Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52016IP0275

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar it-Taġikistan: is-sitwazzjoni tal-priġunieri minħabba twemmin (2016/2754(RSP))

    ĠU C 86, 6.3.2018, p. 118–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    6.3.2018   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 86/118


    P8_TA(2016)0275

    It-Taġikistan: is-sitwazzjoni tal-priġunieri minħabba twemmin

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Ġunju 2016 dwar it-Taġikistan: is-sitwazzjoni tal-priġunieri minħabba twemmin (2016/2754(RSP))

    (2018/C 086/17)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 8 u 9 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika tat-Taġikistan, min-naħa l-oħra (1),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (2),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u riezami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali (3),

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE tat-18 ta' Frar 2016 lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa dwar il-proċedimenti kriminali fit-Taġikistan tal-Partit tar-Rinaxximent Iżlamiku tat-Taġikistan (IRPT),

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet taż-żjara lejn it-Taġikistan mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali tat-18 ta' Settembru 2015,

    wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Ġunju 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar is-sentenza tal-Qorti Suprema tat-Taġikistan lill-viċi mexxejja tal-Partit tar-Rinaxximent Iżlamiku għal għomor il-ħabs,

    wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet preliminari maħruġa mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni tad-9 ta' Marzu 2016 fi tmiem iż-żjara tiegħu lejn it-Taġikistan,

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali magħmula lit-Taġikistan fil-25 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-6 ta' Mejju 2016,

    wara li kkunsidra d-Djalogi annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Taġikistan,

    wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966, li jiggarantixxi l-libertà ta' espressjoni, il-libertà ta' għaqda, id-dritt għar-rispett għall-ħajja personali, privata u tal-familja tal-individwi u d-dritt għall-ugwaljanza, u jipprojbixxi d-diskriminazzjoni fit-tgawdija ta' dawk id-drittijiet,

    wara li kkunsidra l-Konferenza Reġjonali dwar il-Prevenzjoni tat-Tortura tas-27 sad-29 ta' Mejju 2014 u l-Konferenza Reġjonali dwar ir-Rwol tas-Soċjetà fil-Prevenzjoni tat-Tortura ta' bejn il-31 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju 2016,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tat-Taġikistan ta' Awwissu 2013 għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kumitat kontra t-Tortura,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi fis-17 ta' Settembru 2009, il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu għal Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tat-Taġikistan; billi l-FSK ġie ffirmat fl-2004 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2010; billi, b'mod partikolari, l-Artikolu 2 jiddikjara li “r-rispett għall-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali u tal-bniedem […] huma l-bażi tal-linji politiċi interni u esterni tal-Partijiet u huma parti essenzjali minn dan il-Ftehim”;

    B.

    billi, mill-1992, il-kooperazzjoni UE-Taġikistan espandiet għal firxa wiesgħa ta' oqsma, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, li huma l-bażi vera ta' kwalunkwe sħubija;

    C.

    billi l-UE għandha interess kruċjali li tintensifika l-kooperazzjoni politika, ekonomika u ta' sigurtà kif ukoll l-iżvilupp sostenibbli u l-kooperazzjoni ta' paċi mar-reġjun tal-Asja Ċentrali permezz ta' relazzjoni UE-Taġikistan b'saħħitha u miftuħa bbażata fuq l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem;

    D.

    billi n-negozjant u l-kritiku tal-gvern magħruf ħafna Abubakr Azizkhodzhaev ilu detenut minn Frar 2016 wara li qajjem tħassib kritiku dwar prattiki korrotti ta' negozju; billi hu ġie akkużat permezz tal-Artikolu 189 tal-Kodiċi Kriminali tat-Taġikistan b'inċitament għall-mibegħda nazzjonali, razzjali, reġjonali u reliġjuża;

    E.

    billi membri tal-oppożizzjoni politika tat-Taġikistan tpoġġew fil-mira sistematikament; billi f'Settembru 2015 il-Partit tar-Rinaxximent Iżlamiku tat-Taġikistan (IRPT) ġie pprojbit wara li ġie marbut ma' tentattiv ta' kolp ta' stat aktar kmieni dak ix-xahar immexxi minn ġeneral, Abdukhalim Nazarzoda, li nqatel flimkien ma' 37 sostenitur tiegħu; billi l-awtoritajiet diġà arrestaw madwar 200 membru tal-IRPT;

