EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0463

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-13 ta' Ottubru 2011.
Deutsche Post AG u ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja vs Il-Kummissjoni Ewropea.
Appell - Għajnuna mill-Istat - Regolament (KE) Nru 659/1999 - Artikolu 10(3) - Deċiżjoni għal inġunzjoni ta’ informazzjoni - Att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.
Każijiet Magħquda C-463/10 P u C-475/10 P.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:656

Partijiet
Motivi tas-sentenza
Parti operattiva

Partijiet

Fil-Kawżi magħquda C‑463/10 P u C‑475/10 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli abbażi tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentati, rispettivament, fl-24 u fis-27 ta’ Settembru 2010,

Deutsche Post AG , stabbilita f’Bonn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn J. Sedemund u T. Lübbig, avukati,

u

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja , irrappreżentata minn T. Henze, J. Möller u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea , irrappreżentata minn B. Martenczuk u T. Maxian Rusche, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

appellata,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-26 ta’ Mejju 2011,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Ġunju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Motivi tas-sentenza

1. Permezz tal-appelli tagħhom, Deutsche Post AG (iktar ’il quddiem “Deutsche Post”) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanju jitolbu l-annullament, rispettivament, tad-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tal-14 ta’ Lulju 2010, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (T‑570/08), u Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑571/08, iktar ’il quddiem, flimkien, id-“digrieti kkontestati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddikjarat inammissibbli r-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-30 ta’ Ottubru 2008, li tipprovdi ordni fuq ir-Repubblika tal-Ġermanja sabiex tipprovdi xi informazzjoni fil-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat favur Deutsche Post (iktar ’il quddiem, l-“att ikkontestat”).

Il-kuntest ġuridiku

2. L-Artikolu 2(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339) jobbliga lil Stat Membru li jinnotifika għajnuna ġdida lill-Kummissjoni Ewropea li jipprovdi, fin-notifika tiegħu, “l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni skond l-Artikoli 4 u 7”.

3. L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:

“1. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li l-informazzjoni provvduta mill-Istat Membru kkonċernat dwar għal miżura notifikata skond l-Artikolu 2 m’hijiex kompluta, għandha titlob l-informazzjoni addizzjonali kollha meħtieġa […]

2. Fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni jew tipprovdi informazzjoni li m’hijiex kompluta, il-Kummissjoni għandha tibgħat fakkar, filwaqt li jippermetti perjodu addizzjonali xieraq li fih għandha tkun provvduta l-informazzjoni.

3. In-notifika għandha tinftiehem li hija rtirata jekk l-informazzjoni mitluba m’hijiex provvduta fil-perjodu preskritt […]”

4. L-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi:

“1. Fejn il-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha informazzjoni minn kwalunkwe sors li jirrigwarda allegata għajnuna kontra l-liġi, għandha teżamina dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

2. Jekk meħtieġ, għandha titlob l-informazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat. L-Artikolu 2(2) u l-Artikolu 5(1) u (2) għandhom japplikaw mutatis mutandis .

3. Fejn, minkejja kif imfakkar skond l-Artikolu 5(2), l-Istat Membru kkonċernat ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa fil-perjodu preskritt mill-Kummissjoni, jew fejn tipprovdi informazzjoni mhux kompluta, il-Kummissjoni għandha permezz ta’ deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun provvduta (minn hawn ’l quddiem imsejjħa ‘inġunzjoni ta’ informazzjoni’ [ordni għal informazzjoni]). Id-deċiżjoni għandha tispeċifika liema informazzjoni hi meħtieġa u tippreskrivi perjodu xieraq li fih għandha tingħata.”

5. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999:

“L-eżami ta’ għajnuna llegali possibli għandu jirriżulta f’deċiżjoni skond l-Artikolu 4(2), (3) jew (4). Fil-każ ta’ deċiżjonijiet sabiex tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-proċeduri għandhom jingħalqu permezz ta’ deċiżjoni skond l-Artikolu 7. Jekk Stat Membru jonqos milli jikkonforma ma’ inġunzjoni ta’ informazzjoni, dik id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli.”

6. L-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE ) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jipprovdi li “[f]ejn il-Kummissjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża biex tiffornixxi informazzjoni b’deċiżjoni, hi ħa tindika […] id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

7. Fit-12 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat favur Deutsche Post AG [C 36/07 (ex NN 25/07)]. Sunt ta’ din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (C 245, p. 21).

8. Fis-17 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni bagħtet talba għal informazzjoni lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li kien fiha xi domandi dwar id-dħul u l-ispejjeż ta’ Deutsche Post, għall-perijodu bejn is-sena 1989 u s-sena 2007. Fit-12 u fil-21 ta’ Awwissu 2008, il-Kummissjoni bagħtitilha ittra ta’ tfakkir, fejn talbitha mill-ġdid sabiex tibgħat l-informazzjoni mitluba.

