This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012AE1715
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — A strategy for e-procurement’ COM(2012) 179 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għall-akkwist elettroniku” COM(2012) 179 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għall-akkwist elettroniku” COM(2012) 179 final
ĠU C 11, 15.1.2013, p. 44–48
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
15.1.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 11/44 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għall-akkwist elettroniku”
COM(2012) 179 final
2013/C 11/10
Relatur: is-Sur IOZIA
Nhar l-20 ta’ April 2012, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għall-akkwist elettroniku
COM(2012) 179 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar il-25 ta’ Ottubru 2012.
Matul l-484 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-14 u l-15 ta’ Novembru 2012 (seduta tal-14 ta’ Novembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’120 vot favur u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni filwaqt li jagħti importanza kbira lit-tranżizzjoni rapida lejn sistema ġenerali ta’ akkwist elettroniku hekk kif ġiet evalwata b’mod pożittiv f’xi Stati Membri. Is-suq tal-akkwist pubbliku jirrappreżenta ċifra kbira ta’ madwar 20 % tal-PDG tal-UE. |
1.2 |
Fil-klima ekonomika attwali tant negattiva u kkaratterizzata minn aġġustament baġitarju diffiċli għaċ-ċittadini, il-perċezzjoni tal-Ewropa u tal-inizjattivi tagħha hija negattiva ħafna wkoll. Hemm bżonn ta’ sforz kbir min-naħa tal-istituzzjonijiet Ewropej sabiex joħorġu iktar fid-dieher u jkunu iktar ċari u evidenti fir-rigward tar-raġunijiet li jwassluhom għal ċertu deċiżjonijiet. Il-Kummissjoni, l-unika istituzzjoni Ewropea li għandha l-poter li tfassal proposti leġislattivi, għandha responsabbiltà speċifika mhux biss li tinforma iżda anki li tikkonvinċi liċ-ċittadini tagħha mill-utilità tal-proposti tagħha. Il-KESE qiegħed jistinka biex jimxi f’din id-direzzjoni u jemmen li l-Kummissjoni għandha tikkoopera iktar ma’ istituzzjonijiet Ewropej oħra, anki ma’ dawk ta’ natura konsultattiva. |
1.3 |
Il-KESE jenfasizza li t-tnaqqis drastiku fil-baġits pubbliċi u l-ħruġ qabel mis-suq tal-persunal iktar anzjan u mħarreġ involut fl-attivitajiet tal-akkwist pubbliku, b’mod progressiv qed ifaqqar il-kapital uman tal-amministrazzjoni pubblika, u jistieden lill-Istati Membri sabiex jevitaw tnaqqis ġenerali li huwa ta’ benefiċċju biss fuq perjodu qasir u li jwassal ħafna drabi għal rikors għall-għajnuna esterna billi l-persunal li jkun baqa’ ma jkollux il-livell professjonali meħtieġ. |
1.4 |
Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-akkwist elettroniku għall-benefiċċji li jista’ jġib miegħu:
|
1.5 |
Il-Kummissjoni temmen li jista’ jintlaħaq l-għan li t-tranżizzjoni sseħħ sa nofs l-2016 (mistennija fl-2017, billi hemm bżonn sentejn għat-traspożizzjoni). Dan jirrappreżenta aċċellerazzjoni kbira meta mqabbel ma’ dak li sar matul dawn l-aħħar tmien snin. Il-KESE jemmen li dan huwa għan ġust u ambizzjuż li jista’ jintlaħaq biss b’rispett ta’ ċertu kundizzjonijiet bħall-istandardizzazzjoni, l-interoperabbiltà u l-aċċessibbiltà, li ssir referenza għalihom f’din l-Opinjoni. Jekk ma jiġux rispettati dawn il-kundizzjonijiet, ir-riskju jista’ jkun iktar frammentazzjoni tas-suq. |
