Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0651

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Rapport tal-2023 dwar is-Sussidji għall-Enerġija fl-UE

    COM/2023/651 final

    Brussell, 24.10.2023

    COM(2023) 651 final

    RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    Rapport tal-2023 dwar is-Sussidji għall-Enerġija fl-UE


    Rapport tal-Kummissjoni dwar is-sussidji għall-enerġija fl-UE

    Introduzzjoni u sejbiet ewlenin

    L-Unjoni Ewropea hija impenjata bis-sħiħ biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha ta’ gassijiet serra (GHG) b’mill-anqas 55 % (meta mqabbla mal-1990) sal-2030 u biex issir newtrali għall-klima sal-2050. Is-sussidji u l-inċentivi ekonomiċi u legali oħrajn se jkollhom rwol essenzjali: (i) fl-aċċellerazzjoni tal-varar ta’ soluzzjonijiet ta’ enerġija nadifa u effiċjenti fl-użu tal-enerġija; u (ii) fit-tnaqqis tal-użu tal-fjuwils fossili. Is-sussidji jista’ jkollhom skopijiet ekonomiċi, ambjentali jew ta’ benessri soċjali. Jekk ma jkunux imfassla tajjeb, is-sussidji jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni, jaġixxu kontra t-tranżizzjoni enerġetika u jnaqqsu s-sinjal tal-prezz tal-karbonju. L-UE hija impenjata b’mod attiv biex tneħħi gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili wkoll bħala parti mill-impenji internazzjonali tal-UE magħmula fil-kuntest tal-G20 u fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ 1 . Ir-rapport kurrenti huwa r-raba’ rapport annwali li jimmonitorja s-sussidji għall-enerġija u l-progress lejn it-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili, kif stabbilit mir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-Azzjoni Klimatika 2 .

    Il-kriżi tal-enerġija li bdiet fl-2021, u li ġiet aggravata mill-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna fl-2022, kellha konsegwenzi sinifikanti għas-sussidji relatati mal-enerġija. Dawn il-konsegwenzi jistgħu jidhru: (i) fl-ammont ta’ dawn is-sussidji; (ii) fid-distribuzzjoni ta’ dawn is-sussidji fost it-teknoloġiji u l-benefiċjarji; u (iii) fl-istrumenti użati biex jipprovdu dawn is-sussidji. L-użu tal-provvisti tal-enerġiji bħala arma mir-Russja u t-tnaqqis progressiv fil-provvisti tal-gass Russi kienu jirrikjedu rispons politiku b’saħħtu tal-UE, inklużi miżuri għal żmien qasir biex tiġi żgurata l-affordabbiltà tal-enerġija għall-konsumaturi u l-industriji vulnerabbli madwar l-Ewropa kollha.

    Ir-riżultati ta’ dan l-istudju jikkonfermaw li s-sussidji għall-enerġija segwew xejra ta’ żieda gradwali sal-2021, u żdiedu b’mod drammatiku fl-2022. Is-sussidji totali għall-enerġija fl-UE żdiedu minn EUR 177 biljun fl-2015 għal EUR 216-il biljun fl-2021, biex laħqu madwar EUR 390 biljun fl-2022.

    Ix-xejra tat-tnaqqis fis-sussidji għall-fjuwils fossili kompliet sal-2021, meta kienu EUR 56 biljun, qabel ma żdiedu b’mod rapidu għal madwar EUR 123 biljun fl-2022 b’rispons għall-kriżi. Is-sussidji għall-enerġija rinnovabbli naqsu għal EUR 86 biljun fl-2021 - l-ewwel darba mill-2015 - u fl-2022 żdiedu biss bi ftit biex jammontaw għal EUR 87 biljun . Dan kien dovut għal prezzijiet għoljin fis-suq tal-elettriku bl-ingrossa li naqqsu l-ammonti ta’ sussidju mħallsa fil-qafas ta’ strumenti ta’ appoġġ dinamiċi. Min-naħa l-oħra, l-appoġġ għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika żdied minn EUR 22 biljun fl-2021 għal EUR 32 biljun sal-2022. L-appoġġ għall-forom l-oħrajn kollha ta’ enerġija, inkluż l-elettriku bħala vettur u dik nukleari ammonta għal EUR 180 biljun fl-2022.

    Fil-perjodu 2021-2022, is-sussidji għall-enerġija relatati ma’ miżuri nazzjonali ġodda għall-protezzjoni tal-konsumaturi tal-UE kontra prezzijiet għoljin ammontaw għal madwar EUR 195 biljun. Fl-UE kollha, ġew introdotti mill-anqas 230 miżura nazzjonali temporanja biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija. L-unitajiet domestiċi kienu l-benefiċjarji diretti ewlenin ta’ dawn il-miżuri ta’ appoġġ (EUR 58 biljun), segwiti mill-konsumaturi kummerċjali u industrijali (EUR 45 biljun) u mit-trasport bit-triq (EUR 23 biljun). L-appoġġ transsettorjali kien ta’ EUR 69 biljun.

    L-2022 kienet l-ewwel sena li, bħala parti mir-rapporti nazzjonali integrati tagħhom dwar il-progress fl-enerġija u fil-klima, l-Istati Membri kellhom jirrapportaw dwar il-progress li kienu għamlu lejn it-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-enerġija, b’mod partikolari għall-fjuwils fossili. Barra minn hekk, dan ir-rapport jinkludi taqsima ġdida li tivvaluta l-impatt ambjentali tas-sussidji għall-fjuwils fossili.

    Dan ir-rapport jibbaża fuq data minn studju estern 3 imwettaq għall-Kummissjoni bl-użu ta’ metodoloġija aċċettata internazzjonalment. Xi data tal-2022 ma kinitx kompletament disponibbli jew ivvalidata fiż-żmien meta tlesta l-istudju (Awwissu 2023), għalhekk iċ-ċifri tal-2022 jistgħu jiddependu fuq tekniki ta’ mitigazzjoni tad-diskrepanza fid-data 4 . Bħal f’edizzjonijiet preċedenti, l-Istati Membri ngħataw l-opportunità li jipprovdu feedback dwar id-data użata għall-istudju.