9. Fir-risposti tagħha tal-5 ta’ Awwissu, tal-14 ta’ Awwissu u tad-29 ta’ Settembru 2008, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kkonfermat li hija tirrifjuta li tibgħat l-informazzjoni dwar il-prodotti u l-ispejjeż ta’ Deutsche Post sussegwenti għas-sena 1995. Hija allegat b’mod partikolari, li l-eżami tal-Kummissjoni kellu jkun limitat għall-perijodu bejn is-sena 1989 u s-sena 1994, u li r-risposta għall-imsemmija domandi kienet teħtieġ investiment ta’ ħin u ta’ xogħol sproporzjonat.

10. Permezz tal-att ikkontestat, il-Kummissjoni ordnat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, skont tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, sabiex tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja sabiex tirrispondi għad-domandi inkwistjoni f’20 ġurnata. Il-Kummissjoni żiedet li jekk, minkejja din l-ordni, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma jipprovdux l-informazzjoni mitluba fit-terminu stabbilit, hija kienet ser tieħu d-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digrieti kkontestati

11. Permezzi ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-22 ta’ Diċembru 2008, Deutsche Post (Kawża T‑570/08) u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja (Kawża T‑571/08) ippreżentaw rikors kull wieħed intiż għall-annullament tal-att ikkontestat.

12. Permezzi ta’ atti separati ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni qajmet, f’kull kawża, eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà abbażi tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Il-Qorti Ġeneral laqgħet din l-eċċezzjoni billi ddeċidiet li l-att ikkontestat ma jikkostitwixxix att li ista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

13. B’hekk, fil-punti 24 sa 26 tad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u fil-punti 22 sa 25 tad-digriet, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tirrileva minn naħa, li hemm lok li tiġi eżaminata s-sustanza ta’ att, u mhux il-forma tiegħu, sabiex jiġi ddeterminat jekk jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u, min-naħa l-oħra, li miżuri intermedjarji li l-għan tagħha huwa li tipprepara d-deċiżjoni finali u li ma għandhiex effetti legali ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tirreferi b’mod partikolari għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni (60/81, Ġabra p. 2639, punti 9 u 10), kif ukoll tas-17 ta’ Lulju 2008, Athinaïki Techniki vs Il‑Kummissjoni (C‑521/06 P, Ġabra p. I 5829, punt 46).

14. Fir-rigward tal-effetti tal-att ikkontestat, il-Qorti Ġenerali tenfasizza, fil-punti 29 u 30 tad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, kif ukoll 28 u 29 tad-digriet Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, li ma hemm l-ebda sanzjoni prevista jekk l-Istat Membru ma jirrispondix għal deċiżjoni li tordna li tingħata informazzjoni. Tali ordni għandha fil-mira tagħha r-rispett għall-prinċipju ta’ kontradittorju.

15. Fil-punti 31 u 32 tad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, kif ukoll fil-punti 30 u 31 tad-digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tindika li l-att ikkontestat jaqa’ fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ta’ eżami tal-miżura inkwistjoni, bejn id-deċiżjoni li tinfetaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali u d-deċiżjoni finali. Skont il-Qorti Ġenerali, l-att ikkontestat ma jippreġudikax id-deċiżjoni finali, peress li f’din il-fażi, il-Kummissjoni tkun għada tista’ tikkonstata n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern jew l-inkompatibbiltà tagħha. Isegwi li, skont il-Qorti Ġenerali, l-att ikkontestat jikkostitwixxi miżura intermedjarja li l-għan tagħha huwa li tipprepara d-deċiżjoni finali għall-Kummissjoni.

16. Bħala risposta għall-argument ta’ Deutsche Post u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li, billi jirreferu għall-ġurisprudenza dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni għall-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (ara s-sentenza tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑400/99, Ġabra p. I-7303) isostnu li n-natura provviżorja ta’ att ma timplikax neċessarjament li dan ma jistax jiġi kkontestat, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra, fil-punti 36 tad-digriet Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u 35 tad-digriet Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, li l-effett ta’ tali deċiżjoni ta’ ftuħ u dawk tal-att ikkontestat ma humiex paragunabbli.

17. Fir-rigward tal-allegata deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni proċedurali ta’ Deutsche Post u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-att ikkontestat, il-Qorti Ġenerali sostniet, fil-punt 42 tad-digrieti kkontestati, li huwa r-rifjut tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni meħtieġa, li kienet tinsab fl-att ikkontestat, u mhux l-att ikkontestat bħala tali li jista’ jċaħħad lill-individwi kkonċernati mill-possibbiltà li jikkritikaw in-natura inkompleta tal-bażi fattwali tad-deċiżjoni finali. Skont il-Qorti Ġenerali, għalkemm l-awtoritajiet Ġermaniżi jikkunsidraw li l-infromazzjoni mitluba mill-Kummissjoni ma hijiex neċessarja sabiex jiġu stabbiliti l-fatti jew li r-riċerka mitluba kienet oneruża wisq fil-konfront tar-riżultat mistenni, huma setgħu jinjoraw l-ordni li saret fuqhom.

18. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi, fil-punti 46 tad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u fil-punt 45 tad-digriet Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, li l-att ikkontestat ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

It-talbiet tal-partijiet u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kawża Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (C‑463/10 P)

19. Deutsche Post titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

– tannulla d-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq;

– tannulla l-att ikkontestat, u

– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

20. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

– tiċħad l-appell, u

– tikkundanna lil Deutsche Post għall-ispejjeż.

Il-Kawża Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑475/10 P)

21. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

– tannulla d-digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, u

– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

22. Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

– tiċħad l-appell, u

– tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

23. B’digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda li jgħaqqad flimkien il-Kawżi C‑463/10 P u C‑475/10 P, għall-finijiet tal-proċedura orali kif ukoll għas-sentenza.

Fuq l-appelli

24. Insostenn tal-appelli tagħhom, Deutsche Post u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu li, fid-digrieti kkontestati, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “att li jista’ jiġi kkontestat” fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. F’dan ir-rigward huma jinvokaw ħames aggravji. L-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 288 TFUE, it-tieni wieħed fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza li tipprovdi li fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, l-atti preparatorji jistgħu jikkostitwixxu atti li jistgħu jiġu kkontestati, it-tielet wieħed fuq interpretazzjoni żbaljata tal-effetti ġuridiċi ta’ ordni għal informazzjoni, ir-raba’ wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u fl-aħħar, il-ħames wieħed ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membri fuq il-bażi tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE.

25. Peress li l-ewwel erba’ aggravji huma marbuta mill-qrib, għandhom jiġu eżaminati flimkien.

L-argumenti tal-partijiet

26. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u Deutsche Post isostnu li l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, jippermetti b’mod espress lill-Kummissjoni sabiex tadotta deċiżjoni formali. Abbażi tal-Artikolu 288 TFUE, tali deċiżjoni tkun obbligatorja u tikkostitwixxi b’hekk, minn natura tagħha stess, att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 26 tad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq u fil-punt 25 tad-digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-forma tal-att ikkontestat.

27. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-fatt li l-att ikkontestat jikkostitwixxi miżura intermedjarja fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami ta’ għajnuna mill-Istat ma jippreġudikax il-kwalità tiegħu ta’ att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, l-interessi tal-partijiet interessati ma jkunux suffiċjentement protetti min-natura li tista’ tiġi kkontestata tad-deċiżjoni finali.

28. Wara, l-appellanti jsostnu li, indipendentement mill-forma tal-att ikkontestat, u bil-kontra ta’ dak li ddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punti 46 tad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq u 45 tad-digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, ordni għal informazzjoni abbażi tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 tipproduċi effetti ġuridiċi obbligatorji, direttament fuq l-Istat Membru u l-impriża kkonċernata. Skont ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tali deċiżjoni tagħlaq il-proċedura amministrattiva dwar l-għajnuna mill-Istat sa fejn din tippermetti lill-Kummissjoni, fil-każ fejn l-Istat Membru konċernat jonqos milli jikkonforma mal-imsemmija ordni, li tagħti d-deċiżjoni tagħha fuq il-bazi tal-informazzjoni li tidher fil-fajl. Għaldaqstant, l-Istat Membru li ma jissodisfax l-obbligu li jirriżulta mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, moqri flimkien mal-Artikoli 288 TFUE u 4(3) TFUE, ikun jista’ jkun is-suġġett ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE.

29. Il-Kummissjoni tirrispondi li, skont ġurisprudenza stabbilita, jikkostitwixxu atti jew deċiżjonijiet li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, il-miżuri li joħolqu effetti legali vinkolanti tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sostanzjali l-pożizzjoni legali tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9; tal-5 ta’ Ottubru 1999, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑308/95, Ġabra p. I-6513, punt 26; tas-6 ta’ April 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C-443/97, Ġabra p. I-2415, punt 27; tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑147/96, Ġabra p. I 4723, punt 25, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Reynolds Tobacco et vs Il-Kummissjoni, C‑131/03 P, Ġabra p. I-7795, punt 54). Tali “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE ma tipproduċix neċessarjament tali effetti. Skont il-Kummissjoni, ma hijiex il-forma tal-att jew tad-deċiżjoni inkwistjoni, iżda s-sustanza tiegħu, li tiddetermina n-natura tiegħu ta’ att li jista’ jiġi kkontestat. Konsegwentement, rikors għal annullament kontra deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE jew att li jieħu forma oħra jkun possibbli biss meta din id-deċiżjoni jew dan l-att tipproduċi effetti legali fil-konfront ta’ terzi.

30. Il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-att ikkontestat ma jipproduċix effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tal-appellanti.

31. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tispjega li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar għajnuna mill-Istat, l-Istati Membri huma marbuta, skont l-Artikolu 4(3) TUE, li jibagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni li hija jkollha bżonn sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. L-obbligu għall-Istat Membru li jqiegħed l-informazzjoni mitluba għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni jirriżulta b’hekk mill-Artikolu 4(3) TUE, pjuttost milli mill-ordni għal informazzjoni.

32. Ordni għal informazzjoni hija intiża għall-osservanza tal-prinċipju ta’ kontradittorju fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva. L-Istat Membru jibbenefika, wara t-talba għal informazzjoni u t-tfakkir previsti fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, flimkien mal-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament, mill-aħħar okkażjoni sabiex jipprovdi l-informazzjoni mitluba qabel ma l-Kummissjoni tiddeċiedi fuq il-bażi tal-informazzjoni li tiddisponi minnha.

33. Il-Kummissjoni tindika li hija ma għandha, fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, b’differenza minn dak tal-akkordji, l-ebda kompetenza ta’ investigazzjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tikkjarifika l-fatti mingħajr il-kooperazzjoni leali tal-Istati Membri. Ma hijiex l-ordni għal informazzjoni, iżda r-rifjut tal-Istat Membru li jikkonforma ma’ din l-ordni li jippermetti lill-Kummissjoni sabiex tieħu deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli. Għaldaqstant, il-fatt li l-Kummissjoni tqis li hija suffiċjentement informata u twaqqaf ir-riċerka għall-informazzjoni ma jipproduċi, fih innifsu, l-ebda effett ġuridiku. Bil-kontra, tipproduċi tali effetti, l-evalwazzjoni ġuridika li hija għandha twettaq fuq il-fatti fid-deċiżjoni finali. Għaldaqstant, ordni għal informazzjoni tikkostitwixxi biss att preparatorju li ma jaffettwax il-pożizzjoni ġuridika tal-Istat Membru kkonċernat.

34. Il-Kummissjoni żżid li l-possibbiltà għall-appellanti sabiex jippreżentaw rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni finali fuq il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, tiżguralhom protezzjoni ġudizzjarja sodisfaċenti. Fil-fatt, l-illegalitajiet eventwali li jivvizzjaw lill-atti preparatorji jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ rikors kontra l-att definittiv fejn dawn jikkostitwixxu fazi ta’ elaborazzjoni (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq punt 12).

35. Fl-aħħar, il-Kummissjoni tinsisti fuq il-fatt li l-ebda sanzjoni ma tirriżulta min-nuqqas ta’ osservanza ta’ ordni għal informazzjoni. Billi ma jikkonformax mal-ordni, l-Istat Membru jindika b’mod impliċitu li l-informazzjoni li tiddisponi minnha l-Kummissjoni hija kompleta u li l-Kummissjoni tista’ tieħu deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tagħha. Is-sempliċi possibbiltà li proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tinbeda kontra dan l-Istat Membru la hija sanzjoni u lanqas ċirkustanza tali li taffettwa l-interessi tal-imsemmi Stat. Peress li l-Istati Membri huma marbuta, abbażi tal-Artikolu 4(3) TFUE, li jibagħtu lill-Kummissjoni kull informazzjoni li din ikollha bżonn sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza jew le ta’ għajnuna mill-Istat u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tista’ tinbeda wkoll fin-nuqqas ta’ ordni għal informazzjoni. Għaldaqstant, l-interessi tal-Istat Membru jkunu affettwati biss meta l-Kummissjoni tiddeċiedi effettivament li tieħu passi kontra l-Istat Membru għal ksur tat-Trattat.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36. Minn ġurisprudenza stabbilita fil-kuntest tar-rikorsi għal annullament ippreżentati minn Stati Membri jew istituzzjonijiet, jirriżulta li huma kkunsidrati bħala atti li jistgħu jiġu kkontestati fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, kull dispożizzjoni adottata mill-istituzzjonijiet, tkun xi tkun il-forma tagħha, li għandha bħala għan li tipproduċi effetti legali vinkolanti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-31 ta’ Marzu 1971, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, imsejħa “AETR”, 22/70, Ġabra p. 263, punt 42; tat-2 ta’ Marzu 1994, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑316/91, Ġabra p. I-625, punt 8; Spanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27; tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑138/03, C‑324/03 u C‑431/03, Ġabra p. I-10043, punt 32; tal-1 ta’ Diċembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑301/03, Ġabra p. I-10217, punt 19, kif ukoll tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Il-Kunsill, C‑370/07, Ġabra p. I-8917, punt 42). Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li Stat Membru, bħar-rikorrent fil-Kawża C‑475/10 P, jista’ jippreżenta rikors għall-annullament ta’ att li jipproduċi effetti legali vinkolanti mingħajr ma jkollu juri interess ġuridiku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Marzu 1987, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, 45/86, Ġabra p. 1493, punt 3, u tal-1 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16).

