EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007TN0369

Kawża T-369/07: Rikors ippreżentat fis- 26 ta' Settembru 2007 — Il-Latvja vs Il-Kummissjoni

ĠU C 269, 10.11.2007, p. 66–67 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.11.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

C 269/66


Rikors ippreżentat fis-26 ta' Settembru 2007 — Il-Latvja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-369/07)

(2007/C 269/121)

Lingwa tar-rikors: il-Latvjan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Latvja (rappreżentanti: E. Balode-Buraka, K. Bārdiņa)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)3409 tat-13 ta' Lulju 2007 dwar l-emenda tal-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra li l-Latvja nnotifikat skond l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C/2006/5612 tad-29 ta' Novembru 2006 (test finali) dwar il-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, li l-Latvja kienet innotifikat skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE (1)

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, u

tiddeċiedi r-rikors permezz tal-proċedura mħaffa.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti, ir-Repubblika tal-Latvja, tikkunsidra li, billi interpretat b'mod wiesa' ħafna l-prerogattivi li huma mogħtija lilha permezz ta' l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-Kummissjoni llimitat, b'mod konsiderevoli, id-drittijiet sovrani tagħha fil-qasam ta' l-enerġija, jiġifieri fl-għażla tal-fonti ta' enerġija u tal-provvista ta' elettriku tagħha, u b'hekk kisret il-kompetenza stabbilita fl-Artikolu 175(2)(ċ) tat-Trattat KE.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni peress li l-applikazzjoni tal-metodu ta' kalkolu użat minnha sabiex jiġi ddeterminat il-volum totali ta' kwoti ta' emissjonijiet awtorizzati ma tiżvantaġġa lill-Istati Membri li l-emissjonijiet totali tagħhom huma baxxi.

Ir-rikorrenti tikkunsidra wkoll li nkiser l-ewwel kriterju ta' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE peress li l-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni tagħha mingħajr ma ħadet in kunsiderazzjoni l-obbligi internazzjonali li l-Protokoll ta' Kyoto jimponi fuq ir-Repubblika tal-Latvja.

Fl-aħħar nett, id-deċiżjoni ttieħdet bi ksur tal-ħtiġijiet proċedurali mandatorji, billi t-terminu stabbilit fl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE għar-rifjut tal-pjan ma ġiex irrispettat.


(1)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE tat-13 ta'Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU L 295 tal-25.10.2003, p. 32).


Top