    1.Xejriet ta’ sussidji fuq l-enerġija fl-UE

    Is-sussidji f’dan ir-rapport huma ddefiniti skont il-metodoloġija stabbilita mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) 5 , li ntużat fl-istudju ta’ appoġġ tal-Kummissjoni 6 u fl-edizzjonijiet preċedenti ta’ dan ir-rapport. Din il-metodoloġija tiddefinixxi s-sussidji bħala miżuri tal-gvern li jaqgħu f’waħda mill-erba’ kategoriji li ġejjin: (i) trasferimenti diretti tal-fondi; (ii) dħul tal-gvern (taxxa) li nkella jintilef (ma jinġabarx); (iii) gvernijiet li jipprovdu oġġetti u servizzi jew jixtru oġġetti; u (iv) appoġġ għall-prezzijiet u għall-introjtu.

    Ir-rapport jeżamina wkoll diversi karatteristiċi tas-sussidji: (i) l-għan li jfittxu li jippromwovu (produzzjoni, konsum/domanda, infrastruttura jew effiċjenza enerġetika); (ii) it-tip ta’ fjuwil li jippromwovu (fjuwils fossili, enerġija rinnovabbli, nukleari); (iii) is-setturi ekonomiċi li jirċievu s-sussidju (is-settur tal-enerġija, tat-trasport, tal-industrija, tal-agrikoltura 7 , residenzjali, tas-servizzi, eċċ.); jew (iv) jekk humiex ta’ ħsara jew ta’ benefiċċju għall-ambjent.

    1.1Total tas-sussidji għall-enerġija fl-UE

    L-ammont totali ta’ sussidji għall-enerġija fl-EU-27 (Illustrazzjoni 1) huwa stmat għal EUR 390 biljun fl-2022 (+80 % meta mqabbel mal-EUR 216-il biljun 8 fl-2021).

    L-irkupru ekonomiku fl-2021 għamel pressjoni ’l fuq, fuq il-prezzijiet tal-enerġija u għaldaqstant fuq is-sussidji. Is-sussidji għall-enerġija diġà żdiedu minn EUR 200 biljun fl-2020 għal EUR 216-il biljun fl-2021. Id-data stmata tal-2022 turi li minħabba l-impatt tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri, is-sussidji żdiedu b’mod drammatiku biex laħqu EUR 390 biljun fl-2022. B’rispons għall-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija, inħolqu jew ġew estiżi mill-anqas 230 miżura ta’ sussidju temporanju fl-Istati Membri fl-UE kollha biex jittaffa l-impatt ta’ prezzijiet għoljin u volatili.

    Illustrazzjoni 1: Sussidji totali għall-enerġija fl-EU-27 (2015-2022; EUR2022bn)  9 10

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023. NB: l-istimi tal-2022 huma rrappreżentati bil-hatching

    L-appoġġ għas-sussidju evolva b’mod differenti fost it-teknoloġiji fl-2022. Is-sussidji għall-elettriku 11 żdiedu bi tliet darbiet, filwaqt li s-sussidji ġenerali għall-fjuwils fossili rduppjaw fl-2022 meta mqabbla mal-2021. Is-sussidji li jappoġġaw l-enerġiji kollha 12 (eżempju permezz ta’ appoġġ għall-introjtu 13 ) kienu 2,4 drabi ogħla fl-2022 milli fl-2021. Filwaqt li l-appoġġ għall-enerġija rinnovabbli baqa’ bejn wieħed u ieħor l-istess fl-2022 bħal fl-2020-2021, l-appoġġ għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika żdied b’40 % f’dan il-perjodu, prinċipalment minħabba l-appoġġ għar-rinnovazzjonijiet tal-enerġija pprovduti bħala parti mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).

    Illustrazzjoni 2: Sussidji skont is-sors ewlieni tal-enerġija/il-vettur tal-enerġija fl-EU-27 (EUR2022bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023. NB: l-istimi tal-2022 huma rrappreżentati bil-hatching

    Is-sussidji għall-enerġija fl-2022 tqassmu (Illustrazzjoni 3) primarjament permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għall-introjtu/għall-prezz (38 %), miżuri ta’ tnaqqis tat-taxxa (35 %) u trasferimenti diretti (25 %). Fl-2022, il-fjuwils fossili kienu jirrappreżentaw l-akbar sehem mis-sussidji totali (31 %), filwaqt li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli rċevew biss 22 % tas-sussidji għall-enerġija fl-2022, tnaqqis minn 40 % fl-2021.

    Illustrazzjoni 3: Distribuzzjoni tas-sussidji skont l-istrument (2022, %)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023

    1.2Sussidji skont is-sors tal-enerġija

    Fl-2021, is-sussidji għall-fjuwils fossili naqsu għal EUR 56 biljun, u komplew ix-xejra stabbli ta’ tnaqqis osservata mill-2018 14 (Illustrazzjoni 4). It-tnaqqis kien prinċipalment dovut għal tnaqqis kbir (EUR 2 biljun) fis-sussidji lill-industrija tal-enerġija 15 . Din ix-xejra ’l isfel ġiet imfixkla fl-2022 bħala konsegwenza diretta tar-rispons Ewropew għall-kriżi tal-enerġija. Il-miżuri ta’ sussidju kienu waħda mill-għodod primarji biex jiġu miġġielda l-effetti tal-prezzijiet għoljin tal-enerġija fuq il-kost tal-għajxien u fuq il-kostijiet tal-produzzjoni tal-industriji Ewropej.

    B’riżultat ta’ dan, is-sussidji għall-fjuwils fossili huma stmati li żdiedu b’aktar mid-doppju bejn l-2021 u l-2022 (minn EUR 56 biljun għal EUR 123 biljun). Din iż-żieda tirrifletti: (i) l-appoġġ ħafna akbar li issa jirċievu l-unitajiet domestiċi (+500 %); (ii) żieda fis-sussidji għas-settur tat-trasport u għall-industrija tal-enerġija (+150 % u +280 % rispettivament); u (iii) miżuri transsettorjali oħrajn (+770 % pereżempju permezz ta’, rati tal-VAT aktar baxxi). L-appoġġ dirett għall-industrija u l-agrikoltura baqa’ stabbli jew żdied biss bi ftit bejn l-2021 u l-2022.

