Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE2765

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku skont il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta” (COM(2020) 453 final — 2020/0100 (COD)) u dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta” (COM(2020) 460 final — 2020/0006 (COD))

    EESC 2020/02765

    ĠU C 429, 11.12.2020, p. 240–244 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 429/240


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku skont il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta”

    (COM(2020) 453 final — 2020/0100 (COD))

    u dwar “Proposta emendata għal Regolament tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta”

    (COM(2020) 460 final — 2020/0006 (COD))

    (2020/C 429/30)

    Relatur:

    Petr ZAHRADNÍK

    Konsultazzjoni

    Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 8.6.2020, 10.6.2020

    Parlament Ewropew, 17.6.2020

    Bażi legali

    L-Artikoli 175(3) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    Sezzjoni kompetenti

    Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

    Adottata fis-sezzjoni

    20.7.2020

    Adottata fil-plenarja

    18.9.2020

    Sessjoni plenarja Nru

    554

    Riżultat tal-votazzjoni

    (favur/kontra/astensjonijiet)

    219/0/1

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1.

    Il-KESE jappoġġja bil-qawwa u japprezza żieda kbira fl-allokazzjoni finanzjarja tal-JTF (Fond għal Tranżizzjoni Ġusta) biex tiġi ffaċilitata l-bidla minn mudell ta’ ekonomija u soċjetà intensivi fl-użu tal-karbonju għal wieħed aktar modern, sostenibbli u diversifikat.

    1.2.

    Il-KESE huwa għalkollox konvint li biex jintlaħaq l-aħjar riżultat fil-proċess ta’ tranżizzjoni ġusta, huma ta’ importanza kbira mhux biss riżorsi finanzjarji suffiċjenti ta’ tip modern indirizzati lejn oqsma ta’ appoġġ definiti b’mod preċiż, iżda wkoll l-interpretazzjoni flessibbli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.

    1.3.

    Il-KESE japprezza ħafna l-proposta għal faċilità ta’ self għas-settur pubbliku u jqisha innovattiva, oriġinali u mitluba ħafna mill-entitajiet tas-settur pubbliku fi triqthom lejn it-tranżizzjoni klimatika.

    1.4.

    Il-KESE jenfasizza li wara l-proposti l-ġodda relatati mal-Pjan ta’ Rkupru u ma’ Next Generation EU, il-JTM (Mekkaniżmu għal Tranżizzjoni Ġusta) għandu opportunità reali biex isir għodda importanti ħafna tal-QFP 2021-2027 futur bil-benefiċċji tiegħu mhux biss għall-Patt Ekoloġiku tal-UE, iżda wkoll għall-irkupru u r-rikostruzzjoni wara l-COVID.

    1.5.

    Il-KESE jistieden lill-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE biex jaċċelleraw kemm jista’ jkun il-ħidma preparatorja, ta’ approvazzjoni u ta’ implimentazzjoni mal-JTM aġġustat sabiex jibda jiffunzjona fil-prattiku malajr. F’din il-logħba, il-ħin huwa parametru fatali.

    1.6.

    Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon l-attenzjoni speċifika mogħtija lill-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku lir-reġjuni inqas żviluppati fit-tranżizzjoni ġusta.

    1.7.

    Il-KESE huwa konvint li l-idea innovattiva li fuqha tissejjes il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku tista’ sservi wkoll bħala sors ta’ ispirazzjoni għal tip simili ta’ prodotti finanzjarji fil-livell tal-Istati Membri.

    1.8.

    Il-KESE jqis il-kriterji tal-għażla tal-eliġibbiltà kif ukoll l-oqsma ta’ investiment proposti bħala rilevanti ħafna għall-finijiet ta’ tranżizzjoni ġusta.

    1.9.

    Il-KESE jilqa’ u jappoġġja wkoll finanzjament addizzjonali favur il-Programm InvestEU u l-iskema f’dan il-programm ta’ tranżizzjoni ġusta ddedikata li żżid il-potenzjal tal-użu ta’ strumenti finanzjarji fil-proċess ta’ tranżizzjoni ġusta.

    2.   Il-kwistjoni u l-kuntest

    2.1.

    Fis-sessjoni plenarja tiegħu ta’ Ġunju 2020, il-KESE adotta l-Opinjoni dwar il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (1), li f’ħafna dettalji tispjega l-pożizzjoni tal-KESE dwar is-suġġett ta’ proċess ta’ tranżizzjoni ġusta u tagħmel ukoll riflessjonijiet dwar is-sitwazzjoni wara l-COVID. Ir-riżultati, il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ġenerali tagħha, naturalment, għadhom validi.

