktar stabbli. Fuq dan il-punt, ir-rikorrenti tirreferi għall-proċess intern ta’ evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-likwidità (internal liquidity adequacy assessment process, ILAAP), approvat mill-BĊE fil-kuntest tad-deċiżjoni l-iktar reċenti tiegħu dwar il-proċess ta’ superviżjoni u ta’ evalwazzjoni prudenzjali (Supervisory Review and Evaluation Process, SREP) tal-2017, li minnha jirriżulta li parti kbira tad-depożiti ‘a vista’ hija stabbli u tibbenefika mill-fiduċja tad-depożitanti.

119

Barra minn hekk, il-volum tal-ħruġ kien diġà inqas fis-16 ta’ Frar 2018 meta mqabbel mal-ġurnata ta’ qabel. It-tentattivi sabiex jiġu rtirati somom permezz tal-internet jikkonċernaw biss EUR 28 miljun għal kull jum ta’ xogħol matul il-moratorju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti diġà ħallset wettqet numru kunsiderevoli mill-obbligi tagħha ta’ ħlas f’dollari Amerikani permezz ta’ trasferimenti ta’ titoli f’euro minkejja li, fil-15 ta’ Frar 2018, hija kienet ħadet id-deċiżjoni li tissostitwixxi l-ħlasijiet f’dollari Amerikani permezz ta’ ħlasijiet f’euro jew in natura u, mis-16 ta’ Frar, li twaqqaf kompletament il-ħlasijiet fuq l-obbligi ddenominati f’dollari Amerikani, billi invokat kawża ta’ forza maġġuri. Matul dan il-perijodu ta’ forza maġġuri, EUR 167 miljun tħallsu in natura fir-rigward ta’ obbligi ta’ ħlas f’dollari Amerikani tar-rikorrenti. Huwa improbabbli ħafna li t-talbiet intiżi għall-irtirar tad-depożiti immedjatament wara t-tneħħija tal-moratorju jikkonċernaw ammonti ta’ EUR 200 miljun kuljum.

120

B’risposta għal dawn l-argumenti, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat, bħalma għamel il-BĊE, li ma kienx hemm garanzija li d-depożiti kkonvertiti f’depożiti fissi ma kinux ser jiġu rtirati fi żmien qasir, jekk ikun il-każ permezz tal-ħlas ta’ penali. Il-BĊE enfasizza wkoll, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li l-maġġoranza l-kbira tad-depożitanti ma kinux aċċettaw il-konverżjoni f’depożitu fiss. Minn dan huwa ddeduċa li peress li dawn id-depożitanti rrifjutaw il-konverżjoni huma setgħu jitolbu r-restituzzjoni tad-depożiti tagħhom għal żmien qasir. Dawn kienu depożiti ta’ valur ta’ EUR 1.596 biljun. Barra minn hekk, huwa rrileva li l-konverżjoni ta’ ċertu numru ta’ depożiti ma biddlitx l-istima li l-irtirar kellu jkompli b’ritmu ta’ EUR 200 miljun kuljum bħala medja u li għalhekk kien meħtieġ li r-rikorrenti jkollha kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid ta’ biljun euro qabel l-eventwali ftuħ mill-ġdid ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu.

121

L-argumenti invokati mir-rikorrenti ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni l-evalwazzjoni tal-fatti mill-BĊE. Fil-fatt, ir-rikorrenti sempliċement tafferma, mingħajr ma tippreżenta provi insostenn, li fir-rigward tad-depożiti fissi kien ġie miftiehem li dawn ma kinux ser jintalbu matul perijodu ta’ sitt xhur. Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li din l-affermazzjoni hija pprovata u sostnuta, hija ma tinvalidax l-istima tal-BĊE li l-irtirar probabbilment kien ser jitkompla bl-istess veloċità u fl-istess ammont wara ftuħ mill-ġdid ipotetiku tal-entità inkwistjoni u li għalhekk kellu jkun hemm ammont għoli ta’ likwidità sabiex jiġu ssodisfatti t-talbiet matul il-ħamest ijiem wara dan il-ftuħ mill-ġdid. Fil-fatt, id-depożiti mhux ikkonvertiti xorta kienu se jammontaw għal EUR 1.596 biljun, ammont li jeċċedi bil-kbir il-kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid ta’ biljun euro meħtieġ mill-BĊE.

122

It-tieni, ma hemm xejn fil-proċess li għandha l-Qorti Ġenerali li jippermetti li tiġi kkontestata l-istima tal-BĊE li tgħid li l-evalwazzjonijiet interni passati dwar l-adegwatezza tal-likwidità tar-rikorrenti, invokati minnha, kienu ta’ valur limitat fil-mument tas-sitwazzjoni eċċezzjonali li tat lok għad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09. Ċertament, l-ILAAP tar-rikorrenti kien ġie approvat mill-BĊE fl-2017, iżda huwa paċifiku li r-rikorrenti ġiet ikkonfrontata, fi Frar 2018, b’sitwazzjoni mhux prevista ta’ rtirar massiv tad-depożiti wara telf ta’ fiduċja tal-pubbliku fis-solidità ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk hija kinitx istituzzjoni b’saħħitha jew f’diffikultà.