    F.

    billi fi Frar 2016, il-Qorti Suprema bdiet tisma' kawżi kontra 13-il membru tal-Kunsill Politiku tal-IRPT, kif ukoll erba' individwi oħrajn assoċjati mal-partit, li ġew akkużati b'offiżi ta' “estremiżmu” minħabba l-involviment allegat tagħhom fl-attakki ta' Settembru 2015; billi ħafna membri tal-IRPT ġew arrestati u jiffaċċjaw proċedimenti kriminali mingħajr il-garanzija ta' proċess ġust; billi Zaid Saidov, negozjant u persunaġġ tal-oppożizzjoni magħruf ħafna, kien ikkundannat għal 29 sena ħabs fi prosekuzzjonijiet marbuta mal-ħruġ tiegħu għall-elezzjonijiet presidenzjali ta' Novembru 2013; billi Umarali Kuvatov inqatel f'Istanbul f'Marzu 2015 u attivist ieħor, Maksud Ibragimov, qala' daqqiet ta' sikkina u nħataf fir-Russja qabel ma rritorna lejn it-Taġikistan u ġie kkundannat għal 17-il sena ħabs f'Lulju 2015;

    G.

    billi fit-2 ta' Ġunju 2016 il-Qorti Suprema f'Dushanbe ikkundannat lil Mahmadali Hayit u lil Saidumar Hussaini, viċi mexxejja tal-IRPT ipprojbit, għal għomor il-ħabs fuq akkużi li fl-2015 kienu l-moħħ wara attentat ta' kolp ta' stat; filwaqt li 11-il membru ieħor tal-IRPT ingħataw sentenza ta' ħabs; billi tlett iqraba tal-mexxej tal-IRPT, Muhiddin Kabiri, intefgħu l-ħabs talli naqsu milli jirrappurtaw delitt mhux speċifikat; billi l-proċedimenti fil-qorti ma kinux trasparenti u kisru d-drittijiet tal-akkużat għal proċess ġust;

    H.

    billi bosta avukati li applikaw biex jaġixxu bħala avukati tad-difiża għall-imputati tal-IRPT irċevew theddid ta' mewt u ġew arrestati, detenuti u ntefgħu l-ħabs; billi l-arresti ta' Buzurgmehr Yorov, Nodira Dodajanova, Nuriddin Mahkamov, Shukhrat Kudratov u Firuz u Daler Tabarov iqajmu tħassib serju dwar il-konformità mal-istandards internazzjonali dwar l-indipendenza tal-avukati, il-proċessi bil-magħluq u l-aċċess limitat għal rappreżentazzjoni ġuridika; billi diversi ġurnalisti ġew ukoll detenuti, intimidati u ġarrbu fastidju; billi l-libertà ta' espressjoni, l-aċċess għall-midja u l-pluraliżmu politiku u ideoloġiku, inkluż fil-qasam tar-reliġjon, iridu jiġu rikonoxxuti skont il-kostituzzjoni tat-Taġikistan;

    I.

    billi l-Liġi tal-2015 dwar l-Advokatura kienet teħtieġ ċertifikazzjoni sħiħa mill-ġdid tal-avukati difensuri u introduċiet għadd ta' restrizzjonijiet dwar min jista' jippratika l-liġi, u hija għaldaqstant konduċenti għal interferenza possibbli fl-indipendenza tax-xogħol tal-avukati;

    J.

    billi l-emendi reċenti fil-Liġi dwar l-Assoċjazzjoni Pubblika, li daħlu fis-seħħ fl-2015, ifixklu l-operat tas-soċjetà ċivili billi jimponu l-iżvelar finanzjarju tas-sorsi ta' finanzjament tal-NGOs;

    K.

    billi fid-dikjarazzjoni tagħha, id-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-osservazzjoni ta' elezzjonijiet għall-elezzjonijiet parlamentari fit-Taġikistan tat-2 ta' Marzu 2015 enfasizzat nuqqasijiet sinifikanti;

    L.

