EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IE1904

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Favur konsum aktar sostenibbli: it-tul tal-ħajja tal-prodotti industrijali u t-tiġdid tal-fiduċja permezz tal-informazzjoni tal-konsumaturi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 67/23


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Favur konsum aktar sostenibbli: it-tul tal-ħajja tal-prodotti industrijali u t-tiġdid tal-fiduċja permezz tal-informazzjoni tal-konsumaturi” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

2014/C 67/05

Relatur: is-Sur LIBAERT

Korelatur: is-Sur HABER

Nhar l-14 ta’ Frar 2013, b’konformità ma’ l-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

Favur konsum aktar sostenibbli: it-tul tal-ħajja tal-prodotti industrijali u t-tiġdid tal-fiduċja permezz tal-informazzjoni tal-konsumaturi (Opinjoni fuq inizjattiva proprja).

Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha fis-26 ta' Settembru 2013.

Matul l-493 sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta' Ottubru 2013 (seduta tas-17 ta' Ottubru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’178 vot favur, vot wieħed (1) kontra u 5 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

L-obsolenza ppjanata tidher li hija relatata ma' mod ta' produzzjoni industrijali li jirrikjedi livell minimu ta' tiġdid tal-prodotti tiegħu. Għalkemm dan it-tiġdid tal-prodotti jidher li huwa neċessarju għandhom jiġu miġġielda ċerti abbużi. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jagħmel distinzjoni bejn il-ħolqien deliberat ta' difetti interni u t-tħaffif tal-modi ta' konsum tagħna. Filwaqt li jeħtieġ li nistaqsu dwar il-prattiki ta' kummerċjalizzazzjoni li jippromovu innovazzjonijiet ewlenin mentri fil-fatt sikwit ikunu sekondarji, l-għan tal-opinjoni tagħna hu li jiġu kkontrollati każ b'każ l-aktar każijiet evidenti u li jittejbu l-garanziji għall-konsumaturi. L-għan hu li jingħata kontribut biex titjieb il-fiduċja fir-rigward tal-intrapriżi Ewropej tagħna. Il-proposti huma ta' natura teknika, kummerċjali, leġislattiva, edukattiva u informattiva. Dawn il-proposti jagħmlu parti minn qafas strateġiku ta' bilanċ aħjar, li huwa ġust u leali, fil-katina tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum.

1.2

Il-KESE jesprimi x-xewqa li jiġu projbiti għalkollox il-prodotti maħluqa b'difetti interni b'tali mod li jwasslu sabiex il-prodott ma jkunx jista' jibqa' jintuża aktar. Dawn il-każijiet rari iżda evidenti, bħall-każ li ġie kopert ħafna mill-mezzi tax-xandir tal-printers li ġew iddisinjati biex jieqfu jaħdmu wara ċertu żmien ta' użu, jistgħu biss irawmu l-isfiduċja tal-konsumaturi fir-rigward tal-intrapriżi.

1.3

Il-KESE jirrakkomanda lill-intrapriżi biex jiffaċilitaw it-tiswija tal-prodotti tagħhom. Dan għandu jsir bi tliet modi: il-possibbilitajiet tekniċi (pereżempju t-tablets bil-batteriji li jkunu ssaldjati fl-apparat b'tali mod li jkun impossibbli ssewwihom u b'hekk ikollhom jiġu sostitwiti bi prodotti ġodda), iż-żamma tal-possibbiltà li l-konsumaturi jakkwistaw il-komponenti meħtieġa għat-tiswija sa ħames snin wara minn meta jinxtara l-prodott u fl-aħħar, ix-xiri ta' prodott għandu jkun akkumpanjat minn informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta' tiswija u l-mod kif għandhom isiru t-tiswijiet. B'mod aktar ġenerali, permezz tal-Opinjoni tiegħu, il-KESE jħeġġeġ appoġġ b'saħħtu għad-dimensjoni soċjali u għas-settur tat-tiswija. L-approċċ sabiex tittejjeb il-fiduċja bejn l-intrapriżi u l-pubbliku tagħhom għandu jiġi kkunsidrat l-aktar fir-rigward tal-possibbiltajiet ta' appoġġ għall-impjiegi li din tista' toħloq.