1.6 |
Il-KESE jappoġġja l-għanijiet proposti iżda jeħtieġlu jirrimarka li sa issa, minkejja l-impenji li ttieħdu, l-ammont ta’ akkwisti elettroniċi għadu modest ħafna. Il-Kummissjoni waslet biex tikkonkludi studju li mistenni jiġi ppubblikat fl-aħħar ta’ din is-sena u li ser jindika l-livell ta’ akkwisti pajjiżi b’pajjiż. Fl-Italja, pereżempju, il-perċentwal huwa ta’ 4 %. |
1.7 |
Il-KESE jwaħħal ħafna fin-nuqqas ta’ spirtu ta’ kollaborazzjoni f’xi Stati Membri li qed jirreżistu l-bidla u li m’għandhomx l-intenzjoni li jiftħu s-suq tal-akkwisti pubbliċi għall-kompetizzjoni sabiex iħarsu l-intrapriżi nazzjonali u biex ma jitiflux poter ekonomiku u politiku konsiderevoli. |
1.8 |
Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni din qed issejħilha “inerzja”. Il-KESE jħoss li hija pjuttost “reżistenza passiva” għall-bidla u l-influwenza protezzjonista tal-pressjoni nazzjonali. Id-disseminazzjoni tal-akkwisti kollha fil-forma elettronika ser trendi t-twaqqif ta’ limitu għall-proċeduri tat-tip Ewropew inutli u ta’ ħsara u dan huwa appoġġat b’mod partikolari mill-SMEs. |
1.9 |
Il-KESE jqis li ż-żamma tal-limiti tmur kontra l-iżvilupp tas-suq intern u l-kompetizzjoni b’kundizzjonijiet indaqs. |
1.10 |
Il-komunikazzjoni. Iċ-ċittadini, l-intrapriżi u l-awtoritajiet lokali u nazzjonali għandhom ikunu konvinti mill-utilità ta’ dawn l-istrumenti. Sabiex dan ikun jista’ jseħħ hemm bżonn li ninvestu riżorsi fl-informazzjoni, il-komunikazzjoni u attivitajiet ta’ taħriġ b’mod integrat u mingħajr inizjattivi iżolati. |
1.11 |
It-trasparenza. Wieħed mill-effetti immedjati tal-pubblikazzjoni elettronika tal-akkwisti pubbliċi hija ż-żieda fil-livell tat-trasparenza. Il-KESE jissuġġerixxi li apparti l-pubblikazzjoni ta’ avviż, jiżdiedu wkoll l-istat tal-progress fil-ħidma, ir-rispett lejn l-iskeda u d-data tat-twettiq tal-ħidma assenjata jew tat-twassil tal-oġġetti. It-trasparenza tagħti kontribut sabiex il-frodi ssir iktar diffiċli, sabiex isir frankar fl-ammistrazzjoni pubblika u jkun hemm titjib fl-effiċjenza tas-suq. |
1.12 |
L-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni. Il-KESE jenfasizza b’mod partikolari t-temi relatati mal-interoperabbiltà bejn id-diversi pjattaformi (ħafna drabi portali) u l-istandardizzazzjoni tal-proċessi u d-dokumenti elettroniċi skambjati fid-diversi fażijiet tal-proċess ta’ akkwist. Il-proliferazzjoni ta’ pjattaformi iżolati u ta’ formati u proċessi differenti hija ostaklu biex jiġi awtomizzat l-akkwist pubbliku u ma tħeġġiġx l-adozzjoni fost il-provvedituri, b’mod partikolari l-SMEs. Il-Kummissjoni jeħtieġ li tirrakkomanda mingħajr iktar dewmien l-użu ta’ standard uniku Ewropew (jew internazzjonali) għall-proċessi relatati mal-akkwist pubbliku b’mod partikolari l-ħidma tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) fil-qafas tal-workshop “Business Interoperability Interfaces (BII) għall-akkwist pubbliku fl-Ewropa” (1) u l-implimentazzjoni tal-profili BII fil-PEPPOL (Pan-European Public Procurement Online) speċifiku. |
1.13 |
Il-frammentazzjoni. In-nuqqas ta’ strateġija Ewropea wasslet għall-adozzjoni ta’ pjattaformi u strumenti ta’ identifikazzjoni bla ebda komunikazzjoni bejniethom u li ġew adottati kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll territorjali (fil-Ġermanja, l-Italja eċċ.). Skont l-assoċjazzjoni tal-SMEs, dan kważi dejjem wassal għal deċiżjoni li ma ssirx talba jew għal spejjeż eċċessivi u mhux ġustifikati ta’ ġestjoni, b’mod partikolari mill-SMEs. Il-KESE jqis li l-UE għandha taħdem b’mod effikaċi kontra l-frammentazzjoni tas-suq. |
