EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0005

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tas-7 ta’ April 2016.
AK vs Achmea Schadeverzekeringen NV u Stichting Achmea Rechtsbijstand.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Gerechtshof Amsterdam.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali – Direttiva 87/344/KEE – Artikolu 4(1) – Libertà ta’ għażla tal-avukat mill-persuna assigurata – Proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva – Kunċett – Ilment kontra rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ kura.
Kawża C-5/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:218

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

7 ta’ April 2016 ( *1 ) ( i )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Assigurazzjoni għall-ispejjeż legali – Direttiva 87/344/KEE – Artikolu 4(1) – Libertà ta’ għażla tal-avukat mill-persuna assigurata – Proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva – Kunċett – Ilment kontra rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ kura”

Fil-Kawża C‑5/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat‑23 ta’ Diċembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Jannar 2015, fil-proċedura

AK

vs

Achmea Schadeverzekeringen NV,

Stichting Achmea Rechtsbijstand,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen (Relatur), President ta’ Awla, A. Borg Barthet u E. Levits, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Achmea Schadeverzekeringen NV u Stichting Achmea Rechtsbijstand, minn F. E. Vermeulen, P. R. van der Vorst u A. I. M. van Mierlo, advocaten,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Wilman u K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE, tat‑22 ta’ Ġunju 1987, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 187).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn AK minn naħa u Achmea Schadeverzekeringen NV u Stichting Achmea Rechtsbijstand (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Achmea”) min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-rifjut minn dawn tal-aħħar li jassumu l-kopertura tal-ispejjeż tal-assistenza legali inkorsi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ lment quddiem organu pubbliku relatata ma’ talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ kura medika speċjali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-ħdax-il premessa tad-Direttiva 87/344 tiddikjara:

“Billi l-interess ta’ persuni li jkollhom il-kopertura ta’ spejjeż legali jfisser li l-persuna assigurata għandha tkun tista’ tagħżel avukat jew persuna oħra kkwalifikata b’mod approprjat skond il-liġi nazzjonali f’xi inkjesta jew proċeduri u kull meta jkun hemm konflitt ta’ interessi.”

4

Skont l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal assigurazzjoni ta’ l-ispejjeż legali. Dan jikkonsisti f’impenn, kontra l-pagament ta’ laġġu [premjum], li jintrefgħu l-ispejjeż ta’ proċeduri legali u li jiġu pprovduti servizzi oħrajn direttament marbuta mal-kopertura ta’ l-assigurazzjoni, partikolarment bl-iskop ta’:

assigurazzjoni ta’ kumpens għat-telf, il-ħsara jew inġurja sofferta mill-persuna assigurata, b’soluzzjoni barra mill-qrati jew permezz ta’ proċeduri ċivili jew kriminali,

difiża jew rappreżentanza tal-persuna assigurata fi proċeduri ċivili, kriminali, amministrattivi jew proċeduri oħrajn fir-rigward ta’ kull pretensjoni magħmula kontra tagħha.”

5

L-Artikolu 3(2), tal-imsemmija direttiva huwa fformulat kif ġej:

“Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji biex jassigura li l-impriżi stabbiliti fit-territorju tiegħu jadottaw, skond l-għażla imposta mill-Istat Membru, jew fl-għażla tagħhom, jekk l-Istat Membru jaqbel, mill-anqas waħda mis-soluzzjonijiet li ġejjin, li huma alternattivi:

a)

l-impriża għandha tassigura li l-ebda membru tal-persunal li hu kkonċernat bl-amministrazzjoni ta’ pretensjonijiet ta’ spejjeż legali jew b’parir legali fir-rigward tagħhom ma jwettaq fl-istess waqt attività simili:

[...]

b)

l-impriża għandha tafda l-amministrazzjoni tal-pretensjonijiet fir-rigward ta’ assigurazzjoni dwar spejjeż legali għal impriża li jkollha personalità ġuridika separata. [...]

ċ)

l-impriża għandha, fil-kuntratt, tagħti lill-persuna assigurata id-dritt li tafda d-difiża ta’ l-interessi tagħha, mill-mument li jkollha d-dritt li tagħmel pretensjoni lill-assiguratur tagħha skond il-polza, lil avukat ta’ l-għażla tagħha jew, sal-limiti li l-liġi nazzjonali tippermetti hekk, lil xi persuna oħra ikkwalifikata b’mod approprjat.”

6

L-Artikolu 4(1) tal-istess direttiva jipprovdi:

“Kull kuntratt ta’ assigurazzjoni ta’ spejjeż legali għandu espressament jirrikonoxxi li:

a)

meta jsir rikors lil avukat jew persuna oħra kkwalifikata kif approprjat skond il-liġi nazzjonali sabiex jiġu difiżi, irrappreżentati jew servuti l-interessi tal-persuna assigurata f’kull inkjesta jew proċedura, dik il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel dan l-avukat jew persuna oħra;

b)

il-persuna assigurata għandha tkun libera li tagħżel avukat jew, jekk tippreferi hekk u sal-limitu li l-liġi nazzjonali tippermetti, kull persuna oħra kkwalifikata kif approprjat [debitament], biex isservi l-interessi tagħha kull meta jkun hemm konflitt ta’ l-interessi.”