    Illustrazzjoni 4: Sussidji għall-fjuwils fossili fl-EU-27 skont is-settur ekonomiku (EUR2022bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023. NB: l-istimi tal-2022 huma rrappreżentati bil-hatching

    Il-biċċa l-kbira tas-sussidji għall-fjuwils fossili allokati fl-EU-27 mill-2015 kienu maħsuba biex jappoġġaw id-domanda għall-enerġija tal-konsumaturi, pereżempju billi jillimitaw il-kostijiet tal-konsum tal-enerġija permezz ta’ rati ta’ taxxa aktar baxxi fuq il-prodotti tal-enerġija. Is-sehem ta’ dawn il-miżuri tad-domanda għall-enerġija żdied minn 67 % fl-2015 għal 74 % sal-2021 u l-istimi jissuġġerixxu li se jkunu żdiedu għal 83 % tas-sussidji għall-fjuwils fossili fl-2022. Is-sussidji għall-fjuwils fossili kellhom l-għan li jappoġġaw il-produzzjoni tal-elettriku li tvarja bejn 20 % u 30 % mill-2015, u huma stmati li naqsu għal 10 % tas-sussidji kollha għall-fjuwils fossili fl-2022. Is-sussidji speċifikament maħsuba lejn l-estrazzjoni tal-fjuwils fossili u l-appoġġ għall-infrastruttura rċevew EUR 13-il biljun u EUR 6 biljun, rispettivament; filwaqt li r-ristrutturar tal-industrija tal-enerġija (bħall-appoġġ għall-għeluq tal-impjanti jew tal-minjieri tal-enerġija tal-faħam/linjite) kien jirrappreżenta sehem żgħir u li qed jonqos mis-sussidji totali għall-fjuwils fossili (3,4 % jew EUR 1,7 biljun) fl-2021.

    Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-appoġġ għall-fjuwils fossili mar għall-prodotti taż-żejt u taż-żejt raffinat (EUR 56 biljun) fl-2022 (Illustrazzjoni 5), is-sussidji mmirati lejn il-gass naturali ttriplaw mill-2021 sal-2022 u laħqu EUR 46 biljun. L-appoġġ għall-faħam u l-linjite baqa’ EUR 8 biljun kif kien, filwaqt li t-tipi l-oħrajn kollha ta’ fossili, inkluż il-pit, irċevew EUR 13-il biljun.

    Illustrazzjoni 5: Sussidji għall-fjuwils fossili skont it-tip ta’ fjuwil

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023.

    Fl-2021 kienet l-ewwel darba li s-sussidji għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli naqsu f’diversi snin (Illustrazzjoni 6) għal EUR 86 biljun (-EUR 1,3 biljun jew -1,5 % meta mqabbla mal-2020). Dan it-tnaqqis kien prinċipalment dovut għaż-żieda fil-prezzijiet tas-suq tal-elettriku bl-ingrossa, li wasslet għal tnaqqis fil-pagamenti ta’ strumenti ta’ appoġġ li jipprovdu żieda fil-prezzijiet tas-suq. It-tnaqqis fis-sussidji għall-enerġija rinnovabbli daħal fis-seħħ ukoll minkejja ż-żieda fil-kapaċità tal-ġenerazzjoni tal-RES installata u appoġġata. Fl-2022, is-sussidji għall-RES żdiedu biss bi ftit biex jammontaw għal EUR 87 biljun, u kienu taħt il-livell ta’ sussidji għall-fjuwils fossili għall-ewwel darba mill-2015 16 .

    Fl-2022, l-istrument tipiku biex jiġu pprovduti sussidji għall-RES kompla jkun l-appoġġ għall-introjtu/prezz (EUR 57 biljun, 65 % tas-sussidji kollha għall-RES) pereżempju permezz ta’ miżuri bħal tariffi feed-in u premiums feed-in (FiT/FiP) jew kwoti tal-RES b’ċertifikati kummerċjabbli. It-trasferimenti diretti (prinċipalment l-għotjiet) żdiedu b’mod sinifikanti biex laħqu EUR 8 biljun fl-2021 (EUR 5 biljun aktar milli fl-2020) u EUR 9 biljun fl-2022. Din iż-żieda kienet dovuta l-aktar għall-appoġġ għall-produzzjoni tal-RES u għall-infrastruttura tal-elettriku inklużi fil-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istati Membri, kif ukoll għal aktar appoġġ għat-tisħiħ tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika fit-tisħin u t-tkessiħ.

    Illustrazzjoni 6: Sussidji għall-enerġija rinnovabbli skont l-istrument (2015-2022; EUR2022bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023. NB: l-istimi tal-2022 huma rrappreżentati bil-hatching

    L-appoġġ għat-teknoloġiji rinnovabbli jvarja b’mod sinifikanti madwar l-UE (Illustrazzjoni 7), u dan jirrifletti l-prijoritajiet nazzjonali u l-potenzjal tal-RES. Fl-Istati Membri kollha, l-enerġija solari (kemm il-PV solari kif ukoll is-solari kkonċentrata) irċeviet l-aktar sussidji fl-2022 (EUR 25 biljun), segwita mill-enerġija mir-riħ u mill-bijomassa (EUR 15-il biljun kull wieħed). L-enerġija idroelettrika rċeviet l-anqas appoġġ finanzjarju (EUR 1.5 biljun fl-2022). Is-sussidji mhux immirati lejn xi teknoloġija rinnovabbli partikolari ntużaw ukoll b’mod wiesa’ (EUR 24 biljun).

    Illustrazzjoni 7: Is-sehem tas-sussidji għall-RES skont it-teknoloġija għal Stat Membru magħżul (2021; EUR2022bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023

    Is-sussidji għall-effiċjenza enerġetika (Illustrazzjoni 8) żdiedu mill-2015 u sal-2022 kienu laħqu EUR 30 biljun (EUR 8 biljun aktar mill-2021). L-għotjiet kienu partikolarment sinifikanti bħala strument ta’ appoġġ, li jammonta għal aktar minn 50 % tas-sussidji kollha għall-effiċjenza enerġetika fl-2022. Bejn l-2021 u l-2022, l-għotjiet għall-effiċjenza enerġetika espandew b’mod parallel mal-implimentazzjoni tal-investimenti fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, segwiti mill-infiq fuq it-taxxa, mis-self b’rata baxxa u mill-obbligi tal-effiċjenza enerġetika (23 %, 20 % u 6 % tas-sussidji għall-effiċjenza enerġetika, rispettivament).