123

F’dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, il-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta bbaża ruħu fuq l-ammont tal-irtirar ta’ depożiti mill-14 sas-16 ta’ Frar 2018, li kien jirrifletti b’mod adegwat is-sitwazzjoni ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu fil-mument tal-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ u tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, kif ġustament sostna l-BĊE, l-użu tal-medja tal-ħruġ tal-flus ta’ EUR 200 miljun kull jum mill-14 sas-16 ta’ Frar 2018 għall-finijiet tal-kalkolu tar-riżerva ta’ likwidità mmirata fid-data ta’ skadenza huwa spjegat mill-fatt li, matul kriżi ta’ likwidità, l-irtirar tal-flus jista’ jkun volatili u li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ medja jnaqqas ir-riskju ta’ żball ta’ kalkolu. Barra minn hekk, il-BĊE bbaża ruħu fuq data mhux ikkontestata, oġġettiva u attwali fil-mument tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni SRB/EES/2018/09. Fid-dawl tal-ħsara għar-reputazzjoni tar-rikorrenti u tan-nuqqas ta’ fiduċja li rriżulta minnha, il-BĊE ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li l-ġbid kien se jibqa’ għaddej bl-istess ritmu wara t-tneħħija tal-moratorju, peress li fil-frattemp ma seħħ ebda avveniment li jista’ jiżgura s-swieq.

124

Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li d-daqs tal-irtirar wera tendenza ta’ tnaqqis bejn l-14 u s-16 ta’ Frar 2018 lanqas ma jista’ jintlaqa’. F’dan ir-rigward, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali l-BĊE indika, mingħajr ma ġie kontradett, li l-ammont tal-irtirar kien ogħla fil-15 ta’ Frar milli fl-14 ta’ Frar, b’tali mod li ma kienx hemm mod li tiġi kkonstatata tendenza ta’ żieda, jew tnaqqis. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

– Argumenti oħra dwar l-evalwazzjoni tal-falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ tar-rikorrenti mill-BĊE, adottata mis-SRB

125

Ir-rikorrenti tinvoka sensiela ta’ argumenti oħra insostenn tal-kontestazzjoni tagħha tar-riżultat tal-evalwazzjoni, mill-BĊE, tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ, adottata mis-SRB. Għalhekk, hija ssostni, essenzjalment, li l-BĊE ma ħax inkunsiderazzjoni l-assi likwidi kollha li kellha jew setgħet kellha. Il-BĊE ħa inkunsiderazzjoni l-ammont ta’ EUR 694 miljun disponibbli fid-data ta’ skadenza, fit-23 ta’ Frar 2018 fis-18:00, fil-kont tar-rikorrenti mal-Bank tal-Latvja u huwa injora l-assi li ma kinux jinsabu f’dan il-kont. Ir-rikorrenti targumenta, essenzjalment, li sensiela ta’ assi ta’ valur ta’ EUR 690 miljun ġew esklużi b’mod żbaljat mill-BĊE, assi li setgħu jiġu kkonvertiti fi flus li kieku l-BĊE kien talab dan. Dawn l-assi kienu disponibbli f’terminu raġonevoli wara l-irtirar tad-depożiti.

126

Fir-rigward, qabelxejn, tal-fatt li huma biss l-assi likwidi fil-kont tar-rikorrenti mal-Bank tal-Latvja li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-BĊE, għandu jiġi rrilevat li dan ikkonferma, waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li, fir-rigward tagħha, kienet biss il-likwidità disponibbli fuq dan il-kont li setgħet tiġi vverifikata, filwaqt li d-disponibbiltà immedjata ta’ assi oħra ma setax isir kontroll tagħha. Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li hija ma kinitx ġiet informata bil-fatt li kienet biss il-likwidità disponibbli fuq dan il-kont li setgħet tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi kkalkolata l-kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid fid-data ta’ skadenza jista’ biss jiġi miċħud. Kif sostna l-BĊE, fil-punt 93 tan-nota ta’ intervent u mingħajr ma ġie kontradett, dan ir-rekwiżit ġie kkomunikat b’mod ċar lir-rappreżentanti tar-rikorrenti, b’mod partikolari waqt laqgħa tal-20 ta’ Frar 2018, li l-minuti tagħha jinsabu fl-Anness F.4.1 tan-nota ta’ intervent tal-BĊE.

