This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52015AE3604
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — A Digital Single Market Strategy for Europe’ (COM(2015) 192 final)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” [COM(2015) 192 final]
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa” [COM(2015) 192 final]
ĠU C 71, 24.2.2016, p. 65–74
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
24.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 71/65 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”
[COM(2015) 192 final]
(2016/C 071/11)
Relatur: |
is-Sur Raymond HENCKS |
Korelatur: |
is-Sur Thomas McDONOGH |
Nhar it-12 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”
[COM(2015) 192 final].
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Novembru 2015.
Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’219-il vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. |
Il-KESE jappoġġja l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew. Madankollu, għadu mħasseb li għadha dgħajfa r-rieda politika ta’ parti mill-Istati Membri li jwittu t-triq biex tinħoloq unjoni diġitali kreattiva u innovattiva, u mhux biss waħda li tikkonsma. |
1.2. |
L-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali proposta mill-Kummissjoni ta’ Juncker hija estensjoni tal-istrateġiji u l-programmi diġitali eżistenti, u għandha l-għan li tagħti nifs ġdid lil politika diġitali tal-Unjoni Ewropea li qed tieħu ż-żmien biex tiġi implimentata. Fl-istess ħin, din hija wkoll enfasi ġdida fuq il-kummerċ u l-konsumaturi u l-miżuri meħtieġa sabiex jinħolqu aktar kummerċ, aktar konsumaturi u kundizzjonijiet u protezzjoni aħjar għall-konsumaturi. |
1.3. |
F’dan il-kuntest, l-ewwel prijorità tagħna hija li jingħalaq id-distakk fil-ħiliet. Din hija kwistjoni kemm ta’ matematika u litteriżmu kif ukoll ta’ ħiliet diġitali u l-użu responsabbli tagħhom. It-tieni, l-użu faċli tal-pjattaformi huwa meħtieġ sabiex jitmexxa s-suq, għalhekk l-operazzjonijiet tal-pjattaforma m’għandhomx ikunu ristretti. It-tielet, hemm bżonn ta’ applikazzjonijiet rilevanti, għalhekk l-enfasi fuq l-istandardizzazzjoni hija milqugħa. Żieda fil-gvern elettroniku se tgħin sabiex jiġu involuti aktar ċittadini fl-attività diġitali. Mill-perspettiva tal-konsumatur, il-KESE jilqa’ l-inizjattivi dwar l-aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għal prodotti u servizzi diġitali fl-Ewropa kollha. |
1.4. |
Ftit mill-inizjattivi, iżda mhux kollha, dettaljati fit-Taqsima 4.2 (Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet tajba għal netwerks u servizzi diġitali biex jiffjorixxu) huma relatati mal-infrastruttura tan-netwerks u huma parti mill-aġenda diġitali. Dawn il-proposti huma importanti fid-dawl tal-kuntest tas-suq uniku u l-urġenza li bihom dawn jiġu indirizzati. Xi wħid mill-inizjattivi l-oħra f’din it-taqsima huma importanti għad-drittijiet tal-konsumatur. |
1.5. |
Il-KESE ma jistax ħlief jappoġġja lill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tagħha li ttemm il-frammentazzjoni fi 28 strateġija u swieq diġitali nazzjonali u tlaqqagħhom fi ħdan approċċ Ewropew u b’hekk tiżgura pożizzjoni fuq quddiem nett fil-qasam tal-ekonomija diġitali dinjija, li sar id-dominju tal-pajjiżi terzi. |
1.6. |
Il-KESE jinsab konvint li l-Unjoni Ewropea, li għandha ħiliet eċċellenti u esperjenza wiesgħa f’ċerti oqsma diġitali, għadha tista’ tirremedja għad-dewmien tagħha f’dan il-qasam. F’dan il-kuntest, il-KESE jinsisti fuq l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ riċerka multidixxiplinari u sinerġiji Ewropej fil-qafas tal-ispazju Ewropew tar-riċerka, f’oqsma bħall-cloud computing, in-nanoelettronika, il-ħażna u l-ipproċessar tal-big data, kull apparat li jista’ jsir tiftix għalih (searchable applications) jew li jista’ jiġi kkontrollat mill-bogħod (oġġetti konnessi) u s-servizzi intelliġenti. |
1.7. |
L-Unjoni tista’ terġa’ taqbad ir-ritmu jekk jirnexxielha, fuq perjodu qasir ta’ żmien, tlaqqa’ flimkien ir-riżorsi tagħha biex timmobilizza u tikkoordina l-isforzi pubbliċi u privati tat-28 Stat Membru, filwaqt li tinvolvi wkoll lill-partijiet interessanti fid-diskussjonijiet dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. Il-KESE japprova l-impenn li daħlet għalih il-Kummissjoni li tniedi konsultazzjoni pubblika għal kull waħda mill-azzjonijiet futuri tagħha fil-qafas tas-suq uniku diġitali. |
1.8. |
Il-KESE jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ dimensjoni soċjali fl-istrateġija diġitali (minbarra kwistjonijiet dwar il-kompetenza diġitali), minkejja li l-iżvilupp tas-servizzi u l-mudelli intraprenditorjali jitlob tibdil profond fid-dinja tax-xogħol. Il-KESE jqis li flimkien mal-vantaġġi potenzjali, għandhom jiġu kkunsidrati r-riskji u l-isfidi multipli, partikolarment fil-qasam tas-sigurtà u l-organizzazzjoni tax-xogħol, u tas-sigurtà soċjali, bl-istess mod bħall-proċeduri previsti mit-trattat dwar id-djalogu soċjali kif ukoll il-klawżola soċjali orizzontali, li għandhom isibu posthom fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew (1). Il-KESE jqis li d-dimensjoni soċjali, flimkien mal-konsegwenzi kollha tagħha għax-xogħol, għandha tkun ir-raba’ pilastru tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew. |
