EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0615

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u t-Trawwim tal-Ħajja Lhudija (2021-2030)

COM/2021/615 final

Strasburgu, 5.10.2021

COM(2021) 615 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija tal-UE dwar il-Ġlieda kontra l-Antisemitiżmu u t-Trawwim tal-Ħajja Lhudija (2021-2030)








“Minħabba li l-antisemitiżmu jolqot il-qalba tal-valuri tagħna: l-umanità, il-libertà reliġjuża, l-ugwaljanza. Huwa velenu għas-soċjetà tagħna. Hija r-responsabbiltà tagħna lkoll li niġġildulu. Li nipprevjenuh. U li neqirduh.”

― Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea 

Brussell, it-3 ta’ Frar 2021

“Il-mibegħda li tibda bil-Lhud qatt ma tispiċċa bil-Lhud. Nagħmlu żball kbir jekk naħsbu li l-antisemitiżmu huwa theddida għal-Lhud biss. Huwa theddida, l-ewwel u qabel kollox, għall-Ewropa u għal-libertajiet li damet sekli biex tikseb.”

― Rabbi Jonathan Sacks

Il-Parlament Ewropew, is-27 ta’ Settembru 2016

 

LEJN UE ĦIELSA MILL-ANTISEMITIŻMU

Il-Lhud Ewropej u l-komunitajiet Lhud ilhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp soċjali, politiku, ekonomiku, xjentifiku u kulturali tal-Ewropa għal aktar minn żewġ millenji u huma parti inseparabbli mill-identità tal-Ewropa. Minn Gustav Mahler għal Sigmund Freud, Hannah Arendt u Simone Veil, il-Lhud arrikkew il-wirt kulturali, intellettwali u reliġjuż tal-Ewropa.

Fl-istess ħin, l-antisemitiżmu ilu preżenti fl-Ewropa għal sekli sħaħ, u mmanifesta ruħu fil-forma ta’ tkeċċija, persekuzzjonijiet u pogromi, li laħqu l-quċċata tagħhom fl-Olokawstu, tebgħa li ma titħassarx fuq l-istorja Ewropea u li ħassret il-ħajja u l-wirt Lhudi f’ħafna partijiet tal-kontinent. L-Unjoni Ewropea għandha l-għeruq storiċi tagħha fit-Tieni Gwerra Dinjija u fl-impenn inekwivoku tal-Ewropej li jiżguraw li atroċitajiet bħal dawn qatt ma jerġgħu jseħħu.

Madankollu, l-antisemitiżmu ma ntemmx mal-Olokawstu. Ġenerazzjonijiet wara t-tmiem tax-Shoah 1 , l-antisemitiżmu qed jiżdied b’mod inkwetanti, fl-Ewropa u lil hinn minnha.

L-Unjoni hija mwaqqfa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi. Hija b’mod inekwivoku kontra l-forom kollha ta’ mibegħda u diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi, oriġini razzjali jew etnika, reliġjon jew twemmin, sess, orjentazzjoni sesswali, età jew diżabbiltà.

L-antisemitiżmu huwa inkompatibbli mal-valuri ewlenin tal-Ewropa. Jirrappreżenta theddida mhux biss għall-komunitajiet Lhud u għall-ħajja Lhudija, iżda għal soċjetà miftuħa u diversa, għad-demokrazija u l-istil ta’ ħajja Ewropew. L-Unjoni Ewropea hija determinata li ttemmu.

Nofs l-Ewropej iqisu l-antisemitiżmu bħala problema.

Disgħa minn kull għaxar Lhud iqisu li l-antisemitiżmu żdied f’pajjiżhom.

85 % tal-Lhud iqisu l-antisemitiżmu bħala problema serja 2 .

L-antisemitiżmu kontemporanju jseħħ f’ħafna forom, kemm qodma kif ukoll ġodda: minn diskors ta’ mibegħda online għal reati ta’ mibegħda u attakki kontra l-Lhud, kontra l-proprjetajiet u l-istituzzjonijiet tagħhom, għall-profanazzjoni ta’ sinagogi, ċimiterji u monumenti. Iseħħ fil-ħajja ta’ kuljum tal-Lhud fil-forma ta’ kummenti każwali jew azzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, konversazzjonijiet privati, f’postijiet pubbliċi, fil-midja, l-isport u l-kultura jew meta l-Lhud jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom. L-antisemitiżmu jimmanifesta ruħu bħala diskriminazzjoni razzjali, etnika jew reliġjuża, sterjotipar u mibegħda għal-Lhud u għal nies perċepiti bħala Lhud. Dan jista’ jwassal għal attakki vjolenti u letali bħal dawk fuq l-iskola Ozar Hatorah f’Toulouse fl-2012, il-Mużew Lhudi fi Brussell fl-2014, il-Hypercasher f’Pariġi fl-2015, jew fuq is-Sinagoga f’Halle fl-2019.

Barra minn hekk, il-pandemija tal-COVID-19 uriet kif il-preġudizzji antisemitiċi l-qodma jistgħu jerġgħu jqumu u jrawmu miti dwar konfoffi ġodda u mibegħda online u offline. Il-poplu Lhudi kien waħda mill-aktar komunitajiet attakkati matul il-pandemija; ġie akkużat b’mod inġustifikat għall-ħolqien tal-virus u għall-iżvilupp ta’ vaċċini għal profitt 3 . Dan ġie aggravat mit-tqabbil tal-miżuri tal-pandemija ma’ politiki li wasslu għall-ġenoċidju tal-poplu Lhudi 4 li jimminimizza u jibbanalizza l-esperjenzi tal-vittmi u s-superstiti tal-Olokawstu 5 .

Filwaqt li d-diskors ta’ mibegħda u l-vjolenza huma faċilment identifikabbli, in-nuqqas ta’ għarfien u l-indifferenza mifruxa fis-soċjetà tagħna jippermettu lill-antisemitiżmu jiffjorixxi u saħansitra jikber, jekk ma jiġux indirizzati. Ilkoll għandna r-responsabbiltà li ninfurmaw u nedukaw kontinwament liż-żgħażagħ u lill-kbar. Dan huwa partikolarment minnu peress li l-ġenerazzjonijiet li esperjenzaw l-Olokawstu kważi spiċċaw, u dan jagħmilha saħansitra aktar diffiċli li jgħaddu l-esperjenza diretta u t-tagħlimiet essenzjali lill-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Il-ħajja Lhudija fl-UE fis-seklu 21

Qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, huwa stmat li 9,5 miljun Lhudi kienu jgħixu fl-Ewropa. Sitt miljun Lhudi nqatlu sistematikament min-Nazisti u l-kollaboraturi tagħhom fl-Olokawstu. Illum il-ġurnata, il-popolazzjoni Lhudija fl-UE hija stmata li tammonta sa 1,5 miljun persuna 6 .

Illum, il-ħajja Lhudija madwar l-Ewropa hija mill-ġdid vibranti. Matul l-aħħar deċennji, bosta pajjiżi Ewropej raw qawmien mill-ġdid tal-ħajja u l-kultura Lhudija. L-identità Lhudija ġiet imsaħħa u hija parti integrali mis-soċjetà Ewropea. Madankollu, minħabba n-numru dejjem jiżdied ta’ attakki antisemitiċi 7 , il-biża’ fost il-komunitajiet Lhud 8 żdiedet ukoll u kienu meħtieġa aktar miżuri ta’ sigurtà għall-postijiet tal-Lhud.

F’dawn l-aħħar snin, il-popolazzjoni Lhudija fl-UE qed tonqos, fil-biċċa l-kbira minħabba l-migrazzjoni ’l barra mill-UE 9 . Dan huwa marbut ma’ diversi fatturi 10 , b’mod partikolari ma’ tħassib dwar is-sigurtà, kif ukoll man-nuqqas perċepit ta’ determinazzjoni ta’ xi gvernijiet biex jindirizzaw l-antisemitiżmu 11 u l-politiċizzazzjoni ta’ dibattiti pubbliċi madwar id-drawwiet u t-tradizzjonijiet tal-Lhud.

It-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-antisemitiżmu

Għal dawn l-aħħar 20 sena, l-antisemitiżmu ġie indirizzat bħala parti mill-ħidma tal-Unjoni Ewropea biex tindirizza r-razziżmu 12 . Minħabba ż-żieda sinifikanti fl-antisemitiżmu, l-isforzi biex dan jiġi indirizzat aċċelleraw f’dawn l-aħħar snin u l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu nġiebet fuq quddiem nett tal-aġenda politika tal-UE. Fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea ħatret l-ewwel Koordinatur li qatt kien hemm għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija. F’Ġunju 2017, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu 13 u f’Diċembru 2018, il-Kunsill adotta Dikjarazzjoni dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu 14 . Biex tappoġġa l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni, il-Kummissjoni waqqfet Grupp ta’ Ħidma ad hoc dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu 15 , li jlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri u l-komunitajiet Lhud. F’Diċembru 2019, il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu saret parti mill-portafoll tal-Viċi President tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ħajja Ewropea tagħna, li wera l-intenzjoni li tiġi indirizzata bħala prijorità trażversali. F’Diċembru 2020, il-Kunsill adotta Dikjarazzjoni oħra ċċentrata fuq l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fl-oqsma kollha tal-politika 16 . Dan issaħħaħ bl-adozzjoni ta’ sensiela ta’ strateġiji li jrawmu pakkett tal-Unjoni tal-Ugwaljanza minn lenti intersezzjonali 17 .

Il-persistenza u ż-żieda tal-antisemitiżmu jirrikjedu rispons aktar qawwi fil-livell tal-UE. B’din l-istrateġija, l-ewwel waħda tax-xorta tagħha, il-Kummissjoni hija determinata li żżid b’mod sinifikanti l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u tgħin biex tinħoloq soċjetà inklużiva bbażata fuq l-ugwaljanza u r-rispett, biex tiġi żgurata perspettiva tajba għall-futur tal-Lhud fl-Ewropa.

Din l-istrateġija hija bbażata fuq konsultazzjoni wiesgħa 18 mal-partijiet ikkonċernati rilevanti. Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-atturi u ċ-ċittadini kollha tas-soċjetà ċivili biex jimpenjaw ruħhom għal futur ħieles mill-antisemitiżmu fl-UE u lil hinn minnha. Il-Kummissjoni se tidħol fi djalogu regolari mal-Parlament Ewropew u mal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri biex tħeġġeġ azzjoni mġedda fil-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija. B’rispett sħiħ tal-kompetenzi nazzjonali, din l-istrateġija tistabbilixxi l-qafas ta’ politika għall-Kummissjoni għall-perjodu 2021-2030 u għandha l-għan li tappoġġa u tħeġġeġ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati kollha.

B’mod kruċjali, din l-istrateġija tfittex li tmur lil hinn minn biss rispons kontra l-antisemitiżmu u żżid l-azzjoni biex tipprevjenih u tikkumbattih b’mod attiv fil-forom kollha tiegħu, biex tiżgura li l-ħajja Lhudija tkompli tirnexxi f’UE inklużiva u diversa. L-istrateġija tikkonsisti fi tliet pilastri:

1 – Il-prevenzjoni ta’ kull forma ta’ antisemitiżmu u l-ġlieda kontrih

2 – Il-protezzjoni u t-trawwim tal-ħajja Lhudija fl-UE

3 – L-edukazzjoni, ir-riċerka u t-tifkira tal-Olokawstu

Din l-istrateġija tfittex ukoll li tqiegħed lill-UE fuq quddiem fil-ġlieda globali kontra l-antisemitiżmu, billi tikkumplimenta miżuri fl-UE bi sforzi internazzjonali bbażati fuq it-tliet pilastri.

Il-forom kollha ta’ mibegħda jimminaw il-valur ta’ persuna u huma inkompatibbli ma’ dak li tirrappreżenta l-UE. Din l-istrateġija hija parti mill-isforzi tal-Kummissjoni fil-ġlieda kontra kull forma ta’ mibegħda, diskriminazzjoni u razziżmu. Hija tikkomplementa l-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020-2025, peress li r-razziżmu jista’ jiġi kkombinat ukoll mad-diskriminazzjoni u l-mibegħda għal raġunijiet oħra, inkluż ir-reliġjon jew it-twemmin. Dan jeħtieġ li jitqies permezz ta’ approċċ intersezzjonali 19 biex verament titwitta t-triq lejn UE ħielsa mill-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija fid-diversità kollha tagħha u biex jinkiseb titjib konkret għan-nies Lhud u l-futur tagħhom fl-Ewropa. F’każijiet speċifiċi, din l-istrateġija se tieħu nota wkoll tal-aspetti komuni bejn l-esperjenza ta’ diskriminazzjoni ta’ persuni Lhud u minoranzi etniċi jew reliġjużi oħra.

I.I.    IL-PREVENZJONI U L-ĠLIEDA KONTRA KULL FORMA TA’ ANTISEMITIŻMU

“Ejjew niftakru: l-aktar ħaġa li tweġġa’ lill-vittma mhijiex il-moħqrija tal-oppressur imma s-silenzju ta’ min ikun qed jara kollox mill-ġenb.”

― Elie Wiesel

L-antisemitiżmu kontemporanju jinsab fi gruppi radikali u periferiċi li jħaddnu l-estremiżmu tal-lemin, tax-xellug jew Iżlamiku, jista’ jinħeba wara l-anti-Żijoniżmu, iżda jista’ jinstab ukoll fiċ-ċentru tas-soċjetà 20 . Id-diskors u l-imġiba antisemitiċi jistgħu jkunu fil-miftuħ jew moħbijin, konxji jew inkonxji. L-antisemitiżmu jista’ jieħu l-forma ta’ atti illegali, li huma punibbli taħt il-liġi tal-UE u dik nazzjonali. Il-manifestazzjonijiet tal-antisemitiżmu jistgħu jinkludu antisemitiżmu relatat ma’ Iżrael 21 , l-iktar forma komuni ta’ antisemitiżmu li jiltaqgħu magħha online l-Lhud fl-Ewropa llum 22 . Miti ta’ konfoffa antisemitiċi li ilhom jeżistu u d-diżinformazzjoni, għalkemm mhux neċessarjament illegali, huma ta’ ħsara. Dawn jipperpetwaw il-preġudizzji u l-isterjotipi u jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni, marġinalizzazzjoni, radikalizzazzjoni u reati ta’ mibegħda.

