Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011IP0455

    Il-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 25 ta' Ottubru 2011 dwar il-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea (2010/2273(INI))

    ĠU C 131E, 8.5.2013, p. 35–46 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    8.5.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    CE 131/35


    It-Tlieta 25 ta’ Ottubru 2011
    Il-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea

    P7_TA(2011)0455

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar il-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea (2010/2273(INI))

    2013/C 131 E/04

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 45 u 47 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 15, 21, 29, 34 u 45 tal-Karta dwar id-Drittijiet Fundamentali,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68 tal-15 ta 'Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (1),

    wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta' Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta' min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kondizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (2),

    wara li kkunsidra l-Istandards Ewlenin tax-Xogħol tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol,

    wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (3),

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar id-dritt taċ-ċittadini ta' l-Unjoni u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċcirkolaw u jirrisjedu liberament fit-territorju ta' l-Istati Membri (4), ir-rapport 2008 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE (COM(2008)0840) u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill ta’ Novembru 2007 u April 2009 dwar id-Direttiva 2004/38/KE,

    wara li kkunsidra d-dokument ta’ segwitu tal-Komunikazzjoni dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorji tal-Istati Membri (COM(2009)0313),

    wara li kkunsidra l-abbozz tar-rapport interim bit-titolu "Studju komparattiv dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu u jgħixu b'mod ħieles fit-territorju tal-Istati Membri" mitlub mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu u ppreżentat mis-Servizz ta' Azzjoni taċ-Ċittadini Ewropej (ECAS),

    wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE, kif ukoll l-intenzjoni tiegħu li jippubblika gwidi simplifikati għaċ-ċittadini tal-UE u li jsir l-aħjar użu mill-Internet,

    wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (5),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar "Il-mobilità, strument għal aktar impjiegi u impjiegi aħjar: Il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tal-Impjiegi (2007-2010)" (COM(2007)0773),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-impatt tal-moviment ħieles tal-ħaddiema fil-kuntest tat-tkabbir tal-UE (COM(2008)0765),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar "Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa" (COM(2008)0868),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2010 dwar "Li ttenni l-moviment liberu tal-ħaddiema: drittijiet u żviluppi maġġuri" (COM(2010)0373),

    wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011, " L-Att dwar is-Suq Uniku - Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja "Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2011)0206), li tinkludi l-mobilità tal-ħaddiema bħala waħda mit-tnax-il strument tagħha,

    wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropa 2020 u b’mod partikolari l-inizjattivi ewlenin tagħha ‘Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi ġodda’ u ‘Żgħażagħ Attivi’,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tas-27 ta’ Novembru 2008 dwar "Il-moviment liberu tal-persuni: abbużi u użu ħażin tad-dritt għall-moviment ħieles",

    wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Impjieg, il-Politika Soċjali, is-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur tad-9 ta’ Marzu 2009 dwar ‘Il-mobilità professjonali u ġeografika tal-ħaddiema u l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea’,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' April 2009 dwar il-problemi u l-prospetti taċ-ċittadinanza Ewropea (6),

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għall-Mobilità tal-Impjiegi (2007-2010) (7),

    wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-identifikazzjoni tal-ostakoli li għad hemm għall-mobbiltà fis-suq intern tax-xogħol (8),

    wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta' Proċedura,

    wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0258/2011),

    A.

    billi l-għajxien u x-xogħol fid-diversi Stati Membri huma waħda mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni - irrispettivament mill-oriġini etnika tal-persuna -, komponent bażiku taċ-ċittadinanza tal-Unjoni rikonoxxut fit-Trattati, iżda l-istatistiċi juru li għad hemm ftit wisq nies li jibbenefikaw minn dan id-dritt minkejja l-inizjattivi speċifiċi meħuda b’appoġġ għall-mobilità tal-ħaddiema,

    B.

    billi l-mobilità tal-ħaddiema tal-UE għandha tiġi inkoraġġuta fl-Unjoni Ewropea kollha fejn hemm bżonn ta' impjieg,

    C.

    billi l-ħaddiema tal-UE jistgħu jiffaċċjaw diffikultajiet u sfidi meta jfittxu xogħol fi Stat Membru ospitanti,

    D.

    billi d-dritt għal għajxien u xogħol f’pajjiż ieħor tal-Unjoni huwa wieħed mil-libertajiet fundamentali tal-Unjoni, element bażiku taċ-ċittadinanza tal-Unjoni rikonoxxut mit-Trattati, skont l-istatistika u minkejja l-inizjattivi speċifiċi li jappoġġaw il-mobilità tal-ħaddiema, xorta għad hemm wisq ftit persuni li qed igawdu minn dan id-dritt,

    E.

    billi r-rata ta’ mobilità tal-ħaddiema bħalissa mhijiex suffiċjenti biex ittejjeb l-effiċjenza tas-swieq tax-xogħol fl-Unjoni Ewropea; billi huma biss 2,3 % tal-persuni tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex l-istat ta’ fejn huma ċittadini, iżda 17 % biħsiebhom igawdu mill-moviment liberu fil-ġejjieni u 48 % iqisu l-possibilità li jfittxu impjieg f’pajjiż jew reġjun ieħor f’każ ta’ qgħad,

    F.

    billi l-moviment liberu tal-ħaddiema jirrappreżenta eżempju pożittiv soċjoekonomiku kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri, bħala pass importanti għall-integrazzjoni Ewropea, l-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni soċjali, l-aġġornament individwali fil-livell professjonali, il-ġlieda kontra l-preġudizzji, ir-razziżmu u l-ksenofobija, u jista' jpatti għall-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u jipprepara aħjar għall-isfidi tal-bidla globali, billi jimpenja lill-partijiet interessati kollha fil-livell deċiżjonali flimkien mas-soċjetà ċivili fi djalogu,

    G.

    billi l-promozzjoni tal-mobilità tal-ħaddiema hija kontribut pożittiv biex jintlaħqu l-objettivi tal-impjieg stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-mobilità tax-xogħol fl-inizjattivi ewlenin u lill-Istati Membri biex jinkludu d-dimensjonijiet tal-mobilità tax-xogħol u ġeografika meta jfasslu l-istrateġiji Nazzjonali tagħhom u l-programmi ta’ riforma,

    H.

    billi l-liġijiet dwar l-impjieg, li mhumiex suffiċjentement flessibbli, jostakolaw il-mobilità tal-ħaddiema fl-Ewropa,

    I.