1.14 |
L-aċċessibbiltà u s-sempliċità. Il-KESE jenfasizza li l-benefiċċji għas-suq, għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għaċ-ċittadini jistgħu jiġu realizzati jekk is-sistemi jkunu aċċessibbli, billi jiġu garantiti spejjeż baxxi, sistemi faċli ta’ ġestjoni u manteniment, formoli u proċeduri standardizzati u t-twaqqif ta’ glossarju komuni, strument maħsub biex isolvi l-problemi lingwistiċi (ukoll aċċessibbli u faċli jintuża) skont il-prinċipji li l-Kummissjoni stess fl-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar tagħha impenjat ruħa li tosserva. |
1.15 |
I-intrapriżi soċjali. Il-KESE jirrakkomanda li tingħata l-ikbar attenzjoni fit-tranżizzjoni lejn strumenti elettroniċi sabiex tiġi garantita l-aċċessibbiltà ta’ dawn għall-intrapriżi soċjali. Bosta servizzi soċjali huma provduti minn dawn l-intrapriżi li għandhom parti importanti ħafna fost l-intrapriżi li jiggarantixxu l-għajnuna u attivitajiet ta’ kura. |
1.16 |
Jeħtieġ li r-regoli Ewropej dwar l-akkwisti li jaqbżu l-limitu jipprovdu appoġġ għall-SMEs sabiex dawn ikunu jistgħu jilħqu r-rekwiżiti ta’ kapital u l-esperjenza li jeħtieġu anki permezz ta’ konsorzji jew assoċjazzjonijiet temporanji ta’ intrapriżi. Il-każ tal-Portugall huwa eżempju minnhom. L-SMEs rebħu 87 % tal-akkwisti iżda b’valur ta’ 19 % biss. |
2. Id-dokument fil-qosor
2.1 |
Din il-Komunikazzjoni tippreżenta l-importanza strateġika tal-akkwist elettroniku (akkwist-e) u tistabbilixxi l-azzjonijiet ewlenin li permezz tagħhom il-Kummissjoni għandha l-intenzjoni tappoġġja t-tranżizzjoni lejn akkwist elettroniku komplut fl-UE. |
2.2 |
L-iffrankar li għamlu l-amministrazzjonijiet li diġà jużaw l-akkwisti elettroniċi jammonta għal bejn 5 u 20 %. Jekk jiġu applikati perċentwali iżgħar għall-akkwisti kollha tal-UE, l-iffrankar jammonta għal iktar minn EUR 100 biljun fid-dawl tal-iskala ġenerali tal-akkwisti pubbliċi. |
2.3 |
Fil-qasam tal-akkwisti pubbliċi (2), hekk kif previst fl-Att dwar is-Suq Uniku tal-2011 (3), il-Kummissjoni ressqet xi proposti bil-għan li t-tranżizzjoni lejn l-akkwisti elettroniċi tintemm sa nofs l-2016 (4). L-għan aħħari huwa “akkwist pubbliku dirett bla xkiel”, fejn il-fażijiet kollha tal-proċedura, min-notifika (notifika elettronika) sal-pagament (pagament elettroniku), isiru b’mod elettroniku (5). |
2.4 |
L-akkwist elettroniku jista’ jtejjeb it-trasparenza tal-opportunitajiet tal-akkwist u l-aċċess għalihom, speċjalment għall-SMEs, u b’hekk jistimula l-kompetizzjoni transkonfinali, l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-Suq Uniku. |
2.5 |
Il-Kummissjoni tidentifika żewġ ostakli prinċipali għat-tifrix tal-akkwisti elettroniċi:
|
2.6 |
Sabiex jiġu realizzati l-għanijiet proposti l-Kummissjoni għandha pjan ta’ azzjoni ta’ 15-il punt. |
3. Kummenti ġenerali
3.1 |
Il-KESE jagħraf l-importanza ta’ reviżjoni tal-qafas legali tal-akkwist u tranżizzjoni gradwali u awtomatizzazzjoni sħiħa fejn l-użu tal-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni jsir obbligatorju f’ċerti fażijiet tal-proċess ta’ akkwist. |
3.2 |
