EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1187

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-kwistjoni “Lejn żona Ewropea ta’ sigurtà fit-toroq: linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020” (Opinjoni fuq talba tal-Parlament Ewropew)

ĠU C 48, 15.2.2011, p. 27–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 48/27


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-kwistjoni “Lejn żona Ewropea ta’ sigurtà fit-toroq: linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020” (Opinjoni fuq talba tal-Parlament Ewropew)

2011/C 48/06

Relatur: is-Sur RANOCCHIARI

Nhar it-2 ta' Ġunju 2010, il-Parlament Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Lejn żona Ewropea ta' sigurtà fit-toroq: linji gwida strateġiċi għas-sigurtà fit-toroq sal-2020.

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar is-6 ta' Settembru 2010.

Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret nhar il-15 u s-16 ta' Settembru (seduta tal-15 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’128 vot favur, 4 voti kontra u 2 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1   Il-KESE jisħaq li l-għan tat-Tielet Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Sigurtà fit-Toroq - li l-għadd ta' mwiet fit-toroq għall-perijodu 2001-2010 jitnaqqas bin-nofs - kien ambizzjuż ħafna. Filfatt, skont data uffiċjali tal-2008, it-tnaqqis tal-imwiet fit-toroq għall-UE-27, meta mqabbla mal-figuri tal-2001, kien ta' 28.4 %. Madankollu, figuri reċenti tal-Kummissjoni juru progress sorprendenti li jista’ jwassal għal riżultat finali ta' tnaqqis fl-imwiet fit-toroq ta' ’l fuq minn 40 % għall-2010.

1.2   Ir-raġunijiet li minħabba fihom it-tnaqqis ta' 50 % fl-imwiet mhux ser jintlaħaq jinsabu f’kombinazzjoni ta' dawn il-fatturi:

1.2.1

Il-livell Komunitarju huwa responsabbli biss mill-pjan ta' azzjoni u mil-linji gwida tal-implimentazzjoni, filwaqt li l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha tal-pjan ta' azzjoni taqa’ taħt bosta livelli fl-Istati Membri.

1.2.2

L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri tas-sigurtà fit-toroq huma differenti f’kull pajjiż.

1.2.3

Ma teżistix interpretazzjoni uniformi tad-data dwar is-sigurtà fit-toroq madwar il-pajjiżi kollha tal-UE.

1.2.4

Matul l-għaxar snin li għaddew, tpoġġiet enfasi kbira fuq l-infurzar aktar milli fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-utenti kollha tat-toroq.

1.2.5

L-Istati Membri ma ġewx assenjati miri intermedjarji, u lanqas ma ngħatat attenzjoni speċjali għar-rati tar-riskju differenti fost l-Istati Membri - dan kien ikun jeħtieġ pjan ta' direzzjoni mfassal speċifikament għal kull pajjiż.

1.3   Fir-rigward tal-miżuri “tas-sigurtà passiva u attiva”, il-KESE jikkonkludi li kien hemm titjib sostanzjali f’dawn l-aħħar għaxar snin, speċjalment minħabba li l-industrija introduċiet firxa wiesgħa ta' innovazzjonijiet tekniċi għas-sigurtà fil-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi għal tagħbijiet tqal. Fil-ġejjieni, jistgħu jiġu stabbiliti standards tas-sigurtà ta' livell ogħla: kull miżura għandha titqies ukoll fid-dawl tal-fatt li dan l-aħħar, fis-suq daħlu karozzi tal-passiġġieri rħas ħafna li bilkemm jilħqu l-istandards tas-sigurtà.

