EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014IP0208

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol reġjonali tal-Pakistan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE (2013/2168(INI))

ĠU C 378, 9.11.2017, p. 73–78 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 378/73


P7_TA(2014)0208

Ir-rwol reġjonali tal-Pakistan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar ir-rwol reġjonali tal-Pakistan u r-relazzjonijiet politiċi tiegħu mal-UE (2013/2168(INI))

(2017/C 378/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Impenn fuq ħames snin bejn l-UE u l-Pakistan (1),

wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (11855/2012), kif adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta’ Ġunju 2012 (2),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà, Ewropa sikura f'dinja aħjar, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tagħha Nipprovdu s-Sigurtà f’Dinja li qed Tinbidel, approvat mill-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati (3) u li jipprevedi, b'mod partikolari, arranġament ta' inċentiv speċjali għal “żvilupp sostenibbli u governanza tajba” (“GSP+”),

wara li kkunsidra l-Anness VIII tar-Regolament imsemmi hawn fuq li jelenka l-konvenzjonijiet tan-NU/ILO dwar id-drittijiet ewlenin tal-bniedem u tax-xogħol u dawk marbuta mal-ambjent u mal-prinċipji ta’ governanza, li l-Pakistan irratifika u qabel li jimplimenta b’mod effettiv,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Pakistan tal-11 ta' Marzu 2013,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Frar 2013 dwar attakki riċenti fuq il-ħaddiema tal-għajnuna medika fil-Pakistan (4), il-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta’ Settembru 2012 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi preferenzi kummerċjali awtonomi ta’ emerġenza għall-Pakistan (5) u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa fl-Afganistan u fil-Pakistan (6), kif ukoll iż-żjara fil-Pakistan minn delegazzjoni tas-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem f’Awwissu 2013,

wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU Ben Emmerson tat-18 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU Christof Heyns tat-13 ta' Settembru 2013 dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 68/178 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2013 dwar il-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali filwaqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu,

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A7-0117/2014),

A.

billi r-rwol strateġiku tal-Pakistan fir-reġjun, ir-relazzjonijiet mal-ġirien tiegħu u r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Pakistan huma ta’ importanza fundamentali dejjem tiżdied għall-UE, fid-dawl tal-pożizzjoni ċentrali tal-pajjiż fil-qalba ta’ viċinat instabbli, iċ-ċentralità tiegħu għas-sigurtà u l-iżvilupp fl-Asja Ċentrali u tan-Nofsinhar, u r-rwol kruċjali tiegħu fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, in-nonproliferazzjoni, it-traffikar tad-droga, it-traffikar tal-bnedmin u theddidiet transnazzjonali oħrajn, li lkoll jaffettwaw is-sigurtà u l-benessri taċ-ċittadini Ewropej;

B.

billi l-elezzjonijiet parlamentari f'Mejju 2013 immarkaw l-ewwel trasferiment ta' setgħa minn gvern ċivili elett għall-ieħor fl-istorja moderna tal-Pakistan; billi l-proċess demokratiku tal-Pakistan huwa sostnut minn bidliet usa' fis-soċjetà, inkluża l-klassi urbana tan-nofs li qed tiżdied u soċjetà ċivili dejjem aktar vibranti u midja indipendenti;

C.

billi l-progress politiku u ekonomiku tal-pajjiż huwa mfixkel minn problemi ta’ sigurtà interni u reġjonali mifruxa, bħall-estremiżmu, kunflitti bejn is-setet, qtil suwiċida u mmirat, u anarkija fiż-żoni tat-tribujiet, flimkien mad-dgħufija tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u tas-sistema tal-ġustizzja kriminali;

D.