    billi, skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta’ Novembru 2008, ħaddiema mobbli minn pajjiżi li ngħaqdu mal-UE fl-2004 u fl-2007 kellhom impatt pożittiv fuq l-ekonomiji tal-Istati Membri li ospitaw lill-ħaddiema mobbli,

    J.

    billi l-evoluzzjoni reċenti tas-soċjetajiet tagħna speċjalment minħabba l-bidla industrijali, il-globalizzazzjoni, skemi tax-xogħol ġodda, il-bidla demografika, u l-iżvilupp tal-mezzi tat-trasport, jintalab grad ogħla ta’ mobilità fost il-ħaddiema,

    K.

    billi ma ġew irrappurtati l-ebda effetti negattivi f’dawk l-Istati Membri li ma applikawx il-miżuri tranżitorji rigward il-moviment liberu tal-ħaddiema li jiġu minn Stati Membri li ngħaqdu mal-UE fl-2004 u fl-2007, iżda għadd ta’ Stati Membri ddeċidew li jibqgħu japplikaw restrizzjonijiet fis-swieq tax-xogħol tagħhom fir-rigward taċ-ċittadini tar-Rumanija u tal-Bulgarija,

    L.

    billi, minkejja l-atti legali u l-programmi tal-UE bl-għan li jiġi promoss il-moviment liberu tal-ħaddiema, hemm ostakoli għall-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan id-dritt fundamentali (pereżempju, ostakoli soċjali, legali u amministrattivi, politiki ta’ ritorn dgħajfa li ma jissodisfawx il-bżonnijiet tal-ħaddiema migranti, nuqqas ta’ rikonoxximent tal-esperjenza tal-mobilità, diffikultajiet fir-rigward tal-impjieg tal-konjuġi u s-sieħba u dewmien fil-proċess ta’ rikonoxximent tad-diplomi),

    M.

    billi fi żminijiet ta’ kriżi ekonomika, il-mobilità professjonali u ġeografika tal-ħaddiema tista’ tgħin biex jitnaqqas il-qgħad billi titqabbel il-provvista tax-xogħol mat-talba, billi tikkontribwixxi għal opportunitajiet tal-ħolqien tax-xogħol, biex tadatta l-ekonomija, is-soċjetà u d-demografija għal bidliet strutturali, u biex tippromwovi t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività tal-UE; għalhekk, jikkunsidra li l-proċeduri attwali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali jirrappreżentaw ostakolu kbir għall-mobilità tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea;

    N.

    billi dawn l-ostakoli u restrizzjonijiet jiksru dritt fundamentali tal-ħaddiema, jagħmlu l-irkupru tal-ekonomiji tal-UE iktar diffiċli u jistgħu jwasslu għal effetti kontraproduċenti, bħal żieda fix-xogħol illegali, espansjoni fl-ekonomija s-sewda u sfruttament tal-ħaddiema,

    O.

    billi d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali hija projbita skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali,

    P.

    billi l-kriżi ekonomika attwali kellha effetti negattivi fuq il-mobilità u laqtet bl-iktar mod aħrax lill-ħaddiema temporanji u dawk part-time, u billi n-nisa jikkostitwixxu waħda mill-kategoriji l-iktar effettwati,

    Q.

    billi differenzi qawwija fil-ġeneri huma viżibbli fir-rigward tal-mobilità tal-ħaddiema fl-UE (l-irġiel jirrapportaw li ċċaqalqu minħabba impjieg ġdid jew trasferiment tal-impjieg b'ħafna iktar frekwenza min-nisa, 44 % f'paragun ma' 27 % rispettivament (9)); billi hemm bżonn ta' monitoraġġ aħjar tal-fenomenu tal-mobilità, ibbażat fuq data maqsuma skont il-ġeneru,

    1.

    Jirrimarka li r-rapport tal-Kummissjoni COM(2008)0840 jidentifika ksur persistenti min-naħa ta’ Stati Membri fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE, li taffettwa l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, u din is-sitwazzjoni wasslet għal bopsta lmenti individwali, petizzjonijiet u ‘l fuq minn 40 mistoqsija mill-Parlament, li b’riżultat tagħhom, il-Kummissjoni fetħet ħames proċedimenti ta’ ksur għal applikazzjoni inkorretta tad-Direttiva;

    2.

    Jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2010)0373, li tiddeskrivi u tispjega l-istat attwali fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema, iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta’ miżuri konkreti u ta’ soluzzjonijiet għall-problema tal-mobilità;

    3.

    Jilqa’ inizjattivi meħuda mill-Kummissjoni, bħall-Mekkaniżmu għall-Promozzjoni tal-Mobilità tan-Nisa WO.M.EN, u jistedinha testendi u ttejjeb l-ambitu tal-proġetti mmirati biex iżidu l-mobilità tal-ħaddiema nisa;

    4.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi ulterjorment l-mobilità tal-impjiegi billi tippreżenta strateġija għall-mobilità fit-tul, komprensiva u multidixxiplinari biex jiġu pprojbiti l-ostakoli kollha legali, amministrattivi u prattiċi eżistenti għall-moviment liberu tal-ħaddiema; jitlob li jkun hemm politika konsistenti, effiċjenti u trasparenti ffokata fuq ir-rekwiżiti ta’ suq tax-xogħol u tendenzi ekonomiċi;

    5.

    Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb il-mobilità tal-ħaddiema billi tippjana u tippromwovi aktar strateġiji biex tiġi mogħtija informazzjoni ssimplifikata dwar id-drittijiet tal-ħaddiema migranti u l-benefiċċji tal-mobilità għall-proċess totali tal-iżvilupp u għall-ekonomiji kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri tagħha. It-tqajjim tal-kuxjenza tal-ħaddiema, tal-membri tal-familji tagħhom u tal-partijiet interessati dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet tagħhom u l-għodod disponibbli fir-rigward tal-moviment liberu, huwa fattur ewlieni sabiex tiġi implimentata effettivament il-leġiżlazzjoni tal-UE;

    6.

    Huwa tal-fehma li l-uniku mod biex il-mobilità tiġi promossa b'mod effikaċi huwa permezz ta' titjib sostanzjali fir-rigward tas-solidarjetà u tar-responsabbiltà maqsuma min-naħa tal-Istati Membri u permezz tal-formulazzjoni ta' qafas regolatorju ċar li jirregola l-migrazzjoni legali;

    7.