1.4

Huwa u jħares lil hinn mit-triq tar-regolamentazzzjoni vinkolanti, il-KESE jħeġġeġ approċċ volontarju ta' ċertifikazzjoni. Pereżempju, fis-settur tat-tagħmir tad-dar il-garanziji ta' 10 snin jew 20 sena fuq il-komponenti naturalment kienu punt b'saħħtu għall-bejgħ. Din il-garanzija tista' tiġi standardizzata fil-livell tal-UE u tkun applikabbli għall-prodotti kollha li jinxtraw fit-territorju tat-28 pajjiż tal-Unjoni sabiex ma jiġux ippenalizzati l-intrapriżi Ewropej. Bl-istess mod, il-manifatturi jistgħu jippubblikaw figuri dwar l-aktar ħsarat frekwenti peress li jafu liema huma l-aktar rikorrenti. Ikunu jistgħu jżommu stokk ta' dawk il-komponenti partikolari biss jew jipproduċuhom fuq talba jew isibu sottokuntratturi fin-netwerk tal-provvista tagħhom li jkunu lesti li jipproduċuhom. Dan jista' jirrappreżenta impenn kbir minn naħa ta' ċerti tipi ta' intrapriżi biex jiggarantixxu l-affidabbiltà tal-prodotti tagħhom u, lil hinn mir-relazzjonijiet tagħhom mal-konsumaturi, dan jikkorrespondi mal-idea ta' ċertifikazzjoni volontarja biex jiġu provduti l-mezzi għall-manutenzjoni tal-prodotti u biex dawn jibqgħu tajbin għal żmien itwal.

1.5

Il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-parametri kontra l-obsolenza ppjanata fi ħdan il-politika tal-akkwist pubbliku tagħhom. Minħabba l-importanza tal-ordnijiet statali fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (16 % tal-PDG) l-awtoritajiet pubbliċi għandhom rwol importanti x'jaqdu u barra minn hekk għandhom ikunu ta' eżempju.

1.6

Il-KESE jemmen li t-titjib tal-kwalità u tas-sostenibbiltà tal-prodotti manifatturati ser joħloq impjiegi dejjiema fl-Ewropa u għaldaqstant għandu jitħeġġeġ. Dawn il-bidliet, jekk ikunu akkumpanjati mit-taħriġ adatt, jistgħu jgħinu għall-ħruġ mill-kriżi li laqtet lill-impjegati Ewropej b'mod kiefer ħafna.

1.7

Il-KESE jirrakkomanda li tiġi provduta informazzjoni dwar l-istima tat-tul tal-ħajja tal-prodotti jew in-numru ta' drabi li huwa stmat li jintużaw sabiex il-konsumatur ikun jista' jagħmel deċiżjonijiet informati huwa u jixtri l-prodotti. Jirrakkomanda li fuq bażi volontarja jiġu ttestjati modi kif jiġu espressi l-prezzijiet stmati fis-sena skont it-tul tal-ħajja fis-sena, sabiex jitħeġġeġ ix-xiri ta' prodotti dejjiema; din l-informazzjoni dwar l-istima tat-tul tal-ħajja għalhekk għandha tiġi kkontrollata sabiex jiġi evitat l-abbuż li jkunu vittma tiegħu l-konsumaturi. Il-konsumatur b'hekk ikun jista' jixtri prodotti aktar għaljin iżda li jżommu l-valur tagħhom aħjar maż-żmien. Dan żgur li jista' jħeġġeġ lill-intrapriżi tagħna biex jipproduċu prodotti aktar dejjiema. Din l-informazzjoni għandha tiffoka fuq dik l-informazzjoni rilevanti li jkollu bżonn il-konsumatur u għandha tvarja skont il-kategoriji tal-prodotti sabiex jiġi evitat li jkun hemm informazzjoni eċċessiva fuq ċerti tipi ta' pakketti.