2. Introduzzjoni
2.1. |
Bit-terminu “suq uniku diġitali”, il-KESE jifhem it-trasferiment lejn l-Internet tat-tranżazzjonijiet u L-attivitajiet mis-suq intern tal-UE eżistenti. Dan diġà seħħ parzjalment, iżda l-inizjattivi enfasizzati mill-Kummissjoni huma ddisinjati sabiex jinkiseb il-potenzjal diġitali sħiħ. L-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet tas-suq jinvolvu l-produzzjoni ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi segwiti minn intermedjazzjoni, distribuzzjoni u konsum. Tranżazzjonijiet bejn il-konsumatur (C), in-negozju (B) u l-awtoritajiet pubbliċi (G) jirriflettu kemm l-influwenza ta’ netwerks soċjali kif ukoll it-tendenza lejn soċjetà ta’ kondiviżjoni. Ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi fis-Suq Uniku Diġitali huwa dak ta’ fornitur tas-servizzi. |
2.2. |
Il-benefiċċji tat-trasferiment ta’ proċessi kummerċjali huma magħrufa sew: aktar integrazzjoni fil-katina tal-valur, aċċelerazzjoni tal-proċessi mid-disinn għall-konsenja, interfaċċi tal-konsumatur imtejba (speċjalment fil-kuntest ta’ netwerks soċjali) u kompetittività akbar inġenerali. Hekk kif tkompli t-transizzjoni, din se tiftaħ it-triq għall-“Internet tal-oġġetti” u r-raba’ Rivoluzzjoni Industrijali. |
2.3. |
Il-karatteristika unika tas-suq intern hija li dan huwa transnazzjonali mid-disinn u li għalhekk huwa adattat sew fil-prinċipju li juża l-Internet. Madankollu, hemm problemi fi ħdan is-suq intern stess, bl-adattament ta’ regoli, liġijiet u regolamenti għall-ambjent diġitali, hemm nuqqasijiet fil-prontezza diġitali f’kull waħda mill-komunitajiet “B”, “G” u “C”, nuqqasijiet fl-infrastruttura teknoloġika tas-Suq Uniku Diġitali u kwistjonijiet potenzjali ta’ dominanza minn pjattaformi kbar. |
2.4. |
B’mod parallel mal-proġett tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni qed tmexxi l-Aġenda Diġitali tagħha. Din tindirizza tħassib varju dwar in-nuqqas ta’ preżenza tal-UE fl-industriji globali tal-ħardwer u s-softwer, iżda dan it-tħassib huwa periferali għas-Suq Uniku Diġitali. Skont il-Kummissjoni, il-premju għat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali huwa kbir ħafna fit-termini tal-PDG u l-impjieg u kull mhu meħtieġ li jsir huwa fi ħdan il-kapaċità attwali tal-UE u l-Istati Membri. |
2.5. |
Il-falliment li jitlesta s-suq uniku għas-servizzi għandu implikazzjonijiet serji għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali. Is-settur tas-servizzi huwa s-settur dominanti fl-ekonomiji tal-Istati Membri. Il-provvista tas-servizzi hija motivata minn tranżazzjonijiet tal-Internet; il-progress fl-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali jista’, minnu nnifsu, jiffaċilita s-suq uniku għas-servizzi. |
2.6. |
Ir-regoli, ir-regolamenti u l-liġijiet żviluppati għat-transazzjonijiet fuq il-karta u l-ewwel snin tal-kummerċ elettroniku saru ostakli għall-kisba tas-Suq Uniku Diġitali. Il-KESE jilqa’ l-programm leġislattiv propost u l-iskeda ambizzjuża li ġiet stabbilita:
|
2.7. |
Filwaqt li l-programm leġislattiv enfasizzat fit-Taqsima 2.6 hawn fuq huwa ċar, l-azzjonijiet previsti sabiex jitjieb l-għarfien dwar l-Internet, il-kompetenza u l-prontezza fit-tliet komunitajiet – “B”, “G”, u “C” – huma anqas ċari:
Flimkien dawn l-inizjattivi se jaffettwaw liċ-ċittadini, l-SMEs, il-gvern u s-servizzi tas-settur privat u l-applikazzjonijiet settorjali li huma ċentrali għall-kisba tas-Suq Uniku Diġitali. Dawn il-proposti jidhru li mhumiex preċiżi jew urġenti biżżejjed. Il-KESE se jsegwi mill-qrib l-iżvilupp ta’ dawn l-inizjattivi li huma kollha taħt il-kontroll tal-UE u tal-Istati Membri. |
2.8. |
Numru ta’ inizjattivi vitali dwar l-infrastruttura huma proposti:
Is-sigurtà tat-telekomunikazzjoni u ċ-ċibersigurtà huma l-prijoritajiet evidenti iżda hija urġenti wkoll kjarifika tar-regoli ta’ provvista tal-awdjoviżiv għall-kejbil, is-satellita u l-broadband. |
2.9. |
Il-pjattaformi jmexxu s-Suq Uniku Diġitali. Il-maġġoranza tal-membri tal-komunitajiet “C”, “B” u “G” jużawhom kuljum. Dawn huma aċċessibbli, jintużaw faċilment, u spiss huma mingħajr ħlas. L-iżvilupp ulterjuri tagħhom huwa indispensabbli, iżda hemm tħassib:
Għal dawn ir-raġunijiet il-KESE jilqa’ l-Indaġni: Analiżi komprensiva tar-rwol tal-pjattaformi fis-suq inkluż kontenut illegali fuq l-Internet. Sabiex is-Suq Uniku Diġitali jkun ta’ suċċess, il-pjattaformi jridu jiffjorixxu u għalhekk l-infurzar tal-liġi ma għandux jillimita b’mod ieħor l-ispazju ta’ manuvra għall-pjattaformi. |
2.10. |
