EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE3156

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità bħala strument tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 għall-iżvilupp lokali, rurali, urban u periurban” (opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Griega tal-Kunsill tal-UE)

ĠU C 230, 14.7.2015, p. 1–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.7.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 230/1


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità bħala strument tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 għall-iżvilupp lokali, rurali, urban u periurban”

(opinjoni esploratorja mitluba mill-Presidenza Griega tal-Kunsill tal-UE)

(2015/C 230/01)

Relatur:

is-Sur HAKEN

Nhar it-2 ta’ April 2014, l-Ambaxxatur Theodoros N. Sotiropoulos, President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, f’isem il-Presidenza Griega tal-Kunsill, talab lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iħejji opinjoni esploratorja dwar:

L-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità bħala strument tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 għall-iżvilupp lokali, rurali, urban u periurban

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Novembru 2014.

Matul il-503 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta’ Diċembru 2014 (seduta tal-11 ta’ Diċembru 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’133 vot favur, 2 voti kontra u astensjoni waħda (1).

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jinnota li matul dawn l-aħħar għoxrin sena, l-approċċ LEADER wera li huwa vijabbli. Huwa għen lill-atturi rurali jivvalutaw il-potenzjal fit-tul tar-reġjuni tagħhom u ta prova li huwa għodda effettiva u effiċjenti fl-implimentazzjoni tal-politiki ta’ żvilupp. Il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet ukoll dan il-metodu ta’ sħubija għall-finanzjament ta’ proġetti fil-kuntest tal-inizjattivi tal-UE URBAN, URBACT, EQUAL, kif ukoll l-Aġenda 21 lokali, Transition Towns (bliet fi tranżizzjoni) u l-patti territorjali għall-impjieg. Din kienet ir-raġuni li wasslet għall-ħolqien tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD – Community-Led Local Development), aġġornament tal-approċċ LEADER li huwa, f’sens, bidla tranżitorja.

1.2.

Is-CLLD huwa strument dedikat għall-użu fil-livell sottoreġjonali u għaldaqstant jikkomplementa tipi oħra ta’ appoġġ għall-iżvilupp fil-livell lokali. Is-CLLD jista’ jimmobilizza u jinvolvi l-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet lokali biex jikkontribwixxu għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Huwa jsaħħaħ il-koeżjoni territorjali u jippermetti li jinkisbu għanijiet politiċi speċifiċi oħra, anke fil-kuntest tar-relazzjonijiet mal-imsieħba ta’ pajjiżi terzi. Dan iwassal għal tkabbir fit-tul permezz tal-użu effettiv tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (Fondi ESI) li għandhom l-għan li joħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità u negozji b’enfasi fuq l-attivitajiet immexxija mill-komunità fir-rigward tat-tibdil fil-klima u l-iżvilupp sostenibbli f’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020.

1.3.

Hemm bżonn li l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità jiġi trasformat kemm jista’ jkun malajr fi strument “SMART” sabiex jgħin lill-komunità toħroġ mill-kriżi ekonomika u soċjali u jġib lura l-fiduċja fil-politika tal-Unjoni Ewropea. Jeħtieġ li jiġu enfasizzati l-proġetti innovattivi, l-impjiegi ġodda ta’ kwalità u l-intrapriżi kif ukoll jissaħħu l-miżuri li għandhom l-għan li jindirizzaw it-tibdil fil-klima u li jippromovu l-iżvilupp sostenibbli u l-inklużjoni soċjali, b’konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 Is-CLLD huwa tip ġdid ta’ sħubija u għandu l-għan li jappoġġja l-ħolqien ta’ innovazzjonijiet soċjali.

1.4.

Il-fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri inkorporaw is-CLLD fil-ftehimiet ta’ sħubija tagħhom huwa prova ta’ kemm qed jingħata importanza l-iżvilupp lokali llum (1). Dan il-mod ta’ governanza multilaterali għandu jiġi estiż għall-attivitajiet kollha ffinanzjati mill-Fondi ESI u, possibbilment, għandu jiġi sabbilit livell ta’ użu obbligatorju għall-fondi kollha (minimu ta’ 5 %). Il-KESE jaqbel li l-Istati Membri jużaw dan l-istrument b’mod gradwali, filwaqt li japplikaw il-prinċipju tas-sħubija u jaqsmu l-aħjar prattiki.

1.5.

Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Presidenza Griega u dik Taljana tal-Kunsill fl-2014 jagħtu importanza kbira lill-politika ta’ koeżjoni bħala mezz effikaċi ta’ kif tingħata spinta ‘l quddiem lit-tkabbir sostenibbli u tingħeleb il-kriżi ekonomika attwali fl-Ewropa.

1.6.

Il-KESE jistenna li din l-Opinjoni sservi bħala għajnuna sabiex jitwettqu l-proġetti pilota (finanzjati prinċipalment permezz ta’ self mill-Kummissjoni Ewropea) bil-għan li jiġi vvalutat l-istrument tas-CLLD fiż-żoni fejn attwalment mhuwiex applikat, jiġifieri fil-kuntest periurban, u b’mod partikolari dak urban, biex b’hekk jitwessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni potenzjali tiegħu. Il-KESE jaqbel li għall-perjodu 2014-2020 tiġi appoġġjata l-applikazzjoni ta’ dan il-metodu fejn hemm interess fih, għall-fondi kollha u għaż-żoni kemm rurali kif ukoll urbani. Dan jikkostitwixxi taħlita ta’ żewġ demokraziji: dik rappreżentattiva u dik parteċipattiva. Kollox ma’ kollox, dan huwa strument li jippermetti lir-rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet pubbliċi jikkooperaw fi sħubija mas-soċjetà ċivili organizzata u maċ-ċittadini.