1.3.1   Is-sitwazzjoni hija agħar fil-każ tal-mopeds u l-muturi rħas, li ġejjin l-iktar mix-Xlokk tal-Asja u li ta' sikwit ma jilħqux ir-rekwiżiti Ewropej tal-approvazzjoni tat-tip. Dan huwa element importanti ħafna, b’mod partikolari jekk jitqies il-fatt li s-sewwieqa tal-vetturi PTW (powered two-wheelers) għandhom bejn 18 u 20 darba aktar ċans mis-sewwieqa tal-karozzi li jweġġgħu serjament fit-toroq u minħabba l-konġestjonijiet tat-traffiku fil-bliet, qed jiżdied l-ammont ta' nies li jivvjaġġaw bil-PTW kuljum biex imorru x-xogħol.

1.4   Wara ħarsa lejn il-progress li sar f’dawn l-aħħar għaxar snin fit-titjib tas-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq, il-KESE jikkonkludi li seta’ sar ħafna aktar. L-aktar azzjoni importanti f’dan il-qasam kienet id-Direttiva tal-Kunsill dwar is-sigurtà fil-mini li kellha effett pożittiv ħafna madwar l-Ewropa kollha. Għall-kuntrarju, ma sar l-ebda titjib sinifikanti fir-rigward tat-toroq rurali u n-netwerks sekondarji, fejn iseħħu aktar minn 50 % tal-imwiet fit-toroq.

1.5   Il-KESE jemmen li sabiex ir-Raba’ Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Sigurtà fit-Toroq sal-2020 jaħdem aħjar, għandhom jitqiesu l-aspetti li ġejjin:

1.5.1

fid-dawl tal-fatt li l-UE u l-Istati Membri għandhom responsabbiltà konġunta, hemm bżonn ta' tmexxija politika b’saħħitha;

1.5.2

hemm bżonn ta' data statistika armonizzata u dettaljata dwar is-sigurtà fit-toroq għall-UE-27;

1.5.3

għandhom jitwaqqfu miri fir-rigward tal-utenti tat-toroq li jġarrbu feriti gravi, b’definizzjoni komuni ta' x’inhuma feriti gravi;

1.5.4

hemm bżonn ta' politika Komunitarja aktar stretta fir-rigward tal-armonizzazzjoni u r-regolazzjoni tal-miżuri dwar is-sigurtà fit-toroq, flimkien ma' għajnuna lill-Istati Membri biex jiġi żgurat li dawn jimplimentaw aħjar u iktar malajr il-miżuri tas-sigurtà fit-toroq, inkluż l-implimentazzjoni tas-sistema ta' eCall pan-Ewropea li trid tiddaħħal bilfors jekk l-approċċ volontarju ma jaħdimx;

1.5.5

għandha tingħata aktar attenzjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ differenzjati għall-utenti kollha tat-toroq, speċjalment għal utenti żgħażagħ u xjuħ, kif ukoll utenti vulnerabbli oħra bħal dawk li jsuqu powered two-wheelers, iċ-ċiklisti u dawk li jimxu fit-triq;

1.5.6

L-entitajiet kollha li jħaddmu (u b’mod partikolari dawk li jħaddmu fis-settur privat) u li jimmaniġġjaw il-vetturi tal-kumpaniji li jaħdmu bil-magni għandhom jiġu involuti fi proġetti attwali jew futuri bħall-promozzjoni ta' prattiki tajbin biex inaqqsu l-ħabtiet tal-persunal tagħhom li jkun fi triqtu lejn ix-xogħol, iħeġġu lill-persunal biex juża t-trasport pubbliku u jiżviluppaw politiki għas-sigurtà tal-vetturi tal-kumpaniji. L-ISO 39001 għas-sigurtà fit-toroq waqt ix-xogħol ser ikun għodda importanti għal dan il-għan;

1.5.7

Hemm bżonn ta' leġislazzjoni tal-UE għall-kategoriji vulnerabbli tal-utenti tat-toroq, pereżempju għall-PTW hemm bżonn ta' approvazzjoni ġdida tat-tip li tinkludi ABS u CBS obbligatorji għal vetturi ta' iktar minn 150cc, AHO (automatic head lights on) u l-introduzzjoni ta' testijiet li jivverifikaw jekk vettura hijiex tajba għat-triq u t-taħriġ tat-tieni fażi fir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-liċenzji;