127

Ir-rikorrenti ma tistax validament tikkritika lill-BĊE talli ma wettaqx id-distinzjoni bejn il-likwidità fil-pussess tagħha mal-aċċess għalihom, peress li ċerti assi kienu temporanjament inaċċessibbli. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma wrietx li l-aċċess għal dawn l-assi likwidi ġie stabbilit mill-ġdid fil-ħin sabiex tiġi ssodisfatta t-talba għal irtirar ta’ depożiti.

128

Minn dan isegwi li l-BĊE ħa inkunsiderazzjoni u evalwa l-assi msemmija mir-rikorrenti, iżda li, minħabba l-inċertezza dwar id-disponibbiltà immedjata ta’ dawn l-assi, huwa bbaża l-konklużjoni tiegħu biss fuq l-assi konkretament disponibbli fil-kont tar-rikorrenti mal-Bank tal-Latvja fid-data tal-iskadenza.

129

Il-BĊE spjega, f’dan ir-rigward, fil-punti 15 sa 19 tan-nota ta’ intervent, li l-attiv likwidu li istituzzjoni ta’ kreditu għandu jkollha sabiex tissodisfa l-ħruġ ta’ likwidità joriġina prinċipalment minn żewġ sorsi. L-ewwel sors huwa kkostitwit minn flus kontanti, li bħala prinċipju huma kontijiet ta’ flus kontanti miżmuma mal-bank ċentrali jew ma’ atturi oħra, li l-istituzzjoni inkwistjoni jista’ jkollha aċċess għalihom fuq talba. It-tieni sors ta’ likwidità huwa kkostitwit minn ċerti titoli negozjabbli ta’ kwalità għolja li jistgħu jingħataw bħala garanzija, ġeneralment wara l-applikazzjoni ta’ tnaqqis fuq il-valur nominali, sabiex jinkiseb self ta’ flus mingħand bank ċentrali jew mingħand entità msieħba jew li jistgħu jiġu ttrasferiti lil terz fi flus kontanti sabiex minn dan jinkiseb il-prezz fi flus kontanti. Il-kisba ta’ self tirrikjedi li d-depożitarju li jkollu t-titoli jagħti dawn it-titoli b’garanzija, filwaqt li t-trasferiment ta’ titoli jista’ jeħtieġ iktar żmien peress li dan jimplika l-assistenza ta’ atturi addizzjonali, minbarra d-depożitarju li għandu t-titolu, bħad-depożitarju ċentrali ta’ titoli u l-bank kummerċjali jew ċentrali.

130

Huwa sostna, sussegwentement, li l-fondi eżistenti fuq il-kontijiet tal-flus kontanti, b’mod partikolari dawk miżmuma f’bank ċentrali, kienu immedjatament disponibbli għal bank li kellu bżonn ta’ likwidità sabiex jirrimborsa xi depożitanti u kredituri oħra. Madankollu, is-self fis-swieq monetarji, jew il-ksib ta’ flus mingħand sorsi oħra minbarra l-bank ċentrali, jiddependi mir-rieda tal-imsieħba kummerċjali. Il-finanzjament tas-suq għalhekk ma jistax jitqies li huwa miksub u jista’ jkun limitat, jew ikun is-suġġett ta’ tnaqqis sinjifikattivi ħafna applikati għall-garanziji, jew xi drabi jkun kompletament indisponibbli. Fid-dawl ta’ dawn ir-restrizzjonijiet għall-finanzjament tas-suq, diversi banek ċentrali jżommu funzjoni ta’ persuna li ssellef tal-aħħar opportunità, li fil-kuntest tagħha huma ġeneralment jagħtu self ta’ emerġenza fi flus kontanti lill-banek kummerċjali inkambju għal garanziji, fis-sitwazzjonijiet fejn l-atturi l-oħra li joperaw fis-suq ma jkunux jixtiequ jagħmlu dan.

131

F’dan il-kuntest, dejjem skont il-BĊE, is-soluzzjoni għall-kriżi ta’ likwidità tar-rikorrenti, li għaliha din u r-rikorrenti ssottoskrivew, kienet li tipprova tittrasforma l-assi preżunti likwidi ta’ din l-istituzzjoni ta’ kreditu f’ammont ta’ flus kontanti suffiċjenti, kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid, li tkun immedjatament trasferibbli mill-bank mingħajr ebda restrizzjoni sabiex jiġu ssodisfatti t-talbiet tal-irtirar.

132

Issa, peress li diversi msieħba li għandhom it-titoli trasferibbli tar-rikorrenti ma xtaqux jilliberaw l-assi tagħha minħabba l-abbozz ta’ miżura tal-FinCEN u peress li l-parti l-kbira tal-banek korrispondenti tar-rikorrenti temmew ir-relazzjonijiet tan-negozju tagħhom jew imponew limiti sinjifikattivi fuq l-ammonti tat-tranżazzjonijiet, huma biss il-flus kontanti jew it-titoli miżmuma mal-Bank tal-Latvja li setgħu jiġu kkunsidrati bħala li kienu immedjatament trasferibbli sabiex jissodisfaw it-talbiet għall-irtirar tad-depożiti futuri, skont il-BĊE.