1.7.

Il-KESE iqis li huwa opportun li l-atturi lokali, jiġifieri ċ-ċittadini, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali, l-NGOs mingħajr skop ta’ qligħ u l-kunsilli lokali, ikunu jistgħu jipparteċipaw, pereżempju fl-istrateġija ta’ żvilupp lokali fil-post fejn jgħixu bl-użu tal-metodu tas-CLLD. Bl-istess mod huwa importanti, abbażi tal-esperjenzi miksuba fiż-żoni rurali permezz tal-approċċ LEADER, li jingħata kontenut lis-CLLD b’tali mod li l-bliet u ċ-ċittadini jkollhom idea ta’ x’tip ta’ miżuri jistgħu jiġu proposti fil-qasam tas-CLLD fil-bliet li qed jużawh.

1.8.

Il-KESE jinsab diżappuntat li l-awtoritajiet pubbliċi ta’ spiss ma jkunux entużjasti dwar il-metodu tas-CLLD, minkejja l-effiċjenza tiegħu. Huwa neċessarju li tiġi kkunsidrata strateġija sabiex tgħarraf lill-atturi kollha f’aktar dettall u biex tiffoka b’mod aktar preċiż fuq l-awtoritajiet pubbliċi sabiex tippromovi l-użu ta’ din l-opportunità għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-iżvilupp lokali. Il-kwistjoni tas-sjieda tar-riżultati fi gruppi simili hija fundamentali għall-istabilità tal-istrateġiji ta’ żvilupp fit-tul u biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020. Sabiex dan l-istrument ikun ta’ suċċess, huwa indispensabbli li jgawdi minn appoġġ pubbliku fil-livelli kollha (Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali).

1.9.

Il-KESE jindika li l-imsieħba soċjali u ekonomiċi kif ukoll is-soċjetà ċivili organizzata għandhom jiġu involuti aktar fis-CLLD, bil-kundizzjoni li jsaħħu l-kapaċitajiet tagħhom sabiex jaqdu dan ir-rwol. Il-parteċipazzjoni diretta ta’ dawn l-imsieħba kollha fis-sħubija mal-amministrazzjoni pubblika hija l-pedament ta’ rappreżentanza ġenwina tal-interessi u tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini.

1.10.

Il-KESE jemmen li l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità huwa innovazzjoni fil-qasam tal-politika reġjonali u mhux magħruf biżżejjed la fil-livell lokali u lanqas fil-livell ta’ ċerti Stati Membri jew terġa’ u tgħid fi ħdan il-pjattaformi li jiġbru fihom dawk l-atturi li potenzjalment jużaw dan l-approċċ. Sabiex jiġi applikat dan l-istrument ġdid ta’ CLLD fil-qafas tal-politiki Ewropej għandu jiġi analizzat fid-dettall, f’forma ta’ valutazzjoni, il-mod li bih l-Istat Membru kkonċernat jkun issieħeb, u jiġu mehmuża rakkomandazzjonijiet għal implimentazzjoni effettiva. B’hekk, ser ikollna wkoll studju li jesponi mhux biss eżempji ta’ prattika tajba, iżda li jiddeskrivi wkoll il-fallimenti li wieħed għandu jevita fil-futur. Il-KESE jixtieq jipparteċipa fit-tfassil ta’ studju bħal dan, flimkien mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kumitat tar-Reġjuni. Dan għandu jservi ta’ bażi sabiex jinħoloq intergrupp dwar is-CLLD, li għandu jservi ta’ pjattaforma interistituzzjonali.

1.11.

Fil-qasam tas-CLLD, il-KESE huwa favur:

(a)

il-finanzjamenti permezz ta’ diversi fondi – il-monitoraġġ u t-tisħiħ tal-metodu tas-CLLD fil-qafas ta’ finanzjament permezz ta’ diversi fondi li jiġi applikat b’mod trasversali fl-Ewropa u fi ħdan il-programmi tal-UE, u l-isforz biex kemm jista’ jkun malajr jitnieda l-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

(b)

l-unifikazzjoni tal-prattiki u l-approċċi – il-promozzjoni fi ħdan l-UE ta’ livell għoli ta’ kwalità tas-CLLD, l-istandardizzazzjoni tal-attivitajiet tal-gruppi ta’ azzjoni lokali (2) u l-iskambju reċiproku tal-aħjar prattiki; l-għoti ta’ appoġġ sabiex jimtlew l-ispazji vojta fuq il-mappa bil-għan li l-approċċ LEADER ikun jista’ jiġi estiż ġeografikament u tematikament, li huwa meħtieġ jekk l-approċċ LEADER/tas-CLLD għandu jopera b’suċċess fil-programmi differenti tal-UE;

(c)

il-ħolqien ta’ netwerks u l-kooperazzjoni – kundizzjoni essenzjali biex il-metodu tas-CLLD jaħdem sew; dan ifisser l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni fin-netwerks eżistenti u l-ħolqien ta’ netwerks fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew u l-ħtieġa biex l-infiq marbut mat-twaqqif u l-funzjonament tan-netwerks ikun eliġibbli (il-kontribuzzjonijiet tal-membri);

