This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017CN0127
Case C-127/17: Action brought on 10 March 2017 — European Commission v Republic of Poland
Kawża C-127/17: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
Kawża C-127/17: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
ĠU C 151, 15.5.2017, p. 22–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 151/22 |
Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Marzu 2017 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-127/17)
(2017/C 151/30)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: J. Hottiaux u W. Mölls)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
— |
tiddikjara li, billi imponiet fuq kumpanniji tat-trasport rekwiżit li jkollhom permessi speċjali sabiex ikunu jistgħu jużaw ċerti toroq pubbliċi, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 3 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 96/53/KE, tal-25 ta’ Lulju 1996, li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkulaw fi ħdan il-Komunità id-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali, (1) moqrija flimkien mal-punti 3.1 u 3.4 tal-Anness I tal-istess direttiva; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tikkritika lir-Repubblika tal-Polonja minħabba li ċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi li huma konformi mal-piż massimu awtortizzat tal-fus, stabbilit fil-livell ta’ 10 tunnellati (fus mhux tas-sewqan) u ta’ 11,5 tunnellati (fus tas-sewqan) fil-punti 3.1 u 3.4 rispettivament fl-Anness I tad-Direttiva 96/53/KE, hija ristretta fi kważi 97 % tat-toroq pubbliċi li jinsabu fit-territorju tal-Polonja, u dan b’mod kuntrarju għall-Artikolu 3 tal-istess direttiva. Din ir-restrizzjoni tirriżulta mill-kombinazzjoni taż-żewġ fatturi li ġejjin:
(1) |
iċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi b’piż massimu awtorizzat tal-fus ta’ 11,5 tunnellati hija possibbli biss f’toroq li jifformaw parti min-Netwerk Trans-Ewropew (TEN-T) u ċerti toroq nazzjonali oħra (Artikolu 41(2) tal-Liġi dwar it-Toroq Pubbliċi); u |
(2) |
hemm rekwiżit ta’ permess speċjali li jippermetti ċ-ċirkulazzjoni f’toroq oħra (Artikolu 64 et seq tal-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq). |
Il-Kummissjoni tikkritika wkoll lir-Repubblika tal-Polonja minħabba li hija interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/53/KE. Skont l-evalwazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja, din id-dispożizzjoni tippermetti lil Stat Membru li jidderoga mill-prinċipju ġenerali stipulat fl-Artikolu 3 tal-istess direttiva billi jirrestrinġi ċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi b’piż massimu awtorizzat tal-fus ta’ 11,5 tunnellati. Filwaqt li huwa veru li eżempji speċifiċi jinsabu fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 7 ta’ postijiet fejn l-użu ta’ vetturi jista’ legalment jiġi ristrett (bliet, villaġġi żgħar jew postijiet ta’ interess naturali speċjali), din id-dispożizzjoni hija marbuta biss mar-restrizzjonijiet imposti fuq ċerti toroq jew fuq strutturi ta’ inġinerija fuq partijiet speċifiċi ta’ triq. Skont il-Kummissjoni, Stat Membru ma jistax raġonevolment jibbaża ruħu fuq il-possibbiltà li jintroduċi derogi sabiex ikopri kważi 97 % tan-netwerk tat-toroq tiegħu.
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 64(1) tal-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq (2), sabiex ikunu jistgħu jużaw toroq li ma humiex parti mit-TEN-T, jiġifieri, kważi 97 % tat-toroq li jikkostitwixxu n-netwerk tat-toroq pubbliċi, is-sidien tal-vetturi kkonċernati għandhom japplikaw quddiem il-korpi rilevanti għal permess speċjali u għandhom jiksbu tali permess, rekwiżit li jagħti lok għad-diffikultajiet li ġejjin:
— |
formalitajiet amminstrattivi kkomplikati li jirrikjedu kuntatti ma’ diversi korpi amministrattivi; |
— |
iż-żona ġeografika tal-validità ta’ permess hija limitata, u dan iġiegħel lil kumpanniji tat-trasport inġenerali japplikaw għal diversi permessi għal kull rotta; |
— |
iż-żmien meħtieġ sabiex jinkiseb permess u l-ispejjeż tiegħu. |
Finalment, fuq il-bażi tal-Artikolu 64(2) tal-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq hawn fuq imsemmi, permess tal-Kategorija IV għal-użu ta’ toroq nazzjonali minn vetturi b’piż tal-fus tas-sewqan ta’ 11,5 tunnellata ma jistax jintuża għall-ġarr ta’ tagħbijiet diviżibbli.
Id-Direttiva 96/53/KE ma tippermettix dan it-tip ta’ ostakolu u diffikultà fil-qasam tal-libertà ta’ ċirkulazzjoni ta’ vetturi. Kumpannija li ma taqbilx li tkun suġġetta għal dawn il-kundizzjonijiet tkun suġġetta għal projbizzjoni mill-użu tat-toroq. Tali regola tmur kontra l-Artikolu 3 tad-Direttiva 96/53/KE, li skontu, permezz tal-kundizzjonijiet stipulati fih, Stat Membru ma jistax “jiċħad jew jipprojbixxi” l-użu fit-territorju tiegħu, fit-traffiku internazzjonali, ta’ vetturi li huma konformi mal-valuri tal-piż massimu speċifikati fl-Anness I ta’ din id-direttiva.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 478.
(2) Dikjarazzjoni tal-iSpeaker tas-Sejm (Kamra Inferjuri tal-Parlament) tar-Repubblika tal-Polonja tat-30 ta’ Awwissu 2012 li tipprovdi t-test ikkonsolidat tal-Liġi dwar it-Traffiku fit-Toroq, Dziennik Ustaw 2012, partita 1137.