EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CN0045

Kawża C-45/09: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Hamburg (il-Ġermanja) fit- 2 ta’ Frar 2009 – Gisela Rosenbladt vs Oellerking Gebäudereinigungsges.mbH

ĠU C 102, 1.5.2009, p. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

1.5.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 102/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Arbeitsgericht Hamburg (il-Ġermanja) fit-2 ta’ Frar 2009 – Gisela Rosenbladt vs Oellerking Gebäudereinigungsges.mbH

(Kawża C-45/09)

2009/C 102/14

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Arbeitsgericht Hamburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Gisela Rosenbladt

Konvenuta: Oellerking Gebäudereinigungsges.mbH

Domandi preliminari

1)

Wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi ġenerali dwar it-trattament ugwali (Allgemeines Gleichbehandlungsgesetz, AGG), dispożizzjonijiet ta’ ftehim kollettiv, li jagħmlu distinzjoni bbażata fuq l-età mingħajr ma l-imsemmija liġi tawtorizza dan b’mod espliċitu (kif kienet tagħmel qabel fil-punt 7 tat-tielet sentenza tal-Artikolu 10 tagħha), huma kompatibbli mal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol?

2)

Leġiżlazzjoni nazzjonali, li tawtorizza lill-Istat, lill-imsieħba soċjali partijiet fi ftehim kollettiv u lill-partijiet f’kuntratt individwali ta’ xogħol li jipprovdu għat-terminazzjoni awtomatika tar-relazzjoni ta’ xogħol meta l-persuna kkonċernata tilħaq età speċifika (f’dan il-każ, 65 sena) tikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva 2000/78 meta, fl-Istat Membru kkonċernat, klawżoli f’dan is-sens ġew applikati, b’mod kostanti, għal għexieren ta’ snin u għadhom jiġu applikati għar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ kważi l-impjegati kollha, indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew demografika u mis-sitwazzjoni prevalenti fil-fatt fis-suq tax-xogħol?

3)

Ftehim kollettiv, li jawtorizza lil min iħaddem li jtemm relazzjoni ta’ xogħol meta l-persuna kkonċernata tilħaq età speċifika (f’dan il-każ, 65 sena), jikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva 2000/78 meta, fl-Istat Membru kkonċernat, klawżoli f’dan is-sens ġew applikati, b’mod kostanti, għal għexieren ta’ snin u għadhom jiġu applikati għar-relazzjoni ta’ xogħol ta’ kważi l-impjegati kollha, indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew demografija u mis-sitwazzjoni prevalenti fil-fatt fis-suq tax-xogħol?

4)

L-Istat li jiddikjara ta’ applikazzjoni ġenerali ftehim kollettiv li jawtorizza lil min iħaddem li jtemm ir-relazzjoni ta’ xogħol meta l-persuna kkonċernata tilħaq età speċifika (f’dan il-każ, 65 sena) u li jżomm din l-applikazzjoni ġenerali, jikser il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età stabbilita mill-Artikoli 1 u 2(1) tad-Direttiva 2000/78 meta huwa jagħmel dan indipendentement mis-sitwazzjoni ekonomika, soċjali jew demografija u mis-sitwazzjoni effettiva fis-suq tax-xogħol?


Top