Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62013TN0533

    Kawża T-533/13: Rikors ippreżentat fit- 3 ta’ Ottubru 2013 — Il-Litwanja vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 359, 7.12.2013, p. 17–18 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    7.12.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 359/17


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Ottubru 2013 — Il-Litwanja vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-533/13)

    2013/C 359/34

    Lingwa tal-kawża: il-Litwan

    Partijiet

    Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: D. Kriaučiūnas, R. Krasuckaitė u A. Karbauskas)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla l-Artikolu 1(4) tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2013) 4487 finali, tad-19 ta’ Lulju 2013, li tawtorizza l-għoti tal-għajnuna nazzjonali tranżitorja fil-Litwanja għas-sena 2013 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni kkontestata”)

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 39 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE, u tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

    Billi adottat l-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni wettqet ksur tal-Artikolu 39 TFUE, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 40(2) TFUE, peress li hija ma żammitx mal-għanijiet tal-politika agrikola komuni speċifikati fit-Trattat FUE (b’mod partikolari fl-Artikolu 39(1)(b) TFUE) u mal-kriterji tal-politika agrikola komuni, u kisret ukoll il-prinċpju ta’ nondiskriminazzjoni.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 73/2009

    Billi adottat l-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata mingħajr bażi legali, il-Kummissjoni kisret ir-Regolament Nru 73/2009 (1), peress li applikat l-Artikolu 10a(4) ta’ dak ir-regolament b’mod inkorrett.

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni

    Billi adottat l-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni, peress li hija evalwat il-livelli tal-pagamenti diretti tal-Istati Membri l-antiki u dawk ġodda b’mod żbaljat fl-2012 u bbażat il-kalkolu tal-għajnuna nazzjonali tranżitorja mogħtija fuq evalwazzjoni żbaljata ta’ dak it-tip.

    (4)

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazjoni tajba

    Billi adottat l-Artikolu 1(4) tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, peress li hija ma kkonformatx mad-dmir li tieħu bħala bażi l-informazzjoni l-ġdida pprovduta mir-Repubblika tal-Litwanja dwar il-livelli ta’ pagamenti diretti fl-Istati Membri u ma evalwatx l-importanza attwali ta’ pagamenti diretti għall-irziezet Litwani.


    (1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad-19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16, rettifika f’ĠU L 43, p. 7).


    Top