1.5.8

fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura, il-KESE huwa tal-fehma li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid għandu jinkludi l-mira li jgħolli l-livell ta' sigurtà tan-netwerk tat-toroq trans-Ewropej u ta' mill-inqas 25 % ta' dawk li ma jagħmlux parti min-netwerk tat-toroq trans-Ewropej għall-istat tat-TREN;

1.5.9

il-pjan ta' azzjoni għandu jinkludi miri ambizzjużi iżda realistiċi li mhux biss joħolqu mira globali għat-tnaqqis tal-għadd ta' mwiet fit-toroq iżda anki miri speċifiċi li jolqtu lil dawk li jkorru b’mod gravi u l-utenti vulnerabbli tat-toroq bħal dawk li jimxu fihom, iċ-ċiklisti u dawk li jsuqu PTW. Fir-rigward ta' l-mira globali, il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rata tar-riskju tvarja b’mod sinifikanti madwar l-UE u għaldaqstant jissuġġerixxi bis-sħiħ li l-miri għat-tnaqqis tal-imwiet li jitwaqqfu għall-2020 ikunu differenzjati u bbażati fuq iċ-ċifri tal-2010 mill-Istati Membri;

1.5.10

sabiex jiġi żgurat li l-miri definiti fil-pjan ta' azzjoni jintlaħqu, il-KESE jemmen li hemm bżonn ta' monitoraġġ mill-UE kull sena. Għal dan il-għan, il-KESE jissuġġerixxi li tinħoloq aġenzija Ewropea għas-sigurtà fit-toroq li tkun iddedikata għall-monitoraġġ u s-segwitu tal-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni f’koordinazzjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri għas-sigurtà fit-toroq.

1.6   Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, l-UE għandha twaqqaf rabta b’saħħitha u permanenti mal-inizjattiva “għaxar snin ta' azzjoni favur is-sigurtà fit-toroq” iddikjarata min-Nazzjonijiet Uniti u għandha taħdem biex tkun minn ta' quddiem nett fis-sigurtà fit-toroq.

2.   Daħla

2.1   Fit-28 ta' April 2010, b’konformità mal-Artikolu 124 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, Brian Simpson, il-president tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar it-Trasport u t-Turiżmu (TRAN) kiteb ittra lill-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew is-Sur Mario Sepi li fiha talab opinjoni esploratorja tal-KESE dwar is-sigurtà fit-toroq.

2.2   Fl-ittra tiegħu, is-Sur Simpson irrefera għall-Programm ta' Ħidma ġdid għall-2010 tal-Kummissjoni li ġie ppubblikat fil-31 ta' Marzu 2010 u li jinkludi proposta għall-iżvilupp ta' pakkett ġdid għas-sigurtà fit-toroq bil-għan li tinħoloq “żona Ewropea għas-sigurtà fit-toroq”.

2.3   Huwa talab lill-KESE jindirizza numru ta' mistoqsijiet bażiċi dwar dawn l-aħħar għaxar snin, bħal kemm kienu effettivi l-politiki fil-livell tal-UE biex ibiddlu l-imġiba tal-utenti tat-toroq, biex itejbu l-livell ta' sigurtà passiva tal-vetturi u l-infrastruttura tat-toroq, kemm ġew implimentati tajjeb il-politiki mill-Istati Membri u, fl-aħħar nett, x’hemm bżonn isir biex tinħoloq tassew “żona ta' sigurtà fit-toroq” madwar is-27 Stat Membru.

2.4   Fl-2001, il-Kummissjoni ppubblikat il-White Paper dwar it-Trasport u wara, fl-2003, ippubblikat il-pjan ta' azzjoni. Iż-żewġ dokumenti huma msejsa fuq l-għan li sas-sena 2010 l-għadd ta' mwiet fit-toroq ikun naqas b’nofs.

