Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CA0047

    Kawża C-47/16: Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Marzu 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Augstākā tiesa – il-Latvja) – Valsts ieņēmumu dienests vs “Veloserviss” SIA [Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Unjoni doganali — Kodiċi Doganali tal-Komunità — Artikolu 220(2)(b) — Irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni — Aspettattivi leġittimi — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Żball mill-awtoritajiet doganali — Obbligu tal-importatur li jaġixxi in bona fide u li jivverifika ċ-ċirkustanzi tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” — Mezzi ta’ prova — Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)]

    ĠU C 151, 15.5.2017, p. 11–12 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.5.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 151/11


    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-16 ta’ Marzu 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Augstākā tiesa – il-Latvja) – Valsts ieņēmumu dienests vs “Veloserviss” SIA

    (Kawża C-47/16) (1)

    ([Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Unjoni doganali - Kodiċi Doganali tal-Komunità - Artikolu 220(2)(b) - Irkupru a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni - Aspettattivi leġittimi - Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni - Żball mill-awtoritajiet doganali - Obbligu tal-importatur li jaġixxi in bona fide u li jivverifika ċ-ċirkustanzi tal-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” - Mezzi ta’ prova - Rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)])

    (2017/C 151/15)

    Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

    Qorti tar-rinviju

    Augstākā tiesa

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Valsts ieņēmumu dienests

    Konvenuti:“Veloserviss” SIA

    Dispożittiv

    1)

    L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 2700/2000, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li importatur ma jistax jinvoka aspettativa leġittima, skont din id-dispożizzjoni, sabiex jopponi l-kunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni, billi jeċepixxi l-bona fide tiegħu, ħlief jekk jiġu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi. Jeħtieġ, qabel kollox, li dawn id-dazji ma jkunux inġabru b’riżultat ta’ żball tal-awtoritajiet kompetenti nnifishom, sussegwentement, li dan l-iżball huwa ta’ natura tali li ma setgħetx raġonevolment tinduna bih il-persuna taxxabbli li taġixxi in bona fide u, fl-aħħar nett, li din tal-aħħar osservat id-dispożizzjonijiet kollha fis-seħħ f’dak li jikkonċerna d-dikjarazzjoni doganali tagħha. Tali aspettattiva leġittima tkun nieqsa, b’mod partikolari, meta minkejja li hemm raġunijiet manifesti sabiex tiġi ddubitata l-eżattezza ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”, importatur ikun naqas milli jinvestiga, sa fejn ikun possibbli, iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat sabiex jivverifika jekk dawn id-dubji kinux iġġustifikati. Madankollu tali obbligu ma jfissirx li hemm obbligu fuq l-importatur, b’mod ġenerali, li jivverifika, b’mod sistematiku, iċ-ċirkustanzi tal-ħruġ, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A”. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, skont il-provi konkreti kollha tal-kawża prinċipali, jekk dawn it-tliet kundizzjonijiet humiex issodisfatti f’dan il-każ.

    2)

    L-Artikolu 220(2)(b) tar-Regolament Nru 2913/92, kif emendat bir-Regolament Nru 2700/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’kwistjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, jista’ jiġi dedott mill-informazzjoni li tinsab fir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) li importatur ma jkunx intitolat milli jinvoka aspettattiva leġittima, skont din id-dispożizzjoni, sabiex jopponi l-kunsiderazzjoni a posteriori tad-dazji fuq l-importazzjoni. Madankollu, sa fejn tali rapport ma jkunx fih deskrizzjoni ġenerali tas-sitwazzjoni inkwistjoni, li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, huwa ma jistax, waħdu, ikun suffiċjenti sabiex jistabbilixxi jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex effettivament issodisfatti minn kull lat, b’mod partikolari fir-rigward tal-aġir rilevanti tal-esportatur. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa l-kompitu, bħala prinċipju, tal-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni sabiex jipproduċu l-prova, permezz ta’ provi addizzjonali, li l-ħruġ, mill-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ esportazzjoni, ta’ ċertifikat ta’ oriġini “Formola A” inkorrett huwa attribwibbli għall-preżentazzjoni mhux eżatta tal-fatti mill-esportatur. Madankollu, meta, l-awtoritajiet doganali tal-Istat ta’ importazzjoni jinsabu fl-impossibbiltà li jipproduċu l-imsemmija prova, huwa l-kompitu, skont il-każ, tal-importatur li jipprova li l-imsemmi ċertifikat ġie stabbilit fuq il-bażi ta’ preżentazzjoni korretta tal-fatti mill-esportatur.


    (1)  ĠU C 111, 29.3.2016.


    Top