    Jistieden lill-Istati Membri jneħħu l-ostakoli għall-mobilità tal-ħaddiema billi joffru persuni (li l-bicca l-kbira tagħhom ikunu nisa) li jsegwu lil żewġhom jew sħabhom fi Stat Membru ieħor servizzi f’lokhom bħalma huma korsijiet maħsuba biex jiffaċilitawlhom l-integrazzjoni fl-ambjent soċjali u kulturali ġdid tagħhom, pereżempju korsijiet tal-lingwa u korsijiet vokazzjonali;

    8.

    Jinnota, madankollu, li l-mobilità għandha tibqa’ volontarja; jisħaq li l-konsegwenzi negattivi ta’ mobilità miżjuda, li jwasslu għal eżodu tal-imħuħ u l-eżodu taż-żgħażagħ, kif ukoll impatti negattivi fuq il-koeżjoni tal-familja u t-tfal meta wieħed mill-ġenituri jew it-tnejn li huma jkunu jaħdmu barra mill-pajjiż, għandhom jonqsu aktar fil-livell tal-UE;

    9.

    Jitlob lill-Istati Membri joħolqu mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni mmirati biex jipprevjenu effetti devastanti ta’ dan it-tip fuq il-familji, speċjalment fuq it-tfal, ikkawżati mill-firda mill-ġenituri tagħhom u mill-bogħod bejniethom;

    Simplifikazzjoni amministrattiva u aspetti legali

    10.

    Meta jitqiesu d-dispożizzjonijiet tat-Trattati u l-leġiżlazzjoni eżistenti, ifakkar li l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità li jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi fir-rigward tal-eżerċizzju tal-moviment liberu bl-għan li jkun hemm implimentazzjoni ottimali ta’ dan id-dritt u li jiġu evitati proċeduri amministrattivi mhux ġustifikati, mhux neċessarji u żejda li jirrestrinġu l-applikazzjoni ta’ dan id-dritt;

    11.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-integrazzjoni tal-prattiki amministrattivi u l-kooperazzjoni amministrattiva biex ikun jista’ jkun hemm sinerġiji bejn l-awtoritajiet nazzjonali;

    12.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri joħolqu kanali ta’ komunikazzjoni aktar effettivi bejn il-ħaddiema migranti u s-servizzi korrispondenti tal-Istat, sabiex il-ħaddiema jkollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom;

    13.

    Jenfasizza li d-"drittijiet tal-ħaddiema" jistgħu jiġu implimentati aħjar jekk u meta migrant tal-UE jiġi impjegat f'attività mħallsa legalment fi Stat Membru ospitant;

    14.

    Jenfasizza li l-ħaddiema nisa li jmorru f’pajjiżi ieħor għal xogħol li jinvolvi l-kura tat-tfal jew tax-xjuħ, bħalma huma babysitters, au-pairs, nannies jew infermieri, spiss jitħaddmu minn entitajiet privati bħal familji jew membri tal-familji u b’hekk jispiċċaw jaħdmu mingħajr kuntratt jew illegalment, u konsegwentement ma jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-ebda dritt jew benefiċċju tas-sigurtà soċjali, tal-kura tas-saħħa eċċ.;

    15.

    Jinsab imħasseb dwar it-traspożizzjoni dgħajfa u l-implimentazzjoni tad-direttivi attwali dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, partikolarment tad-Direttiva 2004/38/KE fir-rigward tad-dritt għad-dħul u l-għajxien għal membri familjari minn pajjiżi terzi, u proċeduri amministrattivi żejda u dokumenti ta’ residenza addizzjonali (permessi tax-xogħol, provi ta’ akkomodazzjoni soddisfaċenti) inkonsistenti mad-Direttiva 2004/38/KE;

    16.

    Jistieden lill-Kummissjoni teżerċita bis-sħiħ il-prerogattivi tagħha skont it-Trattati, billi tissorvelja b’mod kontinwu u komprensiv l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE, inkluż, jekk ikun meħtieġ, l-eżerċizzju tad-dritt tagħha li tiftaħ proċedimenti ta’ ksur kontra Stati Membri mhux konformi;

    17.

    Jistieden lill-Istati Membri jerġgħu jeżaminaw id-dispożizzjonijiet tagħhom li jirregolaw il-perjodi tranżitorji għal aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom li, fuq perjodu twil ta' żmien, jista' jkollhom effetti negattivi fuq il-valuri u d-drittijiet fundamentali li jinsabu fit-Trattati tal-UE, bħal-libertà tal-moviment, in-nondiskriminazzjoni u s-solidarjetà u d-drittijiet ugwali; għalhekk jilqa' d-deċiżjoni riċenti ta' xi Stati Membri li jiftħu għalkollox is-swieq tax-xogħol tagħhom għal uħud mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 u jikkundanna l-proposti leġiżlattivi riċenti fi Stati Membri oħra maħsuba biex jiddgħajfu d-drittijiet tal-ħaddiema mill-Istati Membri li ssieħbu fl-UE fl-2004 u fl-2007; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga jekk tali politiki jiksrux il-liġi tal-UE;

    18.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex issaħħaħ il-qafas legali attwali dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali stabbilit fid-Direttiva 2005/36/KE;

    19.

    Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (10) sabiex jitqiesu l-proposti li saru mill-Parlament Ewropew f'din ir-riżoluzzjoni;

    20.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri japplikaw ir-regolament ‘Brussell I’ (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001) fir-rigward tar-rikonoxximent tal-ġuriżdizzjoni u l-infurzar tas-sentenzi fil-kwistjonijiet ċivili u kummerċjali; jisħaq l-importanza tar-regolament ‘Brussell I’ fir-rigward ta’ sanzjonijiet u multi għall-isfruttament tal-ħaddiema;

    21.

    Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2004/38/KE mingħajr ebda diskriminiazzjoni, inkluża dik abbażi l-orjentament sesswali; ifakkar lill-Kummissjoni dwar talbiet preċedenti biex jiġi żgurat il-moviment liberu taċ-ċittadini kollha tal-UE u l-familji tagħhom, indipendentement mill-orjentazzjoni sesswali tal-persuni;

    Rabtiet ma' politiki oħra

    22.