1.8

Il-KESE jqis li jkun utli li tiġi implimentata sistema li tiggarantixxi tul ta' ħajja minimu tal-prodotti mixtrija. Bħalissa ma teżisti l-ebda leġislazzjoni dwar tul ta' ħajja minimu għall-prodotti, u lanqas ma jeżistu standards Ewropej li jkejlu dan it-tul ta' ħajja. Madankollu, qed jibdew jitniedu inizjattivi fir-rigward tat-tikkettar ambjentali. L-intrapriżi li jipproduċu jew jikkummerċjalizzaw il-prodott għandhom jinternalizzaw l-ispejjeż esterni tar-riċiklaġġ għall-prodotti b'tul ta' ħajja ta' anqas minn 5 snin, speċjalment jekk il-prodott ikun magħmul minn sustanzi li jagħmlu ħsara lill-ambjent.

1.9

Il-KESE jipproponi li l-garanziji marbuta max-xiri ta' prodott jinkludu garanzija minima ta' funzjonament, li matulha l-ispiża ta' kwalunkwe tiswijiet tiġġarrab mill-produttur.

1.10

Il-konsumatur iġarrab il-biċċa l-kbira tal-ispiża tat-tnaqqis tat-tul ta' ħajja tal-prodotti u tad-diffikultajiet b'rabta mal-fatt li ma jkunx jaqbel li jissewwew; il-konsumatur iġarrab ukoll il-politika tal-intrapriżi iżda wkoll dik ta' ċerti distributuri li xi kultant jipprovaw ibiegħu estensjonijiet ta' garanziji wara l-ewwel sena għalkemm il-garanziji ta' sentejn huma obbligatorji. Jidher li sikwit il-konsumatur ftit li xejn ikun infurmat dwar id-drittijiet tiegħu. Komunikazzjoni aħjar, speċjalment permezz tas-siti elettroniċi u n-netwerks soċjali, tista' ssaħħaħ is-sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi. Osservatorju Ewropew tal-Obsolenza programmata jista' jippermetti biex il-konsumaturi jkollhom viżjoni aħjar tal-prattiki kif ukoll biex jiggwidaw aħjar l-għażliet tagħhom.

1.11

Is-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi hija neċessarja biex il-prodotti jintużaw sew u b'mod sostenibbli. Barra minn hekk, huwa importanti li l-konsumaturi jiġu mgħarrfa dwar it-tul ta' ħajja minimu tal-prodotti, għax dan huwa rilevanti meta tkun qed tittieħed deċiżjoni dwar ix-xiri ta' prodott. F'dan il-kuntest, tintlaqa' tajjeb kull attività jew inizjattiva kummerċjali u min-negozji li ssir b'mod volontarju.

1.12

Il-konsumatur sikwit ikollu l-impressjoni li jrid jaffronta ġungla leġislattiva ta' vera. Għalkemm jeżistu bosta direttivi dwar l-obsolenza ppjanata (prattiki kummerċjali, skart, eċċ.) jidher li ftit hemm koordinazzjoni bejn it-testi kollha dwar is-suġġett u jeħtieġ li dawn jiġu armonizzati fil-qafas ta' pakkett leġislattiv.

1.13

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri jħeġġu l-konsum responsabbli, speċjalment matul il-fażi edukattiva, sabiex il-konsumaturi jqisu l-impatt fuq l-ambjent mil-lat taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott, l-impronta ekoloġika kif ukoll il-kwalità tal-prodotti. Il-Kumitat jirrakkomanda bis-sħiħ li r-rappreżentanti tal-konsumaturi jiġu involuti aktar fid-dibattitu li għaddej bħalissa dwar dan is-suġġett importanti u sensittiv peress li l-parteċipazzjoni tagħhom ser tiżgura approċċ aktar komprensiv.

1.14

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea twettaq studji dwar is-suġġett sabiex tikkjarifika l-ammont kbir ta' informazzjoni, sikwit kontradittorja, li hija disponibbli. Dan jipprovdi stampa oġġettiva tal-impatt, b'mod partikolari dak ekonomiku u soċjali, tal-obsolenza ppjanata mhux biss mil-lat tal-benefiċċji li jkollha fuq ir-rotazzjoni tal-bejgħ tal-prodotti iżda wkoll fuq l-impjieg u l-bilanċ kummerċjali.