    Illustrazzjoni 8: Appoġġ għall-istrumenti tal-effiċjenza enerġetika (2022; EUR2022bn

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023

    Is-sussidji għall-enerġija nukleari żdiedu minn EUR 4,3 biljun fl-2015 għal EUR 7,6 biljun fl-2021 u mbagħad naqsu għal EUR 4,2 biljun fl-2022. Dan it-tnaqqis f’daqqa kien dovut: (i) għat-tnaqqis fil-volum tal-mekkaniżmi tas-suq tal-kapaċità (fi Franza, fil-Ġermanja u fl-Italja); (ii) għad-disponibbiltà baxxa tal-flotta nukleari fi Franza; kif ukoll (iii) għall-pagamenti assoċjati mad-deċiżjoni Ġermaniża li jingħalqu tliet impjanti nukleari fl-aħħar tal-2021. Fl-2022, Franza (EUR 2,3 biljun) u l-Ġermanja (EUR 1,1 biljun) kienu responsabbli għall-biċċa l-kbira tas-sussidji nukleari fl-UE.

    1.3Sussidji skont l-iskop ekonomiku

    Għalkemm l-ammont totali ta’ sussidji għall-enerġija għas-sena 2022 kważi rdoppja meta mqabbel mal-2021, kien hemm differenza sinifikanti fil-kategoriji li kienu jirrappreżentaw dan it-tkabbir skont l-iskop ekonomiku tas-sussidju (Illustrazzjoni 9).

    Illustrazzjoni 916: Sussidji għall-enerġija skont l-iskop ekonomiku (2015-2022; EUR2022bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023. NB: l-istimi tal-2022 huma rrappreżentati bil-hatching

    L-appoġġ finanzjarju maħsub lejn id-domanda għall-enerġija 17 ttrippla fl-2022 meta mqabbel mal-2021, u laħaq EUR 247 biljun. Fl-istess perjodu, l-appoġġ għall-miżuri tal-effiċjenza enerġetika żdied b’50 % (minn EUR 21,8 għal EUR 32 biljun), is-sussidji għall-iżvilupp tal-infrastruttura żdiedu b’250 % (minn EUR 4,9 biljun għal EUR 12-il biljun), filwaqt li l-appoġġ għar-ristrutturar tal-industrija tal-enerġija u l-produzzjoni tal-enerġija naqsu bi 33 % u b’7 %, rispettivament.

    Is-sussidji għad-domanda għall-enerġija jinkludu miżuri ta’ appoġġ immirati jew ġeneriċi mmirati biex jillimitaw il-kostijiet tal-konsum tal-enerġija f’diversi setturi ekonomiċi. Dawn il-miżuri jistgħu jiġu implimentati permezz ta’ mekkaniżmi bħal tnaqqis jew rifużjonijiet tat-taxxa, u jindirizzaw firxa wiesgħa ta’ setturi ekonomiċi, minn industriji intensivi fl‑enerġija sal-unitajiet domestiċi. Dawn it-tipi ta’ sussidji għandhom fil-mira tagħhom it-tipi kollha ta’ enerġija inklużi l-enerġija rinnovabbli, il-fjuwils fossili, l-elettriku u s-sħana, irrispettivament mill-oriġini tagħhom.

    Sal-2020, l-appoġġ ġenerali għas-sussidji għad-domanda għall-enerġija żdied għal EUR 70 biljun (Illustrazzjoni 10), u żdied b’17 % fl-2021. Dan l-appoġġ imbagħad ġie stmat li ttrippla bejn l-2021 u l-2022 biex jilħaq EUR 247 biljun 18 . Din kienet il-konsegwenza diretta tal-kriżi tal-għoli tal-ħajja u tal-użu tal-provvisti tal-gass bħala arma mir-Russja u hija fil-biċċa l-kbira relatata ma’ miżuri ta’ appoġġ għall-politika li ġew stabbiliti mill-gvernijiet sa mill-aħħar tal-2021 u msaħħa aktar fl-2022.

    Illustrazzjoni 10 Sussidji li jappoġġaw id-domanda għall-enerġija skont l-istrument (2015-2022; EUR2022bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023. NB: l-istimi tal-2022 huma rrappreżentati bil-hatching

    Qabel l-2021, il-miżuri tat-taxxa diretta kienu jirrappreżentaw aktar minn 90 % tas-sehem tas-sussidji totali għad-domanda għall-enerġija. Madankollu, mill-2021, it-trasferimenti diretti u l-garanziji tal-prezzijiet għall-konsumatur (appoġġ għall-introjtu jew għall-prezzijiet) ġew irrestawrati bħala parti mill-miżuri ta’ politika, u dan biddel il-bilanċ bejn dawn l-istrumenti għall-promozzjoni tad-domanda għall-enerġija. Fl-2022, l-infiq fuq it-taxxa kien jirrappreżenta 50 % (EUR 123 biljun) tal-appoġġ kumplessiv għad-domanda għall-enerġija, segwit minn appoġġ għall-prezzijiet u garanziji għall-prezzijiet (30 %, EUR 74 biljun), u trasferimenti diretti (20 %, EUR 50 biljun).

    1.4Enfasi fuq miżuri ta’ sussidju relatati mal-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija

    Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tindirizza l-kriżi tal-enerġija. Dan kien jinkludi ħidma biex: (i) jiġu żgurati provvisti tal-enerġija alternattivi; (ii) titnaqqas id-domanda għall-enerġija biex tikkumpensa għan-nuqqas ta’ konsenji Russi tal-gass; (iii) isir użu akbar mill-enerġija rinnovabbli; u (iv) tiżdied l-effiċjenza enerġetika. Minbarra l-miżuri ta’ implimentazzjoni introdotti fil-livell tal-Unjoni jew permessi minn oqfsa fil-livell tal-Unjoni, l-Istati Membri adottaw ukoll il-miżuri tagħhom imfassla fil-livell nazzjonali biex jipproteġu liċ-ċittadini tagħhom u lill-ekonomija tagħhom minn prezzijiet tal-enerġija dannużi (Illustrazzjoni 11).