    billi l-istampa, is-siti web, il-midja soċjali u l-fornituri tal-internet fit-Taġikistan joperaw f'ambjent restrittiv fejn hija mifruxa l-awtoċensura; billi l-gvern juża leġiżlazzjoni u regolamentazzjoni tal-midja restrittivi biex joħnoq rappurtar indipendenti u b'mod regolari jimblokka l-mezzi tal-midja online u n-netwerks tal-midja soċjali;

    M.

    billi fi Frar 2015 ir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra qajjem tħassib dwar it-tortura, it-trattament ħażin u l-impunità li għaddejjin bħalissa fir-rapport ta' segwitu dwar il-missjoni tiegħu lejn it-Taġikistan ta' Frar 2014;

    N.

    billi l-klassifikazzjoni tal-indiċi ta' korruzzjoni tat-Taġikistan jibqa' għoli b'mod inkwetanti;

    O.

    billi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) huwa għodda importanti ta' finanzjament bil-għan li jappoġġja l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun;

    P.

    billi fit-22 ta' Mejju 2016, it-Taġikistan kellu referendum dwar bidliet kostituzzjonali li jippermettu lill-president fil-kariga Emomali Rahmon joħroġ mill-ġdid għall-elezzjoni b'mod indefinit;

    1.

    Jappella għall-ħelsien ta' dawk kollha li ġew mitfugħa l-ħabs fuq akkużi motivati politikament, inklużi Abubakr Azizkhodzhaev, Zaid Saidov, Maksud Ibragimov, il-viċi mexxejja tal-IRPT Mahmadali Hayit u Saidumar Khusaini, u 11-il membru ieħor tal-IRPT;

    2.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Taġikistani jannullaw is-sentenzi, u jirrilaxxaw lill-prokuraturi u lill-avukati, inklużi Buzurgmehr Yorov, Nodira Dodajanova, Nuriddin Mahkamov, Shukhrat Kudratov u Firuz u Daler Tabarov;

    3.

    Jenfasizza l-importanza ta' relazzjonijiet bejn l-UE u t-Taġikistan u tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni fl-oqsma kollha; jenfasizza l-interess tal-UE f'relazzjoni sostenibbli mat-Taġikistan f'dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni politika u ekonomika; jenfasizza li r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi mal-UE huma marbuta fil-fond mal-kondiviżjoni tal-valuri dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif previst mill-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni;

    4.

    Jinsab imħasseb ħafna dwar iż-żieda fl-għadd ta' detenzjonijiet u arresti ta' avukati tad-drittijiet tal-bniedem, membri tal-oppożizzjoni politika u l-qraba tagħhom, restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-midja u l-internet u l-komunikazzjoni mobbli, u l-limitazzjoni ta' espressjoni reliġjuża;

    5.

    Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-Taġikistan jipprovdu lill-prokuraturi tad-difiża u lill-persunaġġi politiċi bi proċessi ġusti, miftuħa u trasparenti biex jipprovdu protezzjonijiet sustantivi u garanziji proċedurali skont l-obbligi internazzjonali tat-Taġikistan u jawtorizzaw l-investigazzjoni mill-ġdid mill-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-ksur kollu rrappurtat kontra d-dinjità u d-drittijiet tal-bniedem; jappella biex dawk kollha mitfugħa l-ħabs jew detenuti jingħataw aċċess għal servizzi ġuridiċi indipendenti, flimkien mad-dritt li jiltaqgħu mal-membri tal-familja tagħhom b'mod regolari; ifakkar li, għal kull sentenza maħruġa, trid tiġi ppreżentata evidenza ċara li tiġġustifika l-akkużi kriminali miġjuba kontra l-imputat;

    6.

    Jistieden lill-Gvern Taġikistani jippermetti lil gruppi tal-oppożizzjoni joperaw liberament u jeżerċitaw il-libertajiet ta' għaqda, assoċjazzjoni, espressjoni u reliġjon, f'konformità ma' normi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-kostituzzjoni tat-Taġikistan;

    7.

    Jenfasizza li l-ġlieda leġittima kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti m'għandhiex tintuża bħala skuża biex trażżan l-attività tal-oppożizzjoni, timpedixxi l-libertà tal-espressjoni jew ixxekkel l-indipendenza tal-ġudikatura; ifakkar li l-libertajiet fundamentali taċ-ċittadini kollha Taġikistani jridu jiġu ggarantiti, u jinżamm l-istat tad-dritt;

    8.