133

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-BĊE pprovda spjegazzjoni plawżibbli tar-raġunijiet li għalihom l-assi li d-disponibbiltà reali tagħhom fuq il-kont tar-rikorrenti mal-Bank tal-Latvja fil-mument tal-iskadenza ma kinitx ipprovata ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid.

134

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tinvoka ċertu numru ta’ kategoriji speċifiċi ta’ assi li l-BĊE kellu jieħu inkunsiderazzjoni sabiex jistabbilixxi l-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ.

135

Fir-rigward, l-ewwel nett, tad-dħul mill-bejgħ ta’ titoli li jammontaw għal EUR 407 miljun, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx sal-grad rikjest mil-liġi li dawn it-titoli kienu jikkostitwixxu attiv faċilment u immedjatament trasferibbli u li jista’ jintuża sabiex jitħallsu d-depożitanti li xtaqu jirtiraw id-depożiti tagħhom wara t-tneħħija eventwali tal-moratorju. Huwa paċifiku li d-dħul minn dan il-bejgħ, jekk jitqies li dan ikun seħħ, ma tqegħidx fil-kont tar-rikorrenti fil-Bank tal-Latvja qabel it-23 ta’ Frar 2018 fis-18:00, kif irrileva ġustament il-BĊE. Għalhekk il-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li ma inkludiex it-titoli jew id-dħul mill-bejgħ preżunt tagħhom fost il-likwidità direttament disponibbli l-għada tat-23 ta’ Frar 2018 sabiex jitħallsu lura d-depożiti fil-każ ta’ talba.

136

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-assi likwidi li r-rikorrenti kellha fuq il-kontijiet nostro (kontijiet bankarji miżmuma mir-rikorrenti fi ħdan banek oħra) fl-ammont ta’ EUR 29 miljun u l-assi ta’ valur ta’ EUR 13 miljun fil-pussess tagħha fil-kont li hija għandha ma’ Euroclear, għandu jiġi nnotat li l-BĊE ħadhom inkunsiderazzjoni fil-punti 30 u 31 tal-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti. It-titoli miżmuma f’Euroclear għan-nom tar-rikorrenti kienu, fil-fehma tiegħu, titoli ta’ kwalità għolja, bħal bonds tal-Istat, u faċilment konvertibbli fi żmien raġonevoli. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dħul minn dawn il-konverżjonijiet lanqas ma kien ġie rrilaxxat fil-ħin, b’tali mod li l-ammonti korrispondenti ma kinux disponibbli fil-kont tar-rikorrenti mal-Bank tal-Latvja fit-23 ta’ Frar 2018 fis-18:00. Fil-fatt, mit-tabelli li jidhru fl-Annessi G.4 u G.5 tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti dwar in-nota ta’ intervent tal-BĊE jirriżulta li parti kunsiderevoli tad-dħul mill-bejgħ tħallset minn Euroclear lir-rikorrenti ħafna wara din id-data.

137

L-argument tar-rikorrenti li l-konverżjoni tal-assi likwidi ħafna kellha ssir skont il-ħlasijiet kurrenti u li kien wara t-23 ta’ Frar 2018 li t-terminu ta’ konverżjoni ta’ ċerti titoli kien naqas ma jistax jikkontesta l-evalwazzjoni tal-BĊE, peress li dan kien ikkunsidra, mingħajr ma wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, kif jirriżulta mill-punti 126 sa 133 iktar ’il fuq, li kienet biss il-preżenza tal-likwidità fuq il-kont tar-rikorrenti mal-Bank tal-Latvja li kienet tiggarantixxi d-disponibbiltà immedjata tagħhom.

138

L-istess kunsiderazzjoni tapplika, fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda t-titoli l-oħra li kellha r-rikorrenti u li setgħu jinbiegħu għal EUR 358 miljun, li fosthom kien hemm kwantità ta’ titoli tal-ewwel ordni ta’ valur ta’ EUR 229 miljun u, fir-raba’ lok, it-EUR 12-il miljun fi flus kontanti li r-rikorrenti tallega li kellha. Għandu jiġi kkonstatat li d-disponibbiltà immedjata tal-imsemmija assi wara t-tneħħija eventwali tal-moratorju ma ngħatatx prova tagħha u li dawn l-assi lanqas ma ġew ikkonvertiti f’likwidità li kienet tinsab fil-kont tar-rikorrenti mal-Bank tal-Latvja fit-23 ta’ Frar 2018 fl-aħħar tal-jum.