1.15

Il-KESE jipproponi li tiġi organizzata round table Ewropea ewlenija fl-2014 dwar dan is-suġġett. Din ir-round table għandha tiġbor lill-partijiet interessati kollha fis-suġġett: l-industrijalisti, l-atturi finanzjarji, id-distributuri, it-trejdjunjins, l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, l-NGOs, l-Aġenzija għall-Istandardizzazzjoni, l-esperti, eċċ. Għandha tkun ukoll multisettorjali sabiex ma tiffokax biss fuq xi setturi industrijali. Fl-aħħar, magħha għandu jiġi organizzat forum miftuħ għaċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea sabiex titħeġġeġ kemm jista' jkun il-parteċipazzjoni pubblika, u n-netwerks soċjali ser ikunu wieħed mill-mezzi użati biex titħeġġeġ din il-parteċipazzjoni.

1.16

B'mod aktar ġenerali, il-KESE jirrakkomanda li jitħaffu r-riċerka u l-iżvilupp madwar tliet assi li jxekklu l-obsolenza ppjanata:

It-tfassil ekoloġiku tal-prodotti: dan l-approċċ jippermetti biex mill-bidu nett tiġi żgurata s-sostenibbiltà tar-riżorsi li jintużaw filwaqt li jitqies l-impatt ambjentali tal-prodotti u taċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tagħhom.

L-ekonomija ċirkolari li għandha approċċ minn nieqa sa nieqa ("cradle to cradle") bil-għan li tittrasforma l-iskart ta' intrapriża f'riżorsi għal intrapriżi oħra.

L-ekonomija funzjonali li għandha l-għan li tiżviluppa l-użu tal-prodotti minflok is-sjieda tagħhom. F'din il-perspettiva, l-intrapriżi ma jbiegħux prodott iżda l-funzjonalità tal-prodott, li titħallas skont l-użu. Għaldaqstant, huwa fl-interess tal-industrijalisti li jiżviluppaw prodotti sodi, li jistgħu jissewwew, b'manutenzjoni faċli u li jiżguraw katina tal-produzzjoni u loġistika adatta li tkun fil-qofol tal-mudell ekonomiku tagħhom.

1.17

Il-KESE, permezz tas-sinjal li qed jibgħat fil-livell Ewropew, qed jesprimi x-xewqa tiegħu li jidħol f'fażi ta' tranżizzjoni ekonomika billi jgħaddi minn soċjetà ta' ħela lejn soċjetà sostenibbli u li t-tkabbir jiġi orjentat b'tali mod li jindirizza l-bżonnijiet tal-konsumaturi mill-perspettiva taċ-ċittadini u qatt bħala għan fih innifsu.

2.   Introduzzjoni u kontenut

2.1

L-obsolenza ppjanta hija suġġett preokkupanti għal diversi raġunijiet: minħabba t-tnaqqis tat-tul tal-ħajja tal-prodotti ta' konsum jiżdiedu l-konsum tar-riżorsi kif ukoll il-kwantità ta' skart ta' prodotti li jkunu waslu fi tmiem il-ħajja tagħhom li jkollu jiġi trattat. L-obsolenza ppjanata għandha diversi forom u tintuża biex jiżdied il-bejgħ u jiġi appoġġjat it-tkabbir ekonomiku billi jinħolqu b'mod deliberat bżonnijiet u prodotti tal-konsum li jkunu ddisinjati b'tali mod li ma jkunux jistgħu jissewwew.

2.2

Dan jirriżulta fil-ħela ta' riżorsi u l-ħolqien ta' tniġġis dannuż li laħqu livelli tant gravi li s-soċjetà ċivili u xi rappreżentanti politiċi li jħarsu lejn dawn il-prattiki b'għajn kritika qed jieħdu passi biex jenfasizzaw u jiġġieldu l-inkonsistenzi tas-sistema (rikorsi kollettivi fl-Istati Uniti kontra Apple, ilmenti li jsiru fil-Brażil u t-tressiq ta' proposti leġislattivi fil-Belġju u Franza fil-bidu tal-2013).