Id-dritt Olandiż

7

L-Artikolu 4:67(1) tal-Liġi dwar il-kontroll finanzjarju (Wet op het financieel toezicht) huwa fformulat kif ġej:

“L-assiguratur għall-ispejjeż legali għandu jara li, fil-ftehim dwar il-kopertura tal-ispejjeż legali, jiġi previst b’mod espliċitu li l-persuna assigurata tista’ tagħżel liberament avukat jew professjonist ieħor li huwa awtorizzat legalment jekk:

a.

isir użu minn avukat jew professjonist ieħor li huwa awtorizzat legalment sabiex jiddefendi, jirrappreżenta jew iservi l-interessi tal-persuna assigurata fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi; jew

b.

iqum kunflitt ta’ interessi.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li AK ħa assigurazzjoni għall-ispejjeż legali mingħand Achmea Schadeverzekeringen NV, li fdat il-ġestjoni tal-aċċidenti relatati ma’ din l-assigurazzjoni lil Stichting Achmea Rechtsbijstand.

9

Billi kien qed ibati minn problemi psikiċi u fiżiċi, AK talab, matul ix-xahar ta’ Novembru 2013, liċ-Ċentru għad-determinazzjoni tal-kura li għandha tingħata (Centrum Indicatiestelling Zorg, iktar ’il quddiem is-“CIZ”) awtorizzazzjoni ta’ kura taħt il-Liġi ġenerali dwar l-ispejjeż mediċi speċjali (“Algemene wet bijzondere ziektekosten”).

10

Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2013, is-CIZ ċaħad it-talba ta’ awtorizzazzjoni ta’ kura lil AK. Peress li ddeċieda li jressaq ilment kontra din iċ-ċaħda quddiem is-CIZ, huwa talab lill-kumpanniji Achmea sabiex jassumu l-kopertura tal-ispejjeż li jirriżultaw mill-intervent ta’ avukat tal-għażla tiegħu, speċjalizzat fi kwistjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ kura taħt l-imsemmija liġi.

11

Peress li l-kumpanniji Achmea ċaħdu t-talba għal assunzjoni ta’ kopertura tal-ispejjeż imressqa minn AK, huwa appella quddiem qorti kontra dan ir-rifjut.

12

Il-kawża tressqet quddiem il-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) bil-għan li tiddeċiedi l-kwistjoni dwar jekk l-ilment kontra d-deċiżjoni ta’ rifjut ta’ awtorizzazzjoni ta’ kura tas-CIZ għandhiex tiġi kkwalifikata bħala proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 4:67(1) tal-Liġi dwar il-kontroll finanzjarju, li jittrasponi l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 87/344, u jekk, għalhekk, AK huwiex liberu li jagħżel avukat li l-ispejjeż tiegħu għandhom jiġu koperti mill-kumpanniji Achmea.

13

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li lment jista’ jitressaq quddiem is-CIZ kontra d-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad talba għal awtorizzazzjoni ta’ kura u li d-deċiżjoni meħuda fuq tali lment jista’ jkun suġġett għal rikors quddiem it-tribunal kompetenti kif ukoll għal appell quddiem is-Centrale Raad van Beroep (qorti tal-appell fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tas-servizz pubbliku).

14

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Gerechtshof Amsterdam (qorti tal-appell ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-kunċett ta’ ‘proċedura [proċedura amministrattiva]’ imsemmi fil-parti introduttorja u fis-subparagrafu (a) tal-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 87/344/KEE] għandu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi l-fażi ta’ lment quddiem is-CIZ, li matulha l-persuna li t-talba għal indikazzjoni tagħha tkun inċaħdet mis-CIZ tressaq ilment quddiem l-istess CIZ sabiex titolbu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċedura [proċedura amministrattiva]” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jinkludix il-fażi ta’ lment quddiem organu pubbliku li matulha dan l-organu jagħti deċiżjoni suġġett għal rikorsi ġudizzjarji.

16

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344, kull kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali jirrikonoxxi espressament li, f’kull proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva, meta persuna tirrikorri għal rappreżentant legali sabiex jiġu difiżi, irrappreżentati jew servuti l-interessi tal-persuna assigurata, din il-persuna għandha tkun libera li tagħżel ir-rappreżentant tagħha.

17

B’hekk, mill-formulazzjoni nnifisha tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “proċedura [proċedura amministrattiva]” għandha tinqara’ b’kuntrast ma’ dak ta’ “inkejsta [proċedura ġudizzjarja]”.

18

Interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċedura [proċedura amministrattiva]”, fis-sens tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344, bħal dak mifhum mill-konvenut fil-kawża prinċipali, intiża sabiex tillimita l-portata tiegħu għas-sempliċi proċeduri ġudizzjarji fil-qasam amministrattiv, jiġifieri dawk li jiżvolġu quddiem proprja qorti, intiżi li jivverifikaw il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u li jiffissaw b’mod definittiv is-sitwazzjoni ġuridika tal-persuna kkonċernata, għaldaqstant, ixxejjen mis-sens tagħha l-espressjoni, espressament użata mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea, ta’ “proċedura amministrattiva”.