139

Fil-ħames lok, ir-rikorrenti ssostni li l-BĊE żbalja meta fil-21 ta’ Frar 2018 iddeċieda li jillimita l-aċċess tar-rikorrenti għall-operazzjonijiet ta’ politika monetarja (monetary policy operations, MPO). B’hekk, hija ma kellhiex aċċess għal faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 40 miljun li setgħet tintuża sabiex tillibera likwidità oħra. Il-BĊE jwieġeb li din hija deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv tal-21 ta’ Frar 2018 meħuda fil-kuntest tas-superviżjoni prudenzjali. Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax realment il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv u ma tesponix b’mod ċar kif l-aċċess għall-imsemmija faċilità ta’ kreditu seta’ jikkontribwixxi sabiex tiġi liberata likwidità oħra sabiex jiġi ssodisfatt l-għan tad-disponibbiltà ta’ biljun euro fil-kont tar-rikorrenti mal-Bank tal-Latvja. Fi kwalunkwe każ, l-imsemmija deċiżjoni ma tagħmilx parti mid-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rikors, u lanqas ma tikkostitwixxi l-bażi legali tagħha, b’tali mod li ma hijiex is-suġġett tal-kawża.

140

Għandu jiġi enfasizzat, f’kundizzjonijiet bħal dawk ta’ dan il-każ, fid-dawl tal-prekawzjoni u tal-prudenza meħtieġa mill-BĊE f’sitwazzjoni ta’ kriżi, li huwa kellu d-dritt li jieħu inkunsiderazzjoni biss il-likwidità immedjatament disponibbli fil-kont tar-rikorrenti mal-Bank tal-Latvja, u dan sabiex jiġi eskluż kull riskju li t-talbiet għal irtirar ma jiġux issodisfatti fi żmien ħamest ijiem wara t-tneħħija tal-moratorju, peress li l-assi li r-rikorrenti tallega li għandha barra minn hekk ma kinux disponibbli malajr.

141

L-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti mill-BĊE, adottata sussegwentement mis-SRB, lanqas ma hija kkontestata mill-argument li r-rekwiżit ifformulat mill-BĊE dwar il-kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid ma kienx raġonevoli peress li r-rikorrenti, sabiex tissodisfa dan ir-rekwiżit, kellha tħallas somom kbar sabiex tikkonverti titoli u assi oħra fi flus kontanti disponibbli immedjatament. Fil-fatt, dan l-argument ma jneħħi xejn mill-evalwazzjoni tal-BĊE fir-rigward tal-kapaċità ta’ bbilanċjar mill-ġdid li l-preżenza tagħhom kellha tiġi pprovata mal-iskadenza.

142

Fl-aħħar nett, skont ir-rikorrenti, il-moratorju seta’ jiġi estiż sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-sitwazzjoni tagħha fir-rigward ta’ likwidità mingħajr ma tiskatta l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti. F’dan ir-rigward, il-BĊE bbaża ruħu fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 2(8) tan-Noguldījumu garantiju likums (il-Liġi Latvjana dwar il-Garanzija tad-Depożiti). Din id-dispożizzjoni tindika li l-FKTK kellha tieħu deċiżjoni dwar l-indisponibbiltà tad-depożiti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol mid-data li fiha ġie stabbilit li l-persuna li tieħu d-depożiti ma kinitx kapaċi tħallas lura lil dawn tal-aħħar. Issa, matul moratorju, huwa impossibbli li tiġi kkonstatata l-indisponibbiltà tad-depożiti, peress li l-ħlasijiet ikunu sospiżi bi kwalunkwe mod. Minħabba f’hekk, l-argument imressaq mill-BĊE li estensjoni tal-moratorju skatta awtomatikament l-iskema ta’ garanzija tad-depożiti u, għalhekk, ma kinitx possibbli, huwa għalhekk żbaljat.

143

Lanqas dan l-argument ma jista’ jintlaqa’.

144

F’dan il-każ, il-BĊE qies li r-rikorrenti kienet fi stat ta’ nuqqas ta’ likwidità wara l-irtirar ta’ depożiti kbir li kien seħħ mill-14 sas-16 ta’ Frar 2018. Huwa ta lir-rikorrenti terminu ta’ ħamest ijiem, mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-moratorju, sabiex terġa’ tistabbilixxi s-sitwazzjoni tagħha fil-qasam tal-likwidità sabiex tkun tista’ taffaċċja l-mewġa ta’ rtirar li jmiss. Madankollu, ladarba dan it-terminu kien għadda, ir-rikorrenti ma kinitx f’pożizzjoni li turi li hija kellha biljun euro fil-kont tagħha mal-Bank tal-Latvja.

145

Għalhekk il-BĊE ma wettaqx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkluda, f’dan il-mument, abbażi tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1), tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1), u tal-paragrafu (4)(c) tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014, li r-rikorrenti kienet qed tfalli jew x’aktarx kienet ser tfalli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-BĊE bl-ebda mod ma kien obbligat jagħti istruzzjonijiet lill-FKTK sabiex testendi l-moratorju.

