Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0734

    Kawża T-734/14: Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ottubru 2014 – VTB Bank vs Il-Kunsill

    ĠU C 16, 19.1.2015, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    19.1.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 16/43


    Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ottubru 2014 – VTB Bank vs Il-Kunsill

    (Kawża T-734/14)

    (2015/C 016/67)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: VTB Bank OAO (Saint Petersburg, ir-Russja) (rappreżentanti: M. Lester, Barrister, C. Claypoole, Solicitor, u J. Ruiz Calzado, avukat)

    Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    Talbiet

    tannulla, skont l-Artikolu 263 TFEU, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK tal-31 ta’ Lulju 2014 (1), ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014 tal-31 ta’ Lulju 2014 (2), id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK tat-8 ta’ Settembru 2014 (3) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014 tat-8 ta’ Settembru 2014 (4), sa fejn dawn japplikaw għar-rikorrenti;

    tiddikjara illegali/inapplikabbli, skont l-Artikolu 277 TFUE, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, l-Artikolu 5 tar-Regolament 833/2014, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK u l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 960/2014.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

    1.

    L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill naqas milli jagħti motivazzjoni xierqa u suffiċjenti għall-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 833/2014, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 960/2014 (l-“atti kkontestati”). Il-Kunsill huwa obbligat jagħti r-raġunijiet speċifiċi għall-inklużjoni ta’ entità partikolari fil-miżuri restrittivi inkwistjoni. Il-Kunsill naqas milli jagħti raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu li japplika l-atti kkontestati għar-rikorrenti, jew alternattivament naqas milli jipprovdi motivazzjoni suffiċjenti/xierqa jew ukoll li jinnotifika lir-rikorrenti bl-inklużjoni tagħha, u għalhekk ma osservax dan l-obbligu.

    2.

    It-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill manifestament żbalja meta kkunsidra li l-kriterji tal-inklużjoni fil-listi tal-atti kkontestati kienu ssodisfatti fir-rigward tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ma hijiex amministrata mill-Istat Russu u ma għandhiex “mandat espliċitu sabiex tippromwovi l-kompetittività tal-ekonomija Russa u d-diversifikazzjoni tagħha u sabiex tinkoraġġixxi l-investimenti tagħha”.

    3.

    It-tielet motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill naqas milli jissalvagwardja d-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti u protezzjoni ġudizzjarja effettiva għaliha. In-nuqqas tal-Kunsill li jinnotifika lir-rikorrenti bl-inklużjoni tagħha fil-listi tal-atti kkontestati, jew li jipprovdi raġunijiet għall-inklużjoni tar-rikorrenti, jew kwalunkwe prova insostenn, jew li jagħtiha l-possibbiltà li tagħmel osservazzjonijiet bi tweġiba, jikser id-drittijiet ta’ difiża tar-rikorrenti u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva minn din il-qorti.

    4.

    Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kunsill kiser, mingħajr ġustifikazzjoni jew proporzjon, id-drittijiet fundamentali tar-rikorrenti, inkluż id-dritt tagħha għall-protezzjoni tal-proprjetà, in-negozju u r-reputazzjoni tagħha. B’mod partikolari, l-inklużjoni tar-rikorrenti fil-listi tal-atti kkontestati tammonta għal restrizzjoni inġustifikata u sproporzjonata għad-dritt tar-rikorrenti għat-tgawdija fil-paċi u l-użu tal-proprjetà tagħha ggarantit mill-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mill-Artikolu 1 tal-Ewwel Protokoll tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem, u għar-reputazzjoni tagħha.

    5.

    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ illegalità, l-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/512/PESK, l-Artikolu 5 tar-Regolament 833/2014, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/659/PESK u l-Artikolu 1(5) tar-Regolament 960/2014 huma illegali minħabba li ma humiex neċessarji jew proporzjonati għall-għanijiet li jidher li l-atti kkontestati huma intiżi li jilħqu, jiġifieri li ssir pressjoni fuq il-Gvern tar-Russja sabiex jibdel il-politika tiegħu fir-rigward tal-Ukraina.

    6.

    Fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ illegalità, it-tieni motiv huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-atti kkontestati jiksru l-obbligi tal-Unjoni Ewropea taħt id-dritt Internazzjonali, inklużi l-obbligi tal-Unjoni Ewropea taħt l-Artikolu II(1), l-Artikolu XVI u l-Artikolu XVII tal-GATS, u numru ta’ dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Federazzjoni Russa. Barra minn hekk, l-atti kkontestati wasslu għall-ksur mill-Istati Membri tal-obbligi tagħhom taħt it-Trattati ta’ Ħbiberija, ta’ Kummerċ u ta’ Navigazzjoni u trattati simili.


    (1)  ĠU L 229, 31.7.2014, p. 13.

    (2)  ĠU L 229, 31.7.2014, p. 1.

    (3)  ĠU L 271, 12.9.2014, p. 54.

    (4)  ĠU L 271, 12.9.2014, p. 3.


    Top