2.5   L-aħħar data disponibbli mill-2008 turi li l-għadd ta' mwiet fit-toroq, meta mqabbel maċ-ċifri tal-2001 naqas b’36.8 % fiż-żona tal-UE-15 u b’28.4 % fl-UE-27. Dan huwa tnaqqis konsiderevoli, iżda sfortunatament ma jilħaqx il-mira ta' 50 % tal-Kummissjoni. Reċentement ħafna, il-Kummissjoni ppublikat il-figuri għas-sena 2009 u l-previżjonijiet għall-2010 li mhumiex ’il bogħod mill-miri oriġinali, biex it-tnaqqis totali għall-2010 huwa ’il fuq minn 40 %.

2.5.1   Jekk jintlaħqu dawn ir-riżultati importanti, il-KESE jemmen li t-tnaqqis ser ikun ġej mill-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni reċenti dwar is-sigurtà fit-toroq u t-titjib fis-sigurtà tal-vetturi iktar milli minn bidla fl-imġiba tal-utenti tat-toroq fejn għad hemm ħafna xi jsir.

2.6   Sabiex jintgħażlu l-miżuri li għandhom jagħmlu parti mill-istrateġija l-ġdida, huwa essenzjali li nifhmu liema politiki u inizjattivi kienu effettivi matul dawn l-aħħar għaxar snin, u liema ma kinux.

2.7   Il-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni għal dawn l-aħħar għaxar snin iffoka fuq tliet aspetti ewlenin:

bidliet fl-imġiba individwali, bħall-użu taċ-ċinturin tas-sigurtà, tagħmir li jżomm lit-tfal milli jiċċaqalqu fil-karozza, iċ-ċellulari u l-qerda tas-sewqan taħt l-effett tax-xorb;

appoġġ għal inizjattivi tal-industrija biex din tiżviluppa u tpoġġi fis-suq vetturi aktar siguri;

miżuri għat-titjib tal-infrastruttura, pereżempju permezz ta' ppjanar aħjar tat-toroq u l-mini, u l-armonizzazzjoni ta' sistemi avvanzati ta' għajnuna f’emerġenzi madwar l-Istati Membri kollha.

2.8   Bejn April u Lulju 2009, il-Kummissjoni Ewropea wettqet konsultazzjonijiet pubbliċi bil-għan li tinvolvi liċ-ċittadini Ewropej u lill-partijiet interessati fi ħdan il-gvernijiet fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali, u lis-setturi kummerċjali u professjonali, fl-identifikar tal-problemi ewlenin tas-sigurtà fit-toroq li għandhom jiġu indirizzati fil-pjan ta' azzjoni għas-sigurtà fit-toroq għall-perijodu 2011-2010, u dwar l-azzjonijiet prijoritarji li jistgħu jittieħdu u li permezz tagħhom, madwar l-UE kollha, jista’ jiġi indirizzat l-għadd ta' mwiet u ta' nies li jweġġgħu gravi fit-toroq, li huwa inaċċettabbli u li jinvolvi spejjeż kbar.

2.9   Il-KESE jaqbel mal-Kumitat dwar it-Trasport u t-Turiżmu li qabel ma jiġi adottat pjan ta' azzjoni ġdid għas-sigurtà fit-toroq, għandha ssir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-politiki tal-passat, tal-White Paper tal-Kummissjoni tal-2001 dwar it-Trasport u tal-pjan ta' azzjoni tal-2003.

2.10   Din l-evalwazzjoni tista’ ssir b’diversi modi, fost oħrajn, billi tintuża informazzjoni reċenti u l-fehmiet espressi fl-opinjonijiet tal-KESE f’dawn l-aħħar snin dwar is-suġġett. Dawn l-opinjonijiet jagħmluha ċara li l-KESE jqis it-titjib fis-sigurtà tat-toroq bħala waħda mill-kwistjonijiet ċentrali fil-politika tat-trasport, li jistħoqqilha li tkun fil-quċċata tal-aġendi tal-Istati Membri anke fi żmien ta' problemi ekonomiċi.