Mill-2017, il-Kummissjoni bdiet tuża d-definizzjoni operattiva tal-antisemitiżmu li ma hijiex legalment vinkolanti tal-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu (definizzjoni tal-IHRA) 23 bħala għodda ta’ gwida prattika u bażi għall-ħidma tagħha biex tiġġieled l-antisemitiżmu 24 . Id-definizzjoni tal-IHRA hija l-punt ta’ riferiment għall-promozzjoni ta’ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u ċċentrat fuq il-vittmi 25 . F’Jannar 2021, il-Kummissjoni b’kooperazzjoni mal-IHRA ppubblikat il-“Handbook for the practical use of the IHRA working definition of antisemitism 26 , li jipprovdi ħarsa ġenerali lejn prattiki tajbin minn madwar l-Ewropa dwar l-użu tad-definizzjoni mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-amministrazzjonijiet nazzjonali, is-soċjetà ċivili u l-komunitajiet tal-Lhud 27 .

1.1.Il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fl-oqsma tal-politika u l-mobilizzazzjoni tal-fondi tal-UE

L-indirizzar tal-antisemitiżmu huwa sfida kumplessa. Il-manifestazzjonijiet multidimensjonali tiegħu u l-prevalenza tiegħu fl-ispettru soċjali u politiku jeħtieġu rispons komprensiv, li jvarja minn qafas legali sod li jkun infurzat sewwa, għal aspetti ta’ sigurtà u politiki ta’ edukazzjoni u inklużjoni, biex insemmu biss ftit.

Il-Kummissjoni għalhekk se tqis il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu b’mod sistemiku meta tiżviluppa politiki, leġiżlazzjoni u programmi ta’ finanzjament, u tistieden lil istituzzjonijiet oħra tal-UE biex jikkoperaw fit-tisħiħ tal-għodod u l-prattiċi ta’ integrazzjoni. Barra minn hekk, l-Istati Membri diġà impenjaw ruħhom li jipprevjenu u jiġġieldu kull forma ta’ antisemitiżmu permezz ta’ strateġiji nazzjonali ġodda, jew miżuri taħt strateġiji nazzjonali eżistenti u/jew pjanijiet ta’ azzjoni għall-prevenzjoni tar-razziżmu, il-ksenofobija, ir-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu vjolenti 28 . Sabiex ikollhom impatt, dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu azzjonijiet immirati u jiġu appoġġati bil-finanzjament xieraq. L-adozzjoni tad-definizzjoni tal-IHRA 29 u l-ħatra ta’ rappreżentanti speċjali jew koordinaturi mill-Istati Membri kollha huma wkoll passi meħtieġa għal azzjoni effettiva fil-livell nazzjonali.

L-involviment imsaħħaħ ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u komunitajiet Lhud huwa kruċjali biex l-istrateġija tkun ta’ suċċess. Il-Kummissjoni għandha l-għan li ttejjeb il-kooperazzjoni attiva magħhom u tipprovdi appoġġ finanzjarju għal inizjattivi fl-oqsma kollha koperti mill-istrateġija.

Se jiġu segwiti azzjonijiet immirati permezz ta’ varjetà wiesgħa ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE 30 , b’mod partikolari, il-programm taċ-ċittadini, l-ugwaljanza, id-drittijiet u l-valuri (CERV) 31 , li b’baġit ta’ EUR 1,55 biljun huwa l-akbar programm ta’ finanzjament tal-UE li qatt ippromwova d-drittijiet fundamentali. Barra minn hekk, se jiġu appoġġati azzjonijiet rilevanti permezz ta’ programmi tal-UE bħall-programm Ġustizzja, l-Orizzont Ewropa, l-Ewropa Kreattiva, l-Erasmus+, il-Fond għas-Sigurtà Interna, il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI), u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA). Barra minn hekk, permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, il-Kummissjoni tista’ tiffinanzja riformi strutturali fl-Istati Membri, inkluż abbażi ta’ ħafna pajjiżi, biex ittejjeb il-kooperazzjoni u tibni fuq l-aħjar prattiki fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-antisemitiżmu.

L-azzjonijiet tal-Istati Membri kollha meħuda għall-implimentazzjoni tal-fondi tal-UE għandhom jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni. B’mod partikolari, il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, li tipprojbixxi kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata, fost l-oħrajn, fuq l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, għandha tiġi rispettata matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-evalwazzjoni tal-programmi. Fil-każ ta’ ksur tar-regoli tal-UE kontra d-diskriminazzjoni, inkluża d-diskriminazzjoni ta’ persuni Lhud fuq il-bażi tar-reliġjon jew l-etniċità tagħhom, il-finanzjament jista’ jiġi sospiż. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jissorveljaw ir-rispett ta’ dawn ir-regoli għall-programmi kollha ffinanzjati mill-UE.

Biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija u tgħin biex tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri, il-Kummissjoni se tifformalizza l-Grupp ta’ Ħidma ad hoc dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu bħala struttura permanenti li tiġbor flimkien lill-Istati Membri, lir-rappreżentanti tal-komunitajiet Lhud u lil partijiet ikkonċernati oħra.

L-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) se tappoġġa wkoll lill-UE u lill-Istati Membri b’evidenza, assistenza u għarfien espert fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija u ta’ strateġiji nazzjonali jew pjanijiet ta’ azzjoni dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Torganizza forum annwali tas-soċjetà ċivili dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu, li jlaqqa’ flimkien lil rappreżentanti mill-Kummissjoni u minn komunitajiet Lhud, mis-soċjetà ċivili u minn partijiet ikkonċernati oħrajn biex joħolqu rabtiet u jimmassimizzaw l-effett ta’ azzjonijiet konġunti u finanzjament mill-UE. 

·Tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ strateġiji nazzjonali dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu jew id-diskriminazzjoni, permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 32 u tivvalutahom sa tmiem l-2023.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Jiżviluppaw strateġiji nazzjonali sa tmiem l-2022 dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu, jew jinkludu miżuri fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom kontra r-razziżmu, u jipprovdu finanzjament suffiċjenti biex jimplimentawhom.

·Jadottaw u jużaw id-definizzjoni tal-antisemitiżmu tal-IHRA u jħeġġu lill-awtoritajiet lokali, lir-reġjuni, lill-ibliet, u lil istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħrajn biex jagħmlu l-istess. 

·Jaħtru rappreżentanti/koordinaturi speċjali għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u t-trawwim tal-ħajja Lhudija.

1.2.Il-ġlieda kontra diskors u reati ta’ mibegħda antisemitiċi

Il-poplu Lhudi huwa l-mira ewlenija ta’ reati mwettqa minħabba preġudizzju antisemitiku 33 . Madankollu, manifestazzjonijiet retoriċi u fiżiċi tal-antisemitiżmu jistgħu jkunu diretti wkoll lejn individwi li ma humiex Lhud 34 .

71 % tal-Lhud li kultant iġorru jew juru oġġetti li jistgħu jidentifikawhom bħala Lhud jevitaw li jagħmlu dan għall-inqas okkażjonalment 35 .

44 % taż-żgħażagħ Ewropej Lhud esperjenzaw fastidju antisemitiku 36 .  

Id-Deċiżjoni Qafas tal-UE dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-liġi kriminali 37 tipprovdi qafas legali sod biex jiġu miġġielda reati u diskors ta’ mibegħda antisemitika, inklużi t-tolleranza pubblika, iċ-ċaħda jew il-banalizzazzjoni kbira tal-Olokawstu b’mod li jista’ jinċita għall-vjolenza jew il-mibegħda. It-traspożizzjoni sħiħa u korretta tagħha hija prijorità għall-Kummissjoni 38 . L-infurzar tal-liġi u l-ġudikatura għandhom rwol kruċjali fl-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni dwar diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda (inkluża d-Deċiżjoni Qafas) u s-salvagwardja tad-drittijiet tal-vittmi. Biex tkompli ssaħħaħ il-qafas legali, fl-2021 il-Kummissjoni se tintroduċi inizjattiva biex testendi l-lista tar-“reati tal-UE” biex tkopri reati ta’ mibegħda u diskors ta’ mibegħda 39 .

Il-Kummissjoni tappoġġa lill-Istati Membri permezz tal-Grupp ta’ Livell Għoli biex jiġu miġġielda r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta’ intolleranza 40 u tikkopera mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL), FRA 41 , in-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN), l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiżviluppaw taħriġ u bini tal-kapaċità għall-persunal tal-infurzar tal-liġi u għall-ġudikatura, itejbu r-reġistrazzjoni ta’ reati ta’ mibegħda u l-ġbir ta’ data, kif ukoll biex jinkoraġġixxu lill-vittmi jirrappurtaw reati ta’ mibegħda u jsaħħu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-komunitajiet Lhud.

L-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-vittmi (2020-2025) 42 għandha l-għan li tiżgura li l-vittmi tal-kriminalità, inklużi ta’ reati ta’ mibegħda antisemitiċi, ikunu jistgħu jiddependu bis-sħiħ fuq id-drittijiet tagħhom u jkunu protetti kontra vittimizzazzjoni sekondarja 43 . L-istrutturi ta’ appoġġ għall-vittmi ta’ inċidenti antisemitiċi madwar l-Ewropa ta’ spiss ma jkunux adegwati. L-Istati Membri huma mħeġġa jistabbilixxu servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat integrat u mmirat għall-aktar vittmi vulnerabbli, inkluż għall-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda antisemitika. Huma għandhom jiżguraw ukoll taħriġ speċifiku dwar in-nondiskriminazzjoni għall-pulizija u għal persuni oħra li jiġu f’kuntatt ma’ vittmi ta’ reat ta’ mibegħda antisemitika.

Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Vittmi 44 , li tiżgura li l-vittmi kollha tal-kriminalità ikollhom drittijiet, inkluż aċċess għal servizzi ta’ appoġġ speċjalizzat u miżuri ta’ protezzjoni li jikkorrispondu mal-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltà individwali tagħhom. Bl-istrateġija Ewropea għat-taħriġ ġudizzjarju għall-2021-2024 45 , il-Kummissjoni tappoġġa t-taħriġ tal-professjonisti tal-ġustizzja biex tiżgura li l-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi applikata b’mod korrett, u li l-professjonisti jkunu mgħammra bil-ħiliet rilevanti. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll l-iżvilupp ta’ taħriġ kif ukoll materjali dwar l-antisemitiżmu u tagħmilhom disponibbli fuq il-“Pjattaforma Ewropea għat-Taħriġ” 46 tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja elettronika. Bl-istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal 47 , il-Kummissjoni għandha l-għan li tintegra d-drittijiet tat-tfal fil-politiki kollha tal-UE, biex tipproteġi aħjar lit-tfal li huma vittmi ta’ diskriminazzjoni, inkluż abbażi ta’ reliġjon jew twemmin.

Data affidabbli u komparabbli dwar inċidenti antisemitiċi hija kruċjali biex jiġi vvalutat it-tixrid tal-antisemitiżmu fl-Ewropa u biex jiġi indirizzat b’mod effettiv 48 . Ir-reġistrazzjoni ta’ inċidenti rrappurtati hija ta’ spiss inkonsistenti billi l-Istati Membri jużaw metodoloġiji differenti u d-data għalhekk ma tkunx tista’ titqabbel. Fil-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija, il-FRA se tgħin lill-Istati Membri jtejbu u jallinjaw il-metodoloġiji tagħhom għar-reġistrazzjoni u l-ġbir ta’ data dwar reati ta’ mibegħda, inkluż dwar l-antisemitiżmu.

In-nuqqas ta’ rappurtar huwa sfida: 79 % tal-Lhud li ġew mistħarrġa ma rrappurtawx l-iktar inċident antisemitiku serju tagħhom lil xi organizzazzjoni 49 . F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jagħmluha eħfef għall-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda antisemitika u ta’ diskors ta’ mibegħda biex jirrappurtaw inċidenti, billi joffru varjetà ta’ kanali, sabiex iżidu l-livell ta’ rappurtar u jtejbu r-reġistrazzjoni ta’ inċidenti bħal dawn.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Tappoġġa lill-organizzazzjonijiet u l-proġetti biex jiġġieldu u jirreġistraw diskors u reati ta’ mibegħda antisemitiċi permezz tal-programm CERV.

·Tgħin lill-Istati Membri jiżguraw li servizzi ta’ appoġġ integrati u mmirati jkunu disponibbli u aċċessibbli għall-vittmi ta’ reati ta’ mibegħda antisemitika, inkluż permezz ta’ finanzjament mill-UE.

·Issaħħaħ l-appoġġ għal programmi ta’ taħriġ u attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità dwar l-indirizzar tal-antisemitiżmu għal professjonisti tal-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi, inkluż permezz tan-Network Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (EJTN) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL).

L-Istati Membri huma mħeġġa li:

·Ilestu malajr it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija u jipproċedu kontra diskors u reati ta’ mibegħda antisemitika f’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali.

·    Jikkoordinaw mill-qrib mal-EJTN u s-CEPOL u jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili dwar attivitajiet ta’ taħriġ biex jindirizzaw l-antisemitiżmu.