Il-pjan direzzjonali li ssuġġeriet il-Kummissjoni għal implimentazzjoni gradwali tal-akkwisti elettroniċi huwa ambizzjuż ħafna u jekk jiġi adottat tajjeb ikun ta’ benefiċċju kbir għall-parteċipanti kollha fis-suq kollu tal-akkwisti pubbliċi. Madanakollu, fid-dawl tad-diversi livelli ta’ żvilupp tal-akkwisti elettroniċi pubbliċi fil-pajjiżi differenti, li diġà juru frammentazzjoni f’termini ta’ soluzzjonijiet u pjattaformi, mingħajr indikazzjonijiet strateġiċi/operattivi u mingħajr rispett ta’ ebda kundizzjoni minima bażika, il-frammentazzjoni tas-suq tista’ tkompli tikber. |
3.3 |
Madankollu, l-iżvilupp tal-akkwist elettroniku m’għandux isir bi ħsara għall-prinċipju tal-“aqwa offerta” kif previst fil-Proposta għal Direttiva dwar l-akkwist pubbliku (6). |
3.4 |
Il-KESE jagħmel enfasi partikolari fuq it-temi relatati mal-interoperabbiltà bejn id-diversi pjattaformi (ħafna drabi portali) u l-aċċessibbiltà tal-proċessi u d-dokumenti elettroniċi skambjati fid-diversi fażijiet tal-proċess ta’ akkwist. Huwa meħtieġ standard Ewropew (jew internazzjonali) miftuħ għas-soluzzjonijiet (software) li jintużaw għall-akkwisti elettroniċi tas-settur pubbliku. Il-proliferazzjoni ta’ pjattaformi iżolati, ta’ formati u proċessi differenti hija ostaklu għall-awtomatizzaazzjoni tal-akkwist pubbliċ u ma tħeġġiġx l-adozzjoni fost il-provvedituri, b’mod partikolari l-SMEs. Il-ħidma tas-CEN fil-qafas tal-workshop “Business Interoperability Interfaces (BII) għall-akkwist pubbliku fl-Ewropa” ħolqot profili standard interoperabbli għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet standardizzati ta’ software. |
3.5 |
Sabiex jingħelbu l-ostakli attwali, il-KESE jaqbel mal-użu tal-Kummissjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi bil-għan li jwasslu għall-użu obbligatorju ta’ standards miftuħa internazzjonali jew Ewropej għall-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet tekniċi interoperabbli. Ikun utli li jinħloqu linji gwida għall-implimentazzjoni korretta tal-istandards miftuħa abbażi tal-ħidma li wettaq is-CEN fil-workshop dwar il-BII u l-implimentazzjonijiet interni tal-proġett PEPPOL. L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tipprevedi espliċitament (7) azzjoni favur l-istandardizzazzjoni tal-akkwisti elettroniċi permezz ta’ tekniċi speċifiċi li jistgħu jiġu implimentati mill-provvedituri kollha tas-soluzzjonijiet u s-servizzi tal-ICT. |
3.6 |
Il-KESE jenfasizza l-kontribut fundamentali li jista’ jagħmel l-akkwist elettroniku għat-trasparenza fil-proċessi ta’ akkwist fis-settur pubbliku u fil-ġlieda kontra l-frodi. L-istrumenti elettroniċi jippermettu l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-proċess sħiħ u kif ikun wettqu l-provveditur. Din l-informazzjoni hija rilevanti sabiex tiggarantixxi l-ikbar trasparenza elettronika tas-settur pubbliku u tista’ tkun inċentiv importanti għall-adozzjoni tal-istrumenti tal-akkwist-e qabel kollox mill-SMEs. Il-Portugall huwa eżempju tal-aħjar prattika f’dan ir-rigward (8) flimkien mal-Litwanja fejn l-użu tan-notifiki elettroniċi, l-aċċess elettroniku u s-sottomissjoni elettronika baqgħu netwerks obbligatorji b’benefiċċji f’termini ta’ prezzijiet (14-55 %) irħas ta’ oġġetti u servizzi, żieda fin-numru ta’ provvedituri li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet minn 20-90 % u tnaqqis fin-numru ta’ ġranet li hemm bżonn għall-proċċess ta’ akkwist, minn 46 jum għal 11-il jum. |