(d)

l-estensjoni tal-approċċ – jiġi appoġġjat l-użu tal-metodu tas-CLLD lil hinn mill-UE, pereżempju fin-negozjati ta’ qabel l-adeżjoni u l-politika tal-iżvilupp;

(e)

is-semplifikazjoni tal-proċess – jiġi żgurat li dawn l-entitajiet żgħar fil-livell lokali ma jitgħabbewx b’burokrazija eċċessiva, u kull fejn huwa possibbli, l-obbligu ta’ rappurtar jitnaqqas għall-aktar livell baxx possibbli mingħajr ma dan jitlef mill-kredibbiltà tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti m’għandhomx jingħataw il-possibbiltà li jibdlu r-regoli meta l-Fondi ESI jkunu qed jiġu implimentati. B’mod immedjat u kullimkien għandhom jitnedew programmi li jipprovdu informazzjoni u seminars li jawtorizzaw l-iskambji ta’ esperjenzi pożittivi u li jappoġġjaw lill-partijiet interessati lokali pubbliċi u privati;

(f)

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi, kif ukoll tal-partijiet interessati tas-soċjetà ċivili, b’tali mod li l-akbar numru possibbli ta’ imsieħba jistgħu jipproponu approċċ attiv relatat mas-CLDD, qabel ma jiskadi l-perjodu previst għal dan il-għan (jiġifieri qabel il-31 ta’ Diċembru 2017).

1.12.

Il-metodu tas-CLLD huwa applikabbli bis-sħiħ mhux biss għar-riżorsi tal-Fondi ESI, iżda wkoll sabiex jiġu distribwiti riżorsi finanzjarji proprji wkoll (mil-livelli lokali, reġjonali, u nazzjonali). Huwa għalhekk importanti li l-istrateġiji ta’ żvilupp, il-proġetti speċifiċi u l-mezzi għall-implimentazzjoni tagħhom ma jkunux ibbażati fuq l-allokazzjonijiet proposti mill-UE, iżda jitfasslu b’mod li jirriflettu l-ħtiġijiet reali f’termini ta’ tibdil fil-kwalità tal-ħajja tal-komunitajiet lokali.

1.13.

Il-KESE jemmen li huwa essenzjali li jiġu rispettati b’mod strett il-prinċipji bażiċi tal-metodu tas-CLLD. Sħubija bilanċjata li fiha jipparteċipaw il-komunitajiet lokali għandha tkun prerekwiżit sabiex jinkisbu s-sussidji. Sabiex l-iżvilupp lokali jkun effiċjenti, huwa indispensabbli li ma jiġux tollerati approċċi purament formali li, bil-għan li jiksbu s-sussidji, jiddikjaraw li qegħdin jieħdu approċċ ta’ sħubija li fil-fatt ma jkunx minnu. Għandu jkun hemm sistema effettiva ta’ kontroll u ta’ sorveljanza kontra l-abbuż tal-prinċipju tas-CLLD.

1.14.

Il-KESE jinnota li dan l-istrument joffri elementi li mhumiex negliġibbli, u mhux biss fi żmien ta’ kriżi ekonomika: it-trasparenza tal-flussi finanzjarji tal-baġit pubbliku, livell ogħla ta’ fiduċja bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-abitanti, u l-effikaċja tar-riżorsi li ġew investiti. In-NU, l-OECD, il-Bank Dinji u istituzzjonijiet oħra qed jargumentaw ukoll favur approċċi ta’ sħubija bħal dawn. Dan huwa approċċ usa’ li jappoġġja l-użu ta’ metodi tas-CLLD barra mill-Ewropa, pereżempju fil-kuntest tan-negozjati ta’ qabel l-adeżjoni, fir-rigward tal-politika tal-iżvilupp u l-isforzi għall-kisba tal-miri tal-iżvilupp sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2015 u biex jintlaħqu l-impenji dwar it-tibdil fil-klima.

1.15.

Il-KESE huwa konxju tal-isfidi potenzjali għall-perjodu li jmiss f’termini ta’ CLLD fir-rigward tas-semplifikazzjoni u t-tnaqqas tal-burokrazija. Dawn huma li:

(a)

jiġi appoġġjat il-ħolqien ta’ sistemi (jew pjattaformi) alternattivi u indipendenti ta’ arbitraġġ u/jew ta’ konċiljazzjoni magħmula minn esperti biex jgħinu jsolvu kemm jista’ jkun malajr u b’mod sempliċi l-problemi amministrattivi u finanzjarji li jiġu minn konflitti potenzjali bejn il-kumitati ta’ ġestjoni tal-programmi operazzjonali u l-ġestjoni ta’ proġett ta’ sħubijiet individwali differenti (abbażi tal-mudell ta’ awdituri finanzjarji, iżda f’qasam li mhuwiex esklużivament dak tal-finanzi);

(b)

jiġi implimentat fil-prattika l-prinċipju li skontu l-korpi li jimplimentaw (inklużi l-kontrolli tar-rapporti ta’ segwitu) jittrattaw a) il-kisbiet konkreti, ir-riżultati, il-benefiċċji u l-konsegwenzi tal-proġetti, b) il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż, u c) ir-rispett tal-iskadenzi, u li dawn ma jinħlewx fuq id-dettalji li wieħed jiltaqa’ magħhom fit-triq lejn dawn ir-riżultati;

(c)

jiġu ppubblikati wkoll fit-territorju kkonċernat is-sejħiet għal “Proġetti Integrati” ppreżentati minn diversi kandidati (bħall-inizjattiva EQUAL);