1.3.L-indirizzar tal-antisemitiżmu online

L-antisemitiżmu huwa mifrux online 50 u jista’ jwassal għal radikalizzazzjoni u attakki fiżiċi. Id-diskors antisemitiku - kemm online kif ukoll offline - li jinċita l-vjolenza u l-mibegħda huwa kkriminalizzat taħt id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija. L-isterjotipi antisemitiċi, il-miti ta’ konfoffa u d-diżinformazzjoni, għalkemm mhux neċessarjament illegali, huma ta’ ħsara. Mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, l-antisemitiżmu fuq l-internet żdied drastikament 51 . Sabiex tiġi indirizzata din il-problema b’mod effettiv, hija meħtieġa aktar informazzjoni dwar kif il-kontenut antisemitiku jivvjaġġa online u dwar l-isfondi u l-motivazzjonijiet ta’ dawk li jaqsmu tali kontenut. Jeħtieġ ukoll li jinstabu metodi ġodda u innovattivi biex jiġu indirizzati d-diskriminazzjoni u l-mibegħda ċibernetika antisemitika.

Is-simboli, il-memorabilia u l-letteratura relatati man-Nazisti kif ukoll il-permutazzjonijiet kontemporanji tagħhom huma faċilment aċċessibbli online. Il-wiri u l-bejgħ ta’ prodotti bħal dawn jistgħu jikkostitwixxu diskors ta’ mibegħda taħt liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Deċiżjoni Qafas meta jinċitaw pubblikament il-mibegħda u l-vjolenza. Madankollu, anke jekk dan ma huwiex il-każ, tali disponibbiltà online tista’ tipperpetwa l-ideoloġija Nazista u tistimula subkultura antisemitika. Id-djalogu mal-kumpaniji tal-industrija u tal-IT jeħtieġ li jissaħħaħ, billi jkun ibbażat fuq l-esperjenza tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-ġlieda kontra diskors illegali ta’ mibegħda online, biex tiġi żgurata l-kooperazzjoni tagħhom biex jiġu evitati l-wiri u/jew il-bejgħ ta’ oġġetti bħal dawn.

Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva 52  tistipula li l-Istati Membri jiżguraw li l-fornituri ta’ pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ vidjows jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu lill-pubbliku ġenerali minn kontenut awdjoviżiv u minn komunikazzjonijiet kummerċjali li fihom inċitament għall-vjolenza jew il-mibegħda, inkluż kontenut antisemitiku. Il-proposta għal Regolament dwar Suq Intern għas-Servizzi Diġitali 53 tistabbilixxi obbligi ta’ diliġenza dovuta ċari u armonizzati għal pjattaformi online, inklużi proċeduri ta’ avviż u azzjoni għal kontenut u prodotti illegali, li jagħtu s-setgħa lill-utenti jirrappurtaw diskors ta’ mibegħda b’mod faċli u effettiv. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ pjattaformi online kbar ħafna, il-proposta tiffoka fuq l-indirizzar tal-lakuni li jifdal li jippermettu mġiba illegali u ta’ ħsara online, b’mod partikolari kontra gruppi vulnerabbli.

Il-Kodiċi ta’ Kondotta dwar il-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online 54  huwa kollaborazzjoni volontarja bejn il-Kummissjoni u kumpaniji tal-IT biex jipprevjenu t-tixrid ta’ diskors ta’ mibegħda illegali, inkluż dak antisemitiku. Biex tiffaċilita azzjoni integrata mill-Istati Membri tal-UE mmirata lejn gruppi u individwi li jxerrdu kontenut ta’ mibegħda u terroriżmu online, l-Europol tikkoordina ġranet ta’ azzjoni madwar l-Ewropa kollha li għandhom fil-mira diskors ta’ mibegħda razzista u ksenofobika online 55 u kontenut estremista vjolenti u terroristiku online, inkluż kontenut antisemitiku.

Skont il-pjan ta’ azzjoni dwar id-diżinformazzjoni 56 u l-pjan ta’ azzjoni għad-demokrazija Ewropea 57 , l-Kummissjoni u s-SEAE se jkomplu jagħtu attenzjoni speċifika għall-analiżi u r-rispons għal kampanji ta’ diżinformazzjoni, diskors ta’ mibegħda, inċitament għall-vjolenza u retorika estremista, inkluż permezz tat-Task Force tas-SEAE East StratCom. Barra minn hekk, il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni 58  qed jissaħħaħ 59 u qed jikkontribwixxi wkoll għall-ġlieda aħjar kontra l-antisemitiżmu online. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni u mal-pjattaformi online biex japplikaw il-Kodiċi ta’ Kondotta u l-Kodiċi ta’ Prattika.

It-teknoloġiji l-ġodda jġibu opportunitajiet ġodda biex itejbu l-ħajjiet tan-nies, iżda jistgħu wkoll jaggravaw id-diskriminazzjoni u jamplifikaw il-kontenut dannuż online, inkluż il-kontenut antisemitiku. L-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali (IA) 60 għandu l-għan li jipprevjeni sistemi ta’ IA b’riskju għoli milli jxerrdu d-diskriminazzjoni u l-preġudizzju, inkluż il-mibegħda antisemitika. L-algoritmi tal-IA jistgħu jintużaw ukoll biex isaħħu messaġġi pożittivi u kontronarrattivi billi jġibu flimkien esperti biex jindirizzaw l-antisemitiżmu, il-miti ta’ konfoffa u ċ-ċaħda jew id-distorsjoni tal-Olokawstu online.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Issaħħaħ il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu online billi tappoġġa t-twaqqif ta’ network madwar l-Ewropa kollha ta’ sinjalaturi fdati u organizzazzjonijiet Lhud, f’konformità mal-Kodiċi ta’ kondotta. Se tappoġġa wkoll l-Osservatorju Ewropew tal-Media Diġitali u ċ-ċentri nazzjonali tiegħu biex iżidu l-kapaċità tal-verifikaturi tal-fatti tagħhom dwar id-diżinformazzjoni u se taħdem ma’ organizzazzjonijiet indipendenti biex jiżviluppaw kontronarrattivi, inkluż f’lingwi mhux tal-UE.  

·Torganizza Hackathon biex tiffaċilita skambji bejn esperti biex jiżviluppaw modi innovattivi ġodda biex jindirizzaw l-antisemitiżmu fl-ambjent online u diġitali.

·Tikkoopera mal-industrija u ma’ kumpaniji tal-IT biex tevita l-wiri illegali u l-bejgħ ta’ simboli, memorabilja u letteratura relatati man-Nazisti online.

·Twettaq analiżi komprensiva tad-data biex tifhem aħjar it-tixrid tal-antisemitiżmu online, kif jivvjaġġa u jespandi.

·Tindirizza d-diskors ta’ mibegħda antisemitiku fl-istrateġija aġġornata li jmiss tal-internet aħjar għat-tfal.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Jappoġġaw, inkluż finanzjarjament, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-ġlieda kontra diskors ta’ mibegħda antisemitika, diżinformazzjoni u miti ta’ konfoffa online, f’lingwi rilevanti. 

·Isaħħu l-kapaċità tal-infurzar tal-liġi nazzjonali u tal-awtoritajiet ġudizzjarji biex jipproċedu kontra diskors ta’ mibegħda online.

1.4.Il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni antisemitika

Il-Lhud jinsabu fir-riskju li jesperjenzaw diskriminazzjoni, b’mod partikolari meta jistgħu jiġu identifikati bħala Lhud, jiġifieri meta jilbsu kippah jew ġiżirana bl-Istilla ta’ David jew meta jitkellmu bil-miftuħ dwar l-identità Lhudija tagħhom. Jistgħu jkunu f’riskju ta’ diskriminazzjoni meta japplikaw għal xogħol jew fuq il-post tax-xogħol u f’oqsma oħra bħall-edukazzjoni, is-saħħa jew l-akkomodazzjoni. Il-liġi tal-UE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, inkluż l-antisemitiżmu. B’mod partikolari, id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali 61  toffri protezzjoni għal-Lhud kontra d-diskriminazzjoni (inkluż il-fastidju) ibbażata fuq “l-oriġini razzjali jew etnika” f’ċerti oqsma tal-ħajja 62 u d-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi 63 toffri protezzjoni għal-Lhud kontra d-diskriminazzjoni jew il-fastidju abbażi tar-reliġjon jew it-twemmin fil-qasam tal-impjieg.

Il-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza jippromwovu, janalizzaw, jissorveljaw u jappoġġaw it-trattament ugwali. Sal-2022, il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni ġdida biex issaħħaħ ir-rwol tagħhom. Il-Karti tad-Diversità jinkoraġġixxu lill-organizzazzjonijiet jiżviluppaw u jimplimentaw politiki dwar id-diversità u l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol. Il-Pjattaforma tal-UE tal-Karti tad-Diversità twaqqfet biex tippermetti li l-karti eżistenti jiskambjaw u jaqsmu l-esperjenza u l-prattiki tajbin 64 . Għandhom ukoll jindirizzaw b’mod sistematiku l-isfidi speċifiċi tal-identifikazzjoni u l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fuq il-post tax-xogħol.

Id-data dwar l-ugwaljanza relatata mal-Lhud hija relattivament skarsa minħabba s-sensittività tal-ġbir ta’ data bbażata fuq l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, u minħabba li l-Lhud Ewropej huma grupp pjuttost żgħir li jwassal għal data aggregata inqas disponibbli minn stħarriġ akbar. Il-Grupp ta’ Livell Għoli tal-UE dwar in-Nondiskriminazzjoni, l-Ugwaljanza u d-Diversità, permezz ta’ sottogrupp dedikat, jappoġġa lill-Istati Membri fil-ġbir ta’ data biex jgħinhom janalizzaw l-istat tal-ugwaljanza, b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali 65 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni se twettaq sensiela ta’ azzjonijiet biex tindirizza l-isterjotipi razzjali u etniċi mal-midja, is-soċjetà ċivili u r-rappreżentanti ta’ persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju u se tniedi azzjoni biex tiżgura approċċ konsistenti lejn il-ġbir ta’ data dwar l-ugwaljanza, b’mod partikolari fir-rigward ta’ data diżaggregata skont l-oriġini razzjali jew etnika 66 .

 Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Tipproponi standards vinkolanti għall-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza sal-2022 u tikkopera ma’ Equinet 67 u ma’ korpi għall-ugwaljanza biex iżżid l-għarfien tagħhom dwar l-antisemitiżmu.

·Tappoġġa lill-Istati Membri fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ riformi mmirati biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni fl-iskejjel b’mod ġenerali - u l-antisemitiżmu b’mod partikolari - fl-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, inkluż fuq bażi ta’ ħafna pajjiżi sabiex tiffaċilita kooperazzjoni aktar b’saħħitha u tibni fuq l-aħjar prattiki.

·Tinkludi data relatata mal-antisemitiżmu u mal-Lhud fl-UE fil-ġbir u l-użu ta’ data dwar l-ugwaljanza abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika u r-reliġjon jew it-twemmin.

 

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Jiżguraw li l-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza jkunu mgħammra b’mod adegwat biex jiżguraw li l-inċidenti ta’ diskriminazzjoni antisemitika jiġu indirizzati u rrappurtati kif xieraq 

·Jindirizzaw id-diskriminazzjoni antisemitika fl-oqsma kollha, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni permezz ta’ azzjonijiet immirati bħal taħriġ u sensibilizzazzjoni.

1.5.Il-Kummissjoni Ewropea tmexxi bl-eżempju

Bħala parti mill-istrateġija tar-riżorsi umani tagħha stess, il-Kummissjoni se tkompli tistinka għal ambjent tax-xogħol inklużiv 68 u divers ħieles mill-antisemitiżmu, permezz ta’ politiki ta’ diversità u ugwaljanza li jipprevjenu l-fastidju, id-diskriminazzjoni u kull forma ta’ razziżmu. B’mod partikolari, se tkompli toħloq sensibilizzazzjoni fost il-persunal tagħha dwar l-antisemitiżmu u kif għandu jiġi miġġieled, u żżid il-fehim tal-ħajja u l-kultura Lhudija, inkluż bħala parti minn fokus ġenerali fuq il-valuri ewlenin Ewropej bħar-rispett għall-gruppi minoritarji. It-taħriġ se jkopri wkoll preġudizzji inkuxjenti inklużi dawk ibbażati fuq perċezzjonijiet ta’ reliġjon jew twemmin. Il-Kummissjoni se tibqa’ tfakkar l-Olokawstu b’avvenimenti interni għall-persunal u b’inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni u se tkompli tospita l-Euro-Chanukah annwali 69 biex tirrikonoxxi d-diversità fost il-persunal. Il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE biex huma wkoll jieħdu passi biex irawmu d-diversità u l-inklużjoni fil-postijiet tax-xogħol rispettivi tagħhom.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Tkompli ssegwi approċċ ta’ tolleranza żero għal inċidenti ta’ antisemitiżmu fl-istituzzjoni, billi tuża d-definizzjoni tal-IHRA bħala referenza.

·Tipprovdi taħriġ għal persunal immirat bħal professjonisti tar-riżorsi umani biex jirrikonoxxu l-antisemitiżmu bbażat fuq id-definizzjoni tal-IHRA u torganizza żjarat ta’ studju meta rilevanti, pereżempju f’Iżrael.

·Tinkoraġġixxi l-użu ta’ arranġamenti tax-xogħol flessibbli biex takkomoda l-osservanza ta’ vaganzi reliġjużi għall-persunal kollu tagħha.

·Tistieden lill-iskejjel Ewropej jiżguraw li l-istudenti kollha jitgħallmu dwar il-ħajja Lhudija fl-Ewropa, l-Olokawstu u l-antisemitiżmu, u jfakkru l-Jum Internazzjonali annwali ta’ Tifkira tal-Olokawstu, inkluż permezz ta’ żjarat potenzjali f’siti ta’ tifkira.

II.IL-PROTEZZJONI U T-TRAWWIM TAL-ĦAJJA LHUDIJA FL-UE

“Nibża’ li għext għal żmien twil biżżejjed biex nara affarijiet li ħsibt li l-Istorja finalment kienet twarrbet, iżda li kienu biss inattivi.”

— Liliana Segre (superstitu tax-Shoah)

Sabiex il-Lhud jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja Ewropea, huwa essenzjali li jħossuhom sikuri. Madankollu, is-sigurtà hija t-tħassib ewlieni għall-komunità Lhudija 70 . 38 % tal-Lhud ikkunsidraw li jemigraw għax ma jħossuhomx siguri bħala Lhud fl-UE 71 .