2.3

Huwa komuni li ssir distinzjoni bejn tipi differenti tal-"obsolenza ppjanta" peress li din tista' tiġi definita bħala "d-deprezzament tal-materjal jew it-tagħmir qabel jitgħarraq materjalment" (Dizzjunarju: Le Petit Larousse) sal-punt fejn id-deprezzament jew l-obsolenza tiegħu ma jkunux relatati mad-deterjorazzjoni fiżika iżda mal-progress teknoloġiku u l-bidliet fl-imġiba, il-moda, eċċ.

2.4

Jistgħu jiġu divrenzjati diversi tipi ta' obsolenza:

L-obsolenza ppjanta fis-sens strett tal-kelma li tikkonċerna t-tfassil ta' prodott b'tali mod li jkollu tul tal-ħajja iqsar, jekk ikun hemm bżonn billi jiġi ddisijnat internament sabiex jaħdem għal numru limitat ta' drabi;

L-obsolenza indiretta ġeneralment isseħħ minħabba li l-komponenti meħtieġa għat-tiswija ta' prodott ma jkunux jistgħu jinkisbu jew għaliex il-prodott ma jkunx jista' jissewwa (pereżempju batteriji ssaldjati f'tagħmir elettroniku);

L-obsolenza minħabba inkompatibbiltà sseħħ pereżempju meta softwer ma jibqax jaħdem meta tiġi aġġornata s-sistema operattiva. Dan it-tip ta' obsolenza huwa relatat ma obsolenza ta' wara l-bejgħ li tħeġġeġ lill-konsumaturi jissostitwixxu pjuttost milli jsewwu prodott, parzjalemnt minħabba ż-żmien u l-ispiża meħtieġa għat-tiswija;

L-obsolenza psikoloġika minħabba l-kampanji ta' kummerċjalizzazzjoni tal-intrapriżi bil-għan li l-konsumaturi jqisu l-prodotti eżistenti bħala antikwati. Huwa inutli li produttur tat-tablets jiġi obbligat jipproduċi prodotti li jkollhom tul tal-ħajja ta' għaxar snin jekk il-mod ta' konsum tagħna jfisser li nixtiequ nbiddluhom kull sentejn. Pereżempju, il-mowbajls jiġu sostitwiti fuq medja ta' kull 20 xahar (kull 10 xhur fil-grupp ta' dawk li għandhom bejn it-12 u s-17-il sena). Minkejja l-importanza ta' din il-kwistjoni l-opinjoni ser tindirizza biss l-ewwel tliet punti. Ir-raba' punt jistħoqqlu approċċ speċifiku li jikkonċerna t-tendenzi tal-konsum.

2.5

M'hemmx kunsens definittiv fir-rigward ta' dan. Dawn id-differenzi fit-tifsiriet kollha juru kemm hemm bżonn li jiġi definit il-kunċett ġenerali u li jiġu żviluppati miżuri divrenzjati skont l-aspetti oġġettivi (tekniċi) u suġġettivi (il-moda, il-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti ġodda) tal-obsolenza. Jista' jkun hemm prodotti li l-karattru effimeru tagħhom ikollu vantaġġ ambjentali. Barra minn hekk, l-obsolenza tiddependi wkoll mill-imġiba tal-konsumaturi.

2.6

L-approċċ li jirrakkomanda l-KESE huwa wieħed varjat. L-għan mhuwiex li jiżdied it-tul tal-ħajja tal-prodotti kollha b'mod uniformi iżda li tiġi kkunsidrata l-kwistjoni f'termini tal-użijiet tal-prodott. Bl-istess mod, huwa jippreferi approċċ li jottimizza l-użu tagħhom, anke jekk dan mhux neċessarjament itawwal il-ħajja tagħhom. Il-KESE jixtieq jikkontribwixxi għal perċezzjoni aħjar tal-affidabbiltà tal-prodotti tal-intrapriżi Ewropej.

2.7

Hemm ħafna raġunijiet għala l-Unjoni Ewropea għandha tindirizza l-kwistjoni tal-obsolenza ppjanata - dawn huma ta' natura ambjentali, soċjali, tas-saħħa pubblika, kulturali iżda wkoll ekonomiċi. Fil-fehma tagħna għandhom jiġu kkunsidrati wkoll aspetti aktar tanġibbli iżda daqstant importanti – dawn huma l-aspetti simboliċi u etiċi.