146

Għaldaqstant, fid-dawl tal-marġni ta’ diskrezzjoni li kellu s-SRB fil-kuntest tal-analiżi ekonomika kumplessa tiegħu, ir-rikorrenti ma wrietx li huwa kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li hija kienet qiegħda tfalli jew x’aktarx kienet ser tfalli.

– Fuq l-eżistenza ta’ prospettiva raġonevoli li miżuri oħra jxekklu falliment

147

Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li s-SRB ma ssostanzjax suffiċjentement il-konklużjoni tiegħu li ma kien jeżisti ebda prospettiva raġonevoli li miżuri oħra ta’ natura privata jew miżuri prudenzjali, adottati fil-konfront tar-rikorrenti, jistgħu jipprekludu l-falliment tagħha f’terminu raġonevoli.

148

Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

149

Konformement mal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014, skema ta’ riżoluzzjoni tista’ biss tiġi adottata jekk, b’mod partikolari b’teħid inkunsiderazzjoni tat-termini meħtieġa u ta’ ċirkustanzi rilevanti oħra, ma tkun teżisti ebda prospettiva raġonevoli li miżuri oħra ta’ natura privata, inklużi miżuri previsti minn sistema ta’ protezzjoni istituzzjonali, jew miżuri prudenzjali, inklużi miżuri ta’ intervent bikri jew id-deprezzament jew konverżjoni ta’ strumenti ta’ fondi proprji rilevanti skont l-Artikolu 21, meħuda fir-rigward tal-entità, ixekklu l-falliment tagħha fi żmien raġonevoli.

150

Fil-punt 3.2.2 tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09, is-SRB qies li ma kienet teżisti ebda miżura alternattiva li setgħet raġonevolment tevita l-falliment tar-rikorrenti. Is-SRB ibbaża ruħu, essenzjalment, fil-kuntest tal-eżami tiegħu, fuq elementi prodotti mill-BĊE fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti.

151

Is-SRB ma jistax jiġi kkritikat talli bbaża ruħu fuq l-evalwazzjoni, mill-BĊE, tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti sabiex iwettaq l-eżami tal-kundizzjoni prevista mill-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Nru 806/2014. Ċertament, il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1)(a) u (b) ta’ dan ir-regolament huma distinti. Xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan il-każ, l-eżami ta’ miżuri alternattivi msemmija fl-Artikolu 18(1)(b) tal-imsemmi regolament ġie integrat fl-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti mwettqa mill-BĊE dwar il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 18(1)(a) tal-istess regolament. Fil-fatt, qabel ma kkonkluda li, skont il-BĊE, il-falliment tar-rikorrenti kien seħħ jew x’aktarx kien ser iseħħ, dan eżamina jekk dan il-falliment setax jiġi evitat permezz ta’ miżuri alternattivi, bħal estensjoni tal-moratorju jew l-implimentazzjoni tal-għażliet ta’ rkupru tal-likwidità disponibbli previsti fil-pjan ta’ ristrutturazzjoni tar-rikorrenti tal-2017. Barra minn hekk, skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 18(1), “[i]l-valutazzjoni tal-kondizzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandha ssir mill-Bord […] b’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE” u “[i]l-BĊE jista’ jinforma wkoll lill-Bord […] li huwa jqis li l-kondizzjoni stipulata f’dak il-punt ġiet sodisfatta”. Għaldaqstant, is-SRB seta’ jibbaża ruħu fuq l-eżami mwettaq mill-BĊE.

152

Fid-dawl tal-elementi konkreti u oġġettivi mressqa mis-SRB fil-punt 3.2.2 tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09, ir-rikorrenti baqgħet ma esponietx ir-raġunijiet li għalihom il-miżuri alternattivi meħuda inkunsiderazzjoni mis-SRB u mill-BĊE kienu ta’ natura li jxekklu l-falliment tagħha f’terminu raġonevoli. Ir-rikorrenti ma tidentifikax miżuri oħra li s-SRB kellu jieħu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-eżami tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi affermazzjoni mhux issostanzjata li s-SRB injora l-eżistenza tal-miżuri alternattivi ma hijiex biżżejjed sabiex l-evalwazzjoni tiegħu tiġi mċaħħda mill-plawżibbiltà u ma hijiex ta’ natura li turi l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

153

Għaldaqstant, hemm lok li t-tielet u r-raba’ motiv jiġu miċħuda.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ u tad-dritt għall-aċċess għall-fajl amministrattiv

154

Ir-rikorrenti ssostni li s-SRB kiser id-dritt għal smigħ tagħha, fis-sens tal-Artikolu 41 tal-Karta, billi ma tahiex il-possibbiltà li tippreżenta osservazzjonijiet quddiemu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09. Hija lanqas ma kellha aċċess għall-fajl amministrattiv tas-SRB.