billi l-Pakistan għandu waħda mill-ogħla popolazzjonijiet ta’ tfal li ma jmorrux skola fid-dinja fejn huwa stmat li 12-il miljun tifel u tifla ma jmorrux skola u madwar żewġ terzi tan-nisa Pakistani u nofs l-irġiel Pakistani ma jafux jaqraw u jiktbu; billi l-pajjiż għadu kklassifikat fil-pożizzjoni 134 minn 135 pajjiż fir-rapport dwar id-“disparità bejn is-sessi” tal-Forum Ekonomiku Dinji;

E.

billi, skont l-Indiċi tar-Riskju għall-Klima Globali (Global Climate Risk Index), il-Pakistan huwa fost it-tnax-il pajjiż l-aktar affettwati mit-tibdil fil-klima f’dawn l-aħħar għoxrin sena, kien il-vittma ta’ għargħar u nuqqas ta’ ilma serji u huwa affettwat b’mod dirett mill-irtirar glaċjali fil-meded muntanjużi tal-Himalayas u Karakorum;

F.

billi l-Pakistan huwa pajjiż parzjalment industrijalizzat bi dħul medju baxx, u madwar terz tal-popolazzjoni tiegħu qed tgħix taħt il-livell tal-faqar; billi l-Pakistan huwa kklassifikat fil-146 post minn fost 187 pajjiż elenkat fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2012 (HDI), li huwa pass lura mill-145 post tal-elenku għall-2011; billi s-sitwazzjoni ekonomika tal-Pakistan kienet affettwata ħażin minħabba sensiela ta' diżastri naturali, u billi livell għoli ta’ nuqqas ta' sigurtà, instabbiltà u korruzzjoni mifruxa fil-pajjiż qed idgħajjef it-tkabbir ekonomiku tiegħu u jillimita l-abbiltà tal-gvern li jiżviluppa l-istat;

G.

billi l-Pakistan huwa vulnerabbli għal firxa wiesgħa ta’ perikli, speċjalment għargħar u terremoti; billi s-sitwazzjoni instabbli b'rabta mas-sigurtà, flimkien mal-isfidi soċjali tal-Pakistan, qed jaħdmu bħala katalist għaż-żieda fil-vulnerabbiltà tiegħu; billi bosta snin ta’ diżastri eżawrew l-istrateġiji tal-komunitajiet li huma diġà fqar biex ikampaw mas-sitwazzjoni u naqqsu bil-kbir ir-reżiljenza tagħhom għal diżastri futuri;

H.

billi l-kontribut kostruttiv tal-Pakistan huwa essenzjali sabiex jinkisbu r-rikonċiljazzjoni, il-paċi u l-istabilità politika fil-viċinat tiegħu u, prinċipalment, fl-Afganistan, speċjalment fil-kuntest tal-irtirar ippjanat tat-truppi ta’ kumbattiment tan-NATO fl-2014;

I.

billi l-Pakistan huwa wieħed mill-akbar riċevituri ta’ għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja tal-UE, u billi l-UE hija l-akbar suq tal-esportazzjoni tal-Pakistan;

J.

billi l-Pakistan huwa sieħeb dejjem aktar importanti tal-UE fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-proliferazzjoni nukleari, it-traffikar tal-bnedmin u tad-droga u l-kriminalità organizzata, u fit-tentattiv lejn il-kisba ta' stabilità reġjonali;

K.

billi dan l-aħħar l-UE u l-Pakistan għażlu li japprofondixxu u jwessgħu r-rabtiet bilaterali tagħhom, pereżempju permezz tal-pjan ta’ impenn fuq ħames snin, imniedi fi Frar 2012, u l-ewwel Djalogu Strateġiku UE-Pakistan, li sar f’Ġunju 2012;

L.

billi l-għan tal-pjan ta’ impenn fuq ħames snin tal-2012 bejn l-UE u l-Pakistan huwa li tinbena relazzjoni strateġika u li tissawwar sħubija għall-paċi u l-iżvilupp imsejsa fuq valuri u prinċipji kondiviżi;

M.

billi mill-1 ta’ Jannar 2014 il-Pakistan huwa integrat fl-iskema speċjali ta’ preferenzi kummerċjali ġeneralizzati tal-UE (GSP+);