2.8

Minn perspettiva ambjentali, fid-dawl tar-rata annwali attwali ta' konsum tagħna ta' materja prima li hija ta' madwar 60 biljun tunnellata, il-konsum tagħna ta' riżorsi naturali żdied b'madwar 50 % matul dawn l-aħħar 30 sena. Għaldaqstant, ċittadin Ewropew jikkonsma 43 kg ta' riżorsi kuljum, meta mqabbel mal-10 kg li jikkonsma ċittadin Afrikan. L-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) stmat li, abbażi tal-livelli magħrufa għall-1999, "b'rata ta' tkabbir annwali tal-produzzjoni primarja tagħhom ta' 2 %, ir-riservi tar-ram, tan-nikil, tal-fidda, tal-landa u taż-żingu ser jispiċċaw fi 30 sena, u dawk tal-aluminju u l-ħadid ser jispiċċaw f'bejn 60 u 80 sena. L-era tal-iskarsezza għaldaqstant tapplika għal għadd dejjem akbar ta' materjali. Huwa stmat li l-Ewropa tiġġenera 8 miljun tunnellata (ċifri tal-2010) ta' skart minn tagħmir eletttroniku u elettriku fis-sena. Barra minn hekk, fl-Ewropa jiġu ġġenerati 10 miljun tunnellata ta' skart elettriku u elettroniku kull sena (ċifri tal-2012), u dan il-volum għandu jilħaq it-12-il miljun fl-2020. Apparti l-politiki ta' riċiklaġġ u ta' innovazzjoni, il-politiki ta' rkupru stabbiliti fid-Direttiva Ewropea l-ġdida li daħlet fis-seħħ fit-13 ta' Awwissu 2012 għandhom jiġu appoġġjati flimkien mal-ġlieda kontra l-obsolenza ppjanata.

2.9

Minn perspettiva soċjali, l-obsolenza ppjanta tirrappreżenta tliet tipi ta' problemi. L-ewwel nett, fil-kuntest tal-kriżi, il-loġika li ħolqot l-obsolenza ppjanata tal-prodotti ta' konsum ikkontribwixxiet għat-tħeġġiġ ta' xiri bi kreditu u b'rati ta' self bħal qatt qabel. Il-persuni li batew l-aktar mill-obsolenza huma dawk li ġejjin minn kategoriji soċjali żvantaġġati u li ma jistgħux iħallsu ħafna għal prodotti dejjiema u sikwit jikkuntentaw bi prodotti ta' livell inferjuri u ta' kwalità iktar baxxa. Imbagħad, hemm l-impjegati tal-intrapriżi tat-tiswija li kellhom iġarrbu l-konsegwenzi negattivi tal-obsolenza ppjanta. L-istatistika tar-rapport tal-ADEME (1) (2007) jikkonfermaw din it-tendenza: 44 % biss tat-tagħmir li ma jibqax jaħdem jissewwa. Fir-rigward tat-tagħmir b'garanzija skaduta id-distributuri jistmaw li 20 % tal-każijiet fejn tkun intalbet għajnuna jispiċċaw jissewew. L-istudju tal-ADEME (2010) juri wkoll tnaqqis konsiderevoli fl-attività ta' tiswija fi Franza bejn l-2006 u l-2009, b'mod partikolari fil-qasam tal-prodotti tad-dar. Is-settur tat-tiswija għandu l-vantaġġ li ma jistax jiġi rilokalizzat u fil-biċċa l-kbira tiegħu joffri impjiegi stabbli.