19

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk id-differenzjar bejn il-fażi preparatorja u l-fażi deċiżjonali ta’ proċedura ġudizzjarja jew amministrattiva seta’ kien suġġett għal diskussjonijiet meta d-Direttiva 87/344 ġiet fis-seħħ, il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(1) tagħha ma tinkludi ebda distinzjoni f’dan ir-rigward, b’tali mod li l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċedura [proċedura amministrattiva]” ma tistax tiġi limitata f’dan is-sens.

20

Fit-tieni lok, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, jeħtieġ, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi St. Nikolaus Brennerei und Likörfabrik, 337/82, EU:C:1984:69, punt 10; VEMW et, C‑17/08, EU:C:2005:362, punt 41; kif ukoll Eschig, C‑199/08, EU:C:2009:538, punt 38).

21

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-għan tad-Direttiva 87/344, u b’mod partikolari tal-Artikolu 4 tagħha, dwar il-libertà tal-għażla tal-avukat jew tar-rappreżentant, huwa li jipproteġi b’mod wiesa’ l-interessi tal-persuni assigurati. Il-portata ġenerali u l-valur obbligatorju li huma rrikonoxxuti lid-dritt li l-persuna assigurata tagħżel l-avukat jew ir-rappreżentant tagħha jipprekludi interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Eschig, C‑199/08, EU:C:2009:538, punti 4547, kif ukoll Sneller, C‑442/12, EU:C:2013:717, punt 24).

22

F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-drittijiet tal-assigurat jinsabu affettwati kemm bid-deċiżjoni inizjali tas‑CIZ kif ukoll b’dik mogħtija fuq l-ilment, sa fejn l-eżami fattwali jseħħ matul din il-fażi amministrattiva u li din tikkostitwixxi l-bażi deċiżjonali fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja amministrattiva konsekuttiva.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa paċifiku li l-assigurat għandu bżonn ta’ kopertura tal-ispejjeż legali waqt proċedura li tikkostitwixxi l-preludju indispensabbli għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti amministrattiva.

24

Interpretazzjoni bħal din ma hijiex tali li titqiegħed inkwistjoni mill-argument tal-konvenuti fil-kawża prinċipali, li interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt għall-libertà ta’ għażla ta’ avukat jew ta’ rappreżentant twassal sabiex kull assigurazzjoni għall-ispejjeż legali tinbidel f’assigurazzjoni bbażata fuq il-prinċipju tal-“kopertura tal-ispejjeż”, fis-sens tal-Artikolu 3(2)(ċ) tad-Direttiva 87/344. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri previsti fl-Artikolu 3(2)(a) u (b) tad-Direttiva 87/344 iżommu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom anki fil-każ fejn dritt awtonomu tal-persuna assigurata għall-ispejjeż legali li tagħżel liberament lir-rappreżentant tagħha jinsilet mill-Artikolu 4(1)(a) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eschig, C‑199/08, EU:C:2009:538, punt 49).

25

Barra minn hekk, fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji eventwali fuq is-sistemi ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, għandu jitfakkar li, anki li kieku kellu jitqies li tali konsegwenzi finanzjarji jistgħu jirriżultaw, huma ma jistgħux iwasslu għal interpretazzjoni restrittiva tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344. Fil-fatt, id-Direttiva 87/344 ma hijiex intiża għal armonizzazzjoni kompleta tar-regoli applikabbli għall-kuntratti ta’ assigurazzjoni għall-ispejjeż legali u l-Istati Membri jibqgħu liberi, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, sabiex jiddeterminaw ir-regoli applikabbli għall-imsemmija kuntratti, sa fejn is-sustanza tal-prinċipji previsti minn din id-direttiva tibqa’ valida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stark, C‑293/10, EU:C:2011:355, punt 31). B’hekk, l-eżerċizzju tad-dritt tal-persuna assigurata li tagħżel liberament ir-rappreżentant tagħha ma jeskludix li, f’ċerti każijiet, jistgħu jsiru limitazzjonijiet fuq l-ispejjeż sostnuti mill-assiguraturi (ara s-sentenza Sneller, C‑442/12, EU:C:2013:717, punt 26).

26

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 87/344 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċedura [proċedura amministrattiva]” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jinkludi l-fażi ta’ lment quddiem organu pubbliku li matulha dan l-organu jagħti deċiżjoni suġġetta għal rikorsi ġudizzjarji.

Fuq l-ispejjeż

27

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas‑sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 87/344, tat‑22 ta’ Ġunju 1987, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “proċedura [proċedura amministrattiva]” imsemmi f’din id-dispożizzjoni jinkludi l-fażi ta’ lment quddiem organu pubbliku li matulha dan l-organu jagħti deċiżjoni suġġetta għal rikorsi ġudizzjarji.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

( i ) L-ismijiet li jidhru fl-okkju, fit-titolu, kif ukoll fil-punti fil-punti 2, 8, 9, 10 , 11 u 12 ġew issostitwiti b’ittri b’riżultat ta’ talba għall-anonimizzazzjoni.

Top