N.

billi f'Settembru 2012 il-fabbrika Ali Enterprises li tinsab f'Karachi u li tipproduċi l-jeans għas-suq Ewropew inħakmet min-nirien, li wassal għall-mewt ta' 286 ħaddiem li sfaw maqbuda hemm ġew; billi l-integrazzjoni tal-Pakistan fl-iskema GSP+ tista' tagħti spinta lill-produzzjoni fis-settur tat-tessuti u sseddaq l-importanza tat-titjib fid-drittijiet tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tal-produzzjoni;

1.

Jenfasizza s-sinifikat tal-elezzjonijiet ta’ Mejju 2013 għall-konsolidament tad-demokrazija u tal-liġi ċivili fil-Pakistan; iħeġġeġ lill-klassi politika Pakistana tutilizza dan il-momentum sabiex issaħħaħ ulterjorment l-istituzzjonijiet demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-kontroll ċivili fuq l-oqsma kollha tal-amministrazzjoni pubblika, b’mod speċjali l-forzi tas-sigurtà u l-ġudikatura, tippromwovi s-sigurtà interna u reġjonali, tippromulga r-riformi tal-governanza biex jitqajjem it-tkabbir ekonomiku, tissaħħaħ it-trasparenza u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jittaffew l-inġustizzji soċjali, u biex twaqqaf l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u ssib rimedju għalihom;

2.

Jirrikonoxxi madankollu, li l-istabbiliment ta' demokrazija sostenibbli u soċjetà pluralistika, kif ukoll il-kisba ta’ aktar ġustizzja soċjali, il-qerda tal-faqar u l-malnutrizzjoni akuti f’partijiet tal-pajjiż, iż-żieda fil-livell ta’ edukazzjoni bażika u t-tħejjija tal-pajjiż għall-effetti tat-tibdil fil-klima se jirrikjedu riformi profondi u diffiċli għall-ordni politika u soċjoekonomika tal-Pakistan, li għadha kkaratterizzata minn strutturi fewdali ta’ sjieda tal-art u alleanzi politiċi u żbilanċi fil-prijoritajiet bejn in-nefqa militari min-naħa, u l-għoti ta’ għajnuna soċjali, l-edukazzjoni u l-iżvilupp ekonomiku min-naħa l-oħra, u sistema ta’ ġbir ta’ dħul li ma tiffunzjonax tajjeb u li ddgħajjef b’mod sistematiku l-kapaċità tal-istat li jforni beni pubbliċi;

3.

Jappoġġa u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Pakistan biex jiżviluppa mezzi effettivi għall-prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-possibilità ta’ diżastri naturali futuri u għal koordinazzjoni u kooperazzjoni aktar effettivi tal-għajnuna umanitarja mal-atturi lokali, l-NGOs internazzjonali u dawk li jiġbru l-fondi;

4.

Itenni li l-governanza tajba, istituzzjonijiet responsabbli u inklużivi, id-diviżjoni tas-setgħat u r-rispett għad-drittijiet fundamentali huma elementi importanti biex tiġi indirizzata r-rabta bejn l-iżvilupp u s-sigurtà fil-Pakistan; jemmen ulterjorment li gvernijiet ċivili eletti mogħnija b’leġittimità demokratika, id-devoluzzjoni tas-setgħat lill-provinċji, u gvern lokali effettiv huma l-aħjar mod biex titrażżan il-mewġa ta’ vjolenza u estremiżmu, jerġgħu jdaħħlu mill-ġdid l-awtorità tal-istat fiż-żoni FATA, u biex jiżguraw is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Pakistan;

5.