    Jappella lill-parlament Taġikistani jieħu kont tal-fehmiet tal-midja indipendenti u tas-soċjetà ċivili fil-kunsiderazzjonijiet tiegħu tal-emendi proposti lil-Liġi dwar il-Midja fir-rigward tal-liċenzji tal-midja; jappella lill-awtoritajiet Taġikistani jieqfu milli jkomplu jimblukkaw is-siti web tal-aħbarijiet;

    9.

    Jappella lill-awtoritajiet Taġikistani jikkonformaw mad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-Liġi dwar l-Assoċjazzjonijiet Pubbliċi u l-Liġi dwar it-Tribunal u l-Prattika tal-Liġi; jappella lill-Gvern Taġikistani jiżgura li l-avukati kollha, inklużi dawk li jiddefendu lill-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem, lill-membri IRPT, lill-vittmi tat-tortura u lill-klijenti akkużati b'estremiżmu, ikunu kapaċi jwettqu l-ħidma tagħhom b'mod liberu, mingħajr biża' ta' theddid jew fastidju;

    10.

    Jilqa' numru ta' passi pożittivi li ħa l-Gvern Taġikistani, bħad-dekriminalizzazzjoni tal-malafama u l-insult fl-2012, u jitlob li jkun hemm implimentazzjoni xierqa tal-Kodiċi Kriminali tal-pajjiż; jilqa' l-iffirmar tal-leġiżlazzjoni li tintroduċi emendi lill-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (CPC) u l-Liġi dwar il-Proċeduri ta' Detenzjoni u l-Kundizzjonijiet għas-Suspettati, il-Persuni Akkużati u l-Imputati, u jappella lill-awtoritajiet Taġikistani jiżguraw li dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi huma implimentati mingħajr dewmien;

    11.

    Jilqa' b'sodisfazzjon id-Djalogi annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem UE-Taġikistan, li għandhom jindirizzaw ukoll il-kontenut ta' din ir-riżoluzzjoni; jenfasizza l-importanza ta' djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem li huma effikaċi u orjentati lejn ir-riżultati bejn l-UE u l-awtoritajiet Taġikistani bħala għodda li tiffaċilita it-tnaqqis ta' tensjoni fis-sitwazzjoni politika fil-pajjiż kif ukoll it-tnedija ta' riformi komprensivi;

    12.

    Jitlob lill-UE, u b'mod partikolari lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, iwettqu monitoraġġ mill-qrib tal-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt fit-Taġikistan, speċjalment id-dritt ta' assoċjazzjoni u d-dritt li jiġu ffurmati partiti politiċi, fil-kuntest tal-elezzjonijiet parlamentari li jmiss fl-2020, iqajmu tħassib mal-awtoritajiet Taġikistani fejn meħtieġ, joffru assistenza u jirrappurtaw b'mod regolari lill-Parlament; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Dushanbe tkompli twettaq rwol attiv;

    13.

    Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tat-Taġikistan jiżguraw segwitu xieraq u implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Eżami Perjodiku Universali;

    14.

    Jesprimi tħassib serju dwar l-użu mifrux tat-tortura, u jħeġġeġ lill-Gvern Taġikistani jimplimenta l-Pjan ta' Azzjoni tiegħu ta' Awwissu 2013 għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kumitat kontra t-Tortura;

    15.

    Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni mibgħuta mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa għall-elezzjonijiet parlamentari tal-1 ta' Marzu 2015 fit-Taġikistan, li jiddikjaraw li dawk l-elezzjonijiet “seħħew fi spazju politiku ristrett u ma rnexxilhomx jassiguraw kundizzjonijiet ekwi għall-kandidati”, u jappella lill-awtoritajiet Taġikistani jindirizzaw fi żmien xieraq ir-rakkomandazzjonijiet kollha mressqa f'dawn il-konklużjonijiet;

    16.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Asja Ċentrali, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Gvern u l-President tat-Taġikistan Emomali Rahmon.


    (1)  ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 12.

    (2)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.

    (3)  Testi adottati, P8_TA(2016)0121.


    Top