Terz (34 %) tal-Lhud jevitaw li jżuru avvenimenti jew siti Lhud tal-anqas okkażjonalment għax ma jħossuhomx siguri hemmhekk jew fi triqithom hemm 72 .

Diversi attakki terroristiċi letali madwar l-Ewropa wrew li l-postijiet Lhud ma humiex dejjem protetti b’mod adegwat. Għalkemm huma l-awtoritajiet nazzjonali li huma responsabbli għall-protezzjoni taċ-ċittadini kollha, ħafna mill-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Lhud kellhom jagħmlu investimenti sinifikanti fil-miżuri ta’ sigurtà tagħhom stess.

2.1.Il-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti u t-terroriżmu mmirati kontra l-Lhud

L-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 2020-2025 73 għandha l-għan li tiżgura s-sigurtà għal kulħadd fl-UE, f’konformità mal-valuri u l-prinċipji tal-UE. L-Aġenda Kontra t-Terroriżmu tal-2020 74 , issaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti u tagħti spinta lir-reżiljenza tal-UE għal theddid terroristiku.

Skont il-pjan ta’ azzjoni tal-2017 li jappoġġa l-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi inklużi postijiet ta’ qima 75 , ġew żviluppati diversi materjali ta’ gwida 76 , għodod u taħriġ 77 mill-Kummissjoni biex tappoġġa l-ħidma tal-Istati Membri u l-komunitajiet ta’ fidi f’dan il-qasam. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Ġunju 2021 dwar il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi 78 enfasizzaw li l-postijiet ta’ qima jitolbu miżuri ta’ protezzjoni speċifiċi.

Jeħtieġ li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-mexxejja u l-kongregazzjonijiet ibbażati fuq il-fidi, inklużi dawk Lhud, biex jittejjeb il-livell tal-għarfien dwar is-sigurtà u jiżdiedu l-impenn u r-reżiljenza tal-komunità permezz ta’ attivitajiet ta’ bini ta’ fiduċja. Dan jippromwovi prattiki tajbin u taħriġ fil-protezzjoni ta’ postijiet ta’ qima, li dejjem aktar ġew fil-mira ta’ attakki terroristiċi. Il-Kummissjoni se torganizza wkoll konferenza ta’ livell għoli dwar il-protezzjoni tal-komunitajiet Lhud fl-UE.

Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġa lill-Istati Membri u l-komunitajiet Lhud fit-tisħiħ tal-protezzjoni tal-postijiet ta’ qima bħala parti mill-appoġġ tagħha għall-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi. Is-sejħa għall-proposti li jmiss se tiġi ppubblikata fl-2022 u se żżid l-ammont totali għal EUR 24 miljun. Il-Kummissjoni, flimkien maċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, se tesplora l-possibbiltà ta’ evalwazzjonijiet regolari tal-UE tat-theddid speċifiku għal persuni, komunitajiet u postijiet ta’ qima Lhud, sabiex tifhem, tipprevjeni, tipproteġi u tirrispondi aħjar għal riskji għas-sigurtà.

Biex niġġieldu l-estremiżmu vjolenti, huwa essenzjali li nsaħħu s-soċjetajiet demokratiċi tagħna u nżidu r-reżiljenza tas-soċjetà għall-ideoloġiji estremisti. L-antisemitiżmu jinstab mal-ispettru ta’ ideoloġiji estremisti, mill-ġiħadiżmu sal-estremiżmu vjolenti tal-lemin. Ir-radikalizzazzjoni, ir-reklutaġġ u t-tħejjija ta’ attakki terroristiċi ta’ spiss isiru online. Ir-Regolament dwar l-indirizzar tat-tixrid ta’ kontenut terroristiku online 79 jittratta dan billi jirrikjedi li l-pjattaformi online jkollhom rwol aktar attiv fl-iskoperta ta’ kontenut bħal dan u t-tneħħija tiegħu f’mhux aktar minn siegħa.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Tipprovdi finanzjament tal-UE b’appoġġ għal proġetti ffokati fuq il-protezzjoni ta’ spazji pubbliċi u postijiet ta’ qima u tipproduċi mappa, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, tal-miżuri tas-sigurtà nazzjonali u ta’ protezzjoni eżistenti.

·Tkompli tiffinanzja attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni, primarjament permezz tal-programm Orizzont Ewropa, bil-għan li jiġu mifhuma x-xejriet tar-radikalizzazzjoni kontemporanji, kif ukoll il-mezzi u x-xejriet biex jiġu evitati u indirizzati b’mod effettiv.

·Iżżid l-appoġġ operattiv tagħha għall-Istati Membri u l-komunitajiet Lhud billi tipprovdi taħriġ dwar miżuri ta’ sigurtà. Dan se jinkludi żjarat ta’ konsulenti dwar is-sigurtà protettiva tal-UE fl-Istati Membri biex iwaqqfu network ta’ ħarrieġa dwar il-protezzjoni tal-postijiet ta’ qima.

·Tidentifika permezz tan-Network ta’ Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni ir-rilevanza speċifika u l-implikazzjonijiet tal-antisemitiżmu fil-ħidma tagħha dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti.

·Tikkoopera mill-qrib mal-Europol, inkluża l-Unità ta’ Indikazzjoni ta’ Kontenut fuq l-Internet tal-UE tiegħu, biex tiġġieled it-terroriżmu antisemitiku u l-estremiżmu vjolenti online, billi tieħu azzjoni kontra gruppi u individwi li jxerrdu kontenut terroristiku online u biex tiżgura implimentazzjoni rapida tar-Regolament dwar il-kontenut online tat-terroriżmu.

·Tappoġġa l-kommemorazzjoni tal-vittmi ta’ attakki terroristiċi, inkluż permezz tal-ħajt diġitali tal-vittmi.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw is-sigurtà tal-bini Lhudi u jipprovdu biżżejjed appoġġ finanzjarju jew appoġġ ieħor, inkluż bl-appoġġ tal-programmi annwali nazzjonali tal-Fond tas-Sigurtà Interna - Il-Pulizija.

·Jintegraw u jimplimentaw għodod u gwida tal-UE 80  dwar il-protezzjoni ta’ postijiet ta’ qima bħala parti mill-istrateġiji nazzjonali tagħhom dwar l-antisemitiżmu.

·Jagħmlu użu mill-appoġġ tal-Europol rigward l-attivitajiet ta’ kontra t-terroriżmu, kemm online kif ukoll offline, u investigazzjonijiet relatati, inklużi dawk marbuta mar-razziżmu, il-ksenofobija u l-antisemitiżmu.

2.2.It-trawwim tal-ħajja Lhudija u l-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin

Il-ħajja Lhudija hija parti mid-diversità tal-UE. Il-Lhud jistgħu jkunu sekulari, liberali, ta’ riforma, agnostiċi, ortodossi jew ultraortodossi; jistgħu jkunu Ashkenazi jew Sephardi; jista’ jkollhom għeruq fl-eks Unjoni Sovjetika, fil-Lvant Nofsani, fl-Asja Ċentrali, fl-Afrika u fi bnadi oħra. Ħafna Lhud huma parti minn familji mħallta, u b’hekk ikomplu jżidu d-diversità tal-oriġini u t-twemmin tagħhom 81 . Madankollu, minkejja l-preżenza fit-tul tal-Lhud fl-Ewropa, in-nies bilkemm għandhom għarfien tal-ħajja Lhudija u tal-Ġudajiżmu. 3 % biss tal-Ewropej iħossuhom “infurmati tajjeb ħafna” dwar l-istorja, id-drawwiet u l-prattiċi tal-Lhud, filwaqt li 68 % jgħidu li “ma humiex infurmati” 82 . Biex jixxejnu l-preġudizzji u biex jinkiseb rikonoxximent sħiħ tal-ħajja Lhudija bħala parti mis-soċjetà Ewropea, is-sensibilizzazzjoni u l-għarfien dwar l-istorja u l-kultura Lhudija għandhom jiżdiedu fost il-pubbliku ġenerali 83 .

Il-Lhud jesprimu l-identità Lhudija tagħhom permezz ta’ prattiċi kulturali, tradizzjonali u reliġjużi speċifiċi, billi jfakkru l-istorja tagħhom u jgħallmu lezzjonijiet għall-ġenerazzjonijiet futuri. Waħda minn dawn il-prattiki hija l-festival tar-rebbiegħa TuBishvat (is-Sena l-Ġdida tas-Siġar), festa Lhudija ddedikata għall-preżervazzjoni tan-natura fejn jitħawlu s-siġar bħala ċelebrazzjoni.

Shechita, it-tbiċċir kosher 84 tal-annimali, huwa eżempju ieħor. Fis-sentenza tagħha dwar il-qtil ritwali ta’ Diċembru 2020, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) 85 , irrikonoxxiet li l-Istati Membri jistgħu jadottaw regoli differenti bbażati fuq il-kuntest domestiku, filwaqt li jiżguraw ir-rispett tal-Artikolu 10(1) tal-Karta 86 , billi joħolqu bilanċ ġust bejn ir-rispett għal-libertà tal-manifestazzjoni tar-reliġjon u l-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali 87 .

Il-ħajja Lhudija tista’ tiffjorixxi biss f’soċjetà inklużiva, filwaqt li tibni fuq relazzjonijiet b’saħħithom u ta’ fiduċja ma’ komunitajiet oħra, inkluż l-ewwel ġenerazzjoni, b’mod partikolari fil-livell lokali. Il-kultura jista’ jkollha rwol importanti fl-iżvilupp ta’ soċjetà inklużiva. Mill-mużika għaċ-ċinema u l-arti tal-ispettaklu, is-settur kulturali huwa forza qawwija għall-promozzjoni tal-inklużjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni. Il-Kummissjoni tappoġġa l-kultura u l-arti Lhudija permezz ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE, bħall-programm Ewropa Kreattiva, filwaqt li tfittex li tiġġieled l-isterjotipi - inkluż dawk dwar il-Lhud - fis-soċjetà Ewropea.

L-isport u l-midja wkoll għandhom rwol importanti x’jaqdu biex titrawwem l-inklużjoni. Fil-futbol, xi federazzjonijiet u klabbs nazzjonali diġà qed jindirizzaw l-imġiba u l-inċidenti antisemitiċi. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-inizjattivi tas-soċjetà ċivili u ma’ atturi rilevanti oħra biex issaħħaħ il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u r-razziżmu fil-futbol fl-arranġament li ġej ta’ kooperazzjoni mal-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) (2022-2024) u biex tindirizza l-antisemitiżmu fl-isport b’mod ġenerali f’kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet sħab oħra, inkluż permezz ta’ kampanji tal-midja soċjali. L-isterjotipi jseħħu wkoll fil-midja. Filwaqt li tirrispetta l-libertà tal-istampa, il-Kummissjoni se tappoġġa taħriġ għall-ġurnalisti dwar ir-rikonoxximent tal-forom kollha ta’ antisemitiżmu u l-iżvelar ta’ preġudizzji antisemitiċi fir-rapportar.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Iżżid l-għarfien u l-fehim dwar il-ħajja Lhudija fost il-pubbliku ġenerali permezz ta’ kampanja ta’ sensibilizzazzjoni f’kooperazzjoni mill-qrib mal-komunitajiet Lhud, inkluż permezz ta’ djalogu u attivitajiet interkulturali u interkonfessjonali.

·Trawwem rabtiet bejn it-tradizzjoni Lhudija ta’ tħawwil ta’ siġar fil-festa ta’ TuBishvat, inkluż minn tfal tal-iskola, u l-impenn tal-UE li tħawwel 3 biljun siġra addizzjonali skont l- istrateġija għall-bijodiversità u għall-foresti għall-2030 , u b’hekk toħloq sensibilizzazzjoni u viżibilità reċiproka. 88 .

·Tiffaċilita l-iskambju ta’ prattiki bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-komunitajiet Lhud u Musulmani fir-rigward tat-tbiċċir ibbażat fuq tradizzjonijiet reliġjużi, abbażi tal-esperjenza ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU, l-OSKE-ODIHR u l-Kunsill tal-Ewropa.

·Tieħu azzjoni biex tiġġieled l-antisemitiżmu u trawwem il-ħajja Lhudija fil-livell reġjonali u lokali, inkluż billi tippjana u tiżviluppa gwida ta’ prattiki tajbin u taħriġ għall-organizzazzjonijiet li joperaw fil-livelli reġjonali u lokali.

·Tappoġġa l-iskambju, permezz tan-Network Ewropew għall-Integrazzjoni, ta’ prattiki tajbin dwar l-għoti ta’ informazzjoni lill-migranti dwar il-valuri tal-UE, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu, pereżempju billi taħdem mal-migranti bħala ambaxxaturi għall-valuri tal-UE.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Jiżguraw permezz ta’ miżuri ta’ politika u legali li gruppi jew komunitajiet reliġjużi, inklużi l-Lhud, ikunu jistgħu jgħixu ħajjithom skont it-tradizzjonijiet reliġjużi u kulturali tagħhom.

·Joħolqu sensibilizzazzjoni fost il-pubbliku ġenerali dwar il-ħajja u t-tradizzjonijiet tal-Lhud, inkluż billi jfakkru pubblikament il-jiem rilevanti għal-Lhud, u billi jiffinanzjaw proġetti u jwettqu kampanji.

2.3.Il-ħarsien tal-wirt Lhudi

Il-wirt kulturali Lhudi huwa parti integrali mill-kultura Ewropea. L-esterminazzjoni tal-komunitajiet Lhud matul l-Olokawstu biddlet wiċċ l-Ewropa u ħalliet ħafna binjiet, ċimiterji u siti oħra tal-wirt Lhudi abbandunati jew mhux użati. Dan il-“wirt orfni” issa huwa ta’ spiss f’kundizzjoni ħażina jew f’periklu ta’ deterjorament.