Jappoġġa f’dan il-kuntest l-intenzjoni tal-Gvern tal-Pakistan li jidħol fi djalogu ta’ paċi mat-Tehreek-e-Taliban Pakistan (TTP), ġaladarba dan iwitti t-triq lejn soluzzjoni politika u fit-tul għar-ribelljoni u lejn ordni demokratiku stabbli, filwaqt li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem; jappella madankollu lin-negozjaturi biex jikkunsidraw li l-livell edukattiv – b’mod partikolari tan-nisa – huwa element assolutament deċiżiv biex isir progress fis-soċjetajiet u biex l-edukazzjoni tal-bniet issir element essenzjali fin-negozjati;

6.

Japprezza l-impenn kontinwu tal-Pakistan li jiġġieled it-terroriżmu fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera tiegħu, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu passi iżjed kuraġġużi biex jillimitaw ulterjorment il-possibilità ta’ reklutaġġ u taħriġ ta’ terroristi fit-territorju tal-Pakistan, li jikkostitwixxi fenomenu li qed jittrasforma ċerti żoni tal-Pakistan f'rifuġju sigur għall-organizzazzjonijiet terroristiċi li l-għan tagħhom huwa li jiddestabbilizzaw il-pajjiż u r-reġjun, speċjalment l-Afganistan;

7.

Jinnota li l-mexxej Pakistani tat-Taliban Hakimullah Mehsud inqatel minn drone operat mill-Istati Uniti fl-1 ta' Novembru 2013 u li l-Parlament tal-Pakistan u l-gvern il-ġdid opponew formalment tali interventi; ikompli li l-limiti għall-użu ta' attakki bid-drones għandhom jiġu stabbiliti b'mod aktar ċar fil-liġi internazzjonali;

8.

Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jissodisfa l-obbligi u r-responsabilitajiet tiegħu b'rabta mas-sigurtà billi jidħol aktar fil-ġlieda kontra l-estremiżmu, it-terroriżmu u r-radikaliżmu, bl-implimentazzjoni ta' miżuri tas-sigurtà u infurzar tal-liġi stretti u mingħajr kompromessi, kif ukoll billi jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tal-inugwaljanza u dawk soċjoekonomiċi li jistgħu jħeġġu r-radikalizzazzjoni fost iż-żgħażagħ Pakistani;

9.

Jinnota li l-Gvern tal-Pakistan esprima b’mod ċar l-oppożizzjoni tiegħu għall-attakki bid-drones min-naħa tal-Istati Uniti fit-territorju tiegħu; jilqa’ r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU li titlob kjarifika ulterjuri dwar il-qafas legali applikabbli għall-użu ta’ attakki bid-drones;

10.

Jilqa’ l-kontribut tal-Pakistan lejn il-bini tal-istat u l-proċessi ta’ rikonċiljazzjoni fl-Afganistan, inkluża l-għajnuna biex tiġi ffaċilitata t-tnedija mill-ġdid ta’ taħdidiet ta’ paċi; jistenna li l-attitudni pożittiva tal-Pakistan tkompli tul il-kampanja lejn l-elezzjonijiet presidenzjali fl-Afganistan u lil hinn minn dan; jesprimi tħassib dwar il-kompetizzjoni ġeopolitika fuq l-influwenza fl-Afganistan fost il-forzi tal-viċinat wara l-irtirar tat-truppi ta’ kumbattiment tan-NATO;

11.

Jittama fir-rwol kostruttiv tal-Pakistan fil-promozzjoni tal-istabilità reġjonali, inkluż rigward il-preżenza tan-NATO u tal-Istati Membri tal-UE fl-Afganistan wara l-2014, billi jiżviluppa ulterjorment l-impenn f’format ta’ trilogu fl-Afganistan mal-Indja, it-Turkija, iċ-Ċina, ir-Russja u r-Renju Unit, u jippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ bnedmin, droga u prodotti;

12.