    2.2.

    Madankollu, f’dan il-perjodu turbulenti, fl-aħħar ta’ Mejju, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet il-Pjan ta’ Rkupru tagħha u kull wieħed mit-tliet pilastri tal-JTM jirrappreżenta parti sostanzjali mill-Programm Next Generation EU; meta mqabbel mal-proposta oriġinali ta’ Jannar 2020, il-JTM għandu jopera b’allokazzjoni u bażi finanzjarja viżibbilment ogħla. Is-sett ta’ dokumenti li għadu kif ġie propost jirrifletti simbjożi u koeżistenza fattibbli bejn il-miri tal-Patt Ekoloġiku tal-UE u l-pjan ta’ rkupru u reżiljenza għal wara l-COVID.

    2.3.

    Huwa jaħdem ukoll bit-titolu tal-Pjattaforma għal Tranżizzjoni Ġusta (JTP), li għandha tipprovdi appoġġ tekniku u konsultattiv lill-partijiet interessati pubbliċi u privati fir-reġjuni tal-faħam u f’reġjuni oħrajn b’livell għoli ta’ karbonju sabiex ikollhom biżżejjed informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ finanzjament.

    2.4.

    Il-JTM aġġustat għandu jaħdem aktar mat-tliet pilastri tiegħu:

    Fond għal Tranżizzjoni Ġusta;

    skema għal tranżizzjoni ġusta taħt il-Programm InvestEU;

    faċilità ta’ self għas-settur pubbliku.

    Min-naħa l-oħra, il-pandemija tal-COVID ħarġet fid-dieher ir-raġunijiet għala għandhom jitkomplew jintlaħqu l-miri raġonevoli tal-Patt Ekoloġiku u jiġi appoġġjat il-proċess ta’ ristrutturar ekonomiku, speċjalment fir-reġjuni u t-territorji vulnerabbli. Huwa għalhekk li kien propost li jiżdiedu bil-qawwa l-allokazzjoni u l-bażi finanzjarja tal-JTM.

    2.5.

    Il-bidliet ewlenin meta mqabbla mal-proposti ta’ Jannar 2020 jinkludu:

    żieda qawwija fl-allokazzjoni finanzjarja, prinċipalment fil-każ tal-JTF, l-allokazzjoni finanzjarja bażika oriġinali hija proposta li tiżdied minn EUR 7,5 biljun għal EUR 40 biljun (EUR 2,5 biljun addizzjonali fi ħdan il-QFP ordinarju u somma ġdida ta’ EUR 30 biljun fi ħdan Next Generation EU); ir-regola biex tiġi mmultiplikata (1,5 sa 3 darbiet) l-bażi finanzjarja tal-JTF permezz tal-FEŻR, jew tat-trasferimenti tal-FSE+ hija relatata biss mas-sorsi fi ħdan il-QFP 2021-2027, mhux ma’ dawk fl-istrument Next Generation EU;

    żieda fis-sorsi favur InvestEU – l-ammont ta’ garanzija jiġi rdoppjat; il-parametri ta’ flus għall-infrastruttura sostenibbli huma ta’ EUR 20 biljun; għar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni huma ta’ EUR 10 biljun, u l-istess ammont huwa allokat għall-SMEs; għall-investiment soċjali u l-ħiliet huwa ta’ EUR 3,6 biljun; u l-allokazzjoni finanzjarja għall-investiment strateġiku Ewropew propost dan l-aħħar hija ta’ EUR 31 biljun;

    il-faċilità ta’ self pubbliku tirċievi permezz ta’ dan il-pakkett bażi legali għal din il-proposta u tirrappreżenta taħlita unika u innovattiva ta’ implimentazzjoni prattika ta’ strumenti u sussidji finanzjarji.

    2.6.

    L-elementi l-oħra proposti fil-pakkett tal-Kummissjoni Ewropea ta’ Jannar 2020 baqgħu l-istess u validi fil-kontenut kollu; dawn huma relatati mal-attivitajiet u l-oqsma appoġġjati (u anke esklużi mill-appoġġ), mal-proċessi ta’ implimentazzjoni (diversi alternattivi għall-Programmi Operattivi), ir-rwol tal-pjani territorjali għal tranżizzjoni ġusta bħala d-dokumenti ta’ sfond ewlenin li huma deċiżivi għall-appoġġ kif ukoll it-tipi tal-benefiċjarji.

    2.7.