    Illustrazzjoni 11: Ir-rilevanza tas-sussidji għall-enerġija għall-kriżi tal-prezzijiet tal-enerġija (2021-2023; EUR2022bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023

    Permezz ta’ dawn il-miżuri nazzjonali ġodda, l-Istati Membri pprovdew madwar EUR 181 biljun f’sussidji fl-2022 għal dan il-għan, li jammontaw għal kważi 50 % tas-sussidji totali tal-enerġija fl-EU-27 f’dik is-sena. Iċ-ċifri inizjali għall-2023 juru kontinwazzjoni ta’ dan l-appoġġ iżda fuq terminu medju biss: kważi 80 % tal-pagamenti taħt dawn il-miżuri huma ppjanati li jintemmu qabel l-2025, filwaqt li 20 % tal-pagamenti għandhom data finali ppjanata wara l-2025 jew ma għandhom l-ebda data finali.

    Is-sussidji biex jiġu indirizzati l-miżuri tal-kriżi tal-enerġija ammontaw għal 1,12 % tal-PDG tal-UE fl-2022. L-Italja, Franza u l-Ġermanja kienu jirrappreżentaw kważi 70 % ta’ dan l-infiq totali (Illustrazzjoni 12). Meta mqabbla mal-PDG tagħha, il-Greċja nefqet aktar minn kwalunkwe Stat Membru tal-UE fl-2022 biex tindirizza l-prezzijiet tal-enerġija (5,3 % tal-PDG).

    Illustrazzjoni 1216: Sussidji biex tiġi indirizzata ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, skont il-pajjiż, fl-2022 (f’EUR2022bn u % tal-PDG)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023

    L-Illustrazzjoni 13.a turi li, bejn l-2021 u l-2022, il-biċċa l-kbira tas-sussidji fil-mira kienu maħsuba għall-unitajiet domestiċi (EUR 58 biljun, 30 % tal-appoġġ totali għall-kriżijiet), segwiti min-negozji u mill-industriji (EUR 34 biljun, 18 %), u s-settur tat-trasport (EUR 23 biljun, 12 %). Kien hemm ammont sinifikanti (EUR 69 biljun, 33 % tal-appoġġ totali għall-kriżijiet) li ma kienx allokat u dan kopra diversi setturi.

    Illustrazzjoni 13: Distribuzzjoni tas-sussidji li jindirizzaw iż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija bejn l-2021 u l-2022 (EUR2022bn)

    a) skont is-settur ekonomiku                    b) skont il-vettur tal-enerġija

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023

    Fir-rigward tal-vetturi tal-enerġija (Illustrazzjoni 13.b), l-elettriku kien il-benefiċjarju ewlieni, li rċieva aktar minn terz (EUR 70 biljun) tal-appoġġ finanzjarju bejn l-2021 u l-2022. Is-sussidji għall-gass u għaż-żejt ammontaw għal EUR 60 biljun, filwaqt li EUR 62 biljun ġew allokati għall-enerġija prodotta minn taħlita kemm ta’ fjuwils fossili kif ukoll ta’ sorsi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jew minn sorsi mhux magħrufa (indikati bħala “L-enerġiji kollha”).

    Il-gvernijiet Ewropej ħadu miżuri speċjali b’rispons għall-kriżi biex jipprovdu appoġġ sostanzjali direttament lill-kumpaniji tal-enerġija. Pereżempju, fil-Ġermanja, Uniper kienet appoġġata permezz ta’ injezzjoni ta’ kapital (EUR 34 biljun), filwaqt li fi Franza, l-FEŻ ġie rinazzjonalizzat (EUR 9,4 biljun). Peress li l-għan aħħari ta’ dawn il-miżuri kien li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista kif ukoll prezzijiet aktar baxxi għall-klijenti jew għas-suq bl-ingrossa, dawn ma ġewx inklużi fil-bażi tad-data dwar is-sussidji.

    1.5Sussidji mis-settur ekonomiku benefiċjarju

    L-industrija tal-enerġija kienet l-aktar settur ekonomiku ssussidjat fl-2021, li rċieva aktar minn nofs (EUR 111-il biljun, 51 %) tas-sussidji kollha għall-enerġija dik is-sena, li minnhom EUR 61 biljun kienu tariffi feed-in/premiums feed-in 19 (mhux iddifferenzjati fl-Illustrazzjoni 14). It-tieni u t-tielet l-akbar riċevituri tas-sussidji għall-enerġija kienu setturi tal-industrija oħrajn (EUR 32 biljun, 15 %) u unitajiet domestiċi (EUR 27 biljun, 13 %) 20 .

    Id-data għall-2022 turi bidla sinifikanti fil-kompożizzjoni tas-sussidji. L-appoġġ lill-unitajiet domestiċi żdied (b’240 % mill-2021 għal EUR 94 biljun fl-2022, jew 24 % tas-sussidji kollha tal-enerġija f’dik is-sena). Is-sussidji transsettorjali kienu l-akbar kategorija li jmiss (EUR 75 biljun, 20 %), filwaqt li l-industrija rċeviet biss żieda moderata fl-appoġġ bejn l-2021 u l-2022 (EUR 53 biljun, 13 %). B’kuntrast għal dan, l-industrija tal-enerġija rċeviet ftit anqas f’sussidji għall-2022 (EUR 109 biljun) milli għamlet fl-2021, u s-sehem tagħha mis-sussidji totali naqas minn 50 % għal 28 % bejn l-2021 u l-2022.

    Illustrazzjoni 14: Sussidji għall-enerġija skont is-settur ekonomiku fl-EU-27 (2015-2022; EUR2022bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023. NB: l-istimi tal-2022 huma rrappreżentati bil-hatching

    Fl-2022, is-sussidji totali għas-settur tat-trasport (Illustrazzjoni 14) żdiedu għal madwar EUR 38 biljun (+155 % jew +EUR 24 biljun meta mqabbla mal-2021). It-trasport bit-triq għadu bil-bosta l-akbar riċevitur, li jammonta għal 83 % tas-sussidji għat-trasport (EUR 31 biljun). Dan huwa segwit mit-trasport bl-ajru (EUR 3,6 biljun), trasport bl-ilma (EUR 1,8 biljun) u t-trasport bil-ferrovija (EUR 1 biljun).