3.7 |
Importanti wkoll li l-inizjativi tal-akkwist-e jipprevedu appoġġ ta’ taħriġ għall-SMEs fl-użu tat-teknoloġiji u sabiex dawn jifhmu l-benefiċċji. L-investiment fit-taħriġ għall-impjegati pubbliċi u privati huwa ta’ importanza fundamentali wkoll. Il-KESE jqis li appoġġ bħal dan ikun utli ħafna. L-SMEs jistgħu jibbenefikaw mill-assoċjazzjoni tagħhom ma’ din il-kategorija. |
3.8 |
L-ostakli lingwistiċi jeżistu u mhux qed jiġu kkunsidrati biżżejjed f’din il-Komunikazzjoni. L-informazzjoni disponibbli fil-pjattaformi tal-akkwist-e għandha tkun disponibbli mill-inqas f’lingwa Ewropea oħra apparti dik nazzjonali. Madanakollu, dan jista’ jinvolvi spejjeż kbar oħra. Waħda mis-soluzzjonijiet tista’ tkun li l-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa strument speċifiku ta’ traduzzjoni onlajn għall-akkwisti elettroniċi, |
3.9 |
Il-Kummissjoni ma ssemmix il-problema tal-viżibbiltà tal-proċeduri ta’ akkwist li ma jaqbżux il-limiti (below threholds) tas-suq uniku sħiħ, li huma importanti għall-SMEs u l-mikrointrapriżi b’mod partikolari. Il-KESE jemmen li wasal iż-żmien li nirriflettu fuq iż-żamma tal-limiti fid-dawl tal-fatt li permezz tal-pubblikazzjoni elettronika l-akkwisti kollha ser isiru aċċessibbli għal kulħadd. |
4. Osservazzjonijiet speċifiċi dwar l-azzjonijiet previsti
4.1 |
Il-KESE jabqel li hemm bżonn ta’ tranżizzjoni lejn awtomatizzazzjoni tal-akkwisti pubbliċi. Filwaqt li l-Kummissjoni tenfasizza l-fażijiet inizjali tal-proċess ta’ akkwist (pubblikazzjoni tal-avviżi, aċċess għad-dokumenti tal-offerti, tressiq tal-offerti, evalwazzjoni tal-proposti u l-għoti tal-kuntratt) importanti wkoll li jiġu integrati d-diversi fażijiet ta’ wara li jingħata l-kuntratt (ordni, riċevuti u ħlas) u jiġu ppubblikati l-progress tal-akkwisti pubbliċi, il-problemi li ġew iffaċċjati, iż-żmien li ħadu t-twettiq u l-ispejjeż. |
4.2 |
L-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tekniċi hija fundamentali għall-iżvilupp tas-soluzzjonijiet u s-servizzi tal-IT li jistgħu jiġu adottati u jintużaw fil-livelli lokali, nazzjonali u transkonfinali. Il-KESE jħeġġeġ bis-sħiħ lill-Kummissjoni sabiex tipproċedi b’Azzjoni Nru 2 f’dan ir-rigward. L-implikazzjonijiet għandhom importanza partikolari mhux biss għall-amministrazzjonijiet pubbliċi iżda fuq kollox għall-provvedituri li jistgħu jużaw is-soluzzjonijiet standardizzati u interoperabbli fil-livell Ewropew. |
4.3 |
L-użu ta’ firem elettroniċi huwa kwistjoni kumplessa għat-tranżazzjonijiet transkonfinali. Huma rakkomandati azzjonijiet li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà ta’ dawn is-soluzzjonijiet. Jeħtieġ madanakollu li niġbdu l-attenzjoni għal pajjiżi bħall-Portugall li identifikaw fost id-diffultajiet fl-użu tal-akkwist-e r-rekwiżiti eċċessivi ta’ firem elettroniċi u l-prezz tas-servizzi ta’ time stamping kif ukoll l-interoperabbiltà bejn il-pjattaformi differenti tal-akkwist-e (9). |
4.4 |
Il-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet sempliċi u ta’ prattika tajba hija bla dubju appoġġ validu għall-proġetti ta’ awtomatizzazzjoni tal-akkwisti pubbliċi. Il-bżonnijiet tal-SMEs, b’mod partikolari fil-fażi tas-sottomissjoni elettronika, jeħtieġ li jiġu kkunsidrati fl-iżvilupp tas-soluzzjonijiet rilevanti. Ir-riżultati tal-grupp ta’ esperti tal-Kummissjoni (e-Tendering Expert Group) għalhekk huma essenzjali u jistgħu jitressqu għall-valutazzjoni mill-partijiet interessati. |