Jinsab kunfidenti dwar il-progress tanġibbli riċenti fid-djalogu bejn il-Pakistan u l-Indja, speċjalment fir-rigward tal-kummerċ u l-kuntatti interpersonali, progress li sar possibbli permezz tal-attitudni kostruttiva taż-żewġ partijiet; jiddispjaċih li l-kisbiet tad-djalogu jibqgħu vulnerabbli għal avvenimenti kontinġenti, bħall-inċidenti li għadhom għaddejjin fuq il-Linja ta’ Kontroll li tifred il-partijiet tal-Kashmir okkupati mill-Pakistan u l-partijiet okkupati mill-Indja; jitlob liż-żewġ gvernijiet jiżguraw li jkun hemm ktajjen ta’ kmand adegwati, li l-persunal militari jagħti kont ta' għemilu, u djalogu bejn is-servizzi militari, bil-ħsieb li jiġu evitati inċidenti simili fil-futur;

13.

Jirrikonoxxi l-interess leġittimu tal-Pakistan fil-bini ta’ rabtiet strateġiċi, ekonomiċi u tal-enerġija maċ-Ċina; iqis importanti li relazzjonijiet aktar mill-qrib bejn il-Pakistan u ċ-Ċina jsaħħu l-istabilità ġeopolitika fin-Nofsinhar tal-Asja;

14.

Jinnota l-isforzi tal-Pakistan għal sħubija sħiħa mal-Organizzazzjoni ta’ Kooperazzjoni ta’ Shanghai (SCO) bħala sinjal apprezzabbli tal-ambizzjoni tal-pajjiż li jkun aktar involut f’inizjattivi multilaterali; jinnota madankollu n-nuqqas ta’ kwalunkwe mekkaniżmu formali ta’ kooperazzjoni bejn l-SCO u l-UE, u jissottolinja d-diverġenzi fil-bażijiet normattivi u fl-opinjonijiet ġenerali rispettivi tagħhom rigward kwistjonijiet globali;

15.

Jinsab imħasseb dwar rapporti li l-Pakistan qed jikkunsidra jesporta armi nukleari lejn pajjiżi terzi; jistenna li l-UE u l-Istati Membri tagħha jagħmluha ċara lill-Pakistan, minkejja ċaħdiet uffiċjali tar-rapporti, li l-esportazzjoni tal-armi nukleari mhijiex aċċettabbli; jistieden lill-Pakistan, bħala stat bl-armi nukleari, jipprojbixxi legalment l-esportazzjoni tal-materjal kollu relatat mal-armi nukleari jew tal-għarfien espert, u jikkontribwixxi b'mod attiv fl-isforzi internazzjonali ta' nonproliferazzjoni; iqis li l-iffirmar u r-ratifika tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni mill-Pakistan kif ukoll mill-Indja jkunu jfissru impenn b'saħħtu lejn koeżistenza reġjonali paċifika u jikkontribwixxu bil-kbir lejn is-sigurtà fir-reġjun kollu;

16.

Jemmen li l-ġlieda kontra l-estremiżmu u r-radikaliżmu hija marbuta b’mod dirett ma’ proċess demokratiku aktar b’saħħtu u jafferma mill-ġdid l-interess qawwi li għandha l-UE u l-appoġġ tagħha sabiex il-Pakistan isir pajjiż demokratiku, sikur u mmexxi tajjeb b’sistema ġudizzjarja indipendenti u governanza tajba, li jirrispetta l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u li jkollu relazzjonijiet tajba mal-ġirien u li jipproġetta influwenza li tagħti stabilità lir-reġjun;

17.

Ifakkar li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Pakistan żviluppaw tradizzjonalment fi ħdan qafas li jiffoka fuq l-iżvilupp u l-kummerċ; japprezza l-kontribut sinifikanti u permanenti tal-kooperazzjoni umanitarja u tal-iżvilupp tal-UE, u jilqa’ d-deċiżjoni li l-Pakistan jibbenefika mill-arranġament ta’ inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba (GSP+) tal-UE mill-2014 ’il quddiem; jistieden lill-Pakistan jikkonforma bis-sħiħ mal-kundizzjonijiet rilevanti relatati mal-GSP+ u jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi li t-tisħiħ fil-monitoraġġ jiġi applikat strettament, kif previst skont ir-Regolament GSP il-ġdid u jenfasizza l-fatt li l-kooperazzjoni, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-istabbiliment tad-demokrazija u l-adattament għat-tibdil fil-klima, għandha tibqa' tirċievi attenzjoni primarja;

18.