(d)

fil-qasam finanzjarju, għandha tinbidel id-definizzjoni tal-irregolaritajiet applikata s’issa, kif ukoll l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ ksur tad-dixxiplina baġitarja, inkluż:

ma ssirx interpretazzjoni dixxiplina sproporzjonata f’każijiet li mhumiex importanti ħafna u li jammontaw għal “ftit euro”: ma jiġux investigati jew meqjusa bħala irregolaritajiet każijiet fejn jiġu neqsin jew imdaħħlin b’mod żbaljat ammonti taħt, pereżempju, l-EUR 10 (jew l-EUR 40);

fl-istess ħin, jekk ikun jidher li d-danni huma inqas mill-ispejjeż relatati mar-rimedju (għall-benefiċjarju jew ir-regolatur), dawn m’għandhomx jiġi ttrattat, ħlief biex jiġu reġistrati u akkumulati ma’ danni oħra ta’ ammonti żgħar.

1.16.

Il-KESE jirrakkomanda li tintuża terminoloġija differenti sabiex issir distinzjoni bejn id-diversi tipi ta’ applikazzjoni tal-programm tas-CLLD, bħalma huwa l-każ għall-gruppi rurali ta’ azzjoni lokali u l-gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd. Għall-gruppi urbani ta’ azzjoni lokali pereżempju, nistgħu nużaw it-titlu “sħubija urbana”, u s-CLLD fiż-żona urbana jista’ jissejjaħ CLLD-U. B’dan il-mod ikun aktar ċar liema tip ta’ żona huwa involut u jkun aktar faċli li ssir distinzjoni bejn il-flussi ta’ finanzjament u d-destinazzjoni tagħhom. Fl-istess ħin, nirrakkomandaw, abbażi tal-mudell ta’ suċċess tal-programm LEADER, li jiġi kkunsidrat isem ġdid u akronimu attraenti għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità, li jkun aktar faċilment aċċettat mill-atturi kollha. L-isem huwa parti integrali mill-kampanja ta’ promozzjoni u l-espressjoni tas-CLLD, bħala t-titlu tal-metodu, tista’ titniżżel bħala “nota f’qiegħ il-paġna”.

2.   Introduzzjoni għall-kwistjoni: l-għodda tas-CLLD u l-ħolqien tiegħu (programm LEADER) – storja, konsegwenzi u perspettivi tal-istituzzjonijiet Ewropej

2.1.

Il-prinċipji bażiċi tal-approċċ LEADER – il-valur miżjud u l-applikazzjoni tagħhom fil-kuntest tal-metodu tas-CLLD:

2.1.1.   Approċċ territorjali

Sabiex jiġi żviluppat b’mod sostenibbli territorju definit ta’ daqs żgħir, il-programm jieħu vantaġġ mill-potenzjal reali ta’ dan. Huwa jikkunsidra l-vantaġġi u l-iżvantaġġi tiegħu u l-istrateġija ta’ żvilupp imħejjija tissodisfa l-bżonnijiet reali tiegħu. Il-konfini ta’ dan it-territorju mhumiex definiti biss mill-fruntieri amministrattivi u huma flessibbli.

2.1.2.   Approċċ minn isfel għal fuq

Tul it-teħid ta’ deċiżjoni u d-definizzjoni tal-prijoritajiet ta’ strateġija ta’ żvilupp, aħna nagħtu importanza kbira lill-involviment tal-amministrazzjoni tat-territorju u l-abitanti tiegħu. L-enfasi mqiegħda fuq l-aktar skala baxxa hija l-aktar punt importanti mis-seba’ punti tal-programm. Madankollu, dan ma jippruvax jeskludi b’hekk il-livell nazzjonali ogħla, iżda pjuttost jipprova jippromovi l-iskambji bejn iż-żewġ livelli.

2.1.3.   Il-gruppi ta’ azzjoni lokali

L-appoġġ għat-twaqqif ta’ gruppi lokali huwa parti importanti tal-programm. Il-gruppi lokali għandhom iġibu flimkien l-imsieħba mis-settur pubbliku, dak privat u dak tal-volontarjat u jwasslu għal djalogu dwar id-direzzjoni tal-iżvilupp tat-territorju.

2.1.4.   Approċċ innovattiv

Il-programm jappoġġja l-innovazzjoni. Huwa jħabrek biex joħloq prodotti, proċessi, organizzazzjonijiet u swieq ġodda. L-għoti tal-akbar flessibbiltà possibbli lill-gruppi lokali jippermetti li tinħoloq l-innovazzjoni

2.1.5.   Approċċ integrat u multisettorjali

L-approċċ tal-programm huwa mistenni jiffoka fuq l-integrazzjoni tas-setturi differenti. Huwa tentattiv biex jiġu koordinati l-oqsma ekonomiċi, soċjali u kulturali kif ukoll il-kwistjonijiet ambjentali u biex dawn jiġu integrati fi proġetti komprensivi.

2.1.6.   In-netwerking

Il-programm jappoġġja l-ħolqien ta’ netwerks biex il-parteċipanti jaqsmu l-esperjenzi tagħhom. Dawn in-netwerks huma ta’ natura kemm istituzzjonali peress li huma ffinanzjati mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll ta’ natura inqas formali peress li huma stabbiliti fil-livell nazzjonali, territorjali u lokali.

2.1.7.   Kooperazzjoni

Madankollu, l-iskambju ta’ esperjenza fin-netwerks ma jikkostitwixxix l-istadju finali tal-kooperazzjoni prevista mill-programm. Il-gruppi lokali jistgħu jikkooperaw direttament fuq proġett tematiku.