Minħabba l-analiżi ta’ hawn fuq, il-KESE jikkunsidra l-programmi komunitarji enfasizzati fit-Taqsima 2.7 hawn fuq bħala probabbilment il-punt dgħajjef tal-istrateġija u jesprimi “twissijiet” dwar il-pjattaformi. |
3. Kummenti ġenerali
3.1. |
Huwa inkontestabbli li s’issal-Unjoni Ewropea ma sfruttatx mill-aħjar il-possibilitajiet enormi provduti mit-teknoloġiji diġitali. Dan huwa l-aktar minħabba l-fatt li s-suq Ewropew għadu maqsum fi 28 suq nazzjonali. |
3.2. |
Madankollu, ċerti Stati Membri jippreferu evidentement iżommu u jiżviluppaw strateġija diġitali esklużivament nazzjonali, aktar milli jagħmlu spazju għal Unjoni Ewropea diġitali kreattiva u innovattiva. B’mod parallel, il-Ministri tal-Ekonomija tal-Ġermanja u ta’ Franza talbu l-ħolqien ta’ qafas komuni appoġġjat b’mod partikolari miż-żewġ pajjiżi tagħhom. |
3.3. |
Il-KESE josserva wkoll li l-Prim Ministri ta’ ċerti Stati Membri talbu lill-President tal-Kunsill sabiex jagħmlu parti mir-riservi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Dawn insistew fuq l-importanza li “jkun hemm regolamentazzjoni biss meta teżisti prova ċara tal-bżonn li jsir dan, billi jiġu sfruttati l-prinċipji ta’ regolamentazzjoni intelliġenti u jkun hemm valutazzjoni tal-impatt fil-fond. Huwa assolutament evidenti li s-Suq Uniku Diġitali se jkun suċċess biss jekk ma jillimitax l-innovazzjoni, l-investiment u l-intraprenditorija”. Il-KESE huwa tal-istess opinjoni sakemm l-interessi tal-konsumaturi u tal-ħaddiema jitqiesu wkoll bl-istess mod. |
3.4. |
Il-Kummissjoni tqis din l-Istrateġija ġdida tas-Suq Uniku Diġitali bħala estensjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tal-2010. Din kienet tipprevedi 101 azzjoni li, skont il-Kummissjoni, 72 minnhom irnexxew u 23 minnhom kellhom jitlestew fiż-żminijiet stabbiliti, mingħajr ma nkiseb is-Suq Uniku Diġitali stess, b’mod li parti minn dawn l-inizjattivi jinsabu fl-istrateġija ġdida inkwistjoni. |
3.5. |
Matul il-preżentazzjoni tal-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, il-President Juncker qal li “billi noħolqu suq uniku diġitali konness, nistgħu niġġeneraw sa EUR 250 biljun fi tkabbir addizzjonali u b’hekk noħolqu mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda”. Skont il-Komunikazzjoni inkwistjoni, jista’ jkun hemm “EUR 415-il biljun addizzjonali għall-PDG Ewropew”, filwaqt li ż-żewġ Kummissarji responsabbli għall-qasam diġitali jsemmu 3,8 biljun impjieg iġġenerati minn suq uniku diġitali. |
3.6. |
Il-KESE jqis li l-bumbardament taċ-ċittadini b’ċifri li jvarjaw sostanzjalment skont is-sors fi ħdan il-Kummissjoni, iżda li madankollu jiġu ppreżentati bħala fatti mhux konfutabbli meta fil-verità ftit li xejn ikunu kredibbli, huwa kontroproduttiv. Dikjarazzjonijiet bħal dawn jispiċċaw biex joħolqu nuqqas ta’ fiduċja fil-konfront ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u jikkawżaw ċerta indifferenza fir-rigward tal-problemi reali. |
3.7. |
Sal-lum il-ġurnata, il-Kummissjoni qatt ma tat prova li t-tbassir tagħha tal-istess tip seħħ. Il-KESE jitlob li fl-aħħar tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni attwali tiffoka u tqabbel dan l-eżami mal-previżjonijiet tagħha. |
3.8. |
Il-KESE jqis li mhuwiex realistiku li wieħed jemmen li se jinkiseb is-Suq Uniku Diġitali matul il-mandat attwali tal-Kummissjoni, dan ukoll minħabba li l-istudju tal-impatt jew ir-riċerka xjentifika relatati li jappoġġjaw tali dikjarazzjonijiet ma ġewx ippubblikati. Il-KESE jqis li l-istimi tal-Kummissjoni għandhom jitqabblu mal-istudji li jipprevedu telf sostanzjali ta’ xogħlijiet ikkawżat mit-trasformazzjonijiet diġitali (2). |
3.9. |
Skont il-Kummissjoni, il-ksib tas-suq diġitali konness tippermetti lill-Ewropa li żżomm pożizzjoni fuq quddiem nett fil-qasam tal-ekonomija diġitali fil-livell globali, filwaqt li tippermetti li n-negozji Ewropej jiżviluppaw ukoll barra mill-Unjoni. |
3.10. |
Il-KESE josserva li l-ambizzjoni tal-UE, li tinsab fl-Istrateġija ta’ Lisbona tal-2000, li ssir l-aktar ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għarfien u l-iktar dinamika fid-dinja b’kapaċità ta’ tkabbir ekonomiku u sostenibbli akkumpanjat minn titjib fil-kwantità u l-kwalità tax-xogħol u aktar koeżjoni soċjali, ġiet riveduta ‘l isfel b’mod sostanzjali. |
3.11. |
L-Unjoni Ewropea qiegħda lura. |
L-ekonomija diġitali saret il-privileġġ tal-Istati Uniti u tal-Asja. Madwar ħamsin operatur kbir Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika huma soġġetti għal 28 qafas regolatorju nazzjonali distinti, filwaqt li s-sitt operaturi l-kbar tas-suq Amerikan u t-tliet ġganti tas-suq Ċiniż huma kkontrollati minn qafas regolatorju uniku. Il-viżjoni tas-suq diġitali intra-Ewropew bħala fattur ta’ integrazzjoni m’għadhiex adegwata f’dinja diġitalizzata mingħajr fruntieri; barra minn hekk, din ma xekklitx il-pjattaformi l-kbar tal-pajjiżi terzi milli joħolqu monopolji jew oligopolji fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE.