155

Is-SRB jikkontesta dawn l-argumenti.

156

Għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi d-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li taffettwaha b’mod sfavorevoli.

157

Id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesponi, b’mod utli u effettiv, il-fehma tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod sfavorevoli. Sussegwentement, għandu jiġi ppreċiżat li d-dritt għal smigħ għandu għan doppju. Minn naħa, iservi għall-istruzzjoni tal-fajl u għall-istabbiliment tal-fatti bil-mod l-iktar preċiż u korrett possibbli u, min-naħa l-oħra, jippermetti li tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-persuna kkonċernata. Id-dritt għal smigħ huwa intiż partikolarment li jiggarantixxi li kull deċiżjoni li tikkawża preġudizzju tiġi adottata b’konjizzjoni sħiħa tal-kawża u b’mod partikolari għandu l-għan li jippermetti lill-awtorità kompetenti tikkoreġi żball jew li l-persuna kkonċernata ssostni l-elementi relatati mas-sitwazzjoni personali tagħha li jimmilitaw sabiex id-deċiżjoni tittieħed, ma titteħidx jew li jkollha tali jew tali kontenut (ara s-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, SEAE vs De Loecker, C‑187/19 P, EU:C:2020:444, punti 6869 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158

Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat l-importanza tad-dritt għal smigħ u l-portata wiesgħa ħafna tiegħu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, billi kkunsidrat li dan id-dritt għandu japplika għal kull proċedura li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju. L-osservanza tad-dritt għal smigħ tapplika anki meta l-leġiżlazzjoni applikabbli ma tipprevedix tali formalità b’mod espress (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2012, M., C‑277/11, EU:C:2012:744, punti 8586 u l-ġurisprudenza ċċitata; tat-18 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni vs RQ, C‑831/18 P, EU:C:2020:481, punt 67 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Novembru 2019, ADDE vs Il-Parlament, T‑48/17, EU:T:2019:780, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

159

Bl-istess mod, l-Artikolu 41(2)(b) tal-Karta jipprevedi d-dritt għal aċċess ta’ kwalunkwe persuna għall-fajl li jikkonċernaha, filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità u tas-segretezza professjonali u tan-negozju.

160

Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li r-Regolament Nru 806/2014 għandu l-għan li jistabbilixxi, skont il-premessa 8 tiegħu, mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni iktar effiċjenti, li għandhom jikkostitwixxu strument essenzjali sabiex jiġu evitati l-konsegwenzi dannużi tal-fallimenti tal-banek li seħħew fil-passat. Issa, fir-rigward tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 ta’ dan ir-regolament, tali għan jippreżupponi teħid ta’ deċiżjoni rapida, spiss f’kundizzjonijiet ta’ emerġenza, kif juru t-termini qosra previsti f’din id-dispożizzjoni, sabiex l-istabbiltà finanzjarja ma tiġix ippreġudikata (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C‑552/19 P, EU:C:2021:369, punt 55).

161

Madankollu, filwaqt li l-ħtieġa ta’ ħeffa tal-proċedura prevista fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 għandha għalhekk tittieħed inkunsiderazzjoni, hija għandha wkoll tiġi rrikonċiljata mad-dritt għal smigħ.

162

Barra minn hekk, il-premessa 26 tar-Regolament Nru 806/2014 tikkonferma kemm il-kompetenza kondiviża bejn il-BĊE, li huwa awtorità superviżorja fi ħdan is-SSM, u s-SRB, li huwa awtorità ta’ riżoluzzjoni, sabiex jiġi evalwat jekk istituzzjoni ta’ kreditu tinsabx f’sitwazzjoni ta’ falliment li qiegħed iseħħ jew li x’aktarx ser iseħħ, u l-kompetenza esklużiva tas-SRB sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-adozzjoni ta’ skema ta’ riżoluzzjoni humiex issodisfatti (sentenza tas-6 ta’ Mejju 2021, ABLV Bank et vs BĊE, C‑551/19 P u C-552/19 P, EU:C:2021:369, punt 64).

163

Fid-dawl tan-natura ta’ din il-proċedura amministrattiva kumplessa msemmija fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 806/2014 u mmexxija mill-BĊE u mis-SRB flimkien u suċċessivament, la l-Artikolu 41 tal-Karta u lanqas id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament ma jeżiġu li l-entità kkonċernata mid-deċiżjoni sabiex tiġi adottata jew sabiex ma tiġix adottata skema ta’ riżoluzzjoni tinstema’ f’kull fażi tal-proċedura minn kull wieħed minn dawn iż-żewġ korpi separatament.