Jinsab konvint li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Pakistan iridu jsiru aktar profondi u usa’ permezz tal-iżvilupp ta’ djalogu politiku biex b’hekk tinżamm relazzjoni ta’ interess reċiproku fost sħab ugwali; jilqa’ f’dan il-kuntest l-adozzjoni tal-pjan ta’ impenn fuq ħames snin u l-bidu tad-Djalogu Strateġiku bejn l-UE u l-Pakistan, li jirrifletti l-piż akbar tal-kooperazzjoni politika u ta’ sigurtà, inklużi l-politika kontra t-terroriżmu, id-diżarm u n-nonproliferazzjoni, kif ukoll il-politika dwar il-migrazzjoni, l-edukazzjoni u l-kultura; jistenna madankollu aktar progress fl-oqsma kollha tal-pjan ta’ impenn;

19.

Iħeġġeġ kemm lill-UE kif ukoll lill-Pakistan jikkooperaw fil-proċess ta’ implimentazzjoni u jimmonitoraw il-progress fuq bażi regolari billi jsaħħu d-djalogu bejniethom fit-tul;

20.

Iqis li t-tranżizzjoni demokratika tal-Pakistan ħolqot opportunità għall-UE li ssegwi approċċ espliċitament aktar politiku fir-relazzjonijiet bilaterali u l-għoti ta’ għajnuna; jemmen li l-appoġġ tal-UE lill-Pakistan għandu jagħti prijorità lill-konsolidazzjoni tal-istituzzjonijiet demokratiċi fil-livelli kollha, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-istat u l-governanza tajba, il-bini ta’ strutturi tal-infurzar tal-liġi u strutturi ċivili effettivi għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż ġudikatura indipendenti, u l-għoti tas-setgħa lis-soċjetà ċivili u lil mezzi tax-xandir ħielsa;

21.

Jilqa’ f’dan ir-rigward il-programmi komprensivi ta’ appoġġ għad-demokrazija li diġà jeżistu b’rabta mal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2008 u l-2013 tal-missjonijiet ta’ osservazzjoni elettorali tal-UE;

22.

Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jsegwu politika divrenzjata u multidimensjonali fil-konfront tal-Pakistan li tagħti sinerġija lill-istrumenti rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-UE, bħad-djalogu politiku, il-kooperazzjoni tas-sigurtà, il-kummerċ, u l-għajnuna, f'konformità mal-approċċ komprensiv tal-UE għall-azzjoni esterna u fid-dawl tat-tħejjijiet għas-samit li jmiss bejn l-UE u l-Pakistan;

23.

Jitlob lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li l-politika tal-UE għall-Pakistan tkun fil-kuntest u fi ħdan strateġija usa’ għar-reġjun, biex b’hekk jissaħħu l-interessi tal-UE tul in-Nofsinhar tal-Asja kif ukoll fl-Asja Ċentrali; iqis li huwa importanti li r-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-Pakistan u l-pajjiżi tal-viċinat, b’mod partikolari l-Indja, iċ-Ċina u l-Iran, iservu wkoll biex jiġu diskussi u kkoordinati politiki rigward is-sitwazzjoni fl-Afganistan, biex jiġi żgurat approċċ immirat; jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa għal aktar koordinazzjoni politika bejn l-UE u l-Istati Uniti u djalogu dwar kwistjonijiet reġjonali;

24.