3.12. |
Il-KESE jibqa’ jittama li l-UE għadha tista’ tirrimedja għad-dewmien tagħha u li l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali fl-Ewropa tista’ tagħti ħajja ġdida lis-settur, bil-kundizzjoni madankollu li tkun kreattiva u mhux biss utent tal-qasam diġitali, li tippromovi qabża kwalitattiva soċjetali lejn edukazzjoni bikrija tat-tfal biex jiżviluppaw ħiliet diġitali u jitħġġeġ l-użu responsabbli tagħhom, li tneħħi d-distakk diġitali, li tiggarantixxi l-aċċess għaċ-ċittadini kollha (inklużi l-persuni b’diżabbiltà) u li tiggarantixxi investiment pubbliku u privat adatt fit-tagħlim, it-taħriġ vokazzjonali u r-riċerka. |
3.13. |
Għal dan l-għan, l-UE għandha bżonn tlaqqa’ r-riżorsi tagħha flimkien sabiex timmobilizza u tikkoordina sforzi pubbliċi u privati fit-28 Stat Membru kollha. Dawn huwa indispensabbli jekk ma tixtieqx titlef it-tibdiliet li tgħaddi minnhom spiss l-ekonomija diġitali, pereżempju l-applikazzjonijiet mobbli li n-numru tagħhom sploda f’dawn l-aħħar snin, il-cloud computing, il-big data u l-isfidi strateġiċi li issa jinsabu fil-livell tal-pjattaformi tas-servizzi diġitali l-kbar, li saru mezzi inevitabbli ta’ aċċess għall-Internet. Id-diskussjoni dwar l-istrateġija għal suq uniku diġitali għandha tinvolvi l-partijiet interessati kollha u tikkunsidra l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-ħaddiema u l-persuni b’diżabbiltà bil-għan li jkun hemm soċjetà inklużiva. |
3.14. |
Il-KESE ma jistax ħlief jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas totali ta’ dimensjoni soċjali fl-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. L-effetti u l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni fuq l-impjieg huma fil-biċċa l-kbira tagħhom injorati, filwaqt li l-iżvilupp kontinwu tas-servizzi u l-mudell kummerċjali jinvolvi tibdil profond fid-dinja tax-xogħol, b’riperkussjonijiet sostanzjali fuq in-natura tax-xogħol u l-istruttura tal-intrapriżi u r-riskju li jisfaw fix-xejn il-ftehimiet kollettivi. F’dan il-kuntest, il-proċeduri previsti mit-trattat li jikkonċernaw id-djalogu soċjali kif ukoll il-klawżola soċjali orizzontali għandhom jiġu integrati fl-istrateġija għal suq uniku diġitali. Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq is-settur tas-servizzi u tal-impjiegi fil-qafas tat-tibdil industrijali (CCMI/136), il-KESE għamel sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet bil-għan li jiġi evitat li l-iżvilupp tal-qasam diġitali jagħmel ħsara lill-effettività tas-sistemi eżistenti tat-tagħlim vokazzjonali, il-ħarsien tal-impjieg, is-sigurtà soċjali u t-tassazzjoni. Il-KESE jqis li d-dimensjoni soċjali, flimkien mal-konsegwenzi kollha tagħha għax-xogħol, għandha tkun ir-raba’ pilastru tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew. |
3.15. |
Qasam ieħor li fih l-UE għandha l-okkażjoni li tagħti xhieda tal-pożizzjoni tagħha huwa dak tal-big data, li fih l-istandards tekniċi li se jorganizzaw il-ġbir u l-ipproċessar tad-data għad iridu jiġu vvintati. Sabiex iseħħ dan, ir-regolamenti nazzjonali differenti għandhom jiġu unifikati f’qafas Ewropew koerenti li, permezz ta’ politika intelliġenti fir-rigward tal-ipproċessar tad-data, ikun ikkaratterizzat minn struttura li tfittex kompromess bejn l-interessi ekonomiċi u l-protezzjoni tal-ħajja privata f’oqsma differenti bħas-settur mediku, is-saħħa pubblika, is-servizzi personali, il-qasam agroalimentari, eċċ. |
3.16. |
L-Unjoni Ewropea, li hija familjari mad-diskussjonijiet dwar l-istandards tekniċi bejn l-Istati Membri, tista’ tibbaża ruħha fuq l-esperjenza tagħha f’dan ir-rigward sabiex toħloq politika Ewropea dwar id-data, abbażi ta’ qafas legali ta’ kwalità, u sabiex iżżomm il-kontroll fuq l-istandards relatati mal-protezzjoni tad-data privata (ara SWIFT), sabiex jiġi evitat li dawn ma jiġux imposti minn atturi oħra. |
3.17. |
Il-KESE jindika wkoll li s-settur diġitali huwa kkaratterizzat ukoll minn żbilanċ sostanzjali fir-rappreżentanza taż-żewġ sessi u li l-professjonisti fil-qasam tal-ICT huma fil-biċċa l-kbira tagħhom irġiel. Meta jitqies in-numru kbir ta’ postijiet battala fis-settur tal-ICT, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iniedu kampanja sabiex iħeġġu aktar kandidati nisa jinvolvu ruħhom f’karriera fis-settur diġitali. |