2.10

L-effetti f'termini ta' saħħa pubblika m'għandhomx jiġu injorati. Dawn huma ta' żewġ tipi. L-ewwel tip ta' konsegwenzi diretti jikkonċerna l-effetti tal-inċinerazzjoni għall-persuni li jgħixu fil-madwar minħabba l-fatt li l-komponenti elettroniċi huma tossiċi. It-tieni tip huwa fil-livell internazzjonali. Fil-fatt, tant hemm nuqqas ta' infrastruttura għat-trattament tal-iskart mis-settur tal-IT li bosta prodotti li m'għadhomx jaħdmu jiġu esportati illegalment lejn żoni ġeografiċi fejn jintremew bi spiża baxxa għall-aħħar iżda dan għandu diversi effetti fuq il-popolazzjonijiet lokali (ara l-eżempju tal-Gana fejn ir-ruttam ferruż jinġabar mill-iskart u jintbagħat lejn Dubai jew iċ-Ċina. Ħafna minn dan l-iskart jintbagħat fil-pajjiżi tan-Nofsinhar fejn joħloq problemi tas-saħħa u problemi ambjentali).

2.11

Il-konsegwenzi huma wkoll ta' natura kulturali. Sont xi studji, it-tul tal-ħajja medju tat-tagħmir tad-dar huwa ta' bejn 6 sa 8 snin filwaqt li l-medja kienet ta' bejn 10 u 12-il sena 20 sena ilu. Il-konsumaturi jistgħu jistaqsu b'mod leġittimu dwar it-tnaqqis tat-tul tal-ħajja tal-prodotti meta l-innovazzjoni qed tiġi promossa madwarhom. Il-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-industrija tagħhom tinbena fit-tul u tinqered bl-obsolenza. Fi żmien meta l-istħarriġ kollu tal-opinjoni pubblika jindika distanza enormi bejn l-Ewropej u l-industrija tagħhom, huwa ċar li l-idea ta' tmiem kmieni tal-ħajja jew l-impossibbiltà li prodott jissewwa mhumiex ser iqarrbu liċ-ċittadini Ewropej lejn l-intrapriżi tagħhom. Dan jispjega l-fatt li 92 % taċ-ċittadini Ewropej (2) jixtiequ li jiġi indikat it-tul tal-ħajja ta' prodott (jew l-ammont ta' drabi li jista' jintuża). Il-kompetittività tal-intrapriżi Ewropej tiddependi wkoll mit-titjib tal-fiduċja tal-konsumaturi fir-rigward tal-intrapriżi.

2.12

Fl-aħħar, il-konsegwenzi huma wkoll ta' natura ekonomika. Il-biċċa l-kbira tal-intrapriżi akkużati huma fil-qasam tat-teknoloġija avvanzata u l-prodotti tagħhom sikwit jiġu importati fl-Ewropa. L-Unjoni Ewropea, hi u tindirizza din il-kwistjoni, toffri lill-kumpaniji tagħha mod kif jispikkaw mill-oħrajn billi jpoġġu s-sostennibbiltà effettiva fil-prattika tagħhom.

2.13

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew huwa konxju wkoll ta' aspetti anqas tanġibbli iżda li xorta waħda huma importanti. Minn perspettiva simbolika, għalkemm il-ħidma tagħna hija bbażata fuq Rio+20 turi l-importanza li nagħtu lill-iżvilupp sostenibbli, nagħrfu wkoll li s-suġġett tal-obsolenza ppjanata huwa d-definizzjoni stess tal-iżvilupp sostenibbli hekk kif qed nippromovuh. Fil-fehma tagħna dwar ir-rwol li taqdi l-etika fis-soċjetà tagħna, inqisu li hija problematika li l-inġinieri jaħdmu biex jiżviluppaw prodotti li jiqdiemu b'mod mgħaġġel jew li dawk li jirreklamaw iniedu kampanji biex iħeġġu lill-konsumaturi jixtru prodotti filwaqt li jafu li dan mhux ser iżid il-livell ta' sodisfazzjon tagħhom.

Brussell, 17 ta’ Ottubru 2013.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Henri MALOSSE


(1)  Agence de l’Environnement et de la Maîtrise de l’Energie (l-Aġenzija tal-Ambjent u tal-Ġestjoni tal-Enerġija).

(2)  Stħarriġ tal-Ewrobarometru. "Attitudes of europeans towards building the single market for green products". (L-attitudni tal-Ewropej fir-rigward tal-bini ta' suq uniku għall-prodotti ekoloġiċi). Kummissjoni Ewropea. Flash 367. Lulju 2013.


Top