Jemmen li l-futur tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Pakistan għandhom jitqiesu wkoll fil-kuntest tal-għodod istituzzjonali li qed jevolvu tal-UE b'rabta mal-impenn ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari permezz ta' format ta' sħubiji strateġiċi; itenni t-talba tiegħu għal irfinar kunċettwali tal-format, u għal parametri ta' referenza aktar ċari u konsistenti biex ikun valutat, fost l-oħrajn, jekk il-Pakistan jistax jikkwalifika bħala sħab strateġiku tal-UE fil-futur u taħt liema kundizzjonijiet;

25.

Itenni bil-qawwa li l-progress fir-relazzjonijiet bilaterali huwa marbut mat-titjib fir-rekord tal-Pakistan b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-eliminazzjoni tax-xogħol servili għall-ħlas tad-dejn, it-tmiem tat-tħaddim tat-tfal u t-traffikar tal-bnedmin, it-trażżin tal-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru, it-tisħiħ tad-drittijiet tan-nisa u tal-bniet, inklużi l-aċċess għall-edukazzjoni, il-garanzija tal-libertà tal-espressjoni u midja indipendenti, il-promozzjoni tat-tolleranza u l-ħarsien ta' minoranzi vulnerabbli permezz ta' ġlieda effettiva kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni; jirrikonoxxi li dan jitlob it-tmiem ta’ kultura ta’ impunità u l-iżvilupp ta’ sistema legali u ġudizzjarja affidabbli fil-livelli kollha, li tkun aċċessibbli għal kulħadd;

26.

Jibqa’ mħasseb sew dwar il-kwalità tal-edukazzjoni u bl-istess mod dwar is-sitwazzjoni allarmanti tan-nisa f’ħafna partijiet tal-Pakistan; jitlob miżuri konkreti u viżibbli li jinfurzaw id-drittijiet fundamentali tan-nisa fis-soċjetà, inklużi l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza domestika, it-teħid ta’ miżuri biex jitjiebu l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-qtil tal-unur u attakki bl-aċtu, kif ukoll reviżjoni tal-leġiżlazzjoni li tiffaċilita l-impunità; jirrimarka dwar il-bżonn li jkun żgurat aċċess aħjar għall-edukazzjoni, integrazzjoni aħjar tan-nisa fis-suq tax-xogħol, kif ukoll kura tas-saħħa materna aħjar;

27.

Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar il-fatt li l-liġijiet Pakistani dwar id-dagħa – li jistgħu jġorru magħhom il-piena tal-mewt u li ta’ spiss jintużaw biex jiġġustifikaw iċ-ċensura, il-kriminalizzazzjoni, il-persekuzzjoni u, f’ċerti każijiet, il-qtil ta’ membri ta' minoranzi politiċi u reliġjużi – huma suxxettibbli għal użu ħażin li jaffettwa l-popli tar-reliġjonijiet kollha fil-Pakistan; jenfasizza li r-rifjut li jiġu rriformati jew imħassra l-liġijiet dwar id-dagħa joħloq ambjent ta’ vulnerabbiltà persistenti għall-komunitajiet ta’ minoranzi; jitlob lill-Gvern tal-Pakistan jimplimenta moratorju dwar l-użu ta’ dawn il-liġijiet, bħala l-ewwel pass lejn ir-reviżjoni jew ir-revoka tagħhom u jwettaq investigazzjoni u prosekuzzjoni, kif xieraq, ta’ kampanji ta’ intimidazzjoni, theddid u vjolenza kontra Insara, Ahmadis u gruppi vulnerabbli oħra;

28.

Jistieden b’mod partikolari lill-awtoritajiet Pakistani: biex jarrestaw u jħarrku lil dawk li jinċitaw il-vjolenza, jew dawk responsabbli għal attakki vjolenti fuq skejjel jew gruppi ta’ minoranza bħax-Xi'iti, inklużi l-komunità Hazara, l-Ahmadis u l-Insara, u biex jagħtu istruzzjonijiet lill-forzi tas-sigurtà biex jipproteġu b’mod attiv lil dawk li jħabbtu wiċċhom ma’ attakki minn gruppi estremisti; biex jippromulgaw liġijiet kontra l-vjolenza domestika; biex itemmu l-għejbien furzat ta’ persuni, il-qtil extraġudizzjarju u d-detenzjonijiet arbitrarji prinċipalment fil-Baluchistan;

29.