3.18. |
Fir-rapport tiegħu “Golden growth: Restoring the lustre of the European economic model”, il-Bank Dinji qasam l-Unjoni Ewropea f’6 blokok b’mod li jenfasizza, fuq il-bażi ta’ indikaturi diġitali, id-differenzi kbar bejn l-Istati Membri fl-użu tat-teknoloġiji, il-ħiliet u l-applikazzjonijiet diġitali u l-kummerċ elettroniku. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra bis-sħiħ dawn id-differenzi meta tistabbilixxi l-azzjonijiet ta’ prijorità fil-pjan ta’ ħidma tagħha. |
3.19. |
Fl-aħħar nett, il-KESE jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li skontha – apparti l-fondi tal-UE ta’ madwar EUR 21,4 biljun – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi se jappoġġja firxa wiesgħa ta’ proġetti diġitali u josserva li l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment jipprovdu opportunitajiet sostanzjali ta’ finanzjament addizzjonali. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni se taħdem mal-BEI, il-promoturi tal-proġetti u l-Istati Membri sabiex il-fondi disponibbli jintużaw b’mod sħiħ, iżda jistaqsi madankollu għaliex, b’mod wiesa’, il-fondi tal-UE li kienu ġew allokati lill-Istati Membri ma ntużawx biżżejjed. Il-KESE jitlob li ssir analiżi dwar din il-kwistjoni sabiex l-użu effettiv u effiċjenti jiġi garantit fil-ġejjieni. |
4. Kummenti speċifiċi
4.1. Aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għall-prodotti u s-servizzi diġitali madwar l-Ewropa
4.1.1. Proposti leġislattivi għal regoli tal-kuntratt trankonfinali sempliċi u effettivi għall-konsumaturi u n-negozji
Din hija inizjattiva ambizzjuża, iżda milqugħa jekk tkun fattibbli. Minkejja dan, il-kummerċ transkonfinali, elettroniku jew ieħor, se jibqa’ sfida għall-SMEs u l-individwi privati minħabba kwistjonijiet ta’ lingwa u kultura. Test tal-kuntratt standard ġust u sempliċi fil-lingwi kollha tal-UE se jneħħi ostaklu importanti, iżda oħrajn se jibqgħu, bħat-tħassib dwar is-sigurtà tal-kummerċ elettroniku, transfuntier jew ieħor. F’dan il-kuntest, l-inizjattivi dwar iċ-ċibersigurtà huma milqugħa.
Il-KESE jistenna li, meta tiġi implimentata l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Ewropa, il-proposti kollha jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi u ma jwasslux għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni li attwalment jeżisti, fl-ebda Stat Membru.
Jibqa’ jeżisti tħassib fost is-sħab soċjali li l-kummerċ elettroniku transkonfinali jista’ jfixkel in-negozji nazzjonali eżistenti. Dan it-tħassib jenfasizza l-bżonn li tiġi inkluża d-dimensjoni soċjali fl-istrateġija.
4.1.2. Rieżami tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur
Kooperazzjoni effettiva u ċara hija sine qua non għall-protezzjoni transkonfinali tal-konsumatur mingħajr xkiel. Proċeduri għal kumpens u rimedju fil-ħin huma probabbilment ewlenin sabiex jiġi aċċettat il-kummerċ elettroniku transkonfinalir.
Għandu jsir kull sforz sabiex jitnaqqas il-piż regolatorju fuq l-SMEs.
Il-KESE jaħseb li l-Kummissjoni għandha:
— |
tiżgura li l-konsumaturi jista’ jkollhom aċċess għal kontenut disponibbli legalment dwar termini ġusti u raġonevoli bejn il-fruntieri. |
— |
teżamina sa liema punt il-konsumaturi jiġu ddiskriminati onlajn fuq il-bażi tal-pajjiż li jgħixu fih u l-konsegwenzi għall-ekonomija u l-konsumatur ta’ dan, u tipproponi l-passi neċessarji sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe diskriminazzjoni; |
— |
teżamina l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, tistabbilixxi kif id-drittijiet tal-konsumatur japplikaw għall-prodotti diġitali u tiżgura li l-konsumaturi u n-negozji jifhmu d-drittijiet tagħhom u jkunu kunfidenti li dawn se jiġu infurzati. |
4.1.3. Miżuri fil-qasam tal-konsenja tal-pakketti
Il-konsenja rapida tal-pakketti hija l-muftieħ għas-sodisfazzjon tal-konsumatur fis-swieq tal-kummerċ elettroniku u domestiku u qed taħdem sew. Huwa loġiku li l-kummerċ elettroniku transfruntier għandu jiġi appoġġjat b’mod simili, għalkemm il-Kummissjoni tinnota li s-servizzi tal-pakketti internazzjonali prinċipali diġà joperaw fl-Ewropa.