    Huwa xieraq li jiġu mifhuma l-proposti relatati mal-JTM aġġustat bħala biss element wieħed fl-istruttura ta’ mużajk komprensiv u intern interkonness rappreżentat mill-pakkett tal-Programm Next Generation EU kif ukoll l-aġġustament tal-proposta tal-QFP 2021-2027 biex tiżdied il-bażi fiskali (baġitarja) tal-UE u tintuża b’mod li tindirizza l-ħtiġijiet urġenti attwali. Il-miżuri fiskali proposti jikkomplementaw ukoll il-passi ta’ emerġenza li diġà ġew adottati fil-politiki monetarji u strutturali kif ukoll fl-oqfsa regolatorji. Jeħtieġ li jiġu appoġġjati wkoll bi sforzi paralleli biex itejbu l-oqsma tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.

    2.8.

    Il-pakkett biex jiġi stabbilit Strument ta’ Rkupru u biex jiġi aġġustat il-QFP 2021-2027 għall-ħtiġijiet tas-sitwazzjoni wara l-COVID huwa meqjus bħala pass straordinarju fil-finanzjament tal-UE, iżda wkoll pass neċessarju u urġenti. Il-politika baġitarja tal-UE fiċ-ċirkostanzi u skont ir-regoli attwali kienet tkun sempliċement mhux flessibbli biżżejjed u mhux kapaċi tieħu azzjoni li tista’ b’mod viżibbli tgħin biex tissolva s-sitwazzjoni ta’ kriżi. Min-naħa l-oħra, il-proposta tista’ tidher li hija possibbli ħafna fis-sitwazzjoni politika attwali.

    3.   Kummenti ġenerali

    3.1.

    Il-KESE jilqa’ din il-proposta peress li tirrikonoxxi r-riformi strutturali u l-appoġġ għad-diversifikazzjoni ekonomika bħala prijorità tal-UE fit-tul importanti ħafna.

    3.2.

    Il-KESE jħares lejn l-aġġustament tal-JTM mill-perspettiva tal-Istrument ta’ Rkupru kollu u jqisu għodda ġusta, innovattiva, inklużiva u effettiva biex jiġu appoġġjati r-reġjuni u t-territorji li qed jiffaċċjaw it-tranżizzjoni ekoloġika mill-industriji tal-faħam u dawk intensivi fil-karbonju għal attivitajiet ekonomiċi moderni u diversifikati b’mod sostenibbli. Flimkien mal-interpretazzjoni l-aktar flessibbli possibbli tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, issa joffri possibbiltà reali li jiġu ffaċilitati l-kisbiet ta’ tranżizzjoni ġusta f’dawn l-oqsma.

    3.3.

    Il-KESE jappoġġja l-idea li jintuża l-finanzjament addizzjonali tal-JTF fi ħdan Next Generation EU (EUR 30 biljun) b’mod rapidu biex jgħin jaċċellera b’mod robust l-investimenti fit-tranżizzjoni ekoloġika sa mhux aktar tard mill-2024.

    3.4.

    Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex toħloq il-qafas rilevanti biex l-istrument imsaħħaħ tal-JTF ikun lest sal-bidu tal-2021, meta reġjuni partikolari jistgħu jbatu b’mod gravi mill-konsegwenzi tal-kriżi f’dak li jirrigwarda l-prestazzjoni ekonomika tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali. Fl-istess ħin, il-KESE jappella lill-Istati Membri biex jaċċelleraw il-ħidma fuq il-pjani territorjali għal tranżizzjoni ġusta, id-dokument ta’ ppjanar strateġiku sine qua non meħtieġ biex ikun hemm aċċess għall-finanzjament taħt it-tliet pilastri tal-JTM.

    3.5.

    Il-KESE jilqa’ wkoll l-allokazzjoni addizzjonali tal-Programm InvestEU li ġġib magħha benefiċċji għal reġjuni partikolari biex jiġu assorbiti l-ħtiġijiet tagħhom għal tranżizzjoni ekoloġika. Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li taħt l-iskema għal tranżizzjoni ġusta, se jkun possibbli appoġġ favur investimenti f’reġjuni bi tranżizzjoni ġusta permezz ta’ kwalunkwe tieqa ta’ politika InvestEU, skont il-ħtiġijiet ta’ investiment speċifiċi identifikati mill-Istati Membri fil-pjani territorjali għal tranżizzjoni ġusta. Il-KESE jappoġġja wkoll il-parteċipazzjoni tat-tieqa ta’ investiment strateġiku Ewropew li għadha kif ġiet proposta fl-attivitajiet koperti mill-JTM.