164

F’dan il-każ, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li, għalkemm ir-rikorrenti ma nstemgħetx mis-SRB qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09, min-naħa l-oħra hija nstemgħet diversi drabi mill-BĊE.

165

B’hekk, ir-rikorrenti tpoġġiet f’pożizzjoni li tesprimi ruħha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ, dwar l-elementi rilevanti. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 151 iktar ’il fuq, il-BĊE eżamina l-miżuri alternattivi ta’ natura li jipprekludu l-falliment tar-rikorrenti. Fl-evalwazzjoni tiegħu, imwettqa wara li sema’ lir-rikorrenti, il-BĊE eżamina l-argumenti tagħha, filwaqt li ġabarhom fil-qosor u weġibhom. Is-SRB, li lilu ġiet sussegwentement ikkomunikata l-evalwazzjoni tal-BĊE, kellu għalhekk għarfien sħiħ tal-argumenti tar-rikorrenti waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni SRB/EES/2018/09, li fiha huwa adotta l-konklużjonijiet tal-BĊE dwar il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Artikolu 18(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 806/2014.

166

Ċertament, fid-deċiżjoni SRB/EES/2018/09, is-SRB eżamina għall-ewwel darba l-kundizzjoni imposta mill-Artikolu 18(1)(c) tar-Regolament Nru 806/2014, li tgħid li miżura ta’ riżoluzzjoni għandha tkun meħtieġa fl-interess pubbliku. Madankollu, ebda wieħed mill-ilmenti tar-rikorrenti ma huwa dirett kontra l-allegat nuqqas ta’ interess pubbliku, iżda huma diretti kontra, minn naħa, il-konklużjonijiet li jgħidu li l-falliment tar-rikorrenti kien qiegħed iseħħ jew x’aktarx kien ser iseħħ, skont l-Artikolu 18(1)(a) tar-Regolament Nru 806/2014, u, min-naħa l-oħra, il-konstatazzjoni li, fid-dawl tat-termini meħtieġa u ta’ ċirkustanzi rilevanti oħra, ma kien hemm ebda prospettiva raġonevoli li miżuri oħra ta’ natura privata jew miżuri prudenzjali jxekklu l-falliment tagħha f’terminu raġonevoli fis-sens tal-Artikolu 18(1)(b) tal-istess regolament. Dwar il-punti li hija tikkontesta, ir-rikorrenti għaldaqstant instemgħet fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

167

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li ma seħħ l-ebda avveniment ġdid u li ebda data ġdida ma ġew mgħarrfa lis-SRB bejn, minn naħa, il-komunikazzjoni, mill-BĊE, tal-evalwazzjoni tiegħu tal-falliment li kien qiegħed iseħħ jew li x’aktarx kien ser iseħħ tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk, is-SRB ma bbażax id-deċiżjoni SRB/EES/2018/09 fuq elementi oħra għajr dawk diġà kkunsidrati mill-BĊE u li fuqhom diġà nstemgħet ir-rikorrenti, fir-rigward tal-elementi ta’ din id-deċiżjoni li ġew ikkontestati mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Is-SRB lanqas ma bbaża din id-deċiżjoni fuq motivi differenti minn dawk esposti mill-BĊE.

168

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li d-dritt għal smigħ tar-rikorrenti ma nkisirx.

169

Fit-tieni lok, fir-rigward tad-dritt għal aċċess għall-fajl, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża, inkluż l-imsemmi dritt, għandha tiġi evalwata abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ partikolari, b’mod partikolari tan-natura tal-att inkwistjoni, tal-kuntest tal-adozzjoni tiegħu u tar-regoli ġuridiċi li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas-16 ta’ Mejju 2017, Berlioz Investment Fund, C‑682/15, EU:C:2017:373, punt 97 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma allegatx, u lanqas ma stabbilixxiet, li hija ma setgħetx tikkonsulta d-dokumenti rilevanti għall-eżami mwettaq mill-BĊE, b’mod partikolari fil-kuntest tad-djalogu bejnha u din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-imsemmi eżami u l-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali ma jinkludi ebda indizju f’dan is-sens. Ir-rikorrenti lanqas ma ppreċiżat id-dokumenti li għalihom ma kellhiex aċċess fil-kuntest tal-eżami mwettaq mill-BĊE u li għalihom hija kellu jkollha aċċess fil-kuntest tal-proċedura quddiem is-SRB, u lanqas kif dawn kienu jippermettulha tiżgura d-difiża tagħha aħjar. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li s-SRB ma bbażax ruħu fuq dokumenti oħra għajr dawk li fuqhom kien ibbażat l-eżami mwettaq mill-BĊE.

170

Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

ABLV Bank AS hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, dawk sostnuti mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB).

 

3)

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess.

 

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

Hesse

Petrlík

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Lulju 2022.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis li l-pubblikazzjoni tagħhom hija utli.

Top