4.1.4. Rieżami estensiv għat-tħejjija ta’ proposti leġislattivi sabiex jittrattaw imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat (3)
Dan japplika għas-servizzi tal-kummerċ elettroniku u dawk awdjoviżivi. Fil-kummerċ elettroniku, it-tfittxijiet għal oġġetti u servizzi rari jagħtu riżultati barra miż-żona ġeografika ta’ min qed ifittex. Min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ riżultati fl-UE tista’ tkun wisq.
Fil-fatt, min qed ifittex jista’ jirranġa l-magni tat-tiftix għal kwalunkwe żona ġeogragika meħtieġa. Problema waħda hija li l-konsumaturi minn żona ġeografika differenti jistgħu jkunu soġġetti għal prezzijiet diskriminatorji, bħal ma wera l-każ reċenti ta’ Disneyland Paris. Il-KESE jappoġġja azzjonijiet li jiżguraw li l-kummerċ transfruntier jsir fuq kundizzjonijiet ekwi, sabiex il-konsumatur ikun protett. Problema oħra hija li f’ċerti każijiet, l-aċċess transkonfinali għas-siti web huwa sempliċement projbit.
L-imblukkar awdjoviżiv għandu żewġ dimensjonijiet: ir-restrizzjoni tal-aċċess estern minn ċittadini nazzjonali li qed jivvjaġġaw li għandhom dritt għall-aċċess tas-servizzi domestiċi, u r-restrizzjoni ta’ aċċess estern għal persuni mhux ċittadini li l-pretensjoni għall-aċċess tagħhom hija bbażata fuq iċ-ċittadinanza fl-UE. Fl-ewwel każ, il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ identitajiet diġitali li jiffaċilitaw l-aċċess. Fl-aħħar każ, il-KESE jaf li l-biċċa l-kbira tal-imblukkar ġeografiku huwa kkawżat minn restrizzjonijiet tad-drittijiet jew tħassib kummerċjali. Qafas tad-drittijiet semplifikat jista’ jgħin iżda għandha tingħata attenzjoni sabiex il-mudelli kummerċjali marbutin mar-reklamar u l-aċċess għas-suq ma jiġux imfixkla.
4.1.5. Indaġni tas-settur tal-kompetizzjoni fil-kummerċ elettroniku, dwar il-kummerċ onlajn tal-oġġetti u l-forniment onlajn ta’ servizzi
Il-KESE jilqa’ s-sorveljanza tas-suq mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u reġim strett ta’ sanzjonijiet kontra l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti. Madankollu, fl-istess ħin, il-KESE jinnota li t-teknoloġija u l-ekonomija diġitali tmexxew minn kumpaniji kbar għall-benefiċċju tal-ekonomija u s-soċjetà inġenerali. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-indaġnijiet previsti jkunu bbażati biss fuq il-prinċipji stabbiliti tal-liġi kummerċjali u tal-kompetizzjoni.
4.1.6. Proposti leġislattivi għal riforma tar-reġim tad-drittijiet tal-awtur
Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti sakemm il-mudelli kummerċjali differenti jibqgħu vijabbli u d-drittijiet tas-sidien tal-proprjetà intellettwali jiġu rrispettati.
4.1.7. Rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita
Din id-direttiva tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u r-regoli relatati mad-drittijiet tal-awtur applikabbli għax-xandir bis-satellita u t-trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil. Il-Kumitat jaqbel li jeħtieġ li tiġi rieżaminata d-Direttiva kemm fil-kuntest tal-proposti leġislattivi antiċipati fil-paragrafu 4.1.6 kif ukoll biex tirrifletti l-bidliet profondi li qed iseħħu f’dawn l-industriji.
4.1.8. Proposti leġislattivi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji li jirriżulta minn reġimi differenti tal-VAT
It-tassazzjoni tat-teknoloġija diġitali hija fattur ewlieni għas-suċċess tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, għaliex huwa evidenti li l-liġijiet tat-taxxa Ewropej u nazzjonali mhumiex adegwati għar-realtajiet tal-ekonomija diġitali u jwasslu għal evażjoni tat-taxxa u kompetizzjoni inġusta. Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni dwar il-VAT (jiġifieri li jkun hemm enfasi fuq il-post fejn il-konsumatur ikun ibbażat aktar milli l-post fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz) kif ukoll il-prinċipju ta’ tassazzjoni diretta, li tiżgura li l-profitt ikun intaxxat fil-post fejn jiġi ġġenerat il-valur. Il-KESE jappoġġa wkoll il-Kummissjoni fl-isforzi tagħha li tneħħi l-burokrazija żejda imposta fuq negozji b’riżultat ta’ disparitajiet bejn ir-reġimi tal-VAT. Fir-rigward tal-punt (iv), soluzzjoni aktar sempliċi tista’ tkun li tiġi estiża l-eżenzjoni għal tranżazzjonijiet fl-UE.