    Illustrazzjoni 15: Sussidji għall-enerġija skont il-mezz tat-trasport (2015-2021; EUR2021bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023. NB: l-istima għall-2022 hija rrappreżentata bil-hatching

    1.6Sussidji skont l-impatt ambjentali

    L-Unjoni Ewropea, bħala parti għall-Qafas Globali għall-Bijodiversità (GBF) 21 , qablet li “tidentifika sal-2025, u telimina, tneħħi gradwalment jew tirriforma l-inċentivi, inklużi s-sussidji, li jagħmlu ħsara lill-bijodiversità.” Il-Kummissjoni qed tħejji metodoloġija biex timmappja dawn is-sussidji u dan ir-rapport jipprovdi l-ewwel tentattiv biex jiġu vvalutati s-sussidji għall-enerġija, u b’mod aktar speċifiku għall-fjuwils fossili, għall-impatt ambjentali tagħhom. F’dan ir-rapport, il-valutazzjoni tas-sussidji relatati mal-enerġija u li jagħmlu ħsara lill-ambjent (EHS) tiffoka fuq is-sussidji għall-fjuwils fossili, li huma identifikati bħala dannużi jekk il-prezz jew it-tnaqqis fil-kost li jikkawżaw, jinċentivaw iż-żamma jew iż-żieda tad-disponibbiltà u/jew l-użu tal-fjuwils fossili, irrispettivament minn jekk dawn humiex imnaqqsa jew le.

    Illustrazzjoni 16: Sussidji għall-fjuwils fossili fl-EU-27 skont l-impatt ambjentali (2015-2022; EUR2022bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023. NB: l-istima għall-2022 hija rrappreżentata bil-hatching

    L-Illustrazzjoni 16 turi li l-maġġoranza l-kbira tas-sussidji għall-fjuwils fossili (98 % fl-2022 jew EUR 120 biljun) jitqiesu bħala dannużi għall-ambjent. L-ammont ta’ sussidji għall-fjuwils fossili li ma humiex meqjusa ta’ ħsara għall-ambjent huwa ta’ madwar EUR 3 biljun. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn is-sussidji mhux dannużi huma relatati ma’ kumpens lill-kumpaniji u lill-ħaddiema għat-trażżin jew għall-għeluq tal-minjieri tal-faħam u tal-impjanti tal-enerġija mħaddma bil-faħam, jew finanzjament għar-riabilitazzjoni taż-żoni fejn seħħ dan l-għeluq.

    Id-data preliminari turi (Illustrazzjoni 17) li l-biċċa l-kbira tas-sussidji għall-fjuwils fossili meqjusa li ma humiex ta’ ħsara għall-ambjent fl-2022 ġew ipprovduti mill-Ġermanja (EUR 0,6 biljun), segwita min-Netherlands (EUR 0,5 biljun), minn Franza u minn Spanja (EUR 0,2 biljun kull wieħed). Fi tmintax-il Stat Membru, 100 % tas-sussidji għall-fjuwils fossili ġew ivvalutati bħala dannużi għall-ambjent.

    Illustrazzjoni 17: Sussidji għall-fjuwils fossili skont l-Istat Membru u skont l-impatt ambjentali (EUR2022bn)

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023

    1.7Pjanijiet nazzjonali dwar is-sussidji

    Din it-taqsima tiffoka fuq il-pjanijiet nazzjonali għat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili fl-Istati Membri ppubblikati minn Awwissu 2023 22 . Il-programm ta’ azzjoni ambjentali ġenerali tal-Unjoni sal-2030, magħruf ukoll bħala t-tmien programm ta’ azzjoni ambjentali, jirrikjedi li l-Kummissjoni u/jew l-Istati Membri jeliminaw gradwalment is-sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent, u s-sussidji għall-fjuwils fossili b’mod partikolari, billi “tiġi stabbilita skadenza għat-tneħħija gradwali tas-sussidji għall-fjuwils fossili konsistenti mal-ambizzjoni li t-tisħin globali jiġi llimitat għal 1,5°C 23 .

    Skont id-data tal-2022 (Illustrazzjoni 18), 47 % (EUR 58 biljun) tas-sussidji totali għall-fjuwils fossili (EUR 123 biljun) kellhom data finali ppjanata qabel l-2025. Madwar 1 % biss (EUR 1,7 biljun) tas-sussidji għall-fjuwils fossili għandhom data finali fuq terminu medju (2025-2030). Għat-52 % li jifdal (EUR 64 biljun), għad ma hemm l-ebda data finali jew id-data finali ġiet stabbilita għal wara s-sena 2030.

    Illustrazzjoni 18: Is-sussidji għall-fjuwils fossili sad-data finali u bħala sehem mis-sussidji totali għall-enerġija (%) fl-2021

    Sors: Enerdata, Trinomics, 2023

    Kważi l-Istati Membri kollha tal-UE beħsiebhom jitbiegħdu mill-fjuwils fossili. Madankollu, fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri din l-intenzjoni għad trid tissarraf fi pjanijiet konkreti. Is-settur tal-enerġija huwa s-settur li l-Istati Membri għandhom l-aktar pjanijiet konkreti għalih biex inaqqsu d-dipendenza tagħhom fuq il-fjuwils fossili, speċjalment il-faħam. Tmien Stati Membri stabbilew ukoll id-dati għat-tneħħija gradwali tat-tisħin ibbażat fuq il-fjuwils fossili fil-binjiet. Għas-setturi ekonomiċi l-oħrajn (tal-industrija, tat-trasport u tal-agrikoltura), id-dati finali għall-użu tal-fjuwils fossili huma kważi kompletament assenti.