    Jinnota li d-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema ma jistax jitqies b’mod iżolat minn drittijiet oħra u prinċipji bażiċi tal-UE, u li r-rispett għall-mudell soċjali Ewropew u d-drittijiet garantiti mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kif riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, se joffri l-possibilità ta’ impjiegi deċenti, kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati, inkluż protezzjoni u sigurtà waqt ix-xogħol, drittijiet ta’ sigurtà soċjali, trattament indaqs, rikonċiljazzjoni tal-ħajja tal-familja mal-ħajja professjonali u libertà tal-provvista ta’ servizzi; jisħaq li d-dritt għal vot fl-elezzjonijiet lokali, reġjonali u Ewropej huwa element essenzjali ta’ dawn id-drittijiet u jitlob implimentazzjoni aħjar; jinnota li d-dritt għal vot fl-elezzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri ta’ oriġini jista’ jintilef, jemmen li għandha tingħata kunsiderazzjoni lil din il-kwistjoni;

    23.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproduċi tabella tar-riżultat li tippreżenta l-ostakoli li jaffaċċjaw il-ħaddiema tal-Unjoni li jixtiequ jagħmlu użu mid-dritt tagħhom għal moviment liberu u kif qed jiġu trattati fl-Istati Membri, sabiex jiġi evalwat jekk tali ostakoli jiġux trattati bir-reqqa u b’mod effettiv;

    24.

    Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa bir-reqqa s-sitwazzjoni ekonomika attwali fl-Istati Membri fir-rigward tas-swieq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri biex jintegraw aħjar il-politiki tal-migrazzjoni fir-rigward tax-xogħol sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet tax-xogħol u bil-għan li tingħata spinta lill-produzzjoni interna;

    25.

    Jifraħ lill-Kummissjoni talli rabtet il-mobilità tal-ħaddiema mal-Istrateġija Ewropa 2020 u hu tal-fehma li dan huwa ta’ importanza kruċjali biex tingħata spinta lill-benesseri fl-UE permezz ta’ ħolqien sod u sostenibbli tal-impjiegi;

    26.

    Jenfasizza l-importanza tat-trattament indaqs tal-ħaddiema, flimkien ma' protezzjoni adegwata tad-drittijiet tax-xogħol, biex wieħed ikun konformi mar-regoli fis-seħħ fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali u fil-ftehimiet kollettivi fl-Istati Membri kkonċernati. Jemmen li l-prinċipju ta' "l-istess paga għall-istess xogħol", flimkien mal-ugwaljanza bejn is-sessi, għandu japplika madwar l-UE biex jiġi evitat id-demping soċjali u fis-salarji; Jenfasizza li d-drittijiet ikunu biss ta' benefiċċju għal kulħadd jekk jiġu implimentati u infurzati kif xieraq; Għal dawn l-għanijiet, jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-moviment liberu qatt ma jiġi sfruttat għal skopijiet ta' trattament mhux indaqs, jew għal dumping soċjali u fis-salarji;

    27.

    Iqis li il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri u dik tal-UE għandhom ikunu kkoordinati aktar mill-qrib sabiex jiġi evitat kull tip ta’ ostakolu għall-implimentazzjoni u l-użu tad-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema;

    28.

    Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiggarantixxu, filwaqt li jikkunsidraw s-sussidjarjetà, l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar non-diskriminazzjoni, biex jittieħdu miżuri prattiċi biex jissaħħaħ il-prinċipju ta’ trattament indaqs ta’ ħaddiema mobbli, u għall-ġlieda kontra l-preġudizzju, ir-razziżmu u l-ksenofobija;

    29.

    Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jsaħħu l-politika tal-UE dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni diretta u indiretta, l-isfruttament tal-ħaddiema migranti tal-UE fl-Unjoni Ewropea u l-abbuż tad-drittijiet tagħhom minħabba li ma jkunux jafu biżżejjed il-lingwi u l-liġijiet applikabbli għall-impjieg tagħhom fl-Istat Membru ospitanti;

    30.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jżidu l-attenzjoni li l-awtoritajiet li huma responsabbli għall-monitoraġġ tas-suq tal-impjieg jagħtu lill-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema mobbli, partikolarment billi jtejbu l-edukazzjoni u t-tqajjim tal-kuxjenza fil-qasam tal-liġi dwar l-impjieg;

    31.

    Iqis li l-emendi tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri dwar is-sigurtà soċjali, is-sistema tal-kura tas-saħħa u t-tassazzjoni għandhom jiġu eżaminati minn qabel sabiex jiġi żgurat x’impatt se jkollhom fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema; jitlob, għalhekk, biex ikun hemm introduzzjoni ta’ rekwiżit li għandha ssir stima tal-impatt fuq il-fruntiera li tforni informazzjoni ddettaljata dwar l-ostakoli għall-moviment liberu;

    32.

    Jindika li l-mobilità transkonfinali miżjuda titlob ukoll l-involviment attiv tas-sieħba soċjali, speċjalment it-trejdjunjins, sabiex il-ħaddiema kkonċernati jiġu pprovduti, speċjalment dawk li temporanjament qed jaħdmu barra mill-pajjiż, b’informazzjoni adegwata u effettiva, appoġġ u protezzjoni fir-rigward tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol;

    33.

    Iqis li, biex jiġu implimentati b’mod effiċjenti l-politiki kollha relatati mal-moviment liberu tal-ħaddiema, l-azzjoni għandha tkun ikkoordinata, speċjalment fl-oqsma ta’ tkomplija tas-suq intern, il-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali, id-drittijiet għall-pensjoni supplimentari, il-protezzjoni tal-ħaddiema, il-kura tas-saħħa transkonfinali, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, il-miżuri fiskali bħal dawn maħsuba biex tiġi evitata tassazzjoni doppja, u l-azzjoni kontra d-diskriminazzjoni;

    34.

    Jenfasizza li r-restrizzjonijiet fil-qasam tax-xogħol huma ta' ostaklu għat-tħaddim tas-suq intern u li l-kriżi ekonomika turi l-bżonn li tiġi promossa l-mobilità ħielsa fil-qasam tax-xogħol;

    35.

    Itenni li, sabiex jiġu evitati l-inkonsistenzi fil-qasam tas-suq intern tal-UE, għall-iskop tal-impjieg l-Istati Membri għandhom jagħtu preferenza liċ-ċittadini tal-Unjoni u jistgħu jagħtu preferenza lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw għal impjiegi bi kwalifiki għolja, kif stabbilit fid-Direttiva 2009/50/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg bi kwalifiki għoljin (11); jenfasizza l-importanza li jiġu miċħuda applikazzjonijiet għall-Karta Blu tal-UE fis-setturi tas-suq tax-xogħol li għalihom l-aċċess għall-ħaddiema minn Stati Membri oħrajn ikun ristrett fuq il-bażi ta' arranġamenti tranżitorji;

    36.