Il-qafas Ewropew għall-azzjoni dwar il-wirt kulturali 89 jinkludi miżura speċifika dwar iċ-ċimiterji tal-Lhud fl-Ewropa. Il-wirt kulturali tal-Ewropa, inkluż il-wirt Lhudi, huwa appoġġat minn firxa ta’ politiki, programmi u finanzjament tal-UE, b’mod partikolari l-Ewropa Kreattiva, l-Orizzont Ewropa, l-Erasmus+, is-CERV u l-fondi tal-politika ta’ koeżjoni. Il-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (il-Konvenzjoni ta’ Faro) 90 tenfasizza l-aspetti importanti tal-wirt peress li dawn huma relatati mad-drittijiet tal-bniedem u mad-demokrazija, u tippromwovi fehim usa’ tal-wirt u r-relazzjoni tiegħu mal-komunitajiet u mas-soċjetà 91 . Id-Dikjarazzjoni ta’ Terezín dwar l-Assi ta’ Żmien l-Olokawstu u Kwistjonijiet Relatati 92 , iffirmata mill-Istati Membri kollha fl-2009 93 , tiddeskrivi diversi miżuri lejn ġustizzja restorattiva għall-vittmi tal-persekuzzjoni Nazista u d-dixxendenti tagħhom. Fil-kuntest ta’ DiscoverEU 94 , vjaġġaturi żgħażagħ huma mħeġġa jżuru siti ta’ wirt kulturali biex isaħħu l-għarfien tagħhom dwar il-wirt kulturali tal-Ewropa.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Tistieden lill-bliet jindirizzaw l-istorja tal-minoranzi tagħhom, inkluża l-istorja tal-komunità Lhudija, meta japplikaw għat-titolu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura.

·Tuża l-Jiem Ewropej tal-Wirt, inizjattiva konġunta tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissjoni, biex tiġbed l-attenzjoni għall-wirt Lhudi madwar l-Ewropa.

·Issegwi l-proġett ta’ rkupru kulturali diġitali Lhudi  95 , li għandu l-għan li jiżviluppa bażi tad-data komprensiva ta’ informazzjoni dwar assi kulturali tal-Lhud li kienu nsterqu min-Nazisti, tiġbor prattiki tajbin u tipproponi attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

·Tniedi azzjoni preparatorja dwar il-protezzjoni taċ-ċimiterji Lhud tal-Ewropa, filwaqt li tikkapitalizza fuq ir-riżultati ta’ żewġ proġetti pilota preċedenti tal-Parlament Ewropew 96 dwar dan is-suġġett u trawwem rabtiet bejn gruppi interessati fil-preżervazzjoni ta’ siti ta’ dfin Lhud.

·Tippromwovi żjarat taż-żgħażagħ li jivvjaġġaw madwar l-Ewropa lejn siti ta’ wirt Lhud fil-kuntest ta’ DiscoverEU.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Jinkoraġġixxu u jappoġġaw il-Jiem Ewropej tal-Wirt, billi jenfasizzaw il-wirt Lhudi fil-kuntest nazzjonali, inkluż fil-mużewijiet nazzjonali, fil-festivals u fl-arti sponsorjati mill-istat.

·Jappoġġaw il-manutenzjoni u s-salvagwardja tal-wirt Lhudi skont il-Konvenzjoni ta’ Faro.

·Jużaw opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE, inkluż il-fond tal-politika ta’ koeżjoni, biex jissalvagwardaw il-wirt Lhudi. 

·Jimplimentaw id-Dikjarazzjoni ta’ Terezín tal-2009.

III.L-EDUKAZZJONI, IR-RIĊERKA U T-TIFKIRA

“Kemm hu sabiħ li ħadd m’għandu bżonn jistenna mument wieħed qabel ma jibda jtejjeb id-dinja.”

― Anne Frank

Biex insawru l-futur tal-Ewropa, in-nies jeħtieġ li jifhmu l-passat tagħha. L-għarfien dwar il-ħajja Lhudija u l-antisemitiżmu fl-Ewropa matul is-sekli u l-impatt tal-Olokawstu fuq il-Lhud u fuq il-kontinent Ewropew huma essenzjali biex wieħed jifhem l-antisemitiżmu llum u biex dawn l-atroċitajiet ma jerġgħux iseħħu. L-edukazzjoni u r-riċerka dwar il-ħajja Lhudija, l-antisemitiżmu u l-Olokawstu huma kruċjali f’dan ir-rigward u jenħtieġ li ma jiffokawx biss fuq l-Olokawstu, iżda wkoll fuq il-kontribut tal-Lhud għas-soċjetà Ewropea.

Iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 97 u l-komunikazzjonijiet il-ġodda taż-Żona Ewropea tar-Riċerka 98 jindirizzaw kwistjonijiet ta’ inklużjoni, ugwaljanza u nondiskriminazzjoni. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-opportunitajiet indaqs ikunu valur kondiviż mill-Istati Membri fir-riċerka u l-innovazzjoni, fil-kuntest tal-Patt li ġej għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Il-pjan ta’ azzjoni għall-edukazzjoni Diġitali (2021-2027) jiffoka fuq l-importanza li tiġi indirizzata d-diżinformazzjoni u li jiġi promoss il-litteriżmu diġitali fl-edukazzjoni u t-taħriġ permezz tal-iżvilupp ta’ linji gwida għall-għalliema u l-edukaturi bil-għan li jitrawmu l-ħsieb kritiku, it-tolleranza u l-promozzjoni tal-għoti tas-setgħa online. Barra minn hekk, l-UNESCO u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem ripetutament talbu għall-promozzjoni ta’ programmi edukattivi fl-Istati parteċipanti, inklużi l-Istati Membri tal-UE, biex toħloq sensibilizzazzjoni fost iż-żgħażagħ dwar il-valur tar-rispett u l-fehim reċiproku. L-impenji tal-UNESCO u tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem iħeġġu edukazzjoni dwar l-antisemitiżmu li tiżgura approċċ sistematiku, inkluż l-iżvilupp u l-użu ta’ kurrikuli biex jiġu indirizzati forom kontemporanji ta’ antisemitiżmu 99 .

3.1.L-edukazzjoni u r-riċerka dwar l-antisemitiżmu u l-ħajja Lhudija

Kull tifel u tifla għandhom jitgħallmu dwar il-ħajja Lhudija u l-antisemitiżmu bħala parti integrali mill-istorja tal-Ewropa. L-edukazzjoni tista’ ssaħħaħ ir-reżiljenza taż-żgħażagħ għall-ideat u l-ideoloġiji antisemitiċi u għall-forom kollha ta’ intolleranza u diskriminazzjoni. L-opportunitajiet ta’ involviment mal-komunitajiet Lhud u l-membri tagħhom, kif ukoll ma’ minoranzi u gruppi reliġjużi oħra jistgħu jrawmu wkoll fehim reċiproku. Is-sena Ewropea taż-Żgħażagħ 2022 se toffri opportunitajiet ġodda f’dan ir-rigward. L-iskejjel u l-kampusijiet iridu jkunu postijiet sikuri għal kulħadd. L-għalliema għandhom jingħataw is-setgħa li jindirizzaw l-antisemitiżmu, l-Olokawstu, il-ħajja u l-istorja tal-Lhud, anke fi klassijiet multikulturali.

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riċerka dwar l-antisemitiżmu, il-ħajja Lhudija u l-Olokawstu permezz tal-Orizzont 2020 u l-programm Ewropa għaċ-Ċittadini, u se tkompli tagħmel dan taħt is-suċċessuri tagħhom, l-Orizzont Ewropa 100 u l-programmi CERV. Madankollu, id-dipartimenti universitarji dwar l-istudji dwar l-antisemitiżmu u l-Lhud fl-UE huma marbuta biss b’mod laxk. Ma hemm l-ebda ċentru globali tar-riċerka. L-isforzi ta’ riċerka dwar l-aspetti kollha tal-antisemitiżmu u tal-ħajja Lhudija fl-Ewropa jenħtieġ li jiżdiedu biex jikkomplementaw ir-riċerka tal-Olokawstu.

L-UE ħadet f’idejha t-tmexxija fl-iżgurar ta’ data komparabbli dwar l-esperjenzi u l-perċezzjonijiet antisemitiċi. L-istħarriġ tal-FRA dwar l-esperjenzi tal-Lhud tal-antisemitiżmu se jiġi rripetut fl-2023 u f’intervalli regolari minn hemm ’il quddiem. L-Ewrobarometru dwar il-perċezzjonijiet tal-antisemitiżmu fost il-pubbliku ġenerali se jitwettaq għat-tieni darba fl-2024 u mbagħad kull ħames snin. Sabiex jiġi ffaċilitat aktar it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza, hija meħtieġa aktar riċerka dwar il-preġudizzji antisemitiċi fost il-popolazzjoni ġenerali.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Trawwem, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u l-komunità tar-riċerka, il-ħolqien ta’ ċentru ta’ riċerka Ewropew dwar l-antisemitiżmu kontemporanju u l-ħajja u l-kultura Lhudija li jrawmu riċerka multidixxiplinari madwar l-Ewropa u jiffinanzjaw ir-riċerka permezz ta’ Orizzont Ewropa, dwar diversi forom strutturali ta’ razziżmu u ksenofobija, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-intersezzjonalità.

·Tappoġġa l-iżvilupp ta’ network ta’ Ambaxxaturi Ewropej Żgħażagħ biex tiġi promossa t-tifkira tal-Olokawstu fl-iskejjel, fl-universitajiet u fl-istituzzjonijiet ta’ taħriġ vokazzjonali u edukattiv.

·Tiffinanzja stħarriġ madwar l-UE kollha dwar il-preġudizzji antisemitiċi fil-popolazzjoni ġenerali tal-Istati Membri kollha, inkluż fost iż-żgħażagħ.

·Tappoġġa lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom biex jippromwovu valuri komuni u edukazzjoni inklużiva u jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-promozzjoni ta’ valuri komuni, edukazzjoni inklużiva, u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim 101 permezz tal-Grupp ta’ Ħidma l-ġdid dwar l-ugwaljanza u l-valuri fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż dwar il-ħajja u t-tradizzjonijiet tal-Lhud. 

·Tappoġġa attivitajiet, permezz tal-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà, immirati lejn il-promozzjoni tal-valuri Ewropej u l-ġlieda kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni u intolleranza, inkluż l-antisemitiżmu, billi jrawmu l-edukazzjoni ċivika u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika.

·Tappoġġa t-taħriġ tal-professjonisti edukattivi f’kooperazzjoni mal-UNESCO u l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, abbażi tal-gwida tagħhom dwar “L-indirizzar tal-antisemitiżmu permezz tal-edukazzjoni”, rispettivament għal dawk li jfasslu l-politika u għall-istituzzjonijiet tat-taħriġ tal-għalliema.

·Tappoġġa lill-Istati Membri, permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ riformi fl-iskejjel immirati lejn l-indirizzar tad-diskriminazzjoni b’mod ġenerali, u l-antisemitiżmu b’mod partikolari.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Jippromwovu l-għarfien dwar il-ħajja Lhudija, l-antisemitiżmu u l-Olokawstu permezz tal-edukazzjoni u r-riċerka, u jħeġġu skambji mal-komunitajiet lokali, fejn possibbli.

·Jirrapportaw u jirreġistraw inċidenti ta ’ diskriminazzjoni antisemitika fl-iskejjel u jappoġġaw lid-diretturi tal-iskejjel u lill-għalliema fl-indirizzar tagħhom.

3.2.L-edukazzjoni, ir-riċerka u t-tifkira tal-Olokawstu

L-Olokawstu huwa legat li jiddefinixxi l-istorja Ewropea, li matulu nqatlu sitt miljun tifel u tifla, mara u raġel Lhud. Filwaqt li l-Lhud kienu l-mira ta’ prijorità tar-reġim Nazista, gruppi oħra kienu ppersegwitati wkoll, inklużi r-Rom, persuni b’diżabilitajiet, is-Slavi, ix-xhieda ta’ Jehovah, il-persuni LGBTIQ u d-dissidenti politiċi.

Għal għexieren ta’ snin, is-superstiti tal-Olokawstu ikkondividew l-istejjer tagħhom bħala parti mit-tradizzjoni ta’ tifkira. Madankollu, illum, is-superstiti kollha xjaħu jew mietu. Dawk li kienu adulti matul it-tieni Gwerra Dinjija u li kellhom l-aktar memorji ċari tal-Olokawstu, ma għadhomx magħna. Il-preżervazzjoni u l-onorar tal-legat tagħhom, l-iżgurar li l-istejjer tagħhom ma jintesewx u jiġu rrakkontati b’mod preċiż, u s-sejba ta’ forom ġodda ta’ tifkira huma sfidi u dmirijiet għal din il-ġenerazzjoni u għall-ġenerazzjonijiet futuri tal-Ewropej.

Bħalissa, Ewropew wieħed f’kull 20 qatt ma sema’ bl-Olokawstu, u inqas minn nofs l-Ewropej jaħsbu li huwa mgħallem biżżejjed fl-iskejjel 102 . L-edukazzjoni u r-riċerka għandhom rwol ewlieni fis-sensibilizzazzjoni dwar l-Olokawstu.

Riċerka ħielsa, miftuħa u indipendenti hija valur ewlieni tad-demokraziji. Ir-riċerka dwar l-aspetti kollha tal-Olokawstu hija importanti wkoll biex jiżdied il-fehim dwar kif l-Olokawstu kien possibbli fl-Ewropa. B’EUR 25 miljun (2010-2024) 103 , l-Infrastruttura Ewropea tar-Riċerka dwar l-Olokawstu (EHRI) 104 - l-akbar inizjattiva ta’ riċerka ffinanzjata mill-UE dwar l-Olokawstu globalment - tgħaqqad il-komunità tar-riċerka billi tagħmel disponibbli, madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, sorsi mifruxa relatati mal-Olokawstu. F’dan ir-rigward, l-EHRI se tespandi l-enfasi tar-riċerka tagħha biex tinkludi l-manifestazzjonijiet tal-antisemitiżmu li wasslu għall-Olokawstu.

