Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0649

    Kawża C-649/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-21 ta’ Novembru 2017 – Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. vs Amazon EU Sàrl

    ĠU C 112, 26.3.2018, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 112/7


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fil-21 ta’ Novembru 2017 – Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V. vs Amazon EU Sàrl

    (Kawża C-649/17)

    (2018/C 112/11)

    Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

    Qorti tar-rinviju

    Bundesgerichtshof

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

    Konvenuta: Amazon EU Sàrl

    Domandi preliminari

    Id-domandi segwenti dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur (1) tressqu għal deċiżjoni preliminari:

    1.

    L-Istati Membri jistgħu jipprevedu dispożizzjoni li — bħad-dispożizzjoni li tinsab fit-tieni punt tal-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 246a(1) tal-EGBGB (Liġi introduttorja tal-Kodiċi Ċivili) — tobbliga lill-kummerċjant jipprovdi lill-konsumatur in-numru tat-telefon tiegħu (mhux biss meta jkun hemm bżonn, iżda f’kull każ), fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ kuntratti mill-bogħod qabel ma jiġi aċċettat il-kuntratt?

    2.

    L-espressjoni “gegebenenfalls” (“fejn xieraq”) użata (fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża) fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE, tfisser li kummerċjant għandu jipprovdi biss informazzjoni dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni diġà effettivament disponibbli fl-impriża tiegħu, fis-sens li dan ma huwiex meħtieġ li jistabbilixxi konnessjoni ġdida bit-telefon jew bil-fax jew fil-forma ta’ indirizz tal-posta elettronika, meta jiddeċiedi li jibda joffri kuntratti mill-bogħod fl-impriża tiegħu?

    3.

    Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda:

    L-espressjoni “gegebenenfalls” (“fejn xieraq”) użata (fil-verżjoni bil-lingwa Ġermaniża) fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE, tfisser li huma disponibbli biss dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni li jkunu diġà disponibbli f’impriża li jkunu effettivament jintużaw ukoll mill-kummerċjant sabiex jikkuntattja lil konsumaturi meta jidħol f’kuntratti mill-bogħod, jew huma disponibbli wkoll dawk il-mezzi ta’ komunikazzjoni fl-impriża li sa dak iż-żmien il-kummerċjant kien juża biss għal skopijiet oħra, bħall-komunikazzjoni ma’ kummerċjanti oħra jew mal-awtoritajiet?

    4.

    Il-lista tal-mezzi ta’ komunikazzjoni speċifikata fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE, jiġifieri n-numru tat-telefon, tal-fax jew l-indirizz tal-posta elettronika, hija eżawrjenti, jew il-kummerċjant jista’ wkoll juża mezzi ta’ komunikazzjoni oħra li ma humiex imsemmija hemm, bħal chat fuq l-internet jew sistema ta’ telefonata lura, kemm-il darba dawn ikunu jiżguraw kuntatt malajr u komunikazzjoni effiċjenti?

    5.

    L-applikazzjoni tar-rekwiżit ta’ trasparenza tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83/UE, li jgħid li l-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(c) tad-Direttiva 2011/83/UE b’mod ċar u komprensibbli, teħtieġ li l-informazzjoni tingħata malajr u b’mod effiċjenti?


    (1)  ĠU 2011, L 304, p. 64


    Top