37. Meta rikors għal annullament kontra att adottat minn istituzzjoni huwa ppreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li dan jista’ jseħħ biss meta l-effetti legali vinkolanti ta’ dan l-att huma tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jibdlu, b’mod kunsiderevoli, il-pożizzjoni legali tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9; Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u tat-18 ta’ Novembru 2010, NDSHT vs Il-Kummissjoni, C‑322/09 P, Ġabra p. I‑11911, punt 45).

38. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt preċedenti ġiet żviluppata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-qorti tal-Unjoni minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi kontra atti li huma kienu d-destinatarji tagħhom. Meta, bħal fil-kawża li wasslet għad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, rikors għal annullament jiġi ppreżentat minn rikorrent bħala parti mhux privileġġjata kontra att li ma huwiex id-destinatarju tiegħu, ir-rekwiżit li jipprovdi li l-effetti ġuridiċi vinkolati tal-miżura kkontestat għandhom ikunu tali li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jemendaw b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni legali tiegħu, jikkoinċidi mal-kundizzjonijiet imposti fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

39. Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fid-digrieti kkontestati, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni billi kkonstatat li l-att ikkontestat ma kkostitwixxiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

40. Sabiex jiġi evalwat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi billi ddeċidiet, fid-digrieti tagħha, li ordni għal informazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, ma tistax tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, hemm għaldaqstant lok, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li jiġi eżaminat jekk tali ordni tikkostiwixxix att li huwa intiż sabiex jipproduċi effetti legali vinkolati.

41. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi proċedura f’żewġ fażijiet li hija intiża sabiex tippermetti lill-Kummissjoni li tikseb mill-Istat Membru kkonċernat l-informazzjoni neċessarja dwar għajnuna allegatament illegali sabiex din tkun tista’ tevalwa n-natura tal-miżura u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

42. Fir-rigward tat-tieni fażi, l-Artikolu 10(2) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li l-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jipprovdilha informazzjoni fir-rigward tal-għajnuna allegatament illegali.

43. Fit-tieni fażi, jekk l-Istat Membru, minkejja li diġà jkun irċieva nota ta’ tfakkir, ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba fit-terminu stabbilit, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, “għandha permezz ta’ deċiżjoni teħtieġ li l-informazzjoni tkun provvduta”. Konsegwentement, it-tieni fażi tal-proċedura sseħħ permezz tal-adozzjoni ta’ “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE mill-Kummissjoni, fatt li barra minn hekk, din l-istituzzjoni ma tikkontestax.

44. Issa, abbażi tal-Artikolu 288 TFUE, “deċiżjoni għandha torbot fl-intier tagħha”. Billi pprovda li ordni għal informazzjoni tieħu l-forma ta’ deċiżjoni, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jattribwixxi natura vinkolanti lil tali att.

45. Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 hija intiża sabiex tipproduċi effetti legali vinkolanti fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 ta’ din is-sentenza u tikkostitwixxi, għaldaqstant, att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

46. L-analiżi preċedenti hija msaħħa mill-ġurisprudenza dwar id-deċiżjonijiet ta’ talbiet ta’ informazzjoni meħuda fuq il-bażi tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3),li, bħall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 659/1999, kien jipprovdi proċedura ta’ żewġ fażijiet, fejn it-tieni fażi kien fiha l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta’ deċiżjoni li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 1980, National Panasonic vs Il‑Kummissjoni, 136/79, Ġabra p. 2033, u tat-18 ta’ Ottubru 1989, Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, Ġabra p. 3283). Bl-istess mod, mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, jirriżulta mingħajr dubju li talba għal informazzjoni meħuda fil-forma ta’ deċiżjoni tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

47. Il-ġurisprudenza ċċitata mill-Qorti Ġenerali fid-digrieti kkontestati, li tipprovdi li għandha tiġi eżaminata s-sustanza ta’ att u mhux il-forma tiegħu sabiex tiġi evalwata n-natura vinkolanti tiegħu, ma tbiddilx lil din l-analiżi.

48. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li tallega l-Kummissjoni, in-nuqqas ta’ sanzjoni prevista mir-Regolament Nru 659/1999 fil-każ fejn l-Istat Membru ma jikkonformax ma’ ordni għal informazzjoni ma jikkostitwixxix element determinanti sabiex jiġi evalwat jekk att jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament.

49. Billi ddeċidiet, fil-punti 31, 32 u 46 tad-digriet Deutsche Post vs Il‑Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, kif ukoll fil-punti 30, 31 u 45 tad-digriet Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, li, minħabba n-natura preparatorja tiegħu, l-att ikkontestat, ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-ġurisprudenza, il-Qorti Ġenerali wkoll wettqet żball ta’ liġi.

50. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-miżuri intermedjarji, li l-għan tagħhom huwa li tiġi ppreparata d-deċiżjoni finali, ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10; Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, u tas-26 ta’ Jannar 2010, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, C‑362/08 P, Ġabra p. I-669, punt 52). Madankollu, l-atti intermedjarji b’hekk previsti huma qabel kollox atti li jesprimu opinjoni provviżorja tal-istituzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; tal-14 ta’ Marzu 1990, Nashua Corporation et vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑133/87 u C‑150/87, Ġabra p. I-719, punti 8 sa 10; tat-18 ta’ Marzu 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, C-282/95 P, Ġabra p. I-1503, punt 34, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2000, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑147/96, Ġabra p. I‑4723, punt 35).

51. Fil-fatt, rikors għal annullament ippreżentat kontra l-atti li jesprimu opinjoni provviżorja tal-Kummissjoni, jista’ jobbliga lill-qorti tal-Unjoni sabiex twettaq evalwazzjoni fuq il-kwistjonijiet li fuqhom l-istituzzjoni kkonċernata għad ma kellhiex l-opportunità tesprimi ruħha u, b’hekk, tinħoloq antiċipazzjoni ta’ dibattiti fuq il-mertu u konfużjoni tal-fażijiet differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji. L-aċċettazzjoni ta’ tali rikors ikun għaldaqstant inkompatibbli mas-sistemi ta’ tqassim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-qorti tal-Unjoni u l-mezzi ta’ appell, previsti mit-Trattat, kif ukoll mar-rekwiżiti tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-iżvolġiment regolari tal-proċedura amministrattiva tal-Kummissjoni (ara s-sentenza IBM vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).

52. Madankollu, fil-kawża preżenti, rikors għal annullament ippreżentat kontra l-att ikkontestat, li permezz tiegħu l-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet Ġermaniżi xi informazzjoni dwar id-dħul u l-ispejjeż ta’ Deutsche Post, għall-perijodu bejn is-sena 1989 u s-sena 2007, ma jwassalx għal riskju ta’ konfużjoni tal-fażijiet differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji (sentenza IBM vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20). Fil-fatt, tali rikors għal annullament ma għandux iwassal lill-qorti tal-Unjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat jew dwar il-kompatibbiltà eventwali tagħha mas-suq intern.

53. Isegwi li, mill-ġurisprudenza jirriżulta li att intermedjarju lanqas ma jista’ jiġi appellat jekk jiġi stabbilit li l-illegalità li huwa vvizzjat biha dan l-att tista’ tiġi invokata insostenn ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali li għaliha jikkostitwixxi att ta’ tfassil. F’tali ċirkustanzi, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura jiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti (ara s-sentenzi IBM vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12; tal-24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 53/85, Ġabra p. 1965, punt 19, kif ukoll tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).

54. Madankollu, jekk din il-kundizzjoni tal-aħħar ma tkunx sodisfatta, jiġi kkunsidrat li l-att intermedjarju, indipendentement mill-kwistjoni jekk dan jesprimix opinjoni provviżorja tal-istituzzjoni kkonċernata – jipproduċi effetti ġuridiċi awtonomi u, għaldaqstant, għandu jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament (ara s-sentenzi AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; tat-28 ta’ Novembru 1991, BEUC vs Il-Kummissjoni, C‑170/89, Ġabra p. I‑5709, punti 9 sa 11; tas-16 ta’ Ġunju 1994, SFEI et vs Il‑Kummissjoni, C‑39/93 P, Ġabra p. I‑2681, punt 28; tad-9 ta’ Ottubru 2001, L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 57 sa 68, kif ukoll Athinaïki Techniki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54).

55. Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-ordni għal informazzjoni meħuda skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 tipproduċi effetti ġuridiċi awtonomi.

56. Fil-fatt, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura dwar l-allegata għajnuna mill-Istat favur Deutsche Post ma hijiex tali li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja suffiċjenti fir-rigward tar-rikorrenti.

57. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li jekk, kif jallegaw l-appellanti fil-kawżi preżenti, l-ordni hija sproporzjonata sa fejn l-informazzjoni mitluba ma hijiex relevanti għall-evalwazzjoni tal-miżura statali fid-dawl tal-Artikoli 107 TFUE u 108 TFUE, l-illegalitajiet li jivvizzjaw lill-att intermedjarju ma jistgħux jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, peress li din id-deċiżjoni tal-aħħar ma hijiex ibbażata fuq l-informazzjoni miksuba b’risposta għall-imsemmija ordni.

58. Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tordna, skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999, lil Stat Membru sabiex jipprovdi l-informazzjoni mitluba, hija tadotta “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 288 TFUE. Isegwi li r-rifjut tal-Istat Membru kkonċernat li jikkonforma ma’ tali ordni jikkostitwixxi nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li huwa għandu abbażi tat-Trattati fis-sens tal-Artikolu 258 TFUE.