Għandhom jiġu żviluppati wkoll modi ġodda kif tinħoloq sensibilizzazzjoni, b’mod partikolari f’kuntest lokali, fejn postijiet “fejn seħħ l-Olokawstu” – minn sinagogi għal siti kulturali Lhud, minn postijiet fejn inħbew għal siti ta’ sparar – ta’ spiss ma jkunux viżibbli. Dan jista’ jinkludi network li jippermetti lill-istudenti, lill-prattikanti u lill-pubbliku ġenerali jittraċċaw il-kontinwità tal-preżenza Lhudija fl-Ewropa matul is-sekli u li jiffaċilita inizjattivi lokali biex isiru żjarat u jerġgħu jiġu stabbiliti siti kulturali u ta’ memorja.

Il-Kummissjoni se trawwem ukoll dibattitu pubbliku (online jew fil-kunsilli lokali) dwar is-sinifikat tal-Olokawstu f’UE diversa u se tappoġġa l-ħolqien ta’ Monument Ewropew parteċipattiv tal-Olokawstu fi Brussell, marbut ma’ biċċiet ta’ arti fil-bliet kapitali tal-UE.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Tappoġġa, anke finanzjarjament, il-ħolqien ta’ network ta’ siti “fejn seħħ l-Olokawstu”, f’kooperazzjoni mal-komunitajiet lokali.

·Tagħmel il-finanzjament tal-proġett disponibbli permezz tal-fergħa ta’ Tifkira tal-programm CERV biex jiġi kkommemorat l-Olokawstu ukoll permezz tad-diġitalizzazzjoni tal-arkivji u tax-xhieda tas-superstiti tal-Olokawstu.

·Tkompli l-preżenza tagħha fi u l-appoġġ għall-jiem u l-avvenimenti ta’ kommemorazzjoni tal-Olokawstu, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f’dak nazzjonali, f’kooperazzjoni mar-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni fl-Istati Membri u d-delegazzjonijiet tal-UE.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Ifakkru l-Olokawstu pubblikament f’kooperazzjoni mill-qrib mal-komunità Lhudija, inkluż bl-involviment tal-parlamenti nazzjonali.

·Jiżguraw li l-universalità tal-Olokawstu tkun riflessa fl-edukazzjoni u jivvalutaw l-effettività ta’ kif jiġi mgħallem, inkluż fi klassi multietnika u diversa.

·Isiru sħab attivi fl-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-EHRI, inkluż permezz ta’ kontribuzzjonijiet finanzjarji.

3.3.Iċ-ċaħda, id-distorsjoni u l-banalizzazzjoni tal-Olokawstu

Sfortunatament, il-manifestazzjonijiet ta’ ċaħda, distorsjoni u banalizzazzjoni tal-Olokawstu qed jiżdiedu. 53 % tal-Ewropej iqisu ċ-ċaħda tal-Olokawstu bħala problema f’pajjiżhom 105 . 62 % tal-Lhud raw jew semgħu persuni mhux Lhud jissuġġerixxu li l-Olokawstu huwa mit jew ġie eżaġerat, tal-anqas kultant 106 . Iċ-ċaħda, id-distorsjoni u l-banalizzazzjoni tal-Olokawstu spiss jintużaw biex irawmu l-mibegħda kontra l-Lhud u bħala tentattiv biex terġa’ tinkiteb l-istorja Ewropea u tal-Lhud. L-effetti korrożivi tagħhom għall-memorja storika kollettiva u għar-reżiljenza u l-koeżjoni tas-soċjetajiet demokratiċi tagħna ma għandhomx jiġu sottovalutati u jeħtieġ li jiġu indirizzati speċifikament. Id-diskors ta’ mibegħda relatat mal-iskużar, iċ-ċaħda jew il-banalizzazzjoni grassa tal-Olokawstu huwa pprojbit skont id-Deċiżjoni Qafas dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu u l-ksenofobija 107 .

Biex teduka u toħloq sensibilizzazzjoni, il-Kummissjoni tikkoopera mal-IHRA permezz tas-Sħubija Internazzjonali Permanenti tagħha bl-użu tad-definizzjoni tal-IHRA taċ-ċaħda u d-distorsjoni tal-Olokawstu 108 , biex tiġġieled dan il-fenomenu. Eżempju huwa l-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni #ProtectTheFacts 109 , li tiffoka fuq il-ġlieda kontra d-distorsjoni tal-Olokawstu. Fi sħubija mal-IHRA u l-UNESCO, il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa inizjattivi oħra bbażati fuq ir-“rakkomandazzjoni tal-IHRA dwar ir-rikonoxximent u l-ġlieda kontra d-distorsjoni tal-Olokawstu” 110 .

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni se:

·Tippromwovi l-użu tad-definizzjoni tal-IHRA taċ-ċaħda u d-distorsjoni tal-Olokawstu għall-edukazzjoni u għal skopijiet ta’ sensibilizzazzjoni.

·Tiżviluppa manwal dwar l-aħjar prattiki li jiġġieldu ċ-ċaħda, id-distorsjoni u l-banalizzazzjoni tal-Olokawstu. 

·Tappoġġa u ssaħħaħ il-kampanji tal-midja soċjali flimkien mal-UNESCO, l-IHRA u sħab internazzjonali oħra u ma’ gruppi tas-soċjetà ċivili biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar iċ-ċaħda u d-distorsjoni tal-Olokawstu u biex dawn jiġu miġġielda b’mod attiv.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Jinvolvu ruħhom b’mod attiv f’kampanji ta’ sensibilizzazzjoni kontra ċ-ċaħda, id-distorsjoni u l-banalizzazzjoni tal-Olokawstu.

IV.IT-TMEXXIJA TAL-ĠLIEDA GLOBALI KONTRA L-ANTISEMITIŻMU

Id-dinja kif ħloqniha hija proċess tal-ħsieb tagħna. Ma tistax tinbidel mingħajr ma nibdlu l-ħsieb tagħna.”

Albert Einstein

Il-popolazzjoni tal-Lhud madwar id-dinja hija stmata li hija 15,2 miljun 111 . Minn dawn, 45 % jew 6,9 miljun jgħixu f’Iżrael. B’madwar 6 miljuni, l-Istati Uniti għandhom it-tieni l-akbar komunità Lhudija. Minbarra l-1,5 miljun Lhudi fl-UE, il-popolazzjonijiet Lhud li jifdal jgħixu mferrxa madwar id-dinja fil-kontinenti abitati kollha 112 .

Il-preġudizzji antisemitiċi huma mifruxa madwar id-dinja. Skont ir-riċerka tal-Anti-Defamation League 113 dwar l-attitudnijiet u l-opinjonijiet lejn il-Lhud, 74 % tan-nies fir-reġjun tal-Lvant Nofsani/l-Afrika ta’ Fuq għandhom attitudnijiet antisemitiċi, minkejja li xi sinjali pożittivi għandhom jiġu rreġistrati wkoll, bħan-normalizzazzjoni reċenti tar-relazzjonijiet bejn Iżrael u għadd ta’ pajjiżi fir-reġjun 114   115 . Fl-Ewropa tal-Punent 116 , iċ-ċifra hija ta’ 24 % u fl-Ewropa tal-Lvant 34 %, filwaqt li fil-kontinent Amerikan hija ta’ 19 %, fl-Asja 22 % u fl-Afrika sub-Saħarjana 23 %. Is-sitwazzjoni u d-daqs tal-komunitajiet Lhud ivarjaw b’mod konsiderevoli bejn il-pajjiżi. Il-Lhud jinsabu f’riskju u jesperjenzaw attakki u inċidenti antisemitiċi madwar id-dinja. Il-preġudizzji antisemitiċi jistgħu jinstabu wkoll f’pajjiżi mingħajr komunitajiet Lhud.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni Ewropea tafferma mill-ġdid l-impenn sod u inekwivoku tagħha lejn il-ġlieda globali kontra l-antisemitiżmu. Kwalunkwe forma ta’ antisemitiżmu, inċitament għall-mibegħda jew vjolenza hija inaċċettabbli u inkompatibbli mal-valuri u l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha. Hija għandha tiġi indirizzata permezz ta’ azzjoni soda, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f’dak nazzjonali. Dawn il-prinċipji mhumiex negozjabbli għall-Kummissjoni Ewropea. Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-integrazzjoni tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fil-forom kollha tagħha u fl-oqsma kollha ta’ politika hija essenzjali.

4.1.Uża l-istrumenti kollha biex tindirizza l-antisemitiżmu permezz tal-azzjoni esterna tal-UE

L-UE hija msejsa fuq impenn qawwi biex tippromwovi u tipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt mad-dinja kollha. Dan l-impenn huwa l-bażi tal-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat tal-UE u l-politiki tagħha lejn pajjiżi oħra li ma humiex fl-UE, kif ukoll il-ħidma tagħha f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-pajjiżi kollha għandhom jipproteġu d-dritt ta’ kulħadd, inkluż il-poplu Lhudi, li jkollu, ma jkollux jew li jibdel ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, li juri pubblikament ir-reliġjon jew it-twemmin tiegħu, u li jkun ħieles minn diskriminazzjoni, persekuzzjoni jew vjolenza minħabba r-reliġjon jew it-twemmin, jew abbażi tal-oriġini razzjali jew etnika tiegħu. Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE 2020-2024 dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jistabbilixxi l-livell ta’ ambizzjoni u jistabbilixxi l-prijoritajiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha f’dan il-qasam, fir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux tal-UE. Il-Linji Gwida tal-2013 dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin barra l-UE 117 u l-Linji Gwida tal-2019 dwar in-nondiskriminazzjoni fl-azzjoni esterna 118 jfissru għodod li għandhom jintużaw mill-fergħa esterna tal-UE biex jindirizzaw ksur tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni, inkluż kontra l-poplu Lhudi 119 .

L-UE se tuża l-għodod kollha disponibbli biex tappella lill-pajjiżi msieħba biex jiġġieldu b’mod attiv kontra l-antisemitiżmu, filwaqt li jqisu d-definizzjoni tal-IHRA tal-antisemitiżmu 120 , fid-djalogi politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem u fil-kooperazzjoni usa’ tagħha mal-pajjiżi sħab. Dan huwa appoġġat permezz ta’ programmi tematiċi u ġeografiċi u l-politiki tal-viċinat u t-tkabbir tal-UE, inkluż fil-proċessi ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni.

L-UE se tikkoopera b’mod attiv ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-OSCE, kif ukoll ma’ organizzazzjonijiet reġjonali 121 f’azzjonijiet konġunti għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-antisemitiżmu. L-UE se żżid l-azzjonijiet fis-settur tal-edukazzjoni u tkompli tippromwovi l-konformità sħiħa tal-materjal edukattiv mal-istandards tal-UNESCO ta’ paċi, tolleranza, koeżistenza u nonvjolenza, fil-kooperazzjoni tagħha dwar l-edukazzjoni ma’ pajjiżi sħab. Kwalunkwe materjal li jmur kontrihom jirriskja li jimmina l-paċi u l-koeżistenza u ma għandux post fil-kotba tal-iskola jew fil-klassijiet. 

Ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rappreżentant Speċjali għal-Libertà tar-Reliġjon jew it-Twemmin barra l-UE se jkomplu jindirizzaw b’mod sistematiku l-antisemitiżmu fix-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, l-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni globali ta’ rappreżentanti u koordinaturi speċjali dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu.

Iżrael huwa sieħeb ewlieni għall-Unjoni Ewropea, inkluż fil-ġlieda globali kontra l-antisemitiżmu. L-UE se tfittex li ssaħħaħ aktar is-“Seminar ta’ Livell Għoli bejn l-UE u Iżrael dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-antisemitiżmu”, li huwa koorganizzat kull sena, b’enfasi fuq is-segwitu operattiv.

L-azzjonijiet immirati biex jiġġieldu l-antisemitiżmu jistgħu jiġu appoġġati permezz tal-programm tematiku Ewropa Globali ta’ NDICI 122 dwar inizjattivi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija li jindirizzaw in-nondiskriminazzjoni. L-UE se tinkludi bħala parti mit-taħriġ tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem għall-persunal fid-delegazzjonijiet u l-kwartieri ġenerali sessjonijiet speċifiċi dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, inkluż dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se:

·Jippromwovu l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni reliġjuża u etnika, inkluż l-antisemitiżmu fi djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem u f’kooperazzjoni usa’ ma’ pajjiżi sħab barra mill-UE.

·Jiżguraw taħriġ dwar id-drittijiet fundamentali u t-twettiq ta’ djalogu interkulturali għal atturi rilevanti, inklużi għalliema minn barra l-UE.

·Jiżguraw li l-fondi esterni tal-UE, f’konformità mal-miżuri eżistenti, ma jkunux jistgħu jiġu allokati b’mod ħażin għal attivitajiet li jinċitaw il-mibegħda u l-vjolenza, inkluż kontra persuni Lhud 123 .

·Iżidu l-ħidma fis-settur tal-edukazzjoni biex tiġi promossa l-konformità sħiħa tal-materjal edukattiv mal-istandards tal-UNESCO ta’ paċi, tolleranza, koeżistenza u nonvjolenza, kif xieraq.

·Isaħħu l-impenn mas-soċjetà ċivili Lhudija u l-organizzazzjonijiet reliġjużi biex jindirizzaw atti antisemitiċi u limitazzjonijiet fuq il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, permezz tan-network tad-delegazzjonijiet u l-kwartieri ġenerali tal-UE.

·Jikkunsidraw proġetti ġodda ffinanzjati mill-UE fil-viċinat tal-UE u lil hinn minnu biex tipprevjeni u tiġġieled l-antisemitiżmu u trawwem il-ħajja Lhudija.