    3.6.

    Il-KESE japprezza li l-inklużjoni tal-proġetti InvestEU fit-tieni pilastru tal-JTM tindirizza investimenti ekonomikament vijabbli u ttestjati mis-suq minn entitajiet tas-settur privat u pubbliku permezz ta’ tip innovattiv ta’ finanzjament.

    3.7.

    Il-KESE jappoġġja b’mod qawwi u japprezza bis-sħiħ l-idea ta’ faċilità ta’ self għas-settur pubbliku li tirrappreżenta soluzzjoni innovattiva ħafna għas-settur pubbliku li tintegra prodott konġunt żviluppat mill-Kummissjoni Ewropea u l-BEI, bil-għan li jiġi kkombinat komponent ta’ self ma’ għotja. Din it-taħlita hija sabiex jiġi mobilizzat l-ammont ta’ EUR 30 biljun f’investimenti pubbliċi għall-benefiċċju tal-infrastruttura tal-enerġija u tat-trasport, in-networks tat-tisħin distrettwali, it-trasport pubbliku, il-miżuri tal-effiċjenza enerġetika, l-infrastruttura soċjali u tipi oħrajn ta’ proġetti għall-appoġġ tal-komunitajiet u r-reġjuni milquta u t-titjib tal-benesseri u l-kompetittività tagħhom.

    3.8.

    Il-KESE jenfasizza n-natura innovattiva u oriġinali tal-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku li, fuq livell ta’ proġett, tappoġġja l-implimentazzjoni ta’ strumenti finanzjarji permezz ta’ għotja supplimentari. Il-KESE jappoġġja l-idea mressqa li dan l-istrument huwa addizzjonali għall-JTF u l-iskema finanzjarja trasversali InvestEU. Fuq dan l-isfond, jidher li huwa raġonevoli r-rekwiżit li l-proġetti appoġġjati taħt il-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku ma jistgħux jirċievu sorsi oħrajn ta’ finanzjament mill-UE.

    3.9.

    Il-KESE jirrispetta li l-komponent tal-għotja jkun ġestit direttament mill-Kummissjoni Ewropea u sal-aħħar tal-2024 se jitqassam mill-ġdid permezz ta’ sistema ta’ pakketti nazzjonali. F’dan il-kuntest, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tniedi s-sejħiet mill-iżjed fis malli jiġu adottati għadd ta’ pjani territorjali għal tranżizzjoni ġusta, u jistieden lill-Istati Membri jibdew iħejju l-proġetti minn issa. Dan jista’ jiżgura li r-riżorsi allokati għall-Istati Membri jiġu eżawriti permezz tas-sejħiet imnedija sa tmiem l-2024.

    3.10.

    Il-KESE huwa konxju mill-esklużività u l-oriġinalità tal-istrument innovattiv tal-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku għall-appoġġ tal-investimenti tal-entitajiet pubbliċi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tat-tranżizzjoni klimatika u li ma jiggarantixxux dħul suffiċjenti. L-element tal-għotja huwa għalhekk deċiżiv għall-implimentazzjoni fil-prattika ta’ proġetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali li mhumiex finanzjarjament vijabbli biżżejjed u għalhekk ma jistgħux jiġu ffinanzjati mill-istrumenti finanzjarji biss.

    3.11.

    Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira ta’ pjani territorjali għal tranżizzjoni ġusta li huma rilevanti b’mod ugwali għat-tliet pilastri tal-JTM. Il-KESE jaqbel li huma biss l-Istati Membri li għandhom pjan territorjali għal tranżizzjoni ġusta diġà approvat li jistgħu jaċċessaw il-finanzjament. Dawn il-pjani huma tabilħaqq mezz ewlieni biex jattivaw impenji min-naħa tal-Istati Membri biex isir progress lejn ekonomija newtrali għall-klima.

    3.12.

    Il-KESE jilqa’ l-kunċett li proġetti f’reġjuni inqas żviluppati (jiġifieri b’PDG per capita li ma jaqbiżx 75 % tal-medja tal-UE) jirċievu għotja ogħla b’5 punti perċentwali mis-self milli proġetti f’territorji oħra (sa 20 % meta mqabbla ma’ 15 %). Madankollu, il-KESE jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-rata tal-għotja effettiva tista’ tinżel sa 5-7 % meta mqabbla mal-prezz totali tal-proġett. Dan jista’ ma jirriżultax f’inċentiv suffiċjenti għal proġetti li qed jiksbu finanzjament.