4.5 |
L-azzjoni l-iktar rilevanti li fuqha għandha tiffoka l-Kummissjoni hija l-modalità tal-implimentazzjoni tas-soluzzjonijiet differenti għall-akkwisti elettroniċi fis-suq intern. B’mod partikolari, il-proġett PEPPOL ħadu sehem fih 11-il pajjiż li żviluppaw tekniċi speċifiċi għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet standardizzati għall-iktar fażijiet kruċjali tal-proċess ta’ akkwist u pjattaforma miftuħa għall-iskambju tad-dokumenti standardizzati u b’hekk ħolqu interoperabbiltà sħiħa bejn id-diversi pjattaformi Ewropej. |
4.5.1 |
Il-komponenti tal-PEPPOL jinkludu: strumenti għall-validazzjoni tal-firem elettroniċi bbażati fuq ċertifikati elettroniċi maħruġa minn awtoritajiet Ewropej; il-European Virtual Company Dossier (EVS) għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni korporattiva b’mod standardizzat (ċertifikati u dikjarazzjonijiet); katalogu elettroniku għall-preżentazzjoni tal-offerti dwar prodotti u servizzi f’forma standardizzata; ordnijiet u riċevuti elettroniċi li jappoġġaw lix-xerrej u lill-provveditur bi proċeduri stabbiliti għall-iskambju tal-informazzjoni għall-attivitajiet komuni. L- għan aħħari huwa infrastruttura tat-trasport tad-dokumenti elettroniċi (in-netwerk) ibbażata fuq standards komuni, kompatibbli fil-livell nazzjonali u li joħolqu konnessjoni bejn il-komunità iżolata/is-sistemi ta’ akkwist elettroniku. |
4.5.2 |
L-EVS jipprovdi b’mod simili għall-eCertis, sistema ta’ informazzjoni li tgħin fl-identifikazzjoni tad-diversi ċertifikati u dikjarazzjonijiet li spiss jintalbu fil-proċeduri ta’ akkwist tas-27 Stat Membru, il-Kroazja (pajjiż aderenti), it-Turkija (pajjiż kandidat) u t-tliet pajjiżi taż-ŻEE (l-Islanda, Liechtenstein u n-Norveġja), l-informazzjoni dwar il-kriterji u l-evidenza/dikjarazzjonijiet li hemm bżonn għall-partiċipazzjoni fl-offerti fl-Istati Membri. Madanakollu, filwaqt li l-bażi ta’ data eCertis attwalment magħmula bħala bażi ta’ informazzjoni, l-EVS tipprovdi interfaċċji ulterjuri bil-għan li tikkollega ma’ servizzi oħra. L-eCertis għandha tipprovdi karatteristiċi simili għal tal-EVS. Il-Kummissjoni għandha tiggarantixxi l-konformità u taġġorna s-sistema ta’ informazzjoni legali billi toffrilhom servizz bħal dan u appoġġ mil-lat tekniku. |
4.5.3 |
Il-KESE jitlob l-appoġġ sħiħ tal-Kummissjoni u l-Istati Membri għat-tisħiħ tar-rwol tal-assoċjazzjoni OpenPEPPOL u jenfasizza l-importanza tal-manteniment tat-tekniċi speċifiċi żviluppati u l-iżvilupp u l-adozzjoni tagħhom min-naħa tas-settur pubbliku Ewropew għall-implimentazzjoni tal-akkwist pubbliku bil-garanzija tal-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà fid-diversi fażijiet tal-proċess ta’ akkwist mhux biss ta’ qabel l-għoti tal-kuntratt iżda anki ta’ wara sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq. |
4.6 |
Il-KESE jaqbel mal-bżonn ta’ finanzjament u appoġġ għall-iżvilupp ta’ infrastruttra tal-akkwist elettroniku permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa billi nibbażaw fuq dak li diġà ġie żviluppat fl-Istati Membri tal-konsorzju tal-PEPPOL mal-infrastruttura attwali tat-trasport (in-netwerk) li jgħaqqad diversi sistemi fl-Ewropa. Il-KESE jenfasizza l-importanza taż-żamma ta’ infrastruttura miftuħa, aċċessibbli u sikura, ibbażata fuq standards komuni. L-użu tal-fondi strutturali jkun utli sabiex jiffaċilita l-adozzjoni tal-akkwisti pubbliċi. |