·Iħeġġu lid-delegazzjonijiet tal-UE biex jinkludu r-rappurtar ta’ inċidenti antisemitiċi f’pajjiżi mhux tal-UE, fir-rappurtar politiku regolari tagħhom.

·Isaħħu s-seminar UE-Iżrael biex tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni UE-Iżrael fil-ġlieda kontra l-antisemitiżmu.

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Jikkooperaw mill-qrib fil-livell tal-UE biex jindirizzaw l-antisemitiżmu b’mod konġunt permezz ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

·Jinkorporaw il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fl-istrateġiji u l-politiki kollha tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jqisu d-definizzjoni tal-antisemitiżmu tal-IHRA.

·Jappoġġaw proġetti u organizzazzjonijiet li jiġġieldu l-antisemitiżmu u jrawmu l-ħajja Lhudija mad-dinja kollha.

4.2.Il-ħarsien tal-wirt kulturali Lhudi u l-kommemorazzjoni tal-Olokawstu

Il-wirt kulturali Lhudi huwa viżibbli f’ħafna postijiet fil-Lvant Nofsani, fl-Asja u f’postijiet oħra madwar id-dinja, u huwa xhieda tal-preżenza storika tal-komunitajiet Lhud f’dawk ir-reġjuni. Partijiet kbar minn dan il-wirt huma orfni peress li l-komunitajiet Lhud ma għadhomx jgħixu hemm. Il-wirt kulturali Lhudi, bħall-wirt kollu, huwa espressjoni komuni u importanti tad-diversità kulturali u jistħoqqlu protezzjoni dedikata mad-dinja kollha. L-UE flimkien mal-Istati Membri għandha rwol ewlieni x’taqdi biex tgħin lis-sħab lokali, reġjonali u internazzjonali biex jissalvagwardjaw il-wirt kulturali permezz ta’ taħriġ, żvilupp tal-ħiliet u attivitajiet ta’ trasferiment tal-għarfien kif ukoll kooperazzjoni msaħħa 124 . Id-djalogu interkulturali u interkonfessjonali se jkun appoġġat mill-UE biex issaħħaħ il-protezzjoni tal-wirt kulturali permezz ta’ xogħol fuq storja u memorja kondiviżi, filwaqt li tibni l-bażi għall-komunitajiet biex jgħixu flimkien b’mod paċifiku f’kuntest multikulturali. L-UE se tkompli tippromwovi t-tifkira tal-Olokawstu fil-livell internazzjonali u tikkundanna pubblikament iċ-ċaħda, id-distorsjoni u l-banalizzazzjoni tal-Olokawstu f’pajjiżi mhux tal-UE, inkluż f’fora internazzjonali.

Azzjonijiet ewlenin:

Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se:

·Jippromwovu u jappoġġaw is-salvagwardja, ir-riabilitazzjoni u t-tiġdid tal-wirt kollu, tanġibbli u intanġibbli, inkluż il-wirt Lhudi, f’konformità mal-politiki tagħhom għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali u l-wirt kulturali.

·Jintegraw id-djalogu interkulturali u interkonfessjonali fl-interventi tal-wirt kulturali.

·Ifittxu opportunitajiet biex jinkludu l-manutenzjoni tal-wirt Lhudi fil-programmazzjoni fil-viċinat u lil hinn minnu.

·Ikomplu jorganizzaw u jipparteċipaw f’avvenimenti ta’ livell għoli madwar it-tifkira tal-vittmi tax-Shoah (kommemorazzjonijiet, Jum it-Tifkira tal-Olokawstu).

L-Istati Membri huma mħeġġa:

·Jikkontribwixxu, flimkien mal-UE fil-kuntest tan-NU, għas-salvagwardja dinjija tal-wirt kulturali, inkluż il-wirt Lhudi, f’konformità mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ strateġiku tal-UE għall-wirt kulturali fil-kunflitti u l-kriżijiet.

·Jimmarkaw il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Olokawstu f’kooperazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-UE, permezz tal-ambaxxati tagħhom f’pajjiżi terzi u f’organizzazzjonijiet internazzjonali.

V.IT-TWETTIQ TAL-ISTRATEĠIJA

Il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu fl-UE hija responsabbiltà kondiviża; teħtieġ sforzi konġunti u azzjoni f’kull livell. L-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE, l-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet Lhud, u l-atturi tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili kollha għandhom rwol fil-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien fl-implimentazzjoni ta’ din l-istrateġija. Il-Kummissjoni tappella lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex jippromwovu djalogu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-soċjetà ċivili, inklużi s-sħab soċjali, dwar kif nimxu ’l quddiem lejn soċjetà Ewropea ħielsa mill-antisemitiżmu.

Il-Kummissjoni se tappoġġa b’mod attiv l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika proposti permezz ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament varji u tistieden lill-Istati Membri, lill-organizzazzjonijiet u l-komunitajiet Lhud, kif ukoll l-atturi tas-soċjetà ċivili, biex jagħmlu użu mill-programmi tal-UE.

L-istrateġija se tiġi implimentata matul il-perjodu 2021-2030. Rapporti komprensivi dwar l-implimentazzjoni se jiġu ppubblikati fl-2024 u l-2029. Dawn se jkunu bbażati fuq il-kontribut mill-Istati Membri wkoll fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-politiki nazzjonali tagħhom. Bl-appoġġ tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, dawn ir-rapporti se jinkludu monitoraġġ tal-progress fuq livell nazzjonali, filwaqt li jqisu l-impenji magħmula fid-Dikjarazzjonijiet tal-Kunsill dwar l-antisemitiżmu tal-2018 u l-2020.

KONKLUŻJONI

Din l-istrateġija hija l-impenn tagħna għal futur għall-ħajja Lhudija fl-Ewropa u lil hinn minnha. Timmarka pass fil-bidla fl-impenn politiku tal-Kummissjoni għal Unjoni Ewropea ħielsa mill-antisemitiżmu u minn kull forma ta’ diskriminazzjoni; għal soċjetà miftuħa, inklużiva u ugwali fl-UE. Tirrifletti l-impenn tal-Ewropa li żżomm ħajja l-memorja tal-Olokawstu, anke wara li l-aħħar superstiti tal-Olokawstu jkunu ġew nieqsa.

It-trażżin tal-pjaga antika tal-antisemitiżmu għandu jkun sforz dejjiemi. Kif qal is-superstiti tax-Shoah Primo Levi “Ġara, għalhekk jista’ jerġa’ jiġri”. Iż-żieda perikoluża fl-attakki antisemitiċi hija t-tfakkira kollha meħtieġa biex turi li ma jistax ikun hemm tnaqqis fl-isforzi kollettivi bla heda tagħna biex niġġieldu l-antisemitiżmu. Lil hinn minn dan, il-ħajja Lhudija jistħoqqilha mhux biss li tkun protetta iżda li titħalla tiffjorixxi fid-diversità kollha tagħha.

L-Ewropa tista’ tirnexxi biss meta l-komunitajiet Lhud tagħha jirnexxu wkoll.

(1)

Shoah hija l-kelma Ebrajka għal “katastrofi”, filwaqt li Olokawstu ġej mill-kelma Griega għal “offerta maħruqa kompletament”. Din l-Istrateġija tuża ż-żewġ termini. https://aboutholocaust.org/mt/facts/what-is-the-difference-between-holocaust-and-shoah .

(2)

  Ewrobarometru 484: Il-perċezzjonijiet tal-antisemitiżmu, Jannar 2019 u l-esperjenzi u l-perċezzjonijiet tat-tieni stħarriġ dwar id-diskriminazzjoni u r-reati ta’ mibegħda kontra l-Lhud fl-UE, 2018 ( it-tieni stħarriġ tal-FRA 2018 ).

(3)

  Coronavirus and the plague of antisemitism , Community Security Trust, 2021.

(4)

Pereżempju billi tintlibes stilla safra ta’ David li tiddikjara “mhux vaċċinat” b’ittri li jixbhu l-alfabett Ebrajk.

(5)

  The rise of antisemitism online during the pandemic - A study of French and German content , Ġunju 2021.

(6)

Id-daqs tal-komunitajiet Lhudi fl-Istati Membri jvarja ħafna. Madwar nofs miljun Lhud jgħixu fi Franza, filwaqt li l-iżgħar komunitajiet jgħoddu biss ftit eluf jew xi kultant anke ftit mijiet ta’ membri, ta’ spiss ukoll bħala konsegwenza tal-Olokawstu.

Jews in Europe at the turn of the Millennium. Population trends and estimates ta’ Sergio DellaPergola u Daniel Staetsky, JPR European Jewish Demography Unit, Ottubru 2020.

(7)

  Antisemitism: Overview of antisemitic incidents recorded in the European Union 2009-2019 , mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA).

(8)

Fl-2013, 33 % tar-rispondenti qalu li jinkwetaw li jiġu attakkati fiżikament. Fl-2018, dan żdied għal 40 %. “Discrimination and hate crime against Jews in EU Member States: experiences and perceptions of antisemitism”, 2013 ( L-Ewwel Stħarriġ tal-FRA 2013 ); ( It-tieni stħarriġ tal-FRA 2018 ).

(9)

  Are Jews leaving Europe? , ta’ Daniel Staetsky, Rapport tal-JPR, Jannar 2017.

(10)

  International Migration of Jews ta’ Sergio DellaPergola, 2007.

(11)

70 % tar-rispondenti fit-tieni stħarriġ tal-FRA tal-2018 jemmnu li l-gvern f’pajjiżhom mhux qed jiġġieled l-antisemitiżmu b’mod effettiv.

(12)

  Wara l-adozzjoni tad-Direttivi dwar l-Ugwaljanza Razzjali u l-Ugwaljanza fl-Impjiegi fl-2000, il-President tal-Kummissjoni Prodi sejjaħ konferenza dedikata ta’ livell għoli fl-2004 “L-Ewropa, kontra l-antisemitiżmu għal Unjoni ta’ diversità”. Fl-istess sena, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Monitoraġġ dwar ir-Razziżmu u l-Ksenofobija (EUMC) żviluppa definizzjoni operattiva tal-antisemitiżmu li aktar tard iffurmat il-bażi għad-definizzjoni operattiva tal-antisemitiżmu tal-Alleanza Internazzjonali għat-Tifkira tal-Olokawstu (IHRA).  

(13)

  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Ġunju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu .

(14)

  Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu , is-6 ta’ Diċembru 2018.

(15)

  Il-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-antisemitiżmu .

(16)

  Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra l-antisemitiżmu , it-2 ta’ Diċembru 2020.

(17)

Sa mill-2020: L-istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2020-2025), il-Pjan ta’ Azzjoni Kontra r-Razziżmu (2020-2025), il-qafas strateġiku tar-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni (2020-2030), l-istrateġija tal-ugwaljanza tal-LGBTIQ (2020-2025), l-Istrateġija għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà (2021-2030). Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea stabbiliet Task Force għall-Ugwaljanza u ħatret koordinatur kontra r-razziżmu.

(18)

Din l-istrateġija hija bbażata fuq konsultazzjoni wiesgħa li tinkludi l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, il-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet tal-Lhud, esperti indipendenti u riċerkaturi, il-FRA, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, u partijiet ikkonċernati oħra (Ara r-Rapport Sommarju hawn ).

(19)

 Ara, pereżempju, Graham, D. u Boyd, J., “ Understanding more about antisemitic hate crime: Do the experiences, perceptions and behaviours of European Jews vary by gender, age and religiosity ?” - Institute for Jewish Policy Research, 2017.

(20)

 Għal aktar informazzjoni dwar dawk li jipperpetwaw l-antisemitiżmu, ara t-Tieni Stħarriġ tal-FRA 2018 .

(21)

Terminoloġija użata minn bosta partijiet ikkonċernati, skont id-definizzjoni tal-IHRA, eż. meta ċ-ċittadini Lhud jiġu akkużati li huma aktar leali lejn Iżrael, jew lejn l-allegati prijoritajiet tal-Lhud madwar id-dinja, milli lejn l-interessi tan-nazzjonijiet tagħhom stess; filwaqt li jsostnu li l-eżistenza tal-Istat ta’ Iżrael hija proġett razzist; iż-żamma tal-Lhud kollettivament responsabbli għal azzjonijiet tal-istat ta’ Iżrael.

(22)

79 % tal-Lhud Ewropej iħossuhom akkużati għal xi ħaġa li saret mill-Istat ta’ Iżrael. 69 % jgħidu li l-kunflitt bejn l-Għarab u Iżrael għandu impatt fuq is-sens ta’ sikurezza ( it-Tieni Stħarriġ tal-FRA 2018 ).

(23)

Id-definizzjoni tiddikjara: L-antisemitiżmu huwa ċerta perċezzjoni tal-Lhud, li tista’ tiġi espressa bħala mibegħda lejn il-Lhud. Il-manifestazzjonijiet retoriċi u fiżiċi tal-antisemitiżmu huma diretti lejn individwi Lhud jew mhux Lhud u/jew il-proprjetà tagħhom, lejn istituzzjonijiet tal-komunità Lhudija u l-faċilitajiet reliġjużi tal-Lhud. Id- definizzjoni tal-IHRA tinkludi għadd ta’ eżempji illustrattivi.

(24)

Id-definizzjoni tal-IHRA ġiet approvata mid-Dikjarazzjonijet tal-Kunsill tal- 2018 u l- 2020 u mir- Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta’ Ġunju 2017. Din tintuża għall-edukazzjoni, it-taħriġ u għall-iżvelar tal-antisemitiżmu u ma għandha l-ebda effett fuq id-definizzjonijiet legali tal-UE jew dawk nazzjonali li jiddeterminaw sa liema punt l-imġiba jew id-diskors jikkostitwixxu diskriminazzjoni illegali, diskors ta’ mibegħda, motivazzjoni preġudikata għal reat ta’ mibegħda jew manifestazzjonijiet illegali tal-antisemitiżmu.