    3.13.

    Il-KESE jqis ukoll li l-involviment tal-imsieħba finanzjarji minbarra l-BEI jkun ta’ benefiċċju għall-implimentazzjoni tar-riżorsi proposti għall-faċilità. Jista’ jiftaħ spazju għall-istituzzjonijiet finanzjarji bbażati fl-Istati Membri biex jiżviluppaw dan it-tip ta’ prodott oriġinali u innovattiv u joffruh lill-klijenti rilevanti tagħhom.

    3.14.

    Il-KESE jaħseb li l-JTP hija importanti, speċjalment biex toffri lill-benefiċjarji informazzjoni adatta u ugwali u servizz tekniku li jikkontribwixxi għall-effiċjenza tal-finanzjament allokat. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-assistenza disponibbli għall-Istati Membri biex jiżviluppaw il-pjani territorjali għal tranżizzjoni ġusta tagħhom permezz tas-sejħa u l-appoġġ korrispondenti mnedija mill-Kummissjoni.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1.

    Il-KESE jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tispeċifika b’mod aktar preċiż l-estent tal-iskema għal tranżizzjoni ġusta fi ħdan il-Programm InvestEU aġġustat kif ukoll l-eliġibbiltà ta’ proġetti bbażati fuq il-Patt Ekoloġiku fit-tieqa tal-investiment strateġiku Ewropew ukoll.

    4.2.

    Għall-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku, il-KESE japprezza l-proposta għal appoġġ għal investimenti pubbliċi permezz ta’ kundizzjonijiet ta’ self preferenzjali, immirati lejn it-territorji l-aktar milquta b’mod negattiv mit-tranżizzjoni klimatika u li huma konformi mal-pjani territorjali għal tranżizzjoni ġusta.

    4.3.

    Il-KESE jirrispetta r-rekwiżiti għall-kriterji tal-għażla tal-proġetti u l-prijoritizzazzjoni tagħhom u jaqbel mal-kunċett tal-ispeċifikazzjoni dettaljata tagħhom fis-sejħiet fil-livell nazzjonali.

    4.4.

    Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi u tispeċifika b’mod aktar preċiż l-oqsma għal sinerġija mal-istrumenti l-oħrajn ta’ Next Generation EU biex jiġi appoġġjat l-approċċ integrat u, b’mod parallel, jiġu eliminati d-duplikazzjonijiet.

    4.5.

    Il-KESE japprezza ħafna li l-benefiċjarji eliġibbli huma l-partijiet interessati mill-oqsma rilevanti kollha, jiġifieri l-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku (l-Istat, ir-reġjuni, il-bliet u l-muniċipalitajiet), in-negozji, l-istituzzjonijiet tar-riċerka u l-universitajiet, l-iskejjel, l-istituzzjonijiet edukattivi, il-konsulenti tas-suq tax-xogħol u l-NGOs.

    4.6.

    Il-KESE jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE biex ilestu malajr kemm jista’ jkun ix-xogħol preparatorju kollu meħtieġ biex jimplimentaw il-JTM. Il-Kummissjoni Ewropea hija mitluba tapprova l-programmi tal-Istati Membri marbutin mal-JTM malajr kemm jista’ jkun permezz ta’ proċedura rapida. B’dan il-mod biss se jkun possibbli li jiġi minimizzat id-dewmien fl-iżborż tal-finanzjament u biex jinkisbu l-effetti pożittivi mixtieqa b'rabta mas-sitwazzjoni ekonomika tal-UE.

    4.7.

    Il-KESE jenfasizza li t-trasferiment maħsub mill-FSE+ favur il-JTF mhuwiex biex jipperikola l-implimentazzjoni ta’ proġetti regolari tal-FSE+; l-intenzjoni tikkonsisti fil-ħolqien ta’ bażi finanzjarja suffiċjenti għal proġetti orjentati lejn is-soċjetà (taħriġ mill-ġdid, edukazzjoni, taħriġ, eċċ.) fi ħdan il-JTF.

    4.8.

    Fil-każ tal-faċilità ta’ self għas-settur pubbliku, il-KESE jqis li l-firxa wiesgħa ta’ oqsma li għandhom jiġu appoġġjati bħala adegwata u japprezza l-kompatibbiltà tagħha mal-pilastri l-oħrajn tal-JTM kif ukoll ma’ xi għodod u strumenti finanzjarji oħrajn tal-QFP.

    Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.

    Luca JAHIER

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


    (1)  ĠU C 311, 18.9.2020, p. 55.


    Top