59. Issa, fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, Stat Membru destinatarju ta’ deċiżjoni, bħal ordni għal informazzjoni, ma jistax jiġġustifika b’mod validu n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni tagħha fuq il-bażi tal-allegata illegalità tagħha. Fil-fatt, huwa fil-kuntest ta’ proċedura distinta, jiġifieri dik ta’ rikors għal annullament previst fl-Artikolu 263 TFUE li kull kontestazzjoni tal-legalità ta’ tali ordni għandha titwettaq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑261/99, Ġabra p. I‑2537, punt 18, u tal-14 ta’ Frar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C‑419/06, punt 52).

60. Għaldaqstant, l-effetti tal-eventwali illegalità relatata mal-att intermedjarju ma jistgħux jiġu annullati minn rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni finali. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżulta mill-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 minn naħa ta’ Stat Membru, li ma jagħtix lok għal deċiżjoni li tordna li tingħata informazzjoni, ikun jista’ jiġi kkonstatat indipendentement mit-tmiem ta’ rikors għal annullament eventwali ppreżentat kontra d-deċiżjoni finali.

61. Fl-aħħar, l-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999 twassal għal sitwazzjoni li fiha, Stat Membru li jirrifjuta li jissodisfa talba għal informazzjoni dwar għajnuna mill-Istat notifikata jew le, igawdi minn protezzjoni ġudizzjarja iktar wiesgħa meta tkun inkwistjoni għajnuna mhux notifikata, għandu jiġi miċħud.

62. Għandu jitfakkar li, għal dan il-għan, l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 659/1999 jipprovdi li, jekk l-Istat Membru kkonċernat, wara li jkun ġie mfakkar, ma jipprovdix l-informazzjoni mitluba minn talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna notifikata, jew jipprovdi l-informazzjoni b’mod mhux komplet, in-notifika hija meqjusa li ġiet irtirata. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-irtirar tan-notifika jkollha bħala effett li din l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala għajnuna mhux notifikata, b’tali mod li r-rifjut tal-Istat Membru kkonċernat li jipprovdi l-informazzjoni mitluba jwassal kemm fil-każ ta’ għajnuna inizjalment notifikata, u kemm fil-każ fejn għajnuna qatt ma ġiet notifikata, għall-adozzjoni ta’ att li jista’ jiġi kkontestat, jiġifieri “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 10(3) tar-Regolament Nru 659/1999.

63. Isegwi li, billi ddeċidiet li l-att ikkontestat ma setax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-ħames aggravju, hemm lok li l-ewwel sar-raba’ aggravji jiġu milqugħa.

64. Madankollu, fil-Kawża C‑463/10 P, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ fejn din kellha tiddeċiedi li l-att ikkontestat jikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, sabiex tipproċedi għal sostituzzjoni ta’ motivi fir-rigward tad-digriet Deutsche Post vs Il-Kummissjoni, iċċitat iktar ’il fuq, sabiex tindika li r-rikors ippreżentat minn Deutsche Post kien inammissibbli, peress li din l-impriża qatt ma kellha interess ġuridiku fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni f’din il-kawża, din l-istituzzjoni kienet fil-fatt sostniet li l-att ikkontestat ma kienx jikkonċerna lil Deutsche Post la direttament, u lanqas indirettament.

65. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, persuna fiżika jew ġuridika tista’ biss tippreżenta azzjoni kontra deċiżjoni indirizzata lil persuna oħra jekk l-imsemmija deċiżjoni tirrigwardaha direttament u individwalment.

66. Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-punt jekk Deutsche Post hijiex direttament ikkonċernata mill-att ikkontestat, li huwa indirizzat lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li din il-kundizzjoni titlob li jkunu sodisfatti ż-żewġ kriterji kumulattivi, jiġifieri li l-miżura kkontestata, fl-ewwel lok, toħloq direttament effetti fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-individwu u, fit-tieni nett, ma tħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha li għandhom jimplementawha, peress li din hija ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedjarji (ara s-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane et Ente per le Ville Vesuviane, C-445/07 P u C-455/07 P, Ġabra p. I‑7993, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67. Skont il-Kummissjoni, din il-kundizzjoni ma hijiex sodisfatta fil-kawża preżenti, peress li l-att ikkontestat jitlob biss lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tibgħat ċerta informazzjoni. Għaldaqstant, din l-ordni ma tagħtix lok għall-adozzjoni ta’ miżura nazzjonali li għandha natura purament awtomatika u li tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Ikun l-aġir tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li jiddetermina jekk din kinitx indirrizata lil Deutsche Post jew kif wasslet lil din l-impriża sabiex tikkomunika l-informazzjoni.

68. Fil-kawża preżenti, għandu jiġi kkonstatat li l-att ikkontestat jaffettwa direttament lil Deutsche Post fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

69. Fil-fatt, minn naħa, Deutsche Post, bħala benefiċjarja tal-miżura li fuqha hija bbażata l-informazzjoni prevista mill-att ikkontestat u bħala possessur ta’ din l-informazzjoni, tkun obbligata li tissodisfa l-ordni għal informazzjoni.