(25)

Definizzjonijiet oħra tal-antisemitiżmu ġew żviluppati dan l-aħħar, bħad-Dokument Nexus (2020) u d-Dikjarazzjoni ta’ Ġerusalemm dwar l-Antisemitiżmu (2021).

(26)

  Handbook for the practical use of the IHRA working definition of antisemitism .

(27)

Il- General Policy Recommendations on preventing and combating Antisemitism ippubblikati mill-Kummissjoni kontra r-Razziżmu tal-Kunsill tal-Ewropa (ECRI) fl-14 ta’ Settembru 2021 jistgħu jservu wkoll bħala referenza utli.

(28)

  Dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-ġlieda kontra l-antisemitiżmu , it-2 ta’ Diċembru 2020.

(29)

  L-Istati Membri tal-UE li diġà adottaw jew approvaw id-definizzjoni tal-IHRA : l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, ir-Rumanija, l-Iżvezja, is-Slovakkja u s-Slovenja.

(30)

Skont il-qafas finanzjarju pluriennali attwali għall-2021-2027.

(31)

  C(2021) 2699 final ; Programm CERV .

(32)

  Ir-Regolament (UE) 2021/240 .

(33)

L- Antisemitism: Overview of antisemitic incidents recorded in the European Union 2009-2019 juri li l-Istati Membri jirreġistraw eluf ta’ inċidenti rreġistrati uffiċjalment kull sena, kif jagħmlu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam.

(34)

F’konformità mad-definizzjoni tal-IHRA tal-antisemitiżmu .

(35)

  It-Tieni Stħarriġ tal-FRA 2018 .

(36)

  Young Jewish Europeans: perceptions and experiences of antisemitism , FRA, 2019.

(37)

  Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008  

(38)

Minn Ottubru 2020, il-Kummissjoni nediet diversi proċedimenti ta’ ksur biex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa u korretta tad-Deċiżjoni Qafas mill-Istati Membri.

(39)

Fl-Artikolu 83 tat-TFUE.

(40)

https://ec.europa.eu/newsroom/just/items/51025/mt

(41)

  Encouraging hate crime reporting - The role of law enforcement and other authorities , FRA, 2021.

(42)

  COM(2020) 258 final .

(43)

Il-vittimizzazzjoni sekondarja tista’ tiġi ddefinita bħala konsegwenzi negattivi għall-vittmi li jistgħu jirriżultaw mill-parteċipazzjoni tagħhom fi proċedimenti kriminali, inkluż l-esponiment tal-vittmi għal kuntatti ma’ min ikun wettaq ir-reat, mal-awtoritajiet ġudizzjarji u/jew mal-pubbliku ġenerali.

(44)

  Id-Direttiva 2012/29/UE .

(45)

  COM(2020) 713 final .

(46)

  Il-Pjattaforma Ewropea għat-Taħriġ (ETP) .

(47)

  COM(2021) 142 final .

(48)

  Il-Ġermanja u r -Renju Unit jiffinanzjaw lill-NGO s li jirreġistraw inċidenti antisemitiċi bl-użu ta’ metodoloġija miftiehma mal-pulizija. Dawn l-NGOs huma marbuta mal-istrutturi komunitarji tal-Lhud u jikkontribwixxu għall-istatistika uffiċjali tal-pulizija.

(49)

  It-Tieni Stħarriġ tal-FRA 2018 .

(50)

89 % tal-Lhud Ewropej mistħarrġa jqisu li l-antisemitiżmu huwa l-akbar problema online, bi 80 % li jgħidu li d-dikjarazzjonijiet antisemitiċi kienu l-aktar lingwa tossika komuni li ltaqgħu magħha. ( It-tieni stħarriġ tal-FRA 2018 ,). Il-Lhud huma l-mira ewlenija ta’ lingwa tossika online (li tvarja minn 6,3 % sa 27,9 % tal-każijiet skont il-pjattaforma). Studju: Heroes and scapegoats , 2021.

(51)

  The rise of antisemitism online during the pandemic huwa studju li sab li l-posts antisemitiċi żdiedu b’seba’ darbiet fuq il-kontijiet bil-lingwa Franċiża, u b’aktar minn 13-il darba fuq dawk Ġermaniżi matul il-pandemija.

(52)

  Id-Direttiva 2010/13/UE .

(53)

  COM(2020) 825 final .

(54)

  Il-Kodiċi ta’ Kondotta għall-ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online .

(55)

  Stopping Hate Speech Online: Europol Coordinates First Europe-Wide Action Day , il-5 ta’ Novembru 2020.

(56)

  JOIN(2018) 36 final .

(57)

  COM(2020) 790 final .

(58)

  Il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni .  

(59)

  COM(2021) 262 final .

(60)

  COM(2021) 206 final .

(61)

  Id-Direttiva 2000/43/KE.

(62)

L-impjiegi u t-taħriġ vokazzjonali, il-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali, il-vantaġġi soċjali, l-edukazzjoni, u l-aċċess għal u l-provvista ta’ oġġetti u servizzi, inkluża l-akkomodazzjoni.

(63)

  Id-Direttiva 2000/78/KE .

(64)

  Il-Pjattaforma tal-UE tal-Karti dwar id-Diversità

(65)

  Sottogrupp dwar id-data dwar l-Ugwaljanza, FRA, 2019 .

(66)

  Pjan ta’ azzjoni kontra r-razziżmu, COM(565) final .

(67)

Network Ewropew ta’ Korpi għall-Ugwaljanza.

(68)

Il-Kummissjoni Ewropea waqqfet l-Uffiċċju tagħha għad-Diversità u l-Inklużjoni f’Novembru 2020.

(69)

  Iċ-ċelebrazzjoni Lhudija tad-dawl .

(70)

47 % tal-Lhud Ewropej jinkwetaw li jisfaw vittma ta’ insulti jew ta’ fastidju verbali antisemitiku u 40 % li jiġu attakkati fiżikament fit-12-il xahar li ġejjin. ( It-Tieni stħarriġ tal-FRA 2018 )

(71)

  It-Tieni Stħarriġ tal-FRA 2018 .

(72)

  It-Tieni Stħarriġ tal-FRA 2018 .

(73)

  COM(2020) 605 final .

(74)

  COM(2020) 795 final .

(75)

  COM(2017) 612 final .

(76)

  Guideline - Building Perimeter Protection , JRC, 2020.

(77)

Il-Kummissjoni toffri skola annwali tal-ħarifa dwar il-protezzjoni tal-ispazji pubbliċi għall-parteċipanti tal-komunitajiet reliġjużi.

(78)

  Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Protezzjoni tal-Ispazji Pubbliċi , 7 ta’ Ġunju 2021.

(79)

  Ir-Regolament (UE) 2021/784 .  

(80)

Pereżempju, l-għodda għall-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u l- EU Quick Guide to support the protection of places of worship .

(81)

  Jews in Europe at the turn of the millennium: population trends and estimates  ta’ Sergio DellaPergola u Daniel Staetsky, European Jewish Demography Unit/JPR, 2020.

(82)

  Ewrobarometru 484: Perceptions of antisemitism, Jannar 2019  

(83)

Għal 82 % tal-Lhud fl-UE, il-projbizzjoni taċ-ċirkonċiżjoni tkun problema u għal 69 % il-projbizzjoni tat-tbiċċir tradizzjonali tkun problema ( it-Tieni Stħarriġ tal-FRA 2018 ).

(84)

It-tbiċċir tradizzjonali (Sheckita) huwa l-prattika ta’ tbiċċir tal-annimali kosher fil-kuntest ta’ prattika preskritta għal skopijiet ta’ produzzjoni tal-ikel. Għal 69 % tal-Lhud, il-projbizzjoni tat-tbiċċir tradizzjonali tkun problema ( it-Tieni Stħarriġ tal-FRA 2018 ).

(85)

  Il-Kawża C-336/19; Centraal Israëlitisch Consistorie van België et, is-17 ta’ Diċembru 2020.

(86)

Art. 10 (1): “Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà tal-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.” 

(87)

Il-punt 71 tas-sentenza. Skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1099/2009, it-tbiċċir tradizzjonali huwa permess sal-punt meħtieġ għall-ħtiġijiet tal-komunitajiet reliġjużi kkonċernati, u jeħtieġ li regoli aktar stretti mill-Istati Membri jkunu ġġustifikati kif xieraq.

(88)

  COM(2020)380 final .

(89)

  European framework for action on cultural heritage .

(90)

  Il-Konvenzjoni ta’ Faro ġiet adottata mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fit-13 ta’ Ottubru 2005, miftuħa għall-iffirmar mill-Istati Membri fis-27 ta’ Ottubru 2005, u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2011.

(91)

  Riżoluzzjoni 2309 (2019) .

(92)

  Dikjarazzjoni ta’ Terezín 2009 .

(93)

Ara wkoll: Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Presidenza Ċeka tal-UE , iffirmata fid-29 ta’ Ġunju 2009.

(94)

https://europa.eu/youth/discovereu_en

(95)

Il-bażi tad-data prodotta matul il-fażi I tal-proġett hija disponibbli hawnhekk: https://pilot-demo.jdcrp.org

(96)

  https://www.esjf-surveys.org/ .

(97)

  COM(2020) 625 final .

(98)

  COM(2020) 628 final .

(99)

L-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem żviluppa ġabra ta’ riżorsi u programmi biex tinħoloq sensibilizzazzjoni dwar id-diskriminazzjoni, ir-reati ta’ mibegħda, l-antisemitiżmu u forom oħra ta’ intolleranza, inkluż kontra l-Musulmani, l-Insara u l-membri ta’ reliġjonijiet jew twemmin ieħor. Aktar informazzjoni fuq is- sit web tal-OSCE/ODIHR .

(100)

Pereżempju, l-ewwel sejħiet tal-Orizzont Ewropa se jiffinanzjaw riċerka dwar diversi forom strutturali ta’ razziżmu u ksenofobija, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali u l-intersezzjonalità.

(101)

  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2018/C 195/01) , it-22 ta’ Mejju 2018.

(102)

Żewġ terzi tal-Ewropej huma konvinti li l-kommemorazzjoni tal-Olokawstu tgħin biex jiġi żgurat li tali atroċitajiet qatt ma jerġgħu jseħħu.  (Stħarriġ tas-CNN: Anti-Semitism in Europe – A shadow over Europe, 2018 . ) 

(103)

L-EHRI, iffinanzjata mill-Programmi Qafas għar-Riċerka u tal-Innovazzjoni tal-UE, bħalissa tinsab fil-proċess li ssir Infrastruttura Ewropea fit-tul ibbażata fuq finanzjament konġunt mill-Istati Membri.

(104)

  https://www.ehri-project.eu/ .

(105)

  Ewrobarometru 484: Perceptions of antisemitism, Jannar 2019 .  

(106)

  It-Tieni Stħarriġ tal-FRA 2018 .

(107)

  Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/JHA tat-28 ta’ Novembru 2008 .

(108)

  IHRA working definition of Holocaust denial and distortion .  

(109)

  https://ec.europa.eu/newsroom/just/items/700272/default ; www.againstholocaustdistortion.org .

(110)

IHRA “ Rakkomandazzjoni dwar ir-Rikonoxximent u l-Ġlieda kontra d-Distorsjoni tal-Olokawstu ”.

(111)

  https://www.jewishagency.org/jewish-population-5782/ .

(112)

  World Jewish Population 2019 , ta’ Sergio DellaPergola, f’Arnold Dashefsky u Ira M. Sheskin (eds.), American Jewish Year Book 2019, The Annual Record of the North American Jewish Communities since 1899;

World Jewish Population on Eve of New Year – 14,7 Million, Haaretz .

(113)

  https://global100.adl.org/map .

(114)

L-Emirati Għarab Magħquda, il-Baħrejn u s-Sudan rispettivament (2020), segwiti mill-Marokk (Jannar 2021).

(115)

Il-bidu tal-kostruzzjoni ta’ sinagoga fl-Emirati Għarab Magħquda huwa eżempju tajjeb ieħor.

(116)

Ta’ min jinnota li fir-riċerka tal-Anti-Defamation League, ma hija inkluża l-ebda data medja dwar l-UE; barra minn hekk, il-kategorija “Ewropa tal-Punent” ma tinkludix il-pajjiżi kollha tal-UE. Għad-data għal kull Stat Membru, ara s-sit web .

(117)

  https://eeas.europa.eu/sites/default/files/06_hr_guidelines_religion_mt.pdf .  

(118)

  https://eeas.europa.eu/sites/default/files/11_hr_guidelines_external_action_mt.pdf.

(119)

Barra minn hekk, id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar Approċċ għall-Iżvilupp ibbażat fuq id-Drittijiet tal-Bniedem jiggwida lill-persunal tal-UE dwar l-integrazzjoni tan-nondiskriminazzjoni għar-raġunijiet kollha fiċ-ċiklu tal-proġetti. Adottata fit-30.6.2021.

(120)

  Id-definizzjoni tal-IHRA ġiet approvata jew adottata wkoll minn pajjiżi mhux tal-UE: l-Albanija, l-Awstralja, l-Arġentina, il-Bahrain, il-Kanada, il-Gwatemala, Iżrael, il-Moldova, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja, il-Korea t’Isfel, ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, u l-Urugwaj.

(121)

Inkluża l-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, li f’Ġunju 2021 ħolqot il-pożizzjoni ta’ Rappreżentant Speċjali għall-ġlieda kontra l-antisemitiżmu u l-Organizzazzjoni tal-Kooperazzjoni Iżlamika.

(122)

Strument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali.

(123)

F’konformità mad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, l-Artikolu 136 tar-Regolament Finanzjarju, ikkomplementat fl-2018 minn “linji gwida operazzjonali addizzjonali għall-prevenzjoni tal-inċitament għall-mibegħda u l-vjolenza”.

(124)

Il-komunikazzjoni  Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali u l- Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approċċ strateġiku tal-UE għall-wirt kulturali f’kunflitti u kriżijiet , u l-Kunċett dedikat tagħha, jiffurmaw il-bażi tal-ħidma tal-UE.

Top