    Jitlob koordinazzjoni aħjar bejn l-Istituzzjonijiet Ewropej u dawk nazzjonali biex jinfurmaw aħjar u jipprovdu assistenza għaċ-ċittadini u jikkontrollaw kif id-dritt għall-moviment liberu tal-ħaddiema qed jiġi traspost fil-prattika u użat mill-individwi sabiex iħaffef l-implimentazzjoni tal-mobilità tas-suq;

    37.

    Huwa tal-fehma li sistemi ta’ protezzjoni soċjali adegwati jiffaċilitaw bil-kbir il-mobilità ġeografika u okkupazzjonali tal-ħaddiema u li l-inklużjoni soċjali tal-ħaddiema mobbli u r-riintegrazzjoni soċjali ta’ ħaddiema li jirritornaw għandhom jiġu inklużi fil-politika dwar il-mobilità tax-xogħol; jenfasizza li għal dan il-għan, huma assolutament neċessarji u għandhom ikunu promossi r-rikonoxximent ta’ intitolamenti diġà miksuba kif ukoll għarfien ikbar tad-differenxi bejn is-sistemi fl-Istati Membri individwali;

    38.

    Jistieden lill-Istati Membri biex jittrattaw il-kwistjoni ta’ impjieg għal rashom falz fost ħaddiema mobbli; jenfasizza l-bżonn li dawk il-ħaddiema jingħataw aċċess għad-drittijiet u għall-protezzjoni;

    39.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-ksenofobija kontra l-ħaddiema kollha tal-UE billi jipprovdu l-mezzi għall-integrazzjoni u l-informazzjoni u biex jippromwovu l-fehim, id-diversità kulturali u r-rispett fi Stati Membri li jospitaw ħaddiema mobbli;

    40.

    Jenfasizza li implimentazzjoni effiċjenti tal-moviment liberu tal-ħaddiema teħtieġ azzjoni kkoordinata mill-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali biex jiffaċilitaw u jissimplifikaw proċeduri amministrattivi dwar kwistjonijiet marbuta b’mod indirett ma’ dan id-dritt, bħat-trasferiment ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi u l-garanzija tal-aċċessibilità ta’ rekords mediċi, id-dispożizzjoni ta’ bażi tad-dejta komprensiva dwar il-kompetenza attwali tal-prestazzjoni ta' min jaħdem fil-kura tas-saħħa, l-evitar ta’ tassazzjoni doppja, regoli ċari dwar ir-rimborż ta’ spejjeż mediċi, eċċ.;

    41.

    Isostni li l-possibilità għall-ħaddiema migranti li jgawdu mill-portabilità tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom hija element fundamentali biex jiġi garantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet akkwistati;

    42.

    Iqis li s-SME jistgħu jaġixxu biex jagħtu spinta lill-irkupru ekonomiku u lill-iżvilupp, peress li huma s-sors primarju tal-ħolqien tal-impjiegi; itenni għalhekk il-bżonn ta’ impenn min-naħa tal-UE biex tappoġġa u tiżviluppa s-SME (pereżempju mill-Faċilità Mikrofinanzjarja ta’ Progress), partikolarment permezz tal-politiki tal-impjieg attivi u l-edukazzjoni vokazzjonali u l-programmi ta’ taħriġ;

    43.

    Jistieden ir-reġjuni tal-fruntieri biex jikkunsidraw il-ftehim biex jippromwovu l-mobilità tax-xogħol transkonfinali sabiex jinkisbu vantaġġi reċiproki (ta’ benefiċċju) għal dawn ir-reġjuni;

    Miżuri għall-promozzjoni tal-moviment liberu

    44.

    Jistieden lill-Istati Membri jeqirdu l-ostakoli tranżitorji eżistenti fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema għall-Istati Membri li ngħaqdu mal-UE fl-2007; huwa tal-fehma li dawn l-ostakoli jimponu standards doppji, huma kontraproduċenti u jirrappreżentaw miżuri diskriminatorji kontra ċittadini Ewropej, filwaqt li jitlob li l-klawsola ta’ preferenza tiġi infurzata b’mod effettiv fl-Unjoni kollha;

    45.

    Huwa tal-fehma li l-mobilità tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea hi essenzjali għall-irkupru ekonomiku u l-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020; iħeġġeġ għalhekk lil dawk l-Istati Membri li għadhom jimponu restrizzjonijiet tas-suq tax-xogħol fir-rigward taċ-ċittadini Rumeni u Bulgari biex ineħħuhom sa tmiem l-2011 skont id-data ta' skadenza stabbilita fit-Trattat ta' Adeżjoni;

    46.

    Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib u effiċjenti fost l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-kontroll tal-konformità tal-kuntratti tax-xogħol mad-dritt nazzjonali u tal-UE; jirrimarka li l-għajnuna reċiproka u l-iskambju tal-informazzjoni għandhom jiġu garantiti fost l-Istati Membri f'każijiet ta' ksur; jitlob lill-Kummisjoni tissorvelja dan il-proċess;

    47.

    Jistieden lill-awtoritajiet pubbliċi u lill-partijiet interessati kollha biex jagħmlu ħilithom kollha biex iżidu l-livell ta’ kuxjenza fost il-ħaddiema dwar id-drittijiet tagħhom u d-diversi strumenti (il-liġi tax-xogħol, il-ftehim kollettiv, il-kodiċi tal-kondotta, id-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali) li jirregolaw ir-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien tagħhom;

    48.

    Jiddeplora t-tnaqqis fl-ispezzjoni tax-xogħol fl-UE kollha; jisħaq li kontrolli effiċjenti huma elementi essenzjali biex jiggarantixxu trattament indaqs u kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-ispezzjoni tax-xogħol u jagħtu riżorsi suffiċjenti tal-ispezzjonijiet tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex itejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-ispezzjonijiet tax-xogħol;

    49.

    Jikkunsidra li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal tal-ħaddiema mobbli tal-UE ma jiffaċċjawx diffikultajiet rigward in-nazzjonalità jew iċ-ċittadinanza tagħhom minħabba l-għażliet tax-xogħol tal-ġenituri tagħhom, u li l-ħtiġijiet partikolari tat-tfal tal-ħaddiema mobbli għandhom jiġu adegwatament studjati biex jiġu żgurati reazzjonijiet politiċi effikaċi;

    50.

    Jissottolinja li l-Istati Membri għandhom itejbu s-sitwazzjoni tat-tfal li l-ġenituri tagħhom iħalluhom warajhom, u jgħinuhom biex jiżviluppaw normalment u jibbenefikaw mill-edukazzjoni u jkollhom ħajja soċjali adegwata;

    51.

    Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-ammont li dejjem jiżdied ta’ xogħol sfurzat fl-UE li f’ċertu żoni għandu rabtiet mill-qrib ma’ kriminalità organizzata; jisħaq il-ħtieġa biex ix-xogħol sfurzat isir prijorità ewlenija fl-attivitajiet tal-EUROPOL u l-EUROJUST; iħeġġeġ l-Istati Membri biex iżidu l-isforzi konġunti tagħhom biex jikkontrollaw, iħarrku u jissanzjonaw ix-xogħol sfurzat u jiżguraw li dan huwa koprut mis-sanzjonijiet kriminali; jisħaq il-ħtieġa għal miżuri li jiżguraw il-protezzjoni tal-vittmi ta’ xogħol sfurzat;

    52.

    Jistieden lill-Kummissjoni tesplora u tippubblika l-effetti pożittivi u negattivi dovuti għall-mobilità tal-impjieg kemm għall-pajjiżi oriġinarji kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti u għall-UE, mill-aspetti soċjoekonomiċi u ta’ koeżjoni ġeografika, billi jiġu enfasizzati konsegwenzi bħal: telfiet ekonomiċi, żieda fix-xogħol mhux iddikjarat u kundizzjonijiet tax-xogħol abużivi dovuti għal sitwazzjoni legali mhux ċara meta jidħlu fis-seħħ il-miżuri tranżitorji, nuqqas ta' għarfien tad-drittijiet fost iċ-ċittadini tal-UE u l-konsegwenzi ta' azzjonijiet li jittieħdu tard mill-Istati Membri biex jiġu integrati l-ħaddiema tal-UE mill-mewġa ta' integrazzjoni tal-2004 u tal-2007; jitlob kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri jevitaw l-implimentazzjoni ta' miżuri tranżitorji li jirrestrinġu l-moviment liberu tal-ħaddiema u jaffettwaw b'mod negattiv il-kompetittività tas-swieq tax-xogħol tal-UE, għal kwalunkwe Stat Membru attwali u għall-pajjiżi kandidati;

    53.

    Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex issegwi l-inizjattivi tagħha mmirati biex jippromwovu l-mobilità ġeografika taż-żgħażagħ permezz ta’ skemi tat-tagħlim tal-mobilità, bl-użu tal-programmi mfassla kollha relatati mas-suġġett;

    54.

    Jilqa’ l-pjan tal-Kummissjoni li tistabbilixxi evalwazzjoni sistematika regolari tal-provvista u t-talba fit-tul fis-swieq tax-xogħol tal-UE sal-2020, maqsuma skont is-settur, l-okkupazzjoni, il-livell ta’ kwalifiki u l-pajjiż, u jissuġġerixxi bis-saħħa li jkun hemm koordinazzjoni tal-politiki tax-xogħol u edukattivi bejn l-Istati Membri bl-għan li jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Istrateġija UE2020 fir-rigward tal-ħolqien tal-impjiegi u l-evitar ta’ ostakoli indiretti futuri li jistgħu jostakolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu, bħal pereżempju, in-nuqqas ta’ rikonoxximent tad-diplomi minn pajjiżi oħra tal-UE; Il-pjan għandu jidentifika b’mod ċar in-nuqqasijiet tax-xogħol fl-UE fiż-żmien qasir, medju u twil;

    55.

    Jitlob li jitfasslu u jitwettqu miżuri adattati biex jitnaqqsu d-diskriminazzjoni li għadha teżisti u l-isterjotipi negattivi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom fuq kollox il-ħaddiema li ġejjin mill-Ewropa tal-Lvant u tan-Nofsinhar u biex tiġi promossa l-integrazzjoni fis-soċjetà tal-pajjiż ospitanti tal-ħaddiema li jagħmlu użu mid-dritt tagħhom għal moviment liberu;

    56.

    Jistieden lill-awtoritajiet fil-livelli kollha jiżguraw appoġġ lill-politiki u sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-possibilitajiet u l-vantaġġi tal-mobilità, speċjalment fost dawk li jkunu għadhom kif bdew xi xogħol, filwaqt li jiġi enfasizzat ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni;

    57.

    Iqis li l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw, u jistabbilixxu kriterji ġenerali għar-rikonoxximent ta’ diplomi u kwalifiki, billi ħafna drabi dan huwa sors ta’ diffikultà għan-nies li jkunu qed ifittxu xogħol fi Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż tal-oriġini tagħhom;

    58.

    Jiddeplora l-politiki tal-Istati Membri li jinkoraġġixxu b’mod attiv lil ċittadini oħra tal-UE biex jitilqu minn dak l-Istat Membru; jitlob lill-Kummissjoni biex tivverifika jekk tali politiki qed jiksru d-dritt għal moviment liberu; Amendement

    Servizzi ta’ impjieg u informazzjoni tal-ħaddiema

    59.

    Jirrikonoxxi u jenfasizza l-importanza tas-servizzi ta’ impjieg pubbliċi, u b’mod partikolari s-sistema u n-netwerk EURES, għall-promozzjoni tal-mobilità tal-impjiegi madwar l-UE, speċjalment f'reġjuni transkonfinali, permezz tal-provvista ta’ informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol battala, dwar drittijiet u obbligi li jiġu mal-migrazzjoni, inkluż l-immigrazzjoni, u li jiġu max-xogħol fil-fruntiera, kif ukoll informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ vokazzjonali, kundizzjonijiet ta’ xogħol u ta’ għajxien; jenfasizza l-irwol partikolari tal-imsieħba soċjali għall-konsulenza lill-ħaddiema fis-sħubijiet transkonfinali; jenfasizza li n-netwerk EURES għandu jibqa’ mezz għall-promozzjoni ta’ mobilità ġusta, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tibqa’ tipprovdi mezzi finanzjarji biex tappoġġja l-ħidma tal-imsieħba soċjali fir-reġjuni mal-fruntieri;

    60.

    Jitlob biex jiġu żviluppati l-ħiliet istituzzjonali tal-EURES u t-tisħiħ tiegħu tal-istrument one-stop biex jiffaċilita l-mobilità tal-ħaddiema u l-familji tagħhom;

    61.

    Jinsab imħasseb dwar it-tnaqqis fil-fondi għall-kunsilliera EURES; jitlob li jkun hemm impenn għal strateġija fit-tul li tippermetti li l-EURES u l-istaff tagħha jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod effiċjenti u jinnota li dan huwa possibbli biss meta jiżdiedu l-fondi;

    62.

    Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi neċessarji biex il-koperazzjoni bejn il-EURES u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali korrispondenti tkun aktar produttiva u effettiva;

    63.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, f’koperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jippromwovu il-EURES fost iċ-ċittadini, billi jipprovdu dokumentazzjoni rilevanti u konsulenza dwar kif għandu jintuża dan permezz taċ-ċentri tax-xogħol pubbliċi, iżda wkoll permezz tal-organizzazzjoni ta’ laqgħat biex tiġi promossa l-mobilità fil-qafas tal-edukazzjoni ogħla;

    64.

    Iqis li għandha titjieb ulterjorment l-informazzjoni lill-ħaddiema tal-UE dwar il-benefiċċji, id-drittijiet u l-obbligi dovuti għall-mobilità tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-azzjoni tagħha mal-awtoritajiet nazzjonali u tiżviluppa rabtiet bejn il-EURES u n-netwerk online ta’ sejba ta’ soluzzjoni għall-problemi, SOLVIT, sabiex tittejjeb il-kwalità tas-servizz ipprovdut liċ-ċittadini li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-mobilità; Amendement jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu uffiċċji ta’ konsulenza multilingwi għall-ħaddiema migranti, b’mod partikolari fejn huma impjegati aktar minnhom;

    65.

    Jisħaq li, meta jiġu promossi l-politiki tal-impjieg attiv, l-informazzjoni dwar it-tagħlim u l-programmi ta’ taħriġ disponibbli fl-UE kollha għandhom jingħataw prijorità għolja;

    66.

    Iħeġġeġ biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 91/533/KEE tal-14 ta’ Ottubru 1991 dwar l-obbligazzjoni ta’ min iħaddem li jgħarraf lill-ħaddiema bil-kundizzjonijiet applikabbli għall-kuntratt jew għar-relazzjoni tal-impjieg (hekk imsejħa “Direttiva dwar l-Informazzjoni”) (12) dwar il-minimu ta’ informazzjoni li l-ħaddiema għandhom jirċievu minn min iħaddimhom fir-rigward tar-relazzjoni tal-impjieg tagħhom, inklużi d-dispożizzjonijiet relevanti kollha li jikkonċernaw is-sitwazzjoni tal-impjieg tagħhom fil-pajjiż ospitanti;

    67.

    Jitlob lill-Kummissjoni, f’koperazzjoni mal-Istati Membri, biex tippromwovi involviment attiv tas-sħab soċjali sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni u t-tisħiħ prattiċi tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti;

    68.

    Jenfasizza n-neċessità tal-kooperazzjoni bejn l-impjegati u min iħaddem fi ħdan in-netwerk EURES;

    69.

    Jitlob djalogu u koordinazzjoni akbar fost l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali peress li ġeneralment ikunu l-ewwel sors ta’ informazzjoni għal bosta ċittadini minħabba l-prossimità u l-għarfien tagħhom tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini, u involviment akbar tas-sieħba soċjali;

    70.

    Jitlob lill-Istati Membri jissorveljaw l-attivitajiet tal-aġenziji tar-reklutaġġ b’mod aktar strett sabiex jiġi żgurat li ma jinkisrux id-drittijiet tal-ħaddiema mobbli u ma jiġux iddiżappuntati l-aspettattivi tagħhom, billi dan jista’ jostakola l-moviment liberu tal-ħaddiema u tas-sigurtà soċjali tagħhom;

    71.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jissorveljaw ir-rwol ta’ aġenziji u organizzazzjonijiet li joffru impjiegi lil ħaddiema minn Stati Membri oħra, u jidentifikaw impjiegi illegali jew mhux bil-ktieb potenzjali jew aġenziji jew organizzazzjonijiet li jipprovdu impjiegi fittizji;

    72.

    Jenfasizza li għall-implimentazzjoni tal-moviment ħieles għandu jkun hemm obbligu ta’ informazzjoni għal min iħaddem impjegati barranin dwar id-drittijiet tal-ħaddiema fil-pajjiż partikolari fejn ikunu qed jaħdmu. Barra minn hekk, għandhom jinħolqu uffiċċji ta’ konsulenza multilingwi għall-ħaddiema migranti fl-Istati Membri;

    73.

    Jitlob lill-Kummissjoni biex tniedi komunikazzjoni fir-rigward tal-effetti tat-tassazzjoni fuq il-ħaddiema inklużi fl-ambitu ta’ din id-direttiva, biex jipprovdu fehim aħjar u soluzzjonijiet possibbli għal kwistjonijiet kruċjali li jistgħu jimpedixxu jew jiskoraġġixxu l-mobilità tal-ħaddiema;

    Ġbir ta’ ħiliet u għarfien biex wieħed isir iktar kompetittiv

    74.

    Iqis li, sabiex tkun żgurata u mkabbra l-kompetittività tal-Ewropa, għandhom jingħataw l-ogħla prijorità l-investimenti f’edukazzjoni formali u informali, taħriġ vokazzjonali, skambji ta’ esperjenza tax-xogħol u azzjonijiet ikkoordinati biex jiġi aċċellerat il-proċess tal-mobilità tal-impjiegi;

    75.

    Huwa tal-fehma li l-politiki tas-suq tax-xogħol attiv, u b’mod partikolari t-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja, għandhom jiġu msaħħa peress li jistgħu jikkontribwixxu biex iżidu l-mobilità tax-xogħol, jiffaċilitaw it-tranżizzjonijiet tal-qgħad strutturali, u jippermettu lill-ħaddiema biex jadattaw għall-bidliet tas-suq tax-xogħol;

    76.

    Jifraħ lill-Kummissjoni dwar l-inizjattiva ewlenija tagħha Żgħażagħ Attivi u dwar it-tnedija tal-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda u jilqa’ b’mod partikolari l-proġett pilota ‘L-ewwel impjieg EURES tiegħek’ u l-azzjoni proposta għall-ħolqien ta’ passaport tal-ħiliet Ewropew;

    77.

    Filwaqt li jilqa’ t-taħriġ taż-żgħażagħ fil-ħiliet meħtieġa għax-xogħol u għall-għajxien f’pajjiżi oħra; huwa tal-fehma li l-persuni għandhom dritt għal ħajja u xogħol f’pajjiż li jagħżlu huma;

    78.