70. Min-naħa l-oħra, il-kontenut definittiv u eżawrjenti tal-infromazzjoni mitluba jirriżulta mill-att ikkontestat innifsu, mingħajr ma jħalli setgħa ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

71. Fir-rigward tal-punt jekk Deutsche Post hijiex individwalment ikkonċernata bl-att ikkontestat, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, persuni li ma humiex id-destinatarji ta’ deċiżjoni ma jistgħux jippretendu li huma kkonċernati individwalment ħlief fil-każ li din id-deċiżjoni tolqothom minħabba ċerti kwalitajiet li huma partikolari għalihom jew minħabba ċirkustanzi li jiddifferenzjawhom mill-persuni l-oħra kollha u, minħabba dan il-fatt, jiġu individwalizzati bl-istess mod bħalma kien ikun individwalizzat id-destinatarju ta’ tali deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 2007, Sniace vs Il-Kummissjoni, C‑260/05 P, Ġabra p. I‑10005, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72. Skont il-Kummissjoni, Deutsche Post ma hijiex individwalment ikkonċernata bl-att ikkontestat peress li dan ma huwiex indirizzat lil din l-impriża u lanqas ma joħloq kwalunkwe obbligu fil-konfront tagħha.

73. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-att ikkontestat ma huwiex indirizzat lil Deutsche Post huwa nieqes minn rilevanza għall-evalwazzjoni tal-punt jekk din l-impriża hijiex individwalment ikkonċernata, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, mill-imsemmi att.

74. Imbagħad, għandu jiġi kkonstatat li l-ordni għal informazzjoni tirrigwarda proċedura ta’ eżami ta’ allegata għajnuna mill-Istat li kienet ibbenefikat minnha Deutsche Post. L-informazzjoni prevista mill-att ikkontestat tikkonċerna biss lil Deutsche Post. Għaldaqstant, din tal-aħħar hija individwalment ikkonċernata mill-imsemmi att fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 ta’ din is-sentenza.

75. Peress li Deutsche Post hija direttament u individwalment ikkonċernata mill-att ikkontestat, ma hemmx lok li sseħħ, fil-Kawża C‑463/10 P, is-sostituzzjoni tal-motivi ssuġġerita mill-Kummissjoni.

76. Minn dak kollu preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jintlaqa’ u li d-digrieti kkontestati jiġu annullati.

Fuq ir-rinviju tal-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali

77. Mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ jew tiddeċiedi definittivament il-kawża hija stess, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni.

78. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi b’mod definittiv, fiż-żewġ kawżi, fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni matul il-proċedura fl-ewwel istanza.

79. Minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punti 36 sa 62 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq il-fatt li l-att ikkontestat ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, għandha tiġi miċħuda. Barra minn hekk, sa fejn, fil-Kawża Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (T‑570/08), l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà hija bbażata wkoll fuq il-fatt li l-att ikkontestat ma jikkonċernax direttament u individwalment l-appellanti, l-imsemmija eċċezzjoni lanqas ma tista’ tiġi milqugħa minħabba r-raġunijiet imsemmija fil-punti 65 sa 75 ta’ din is-sentenza.

80. Bil-kontra, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tar-rikorsi ppreżentati minn Deutsche Post u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

81. Għandu jiġi rrilevat, għal dan il-għan, li t-trattazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali u l-evalwazzjoni magħmula minnha, kienu jirrigwardaw esklużivament l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat peress li l-Qorti Ġenerali laqgħet, fiż-żewġ kawżi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibblità mqajma mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, mingħajr ma daħlet fil-mertu u mingħajr ma bdiet il-proċedura orali.

82. Għaldaqstant il-kawżi għandhom jiġi rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-talbiet tal-appellanti għall-annullament tal-att ikkontestat.

Fuq l-ispejjeż

83. Peress li l-kawża ġiet irrinvijata quddiem il-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri ta’ appell jiġu rriżervati

Parti operattiva

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1) Id-digrieti tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Lulju 2010, Deutsche Post vs Il-Kummissjoni (T‑570/08), u Il‑Ġermanja vs Il-Kummissjoni (T‑571/08), huma annullati.

2) L-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni Ewropea quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea huma miċħuda.

3) Il-kawżi huma rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex hija tiddeċiedi fuq it-talbiet ta’ Deutsche Post AG (T‑570/08) u tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja (T‑571/08) intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ottubru 2008 li tipprovdi ordni fuq ir-Repubblika tal-Ġermanja sabiex tipprovdi xi informazzjoni fil-proċedura ta’ għajnuna mill-Istat favur Deutsche Post AG.

4) L-ispejjeż huma rriżervati.

Top