2.1.8.   Mobilizzazzjoni fil-livell tal-abitanti

Sabiex titwettaq ħidma ġenwina mar-residenti ta’ territorju kkonċernat, huwa neċessarju mhux biss li jiġu informati iżda wkoll li jinħoloq ambjent miftuħ għall-komunikazzjoni u tissaħħaħ il-fiduċja abbażi tal-prinċipju li l-ideat tagħhom ser jiġu vvalutati u jitqiesu b’mod oġġettiv.

2.2.

Il-Kumitat tar-Reġjuni“huwa tal-fehma li s-CLLD huwa strument ewlieni għall-iżvilupp armonjuż taż-żoni urbani u rurali, li jsaħħaħ il-kapaċità li jiġu żviluppati rabtiet maż-żoni periurbani u rurali tal-madwar” (3).

2.3.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fassal għadd ta’ opinjonijiet dwar il-kooperazzjoni u l-parteċipazzjoni fi sħubija, inklużi dawk li r-referenzi tagħhom jinsabu fin-nota f’qiegħ il-paġna (4).

2.4.

Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dokumenti għall-implimentazzjoni tas-CLLD, ibbażati fuq l-esperjenza tal-metodu LEADER, intitutlati “European Structural and Investment Funds, Guidance for Member States and Programme Authorities, Guidance for Beneficiaries – Guidance on Community-Led Local Development for Local Actors” (5) u “Guidance on Community Led Local Development in European Structural and Investment Funds” (6).

2.5.

Hemm bżonn li dawn id-dokumenti jinxterdu b’mod iktar effikaċi f’qafas ta’ strateġija ta’ informazzjoni li tkun ġenwinament proattiva. Hemm bżonn ukoll li jiġi previst forum għal-laqgħat konġunti tal-partijiet interessati tal-iżvilupp lokali mmexxi mill-partijiet interessati lokali u l-esperti, u li joffri l-opportunità li jiġu diskussi u mqabbla l-approċċi fis-seħħ fir-reġjuni differenti tal-UE. Il-KESE jista’ pereżempju jagħmel disponibbli t-tagħmir neċessarju għal dawn l-attivitajiet.

3.   Il-gruppi ta’ azzjoni lokali f’żoni rurali u l-appoġġ għar-rwol tagħhom għall-perjodu 2014-2020: baġits pubbliċi taħt il-kontroll pubbliku

3.1.

Il-grupp ta’ azzjoni lokali huwa l-pedament tal-programm LEADER. Din hija sħubija lokali fejn teżisti rappreżentanza proporzjonali kemm tas-setturi kif ukoll tal-oqsma ta’ azzjoni. Il-grupp ta’ azzjoni lokali għandu natura legali u għandu għad-dispożizzjoni tiegħu proċeduri ta’ ġestjoni u ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet. L-għadd totali tal-gruppi ta’ azzjoni lokali fl-UE appoġġjati mill-programmi tal-iżvilupp rurali u miżuri oħra tat-tip LEADER huwa ta’ 2  402; dan ikopri 77 % taż-żona sħiħa tal-UE (7), li hija bejn wieħed u ieħor 90 % taż-żona rurali, u aktar minn 50 % tal-popolazzjoni tal-UE (8).

3.2.

L-approċċ LEADER irriżulta tant effikaċi li għandu jiġi estiż kemm jista’ jkun għaż-żoni rurali kollha tal-UE. Jeħtieġ ukoll li tiġi żgurata l-kompatibbiltà tar-regoli għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-gruppi ta’ azzjoni lokali stabbiliti fl-Istati Membri differenti.

3.3.

Fost il-prijoritajiet tal-programm proposti għall-perjodu 2014-2020 insibu wkoll:

(a)

iż-żgħażagħ f’kuntest rurali – iż-żgħażagħ taċ-ċentri jeħtieġ li jitħajru jmorru lejn iż-żoni rurali, permezz tal-użu adegwat tas-CLLD, żoni rurali aktar attraenti għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, l-appoġġ għall-iżvilupp u għall-aċċessibbiltà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-promozzjoni tal-edukazzjoni;

(b)

l-ekonomija lokali – jeħtieġ li nappoġġjaw l-ekonomija lokali, l-intrapriżi ż-żgħar mhux agrikoli (pereżempju, it-tiġdid tal-artiġjanat u l-mikrointrapriżi) u l-SMEs;

(c)

l-intraprenditorija soċjali, jiġifieri t-tisħiħ fil-livell lokali f’setturi innovattivi li jħallu effett fuq il-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp sostenibbli (bħat-turiżmu, is-sorsi ta’ enerġiji rinnovabbli jew l-attivitajiet kulturali u sportivi). Huwa essenzjali li l-ekonomija soċjali tiġi rikonoxxuta mill-komunità, mill-atturi nazzjonali u Ewropej, u mill-imiseħba ekonomiċi l-oħra bħala fattur ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-livell lokali. L-istituzzjonijiet Ewropej għandhom jipproponu kampanji biex jenfasizzaw il-kontribut tal-ekonomija soċjali għall-iżvilupp lokali. Barra minn hekk huma għandhom jiddefinixxu l-linji gwida ġenerali sabiex l-intrapriżi soċjali jiġu inklużi fis-sħubijiet għall-iżvilupp lokali. Għalhekk, il-KESE jipproponi l-ħolqien ta’ kooperattivi u intrapriżi soċjali oħra permezz tas-servizzi pubbliċi u privati ta’ konsulenza appoġġjati mill-intraprendituri u l-inkubaturi tan-negozju fil-livell lokali. Il-KESE jappoġġja l-promozzjoni ta’ sħubijiet bejn l-intrapriżi soċjali lokali u l-amministrazzjonijiet lokali u reġjonali biex jipprovdu s-servizzi neċessarji (pereżempju l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni);