Jikkundanna l-attakki kollha fuq l-Insara u minoranzi reliġjużi oħra li jgħixu fil-Pakistan, u jistenna li l-Pakistan jintensifika l-isforzi tiegħu sabiex jippreserva l-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin, inkluż billi jrattab il-leġiżlazzjoni stretta kontra d-dagħa u jersaq lejn it-tmiem tal-piena tal-mewt;

30.

Jilqa’ l-adozzjoni tal-abbozz ta’ liġi għall-ħolqien ta’ Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2012 u jħeġġeġ lill-Gvern iwaqqafha sabiex din tibda tiffunzjona;

31.

Jinnota li l-UE hija sħab ewlieni tal-esportazzjoni tal-prodotti Pakistani (22,6 % fl- 2012); hu tal-fehma li l-appoġġ relatat mal-kummerċ min-naħa tal-UE lill-Pakistan għandu jgħin jippromwovi d-diversifikazzjoni u l-iżvilupp ta' modalitajiet ta' produzzjoni, inklużi l-ipproċessar, l-għoti ta' għajnuna għall-integrazzjoni reġjonali u t-trasferimenti teknoloġiċi, jgħin jiffaċilita l-istabbiliment jew l-iżvilupp tal-kapaċità produttiva domestika u jnaqqas l-inugwaljanza fid-dħul;

32.

Ifakkar li l-GSP+ tal-UE, li l-Pakistan ilu jibbenefika minnu mill-2014 'l hawn, jingħata biss lill-pajjiżi li jkunu qablu b’mod vinkolanti li jimplimentaw id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tax-xogħol u l-konvenzjonijiet dwar l-ambjent u l-governanza tajba internazzjonali; jenfasizza partikolarment l-obbligi tal-Pakistan skont il-konvenzjonijiet imniżżla fl-Anness VIII u jfakkar lill-Kummissjoni dwar l-obbligu tagħha li tissorvelja l-implimentazzjoni effettiva tagħhom; ifakkar ukoll li f’każ li pajjiż “ma jirrispettax l-impenji vinkolanti tiegħu” il-GSP+ se jiġi rtirat temporanjament;

33.

Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jieħdu passi effettivi lejn l-implimentazzjoni tas-36 konvenzjoni tal-ILO li l-pajjiż irratifika biex, primarjament, jippermettu li t-trejdjunjins joperaw, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-sikurezza, itemmu t-tħaddim tat-tfal u jiġġieldu kontra l-iktar forom severi ta’ sfruttament ta' madwar tliet miljun ħaddiema domestiċi nisa;

34.

Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiffirma, kif kien wiegħed, il-Programm ta’ Xogħol Aħjar immexxi mill-ILO/IFC, sabiex jagħti spinta lit-titjib fl-istandards tas-saħħa u s-sikurezza għall-ħaddiema; jistieden lil dawk kollha responsabbli b’mod dirett jew indirett għan-nirien li ħakmu lill-fabbrika tal-ħwejjeġ Ali Enterprises, inklużi l-kumpanija tal-awditjar għar-responsabbiltà soċjali u l-bejjiegħa bl-imnut Ewropej involuti, biex finalment iħallsu kumpens sħiħ, fit-tul u ġust lil dawk li ħelsuha min-nirien;

35.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Pakistan, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.


(1)  http://eeas.europa.eu/pakistan/docs/2012_feb_eu_pakistan_5_year_engagement_plan_en.pdf

(2)  http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/131181.pdf

(3)  ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.

(4)  Testi adottati, P7_TA(2013)0060.

(5)  ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 323.

(6)  ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 119.


Top