4.2. Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet tajba għal netwerks u servizzi diġitali biex jiffjorixxu
4.2.1. Proposti leġislattivi biex jirriformaw ir-regoli attwali tat-telekomunikazzjonijiet
Id-differenza evidenti bejn l-Ewropa, l-Asja u l-Istati Uniti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet hija l-frammentazzjoni tas-suq Ewropew. Sabiex jinħolqu organizzazzjonijiet bil-kapaċitajiet ta’ investiment u riċerka li jippermettulhom ikunu kompetittivi fil-livell dinji, kull analiżi għandha tikkunsidra wkoll il-kapaċitajiet tal-fornituti tas-servizzi tal-komunikazzjoni bl-Internet tal-Grad 1 u Grad 2 minħabba t-tkabbir esponenzjali tat-traffiku diġitali. Ir-rieżami għandu jfittex ukoll li tikseb soluzzjoni bbilanċjata għall-kwistjoni tan-newtralità tal-Internet. Sal-punt fejn il-medja awdjoviżiva qed u se tiġi pprovduta bl-Internet, l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet irid ikollhom il-libertà li jissodisfaw l-aspettattivi tal-utent fit-termini tal-kwalità u l-veloċità tal-provvista.
Fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kumitat jilqa’ l-enfasi kontinwa dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, flimkien mal-motivazzjoni li titnaqqas il-frammentazzjoni u tiżdied l-armonizzazzjoni.
4.2.2. Rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva
Jidher b’mod ċar li hemm disparitajiet kbar bejn ir-regolament tax-xandara bil-liċenzja u fornituri tas-servizzi mhux irregolati. Il-limiti huma inqas ċara minħabba t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandir irregolat fuq broadband u l-varjetà ta’ siti web li jiddistribwixxu Video on Demand (VOD), il-folol ta’ bloggers fil-qasam tal-aħbarijiet u d-dimensjoni diġitali marbuta mal-gazzetti.
Madankollu, il-Kumitat jiddubita li huwa favorevoli li jiġu rregolati s-servizzi kollha fuq bażi uniformi. Ix-xandir lineari għandu jaderixxi ma’ standards minħabba obbligi ta’ servizzi pubbliċi u minħabba li l-għażla tal-ispettatur hija limitata. L-aċċess għal siti web tal-broadband huwa taħt il-kontroll tal-ispettatur, kif inhu l-kontroll mill-ġenituri. Minħabba l-veloċità tal-bidla fl-industrija, rieżami se jkun f’waqtu u se jkunu meħtieġa tibdiliet, iżda għandu jinkiseb bilanċ.
4.2.3. Analiżi komprensiva tar-rwol tal-pjattaformi fis-suq inkluż kontenut illegali fuq l-Internet
Huwa ċar li l-aġenda diġitali tal-UE tiddependi ħafna – u hija mmexxija minn – pjattaformi, kif inhu l-każ għal reġjuni oħra fid-dinja. Is-suċċess tal-pjattaformi prinċipali tahom pożizzjoni dominanati, u dik il-pożizzjoni ma tridx tiġi abbużata. Madankollu, il-KESE javża lill-Kummissjoni li dan m’għandux ixekkel l-operazzjonijiet ta’ dawn il-kumpaniji biss għaliex huma kbar u jagħmlu suċċess. Jekk isir dan, hemm ir-riskju li jitqiegħdu ostakli fil-mod kif jiġi żviluppat is-Suq Uniku Diġitali fl-Ewropa.
Minkejja dan, il-ħames punti ta’ azzjoni proposti mill-Kummissjoni huma raġonevoli u jagħmlu sens. Dawn għandhom il-potenzjal li jtejbu l-utilità tal-pjattaformi fis-Suq Uniku Diġitali. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni tadotta approċċ ibbilanċjat u ma tinjorax l-interessi kummerċjali leġittimi tal-pjattaformi.
4.2.4. Rieżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika
Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ għall-protezzjoni tad-data personali. Il-KESE mhuwiex konvint li l-istat preżenti tad-“dritt li jkun minsi” huwa vijabbli fit-tul għaliex din l-interpretazzjoni preżenti tal-UE hija estensiva wisq u huwa teknikament diffiċli li jinżamm dan id-dritt fi ħdan l-Internet globali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirfina dan id-“dritt” sabiex jipproteġġi lil persuni vulnerabbli u tiżgura l-aċċettazzjoni globali tiegħu.
4.2.5. Twaqqif ta’ Sħubija Pubblika Privata kuntrattwali ta’ Ċibersigurtà
Fl-ekonomija diġitali, l-istadji varji tal-katina tal-valur m’għandhomx limitu u jmorru lil hinn mid-dimensjoni nazzjonali, li tikkontribwixxi għall-firxa taċ-ċiberkriminalità. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tipprovdi sħubija mal-industrija dwar iċ-ċibersigurtà, sal-limitu fejn kultura ta’ ġestjoni tar-riskju u fluss effiċjenti tal-informazzjoni, li ilhom jitfasslu għal żmien twil, fl-aħħar se jieħdu forma.
Hemm karatteristika waħda taċ-ċiberkriminalità li l-Kummissjoni ma indirizzatx: l-ICT toffri possibilitajiet għas-sorveljanza ċibernetika li jistgħu jiġu sfruttati sabiex jiġu kkontrollati data u komunikazzjoni personali għad-detriment tal-libertà individwali, jew jistgħu saħansitra jintużaw bħala mezzi ta’ spjunaġġ fuq l-istati u l-gvernijiet tagħhom. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jqis li huwa neċessarju li jsiru arranġamenti biex tinġabar l-informazzjoni u jittejbu l-kapaċitajiet fil-qasam tad-detezzjoni u l-intervent fil-livell tal-UE.