(d)

produzzjoni ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u prodotti reġjonali;

(e)

l-iżvilupp ta’ infrastruttura teknika (bħall-impjanti għat-trattament tad-dranaġġ, inkluż it-trattament fuq bażi individwali u permezz tal-pjanti (phyto-purification));

(f)

tranżizzjoni lejn soċjetà sostenibbli b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Dan l-aspett jista’ jiġi rifless fl-indikaturi u l-għanijiet stabbiliti mis-CLLD fir-rigward tal-iżvilupp sostenibbli, l-emissjonijiet tal-karbonju, ir-reżiljenza u l-kisba tal-għanijiet tal-UE fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli u t-tibdil fil-klima kif ukoll l-għanijiet tan-NU għall-2015 dwar l-iżvilupp sostenibbli u għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

(g)

l-użu effiċjenti tan-netwerks eżistenti (pereżempju n-netwerks rurali nazzjonali).

4.   Iż-żoni periurbani u l-gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd – sfidi speċifiċi

4.1.

Il-postijiet fejn iż-żoni urbani u rurali jinsabu viċin ta’ xulxin joffru potenzjal għall-użu effettiv tas-CLLD. Dan it-tip ta’ strument jippermetti li jkun hemm reazzjoni għall-iżviluppi fiż-żona u li jitqiesu l-interkonnessjonijiet funzjonali tat-territorju. Jeżistu rabtiet b’saħħithom ħafna bejn il-belt u l-kampanja periurbana, li jistħoqqilhom li jkunu s-suġġett ta’ approċċ speċifiku.

4.2.

Iż-żoni periurbani għandhom il-problemi (l-isfidi) speċifiċi tagħhom, li jistgħu jiġu solvuti permezz tas-CLLD. L-isfidi ewlenin huma l-mobbiltà sostenibbli, il-bini ta’ soċjetà koeżiva fil-livell soċjali u t-twaqqif ta’ prijoritajiet fir-rigward tal-użu tal-artijiet agrikoli. Iż-żoni periurbani huma dawk iż-żoni ġewwa bliet li għandhom aktar minn 25  000 abitant. Jeħtieġ li jissemma hawnhekk il-proġett komuni ta’ riċerka “Rurban” tal-OECD u tal-KE, li kellu l-għan li jidentifika u jivvaluta sħubijiet urbani-rurali formali u informali u l-kontribut tagħhom għall-iżvilupp lokali (9).

4.3.

L-approċċ tal-iżvilupp lokali ilu jintuża wkoll mill-2007 fil-kuntest tal-Fond Ewropew għas-Sajd għall-appoġġ tal-iżvilupp sostenibbli tal-komunitajiet tas-sajjieda permezz tal-gruppi ta’ azzjoni lokali tas-sajd.

5.   Iż-żoni urbani – ninvolvu lill-popolazzjoni u nassiguraw il-finanzjament tal-iżvilup lokali

5.1.

Ma teżistix definizzjoni waħda taż-żoni urbani; aħna nibbażaw fuq ir-regoli u l-użijiet applikati fil-livell nazzjonali u lokali. F’dak li jirrigwarda ż-żoni rurali, il-kriterju huwa d-daqs massimu ta’ belt, fejn il-popolazzjoni għandha tkun mhux aktar minn 25  000 abitant. Bl-istess mod, nistgħu napplikaw dan il-kriterju għaż-żoni urbani (billi jiġi stabbilit limitu minimu ta’ 10  000 abitant u dak massimu ta’ 1 50  000 abitant). L-amministrazzjoni pubblika għandha tipparteċipa permezz ta’ rappreżentanti li għandhom responsabbiltà fiż-żona konċernata li, idealment ikunu ġejjin mill-awtorità muniċipali ċentrali u minn distretti jew diviżjonijiet oħra (pereżempju distretti partikolari, lokalitajiet esklużi soċjalment, żoni urbani bi problema speċifika, eċċ).

5.2.

L-esperjenza konkreta ta’ ċerti bliet, miksuba permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm operattiv Urbact II, il-Pjattaforma Ewropea tal-Iżvilupp tal-Għarfien (10) (kif ukoll il-Pjattaforma tal-Iżvilupp Urban fil-ġejjieni qrib) tista’ tkun sors ta’ ispirazzjoni (11). Huwa wkoll xieraq li wieħed isemmi l-esperjenza tal-bliet fi tranżizzjoni u l-komunitajiet ta’ permakultura, f’liema qafas eluf ta’ komunitajiet lokali madwar l-UE rnexxielhom jippromovu b’suċċess l-iżvilupp sostenibbli mmexxi mill-komunità.

5.3.

Għoxrin sena ta’ esperjenza fiż-żoni rurali jfisser ukoll li l-bliet ser ikunu ispirati mill-kampanja, inizjalment, pereżempju, għal perjodu tranżitorju li mbagħad ikun evalwat. Fil-prattika, anke permezz tal-appoġġ tal-esperti u tip ta’ mentoring, dan ser iwassal għal trasferiment b’suċċess ta’ dan l-approċċ.

5.4.

Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 twaqqfu korpi ta’ konsulenza fil-livell tal-bliet fil-forma ta’ gruppi ta’ appoġġ lokali Urbact, li kienu marbuta mal-proċess ta’ tħejjija tal-pjani ta’ azzjoni lokali. Iżda bil-kontra ta’ dak previst mill-approċċ LEADER u s-CLLD, dawn ma kinux ħlief gruppi konsultattivi ta’ esperti pjuttost informali fejn ma kenitx meħtieġa rappreżentanza mis-setturi differenti. Il-kompożizzjoni ta’ dawn il-gruppi kienet determinata mill-orjentazzjoni tematika tal-proġett konċernat. Il-programm operattiv Urbact II ma kienx jappoġġja b’mod finanzjarju l-ħidma tal-gruppi ta’ appoġġ lokali. Sabiex tiżdied l-effikaċja tal-funzjonament tal-prinċipju tas-sħubija fil-kuntest urban ukoll, jeħtieġ li jinħolqu sħubijiet fuq il-bażi tas-CLLD. Dawn is-sħubijiet għandu jkollhom il-mezzi finanzjarji meħtieġa biex ikun żgurat il-funzjonament tagħhom. Dan l-approċċ jista’ jkun applikat ukoll f’żoni urbani jew ż-żoni li jkopru bliet żgħar u ta’ daqs medju flimkien maż-żona funzjonali ta’ madwarhom, bħala ċentri ta’ żvilupp lokali jew sottoreġjonali  (12).

5.5.

Minħabba l-problemi indirizzati fil-bliet, l-istrument it-tajjeb għall-finanzjament tal-programmi pilota permezz tas-CLLD jista’ jkun wieħed minn għadd ta’ programmi operattivi. Għaldaqstant nipproponu l-użu ta’ dan l-approċċ u l-istrateġiji li jiġġenera fil-kuntest ta’ programmi pilota għall-finanzjament għaż-żoni urbani (pereżempju fil-qasam tal-ambjent, il-protezzjoni tas-siti u tal-wirt kulturali, eċċ.) (13).

5.6.

Ta’ min jiġbor flimkien l-eżempji tal-aqwa prattika mill-Istati Membri differenti, fil-qasam tal-iżvilupp tal-bliet permezz tal-approċċ tas-sħubija, li jistgħu jiġu inklużi fl-istudju msemmi fil-punt 1.10 hawn fuq. Il-kodiċi ta’ kondotta bit-titlu “Il-prinċipju tas-sħubija fl-implimentazzjoni tal-Fondi tal-Qafas Strateġiku Komuni – elementi għal Kodiċi tal-Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija” (14) jista’ jkun ta’ gwida fix-xogħlijiet li jitwettqu fil-kuntest tas-sħubija.

6.   Kif jistal-metodu tas-CLLD jkun applikat iktar spiss u kullimkien?

6.1.

Is-CLLD għandu jgħin liċ-ċittadini jiżviluppaw il-muniċipalitajiet u l-bliet tagħhom b’mod sinifikanti u sostenibbli. Permezz tiegħu, iċ-ċittadini jistgħu jieħdu sehem dirett fit-titjib tal-kwalità tal-ħajja fi ħdan il-komunità tagħhom; dan huwa tkabbir inklużiv reali fejn ir-riżultati huma viżibbli fil-livell lokali. Ovvjament, biex jiġi implimentat, jeħtieġ li jiġu allokati riżorsi għall-bini tal-kapaċità sabiex l-imsieħba kollha jkunu kapaċi jaqdu bis-sħiħ ir-rwol tagħhom, ma jibqgħux biss sempliċi osservaturi tal-proċess u jkunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-sħubija orrizzontali, fl-ispirtu tal-governanza f’diversi livelli. Jeħtieġ ukoll li jiġu appoġġjati l-assistenza u l-mentoring offruti mill-atturi u l-esperti li għandhom l-aktar esperjenza, jiġifieri t-taħriġ u l-edukazzjoni. Il-proposta attwali għandha fl-istess ħin tanalizza u tispjega l-kawżi tal-effettività u s-suċċess tal-approċċ LEADER u tiġġustifika għaliex huwa xieraq li testendi l-approċċ għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità fil-programmi kollha tal-Fondi ESI sabiex titħaddem b’suċċess il-politika ta’ koeżjoni.

6.2.

Fejn il-metodu għadu ma ġiex adottat, għandha tintuża valutazzjoni ta’ nofs it-term sabiex dan jitnieda fl-ambitu tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta’ Investiment għall-perjodu 2014-2020.

6.3.

F’dan ir-rigward, l-iskambju tal-għarfien speċifiku tal-imsieħba soċjali u ekonomiċi, tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u tal-amministrazzjoni tal-Istat huwa aspett essenzjali. Jeħtieġ li bosta partijiet jappoġġjaw dan l-iskambju.

6.4.

It-tfassil tal-istrateġiji tas-CLLD jeħtieġ iż-żmien, madankollu, huwa importanti wkoll li f’dak il-perjodu, jkun hemm biżżejjed żmien għall-implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll baġit suffiċjenti għall-iffinanzjar tal-miżuri individwali. Żmien twil wisq għall-preparazzjoni li ma jħalli l-ebda impatt fuq it-territorju (taħt il-forma ta’ proġetti mwettqa) kif ukoll finanzjament aċċellerat tal-attivitajiet (minħabba li l-iskadenza għall-użu tkun qed toqrob) jistgħu jwasslu għal sfiduċja f’dan l-istrument.