4.7 |
Il-KESE jirrakkomanda l-implimentazzjoni ta’ strateġija integrata ta’ komunikazzjoni bbażata fuq il-komunitajiet li jeżistu b’mod partikolari l-OpenPEPPOL, b’kooperazzjoni mal-Enterprise Europe Network u bl-użu ta’ programmi ta’ netwerking għar-reġjuni u l-muniċipalitajiet. L-istrateġija ta’ komunikazzjoni tista’ tinqasam bejn il-Kummissjoni, l-OpenPEPPOL u l-proġett pilota l-ġdid A (CIP ICT PSP) Basic Cross Sector Services (BCSS), fil-parti relatata mal-akkwisti elettroniċi pubbliċi. |
4.8 |
Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tawtomatizza l-proċess ta’ akkwist fil-qalba tal-istrutturi tagħha u li tagħmel disponibbli soluzzjonijiet ta’ open source li ġew żviluppati. |
4.9 |
Il-KESE jaqbel mal-importanza tal-monitoraġġ tal-adozzjoni tal-istrumenti elettroniċi għall-akkwist pubbliku u d-definizzjoni tal-benefiċċji tas-sistema. Minn wara l-adozzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni kull tliet xhur għandha tippubblika informazzzjoni dwar il-progress kwalitattiv u kwantitattiv tal-akkwist pubbliku fl-Istati Membri individwali sabiex tagħti rendikont tal-avvanz tal-proċess. |
4.10 |
F-istess waqt huwa essenzjali wkoll djalogu fil-livell internazzjonali dwar l-użu tal-istrumenti elettroniċi tal-akkwist pubbliku bil-għan li jkun hemm iktar trasparenza u kompetizzjoni. L-użu ta’ standards internazzjonali huwa strument neċessarju għal dan il-għan u għalhekk huwa rrakkomandat il-monitoraġġ tal-iżviluppi relatati. B’mod partikolari huwa importanti li jiġi monitorjat u rrakkommandat l-użu tal-istandards (CEN BII u PEPPOL speċifiċi) fl-implimentazzjoni tal-akkwist elettroniku min-naħa tas-settur pubbliku Ewropew. |
Brussell, 14 ta’ Novembru 2012.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Staffan NILSSON
(1) http://www.cen.eu/cwa/bii/specs/Profiles/IndexWG1.html
(2) Proposta tal-20 ta’ Diċembru 2011: COM(2011) 895 final, COM(2011) 896 final u COM(2011) 897 final.
(3) L-Att dwar is-Suq Uniku jidentifika sensiela ta’ miżuri li jagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea u joħolqu l-impjiegi.
(4) Il-proposti jipprevedu użu mandatorju tal-akkwist elettroniku sa mhux aktar tard minn sentejn wara d-data ta’ skadenza tat-traspożizzjoni, li fl-ambitu tal-iskeda taż-żmien attwali għall-adozzjoni għandha tippermetti l-implimentazzjoni sa nofs l-2016.
(5) Il-proċessi ta’ akkwist ikopru żewġ fażijiet ewlenin: il-fażi ta’ qabel l-għoti u l-fażi ta’ wara l-għoti. Il-fażi ta’ qabel l-għoti tinkludi s-sottofażijiet kollha tal-akkwist sal-għotja tal-kuntratt (pubblikazzjoni tal-avviżi, aċċess għad-dokumenti tal-offerti, tressiq tal-offerti, evalwazzjoni tal-proposti u l-għoti tal-kuntratt). Il-fażi ta’ wara l-għoti tinkludi s-sottofażijiet kollha tal-akkwist wara l-għoti tal-kuntratt (l-ordni, l-irċevuta u l-pagament).
(6) Opinjoni tal-KESE: ĠU C 191, 29.06.2012, p. 84.
(7) http://ec.europa.eu/information_society/newsroom/cf/fiche-dae.cfm?action_id=181
(8) www.base.gov.pt/
(9) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.events-and-activities-e-procurement-interventions.24416