    Fl-aħħar, għalkemm l-ammont ta’ sussidji għall-fjuwils fossili aktar minn irdoppja fl-2022 meta mqabbel mal-2021 minħabba l-miżuri ta’ appoġġ b’rispons għall-kriżi tal-enerġija, il-maġġoranza l-kbira ta’ dawn il-miżuri huma temporanji u għandhom data finali fil-futur qrib. Il-kriżi tal-enerġija x’aktarx li ma twassalx għat-treġġigħ lura tal-isforzi li għamlu l-Istati Membri s’issa fit-tnaqqis tas-sussidji fossili.

    Madankollu, se jkun importanti li jkomplu jiġu mmonitorjati s-sussidji temporanji għall-fjuwils fossili biex jiġu limitati l-impatti negattivi li jistgħu jnaqqsu l-inċentivi għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli.

    Aktar trasparenza fid‑dati finali għas-sussidji għall-fjuwils fossili mill-Istati Membri hija kruċjali f’dan ir-rigward. In-nuqqas ta’ informazzjoni dwar id-dati finali għal dawn is-sussidji jagħmilha diffiċli li jiġi vvalutat jekk l-UE hijiex fit-triq it-tajba biex tneħħi gradwalment is-sussidji għall-fjuwils fossili b’mod konsistenti mal-ambizzjoni li t-tisħin globali jiġi llimitat għal 1,5 °C.

    2.Konklużjonijiet

    Dan l-aħħar, il-prezzijiet għoljin b’mod straordinarju tal-enerġija ħolqu l-ħtieġa li jittieħdu inizjattivi ta’ politika kuraġġużi fl-Unjoni Ewropea biex jittaffa l-impatt soċjali tal-kriżi tal-enerġija. Il-miżuri temporanji u eċċezzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-enerġija kellhom impatt kbir fuq ix-xejriet fis-sussidji tal-enerġija. Iż-żieda drastika reċenti fil-prezzijiet tal-enerġija affettwa wkoll it-tipi ta’ miżuri użati biex jiġu pprovduti s-sussidji u t-teknoloġiji promossi mis-sussidji, li wasslet għal żieda sinifikanti fis-sussidji għall-fjuwils fossili mill-2022 biex jittaffew il-kontijiet għoljin tal-enerġija fost il-konsumaturi.

    Din iż-żieda fis-sussidji għall-enerġija ma wasslitx għal aktar konsum tal-enerġija. Id-domanda ġenerali għall-enerġija naqset fl-2022 meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-COVID-19. L-atturi ekonomiċi kollha naqqsu d-domanda tagħhom għall-gass bi 17 % 24 bl-unitajiet domestiċi u bl-industrija fuq quddiem (tnaqqis ta’ 50 % u 43 %, rispettivament), b’reazzjoni kemm għal prezzijiet ogħla kif ukoll għal miżuri ta’ politika li jħeġġu t-tnaqqis fid-domanda. L-UE kompliet l-appoġġ tagħha għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u ħadet passi addizzjonali sinifikanti fil-qasam bir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika.

    It-tmiem tax-xejra twila ta’ tnaqqis fis-sussidji tal-enerġija kien iġġustifikat mill-prijorità li l-konsumaturi tal-UE jiġu protetti mix-xokk tal-kontijiet tal-enerġija. Iżda jekk il-miżuri temporanji jiġu estiżi fuq perjodu medju ta’ żmien, dan jista’ jkollu impatt negattiv fit-tul billi jitnaqqsu l-inċentivi tas-suq għall-investimenti fl-effiċjenza enerġetika u fl-enerġija rinnovabbli inklużi soluzzjonijiet ta’ tisħin nadif bħall-pompi tas-sħana.

    L-UE impenjat ruħha b’mod deċiżiv fuq tranżizzjoni enerġetika biex tikseb in-newtralità klimatika sal-2050. L-iffrankar tal-enerġija u d-dipendenza mnaqqsa fuq il-fjuwils fossili fis-setturi residenzjali, tal-enerġija, tat-trasport u industrijali għandhom jgħinu lill-UE f’diversi modi: (i) it-tnaqqis tal-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili; (ii) it-tħaffif tat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa; u (iii) it-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija tal-UE. Għalhekk, it-tranżizzjoni enerġetika għandha twassal għal tnaqqis fis-sussidji għall-fjuwils fossili, u għal ridirezzjoni sinifikanti fl-appoġġ tas-sussidji għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika.

    Għalkemm is-sitwazzjoni fis-swieq tal-enerġija globali u Ewropej stabbilizzat meta mqabbla mal-agħar żminijiet tal-kriżi tal-enerġija fl-2022, il-prezzijiet ta’ xi fjuwils (bħall-gass naturali) jistgħu jibqgħu volatili u f’livell relattivament għoli għal xi snin meta mqabbla mal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Dan, flimkien mas-sostituzzjoni tat-teknoloġiji tal-fjuwils fossili b’soluzzjonijiet aktar sostenibbli, għandu jwassal għal tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-fjuwils fossili (u s-sussidji tagħhom) fit-terminu medju. Il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika għall-affordabbiltà jistgħu jiġġustifikaw miżuri temporanji biex jappoġġaw lill-unitajiet domestiċi u lill-industrija. Madankollu, fuq terminu itwal, it-tranżizzjoni tal-enerġija se tippermetti l-effiċjenza u li teknoloġiji rinnovabbli jallokaw mill-ġdid l-appoġġ dejjem aktar lil hinn mis-sussidji għall-fjuwils fossili li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