Il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar l-ambitu tal-isħubija proposta, ir-riżultati mistennija jew l-istruttura tas-sħubija (sieħeb wieħed jew ħafna). Il-Kumitat jenfasizza wkoll l-iskala ta’ investiment fis-suq fiċ-ċibersigurtà fil-preżent. Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, il-Kumitat ma jistax jikkumenta fuq din il-proposta sakemm ikun hemm aktar informazzjoni.
4.3. |
Massimizzar tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija diġitali |
4.3.1. Inizjattivi dwar is-sjieda tad-data, il-fluss liberu tad-data (eż. bejn fornituri tal-cloud) u dwar Cloud Ewropea
Il-KESE huwa konxju mill-kunflitt fl-ambjent tal-big data bejn is-sigurtà tad-data personali u l-bżonn li tinġabar data personali f’analiżi kbar għal skopijiet ekonomiċi, soċjali u mediċi. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża r-rieżami ppjanat sabiex issolvi dan il-kunflitt.
4.3.2. Adozzjoni ta’ Pjan ta’ Standards tal-ICT ta’ Prijorità li jestendi l-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi
Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva. Filwaqt li nkiseb grad ta’ standardizzazzjoni tal-ħardwer u tas-softwer tas-sistemi minn kumitati internazzjonali, hemm ċertament opportunità kbira ħafna għall-istandardizzazzjoni u l-interoperabilità fil-livell settorjali, tal-applikazzjoni u tal-app b’potenzjal kbir immens għaż-żieda tal-valur u r-rilevanza fis-Suq Uniku Diġitali.
4.3.3. Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku ġdid, inkluża inizjattiva dwar il-prinċipju ta’ “darba biss” u inizjattiva dwar il-bini tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali.
Ir-responsabbiltà għall-gvern elettroniku tinsab fi ħdan l-Istati Membri. Xi wħud jaqdu rwol mexxej waqt li oħrajn għadhom lura. Il-progress lejn gvern elettroniku li jiffunzjona sew huwa prerekwiżit indispensabbli għal Suq Uniku Diġitali.
4.3.4. Ħiliet u kompetenza diġitali
Il-Kummissjoni ma tipprevedix programm leġislattiv għal ħiliet u kompetenza diġitali, u tħalli l-kwistjoni f’idejn l-Istati Membri. Il-KESE huwa diżappuntat li m’hemmx inizjattivi ġodda f’dan il-qasam. Bħala minimu, il-Kumitat jistenna Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tinkludi standards u prattika tajba. Barra minn hekk, għandu jkun hemm enfasi fuq il-matematika u l-litteriżmu billi dawn huma komponenti ewlenin għall-ħiliet diġitali.
Il-Komunikazzjoni prevista mill-KESE tipprovdi qafas adattat għall-istadji differenti tal-ħajja, flimkien ma’ proposti ġenerali għat-tagħlim tul il-ħajja. Il-qafas għandu jkollu erba’ komponenti: l-edukazzjoni, l-impjieg, l-irtirar u d-diżabilità.
A |
EDUKAZZJONI |
A1 |
Skejjel primarji – ħiliet bażiċi |
A2 |
Skejjel sekondarji – huma previsti 2 flussi:
|
A1 & A2 Kemm fl-edukazzjoni primarja kif ukoll f’dik sekondarja huwa importanti li jiġi żviluppat l-użu responsabbli tal-ħiliet diġitali.
A3 |
Edukazzjoni terzjarja – huma previsti 2 flussi:
|
B |
XOGĦOL |
B1 |
Taħriġ relatat max-xogħol minn impjegaturi b’attenzjoni kontinwa fuq taħriġ mill-ġdid u żvilupp professjonali kontinwu sabiex jinżamm il-valur tal-ħiliet. |
B2 |
Taħriġ fil-ħiliet għal nies qiegħda li għandu jiġi organizzat mill-awtoritajiet pubbliċi, permezz ta’ aġenziji adegwati. |
C |
IRTIRAR |
C1 |
Ħiliet tas-soċjetà tal-informazzjoni li għandhom ikunu disponibbli b’mod universali għal dawk li l-ħajja u l-karriera tagħhom qabżu ż-żmien tas-soċjetà tal-informazzjoni |
C2 |
Programmi speċjali li jgħinu lil dawk li għandhom diżabilità sabiex jibqgħu jagħmlu parti mis-soċjetà tal-informazzjoni. |
D |
DIŻABILITÀ Appoġġ f’kull stadju li jintroduċi lil persuni b’diżabilità fis-soċjetà tal-informazzjoni u wara jżommhom hemm, anke meta d-diżabilità ssir aktar akuta. |
Huwa ċar mid-data fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li hemm distakki fil-ħiliet f’kull età u reġjun. Il-Kumitat jemmen li programm strutturat u kontrollat biss f’kull Stat Membru jista’ jiżgura li ftit, jekk xejn, ċittadini jiġu esklużi mis-soċjetà tal-informazzjoni u s-Suq Uniku Diġitali. Il-KESE talab bosta drabi għal azzjoni determinata dwar il-ħiliet. Fil-kuntest tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, wasal iż-żmien li l-Kummissjoni tieħu azzjoni.
Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Opinjoni tal-KESE dwar “L-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq is-settur tas-servizzi u l-impjieg b’rabta mal-bidla industrijali” (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161).
(2) Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.
(3) Id-Direttiva 2006/123/KE.