6.5.

Il-problemi l-oħra li għandhom jiġu ffaċċjati fid-dawl ta’ użu korrett tas-CLLD huma l-burokrazija u l-ostakli amministrattivi eċċessivi, ir-rimborż tard tal-pagamenti, il-finanzjament minn qabel ta’ proġetti abbażi tar-riżorsi proprji tal-benefiċjarji finali jew self b’interessi li jrid jiġġarrab mill-benefiċjarji. F’dan ir-rigward, huwa possibbli li jiġu previsti mudelli ta’ finanzjament parteċipattiv, finanzjament pubbliku-privat u parteċipazzjoni organizzata tas-settur bankarju, bil-garanzija tal-Istat.

6.6.

Ta’ spiss, l-Istati Membri jmorru aktar ‘il bogħod mir-regolamenti imposti mill-Kummissjoni Ewropea: jintroduċu dispożizzjonijiet li mhumiex mitluba u li jkunu riżultat tal-burokrazija “nazzjonali” tagħhom, li jikkomplikaw ħafna aktar l-użu tas-sussidji u jiskoraġġixxu l-applikanti minħabba l-kumplessità tagħhom u l-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu. Ċerti awtoritajiet nazzjonali jagħmlu sforz ukoll biex inaqqsu għal minimu l-ispejjeż marbutin mal-animazzjoni taż-żona u l-amministrazzjoni tal-gruppi ta’ azzjoni lokali ta’ daqs żgħir; madankollu dawn il-miżuri jistgħu jwasslu għal kriżi fit-tħaddim tas-sistema kollha.

6.7.

Il-KESE jappella għat-taħriġ ta’ min iħarreġ: hemm bżonn ikun żgurat it-taħriġ tal-atturi nazzjonali jew reġjonali fil-kuntest tal-assistenza teknika b’konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjoniet ġenerali. Bl-istess mod, huwa meħtieġ li jinħolqu l-kundizzjonijiet neċessarji sabiex jitwaqqfu u jintużaw b’mod effiċjenti netwerks fil-livell reġjonali, nazzjonali u internazzjonali, sabiex il-ħidma tan-netwerks tipprovdi valur miżjud sinifikanti.

6.8.

Ta’ min jiġbor flimkien l-eżempji tal-aqwa prattika mill-Istati Membri differenti li jistgħu jiġu inklużi fl-istudju msemmi fil-punt 1.10 hawn fuq.

Brussell, il-11 ta’ Diċembru 2014.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni, jiddefinixxi 3 approċċi integrati differenti għall-perjodu 2014-2020. Is-CLLD huwa wieħed minnhom u t-tnejn l-oħra huma l-investiment territorjali integrat u l-pjani konġunti ta’ azzjoni.

(2)  Dan ifisser li jiġu mitluba u garantiti kundizzjonijiet ugwali fl-Istati Membri differenti tal-UE għall-funzjonament tal-istrument tas-CLLD, b’konformità mal-prinċipji ta’ dan l-approċċ u skont il-karatteristiċi speċifiċi nazzjonali u reġjonali.

(3)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità”, ĠU C 17, 19.1.2013, p. 18.

(4)  Opinjonijiet tal-KESE: Il-governanza u s-sħubija fil-livelli nazzjonali u reġjonali, u bażi għal proġetti fil-qasam tal-politika reġjonali, ĠU C 77, 31.3.2009, p. 143; L-istrateġiji u l-programmi tal-politika ta’ koeżjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2007–2013, ĠU C 228, 22.9.2009, p. 141; Sħubijiet effikaċi fil-politika ta’ koeżjoni, ĠU C 44, 11.2.2011, p. 1; Ir-rwol u l-prijoritajiet tal-politika ta’ koeżjoni fl-Istrateġija UE 2020, ĠU C 248, 25.8.2011, p. 1.; Il-politika reġjonali u t-tkabbir intelliġenti, ĠU C 318, 29.10.2011, p. 82; LEADER bħala għodda għall-iżvilupp lokali, ĠU C 376, 22.12.2011, p. 15.; Dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-Fondi Strutturali Ewropej, ĠU C 191, 29.6.2012, p. 30.

(5)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/informat/2014/guidance_clld_local_actors_mt.pdf

(6)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docgener/informat/2014/guidance_community_local_development.pdf (mhux disponibbli bil-Malti).

(7)  In-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (ENRD), informazzjoni grafika dwar LEADER.

(8)  Ara: Depoele, van L., “Local development strategies in the EU”, The Case of LEADER in Rural Development, p. 4: http://www.eurolocaldevelopment.org/wp-content/uploads/2013/03/local_development_strategies_in_the_eu-.pdf

(9)  http://www.oecd.org//regional/rurbanrural-urbanpartnerships.htm

(10)  www.eukn.org

(11)  http://www.emi-network.eu/Sharing_knowledge/News_on_EU_policy/Cohesion_Policy_2014_2020_negotiations_about_the_urban_dimension

(12)  Assoċjazzjoni tal-bliet Pollakki, Jannar 2014, http://ldnet.eu/CLLD+in+urban+areas

(13)  B’mod parallel għall-implimetazzjoni tas-CLLD, jeżisti strument integrat rilevanti, kif ukoll l-investimenti territorjali integrati. L-applikazzjoni simultanja ta’ dawn l-istrumenti twassal għal effetti sinerġiċi.

(14)  http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/docoffic/working/strategic_framework/swd_2012_106_mt.pdf


Top