    (1)  Mis-Summit tagħhom tal-2009, il-Mexxejja tal-G20 talbu li ssir it-tneħħija gradwali u r-razzjonalizzazzjoni tas-sussidji għall-fjuwils fossili filwaqt li pprovdew appoġġ immirat għall-ifqar persuni. L-UE hija waħda mill-kosponsers tad- dikjarazzjoni ministerjali dwar is-sussidji għall-fjuwils fossili adottata fl-14 ta’ Diċembru 2021 fil-kuntest tad-WTO.
    (2) L-Artikolu 35(n) tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija (2018/1999/UE), minn hawn ’il quddiem: ir-Regolament dwar il-Governanza.
    (3) Għal edizzjonijiet preċedenti: https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/34a55767-55a1-11ed-92ed-01aa75ed71a1
    (4) Għall-valuri nieqsa tal-2022, ittieħdet id-data tal-2021 bħala bażi għal stima. F’każijiet bħal dawn, f’dan ir-rapport issir referenza għal data tal-2022 bħala “stmata” u fuq il-graffs, data mhux ikkonfermata hija indikata permezz ta’ hatching.
    (5) L-analiżi hija bbażata fuq il-qafas metodoloġiku użat fl-istudji preċedenti tal-Kummissjoni, wara l-qafas tal-Ftehim dwar is-Sussidji u l-Miżuri ta’ Kumpens (ASCM) żviluppat mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) .
    (6) Ara aktar dwar il-metodoloġija tas-sussidju fuq l-enerġija fl-Anness 1 tal-istudju tal-Kummissjoni tal-2023.
    (7) Inklużi wkoll sussidji għas-sajd.
    (8) Minħabba l-korrezzjonijiet tad-data fl-inventarju tas-sussidji għas-snin ta’ qabel, kif ukoll il-bidla fil-bażi monetarja (“espressa f’euro tal-2022” fir-rapport kurrenti) l-ammonti totali fiċ-ċarts ta’ dan ir-rapport jistgħu jvarjaw mill-aħħar rapport dwar is-sussidju għall-enerġija ppubblikat fl-2022 jew qabel.
    (9)  F’dan ir-rapport, iċ-ċifri kollha huma espressi f’EUR 2022 bn. Iċ-ċifri totali għall-2022 jinkludu ~EUR 44 biljun li għadhom qed jiġu vvalidati.
    (10)  Id-data taħt il-kategorija “Għad trid tiġi kkonfermata” ammontat għal 12 % tal-ammont totali inkluż fl-Inventarju tas-Sussidji għas-sena 2022.
    (11)  F’ċerti każijiet, ma huwiex possibbli li jiġu sseparati s-sussidji mogħtija lill-konsum tal-elettriku mis-sors tal-ġenerazzjoni (fossili, nukleari jew rinnovabbli), għalhekk din iċ-ċart turi sussidji għall-elettriku (vettur tal-enerġija) flimkien ma’ dawk mogħtija lis-sorsi tal-enerġija.
    (12)  It-terminu “L-enerġiji kollha” jintuża hawnhekk biex jiġu kklassifikati miżuri ta’ sussidju li japplikaw għall-enerġija prodotta minn taħlita kemm ta’ fjuwils fossili kif ukoll ta’ sorsi b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju jew sors mhux magħruf.
    (13)  Dan jinkludi wkoll diversi tipi ta’ mekkaniżmi ekonomiċi lil hinn mill-appoġġ għall-introjtu għal aktar minn tip wieħed ta’ enerġija, bħall-pagamenti tal-kapaċità, il-mandati ta’ taħlit tal-bijofjuwils, il-kwoti tal-enerġija rinnovabbli b’ċertifikati kummerċjabbli, l-imposti differenzjati tal-konnessjoni mal-grilja, l-obbligi tal-effiċjenza enerġetika, l-iskemi ta’ tagħbija mingħajr interruzzjoni, il-kuntratt għad-differenza, il-premiums feed-in, it-tariffi feed-in, il-garanziji tal-prezzijiet għall-konsumatur (appoġġ għall-kostijiet), il-garanziji tal-prezzijiet għall-konsumatur (regolazzjoni tal-prezzijiet) u garanziji tal-prezzijiet għall-produtturi (regolazzjoni tal-prezzijiet)
    (14)  Iż-żieda ta’ EUR 3,5 biljun fis-sussidji għall-fjuwils fossili fl-2018 hija parzjalment dovuta għall-bidla fil-klassifikazzjoni tal-istruttura tariffarja digressiva għall-gass u għall-elettriku fin-Netherlands, li ma kinitx irrapportata mill-gvern Netherlandiż bħala sussidju qabel dik id-data u għalhekk ma kinitx inkluża fil-bażi tad-data. In-Netherlands huwa l-uniku pajjiż li għalih ġew iddikjarati l-ammonti attwali marbuta ma’ dan il-mekkaniżmu, iżda ċertament jeżistu wkoll f’pajjiżi oħrajn mingħajr ma jiġu ddikjarati hekk.
    (15)  It-terminu jkopri l-estrazzjoni, il-konverżjoni, ir-raffinar, l-infrastruttura, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-ħżin, il-ġestjoni tal-iskart u l-bejgħ tal-enerġija. Fil-qosor, l-industrija tal-enerġija.
    (16)  Mhux id-data kollha kienet disponibbli għall-2022, pereżempju dawk relatati mal-kwoti tal-FiP/FiT jew tal-RES u ċ-ċifri jistgħu jkunu soġġetti għal reviżjoni.
    (17)  Eżempju l-appoġġ għall-użu tal-enerġija permezz tat-tnaqqis tal-kostijiet tagħha.
    (18)  Minn Lulju 2023, l-istima tas-sussidji orjentati lejn id-domanda kienet tinkludi EUR 12,6-il biljun f’pagamenti li għadhom ma ġewx ikkonfermati għall‑2022 (~5 % tat-total).
    (19) Il-konvenzjoni inkludiet l-obbligi tal-FiT, tal-FiP u tal-RES fl-industrija tal-enerġija, filwaqt li dawn il-pagamenti jistgħu jagħtu benefiċċji lill-atturi barra minn dan is-settur.
    (20)  L-industrija teskludi l-Estrazzjoni u l-Kostruzzjoni. Is-settur tan-Negozju, tal-Kostruzzjoni, Pubbliku u tas-Servizzi ġew raggruppati taħt id-denominazzjoni “Oħrajn” peress li l-ammont individwali tagħhom għall-2020 huwa anqas minn EUR 1 biljun.
    (21)   https://www.cbd.int/gbf/targets/
    (22)  L-analiżi hija bbażata fuq l-annessi VIII u XV aġġornati tal-abbozz tar-Rapporti Nazzjonali dwar il-Progress fl-Enerġija u fil-Klima.
    (23)  L-Artikolu 3(h)(i) tad-Deċiżjoni(UE) 2022/591 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ April 2022 dwar Programm Ġenerali ta’ Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2030.
    (24)  It-tqabbil tal-konsum tal-gass fil-perjodu ta’ bejn Awwissu 2022 u Ġunju 2023 mal-medja ta’ 5 snin
    Top