    Iqis li l-ħiliet u l-għarfien li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tas-suq nazzjonali, reġjonali jew lokali se jrawmu l-mobilità tal-ħaddiema, u jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan direzzjonali għat-talbiet għal ħiliet u evalwazzjoni fit-tul u fuq medda medja ta’ żmien fir-rigward ta’ impjiegi futuri, meta tista' tiġi pprovduta qabla bejn il-bżonn u l-provvista tal-ħiliet, kif ukoll previżjonijiet fuq perjodu ta’ żmien medju u twil għan-nuqqas ta’ xogħol, f’impjiegi magħżula, li jistgħu jiġu kkawżati mill-bidla demografika u mit-tixjieħ tal-popolazzjoni;

    79.

    Jikkunsidra li l-mobilità tax-xogħol hija proċess b’żewġ direzzjonijiet; Min-naħa waħda, din twassal għall-ġbir tal-ħiliet u t-tagħrif permezz tat-tipi kollha ta’ edukazzjoni sabiex tipprepara l-popolazzjoni attiva li qed tiffaċċja l-kompetizzjoni meta tfittex għal xogħol ġdid u min-naħa l-oħra, il-ħaddiema mobbli jistgħu jaġġornaw il-ħiliet u l-għarfien tagħhom permezz tal-mobilità tax-xogħol peress li jiġbru aktar esperjenza prattika u tagħrif dwar is-sit ġdid;

    80.

    Iqis li għandha tiġi promossa fuq kollox anki l-mobilità fil-qafas tat-taħriġ vokazzjonali peress li għad hemm nuqqasijiet kbar f’dan il-qasam; jenfasizza l-importanza ta’ programmi bħal “Leonardo” u jistieden lill-Istati Membri u lill-intrapriżi involuti fit-taħriġ vokazzjonali li jagħmlu aktar użu minnhom u li jiffaċilitaw l-użu tagħhom rispettivament;

    81.

    Jittama wkoll li l-kompetenzi l-ġodda miksuba mill-ħadiema mobbli waqt li jgħaddu minn post għall-ieħor jiġu vvalidati biex il-potenzjal individwali miżjud tagħhom jiġi rikonoxxut u l-possibilità tal-inklużjoni professjonali tagħhom tiżdied;

    82.

    Huwa tal-fehma li l-ħaddiema żgħażagħ m’għandhomx ikunu l-unika mira u li huma meħtieġa strateġiji mmirati li jippromwovu u jiffaċilitaw il-moviment liberu tad-diversi kategoriji ta’ ħaddiema, ibbażati fuq il-karatteristiċi speċifiċi tagħhom (età, sess, ħiliet, appartenenza għal gruppi vulnerabbli u minoritarji) u bżonnijiet, sabiex il-mobilità tkun tista’ ssir għażla fost il-gruppi kollha ta’ ħaddiema;

    83.

    Jistieden lill-Istati Membri jfasslu l-istrateġiji ta’ tagħlim tul il-ħajja u ta’ taħriġ vokazzjonali tagħhom skont l-iżviluppi fis-swieq tax-xogħol u jipprovdu ħiliet trasferibbli li jkollhom kopertura usa’ f’termini ta’ żona ġeografika u ta’ għarfien, bl-għan li jkun hemm kompatibilità adegwata mal-provvista tal-impjiegi;

    84.

    Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw biex jiksbu iktar paragunabilità bejn il-kurrikuli tal-iskejjel u tal-Università u s-sistemi edukattivi fl-UE, permezz ta' rikonoxximent reċiproku simplifikat tad-diplomi, bl-għan ukoll li jiġi promoss ir-rikonoxximent reċiproku fil-kwalifiki fl-edukazzjoni, li huwa ta' importanza fundamentali; madankollu jenfasizza d-differenza eżistenti bejn dan u r-rikonoxximent tal-kwalifiki għall-professjonijiet regolati, anki jekk fit-tama ta’ liberalizzazzjoni kumplessa tal-aċċess; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-fatt li ammont li qed jiżdied ta’ ftehimiet dwar koperazjoni transkonfinali qed jiġu konklużi bejn il-kulleġġi u l-universitajiet, u jitlob lill-Istati Membri jappoġġjaw dan l-iżvilupp;

    85.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħtu spinta ’l quddiem lill-parteċipazzjoni tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju fit-tagħlim tul il-ħajja billi jipprovdu inċentivi għal min iħaddem u għall-ħaddiema rispettivi, b’enfasi partikolari fuq it-tagħlim tal-lingwi u fuq it-teknoloġiji ġodda, skont ir-rekwiżiti tas-suq tal-impjieg, billi l-parti l-kbira tal-ħaddiema Ewropej huma impjegati f’impriżi żgħar u ta’ daqs medju u b’dan il-mod se jsiru aktar kompetittivi, iżda dan se jsaħħaħ il-mobilità wkoll sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ postijiet tax-xogħol battala f’għadd ta’ Stati Membri;

    86.

    Huwa tal-fehma li għandu jkun hemm sinerġija mtejba bejn il-programmi mmirati biex iħeġġu l-moviment liberu tal-istudenti, persuni li jkunu qed jagħmlu taħriġ vokazzjonali u apprendisti u programmi immirati b’mod speċifiku biex irawmu l-moviment liberu tal-ħaddiema;

    87.

    Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri, bl-għajnuna tal-Kummissjoni u s-sħab soċjali, joħolqu strutturi għall-appoġġ tat-tagħlim tal-lingwi u wkoll għat-tagħlim tat-tradizzjonijiet kulturali tal-Istati Membri li jospitaw lill-familji ta’ ħaddiema migranti, partikolarment billi dawn il-fatturi jkomplu jostakolaw il-mobilità taċ-ċittadini Ewropej;

    88.

    Huwa tal-fehma li insuffiċjenza fl-għarfien tal-lingwi (b’mod partikolari fil-każ tal-adulti) għadha tikkostitwixxi ostaklu importanti għall-mobilità tax-xogħol u tista' twassal għal żieda fix-xogħol mhux iddikjarat; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu b'mod attiv it-tagħlim ta’ lingwi barranin u jiżviluppawh fit-tipi kollha ta’ skejjel u lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha f’dan il-qasam;

    *

    * *

    89.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.


    (1)  ĠU L 257, 19.10.1968, p. 2.

    (2)  ĠU L 288, 18.10.1991, p. 32.

    (3)  ĠU L 200, 7.6.2004, p. 1.

    (4)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77.

    (5)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

    (6)  ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 14.

    (7)  ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 23.

    (8)  ĠU C 228, 22.9.2009, p. 14.

    (9)  Studju tal-Eurofound ‘Mobility in Europe - the way forward’.

    (10)  ĠU L 257, 19.10.1968, p. 2.

    (11)  ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17.

    (12)  ĠU L 288, 1991 10 18, p. 32.


    Top