2.11   Sadattant, qed tiġri xi ħaġa importanti fid-dinja. Wara l-ewwel konferenza ministerjali globali dwar is-sigurtà fit-toroq li saret f’Moska f’Novembru 2009 (“Time for action”), l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti ddikkjarat il-perijodu bejn l-2011-2020 bħala “l-għaxar snin ta' azzjoni favur is-sigurtà fit-toroq” bil-għan li madwar id-dinja, jiġi stabilizzat u mnaqqas il-livell ta' mwiet tat-traffiku fit-toroq, li qishom saru epidemija f’kuntest fejn kull sena jmutu iktar minn miljun ruħ fit-triq u jkorru serjament madwar 20 miljun oħra, disgħin fil-mija minnhom f’pajjiżi bi dħul baxx jew medju. F’termini globali, il-konsegwenzi ekonomiċi ta' din ix-xorta ta' “pandemija” ġew stmati għal bejn 1 % u 3 % tal-PDG tal-bosta pajjiżi. Fl-2009 din l-ispiża ammontat għal madwar EUR 130 biljun fl-Ewropa.

2.12   B’rabta ma' dan, il-KESE jemmen li permezz tal-pjan ta' azzjoni għas-sigurtà fit-toroq, l-UE għandha tieħu spinta biex issir il-mexxejja globali fis-sigurtà tat-toroq. Din l-opportunità m’għandhiex titlifha.

3.   Kummenti ġenerali

3.1   Il-KESE jinnota li biex issir evalwazzjoni tal-effikaċja tal-politiki passati fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq, huwa importanti li tiġi dokumentata data statistika kwantitattiva u kwalitattiva dwar is-sigurtà fit-toroq fil-pajjiżi tal-UE-27 u li tkun tista’ tiġi mqabbla. Illum kull Stat Membru jipprovdi ċifri bażiċi dwar is-sigurtà fit-toroq lill-UE, iżda f’ħafna Stati Membri, il-kwalità u d-dettall tal-informazzjoni li jipprovdu mhix biżżejjed u ma tippermettix li ssir differenza bejn l-utenti tat-toroq, il-kategoriji tat-toroq, iċ-ċirkostanzi tat-temp u l-gravità tal-feriti.

3.2   Filwaqt li jżomm f’moħħu li matul dawn l-aħħar tletin sena t-traffiku fit-toroq tal-UE ittrippla, il-KESE jilqa’ l-progress konsiderevoli li sar mill-UE biex tnaqqas l-għadd ta' mwiet fit-toroq bin-nofs sal-2010. Kif innota l-KESE fl-opinjoni tiegħu dwar is-Sigurtà fit-Trasport 2003-2010 li ġiet adottata fl-10 ta' Diċembru 2003, jekk din il-mira kienet ambizzjuża għall-Ewropa ta' 15-il Stat Membru, kienet ser tkun ferm iktar diffiċli li tintlaħaq f’Ewropa mkabbra.

3.3   Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li filwaqt li l-UE waqqfet mira ambizzjuża ħafna għat-tnaqqis tal-imwiet fit-toroq, hija ma waqqfitx mira simili għall-utenti tat-toroq li jweġġgħu b’mod gravi. Bejn l-2001 u l-2008, l-għadd ta' utenti tat-toroq li weġġgħu gravi naqas bi 18 % biss fl-UE-27. Għalhekk, biex jilħaq tnaqqis drastiku f’dan il-qasam, il-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-Kummissjoni ser ikollu jinkludi miżuri speċifiċi għal dan il-għan, u dawn ser ikollhom jiġu applikati mill-Istati Membri, hekk kif jintlaħaq qbil dwar definizzjoni komuni tal-feriti gravi u inqas serji.

3.4   Fir-rigward tal-kwistjoni ta' kemm kienu effettivi l-politiki fil-livell tal-UE sabiex ibiddlu l-imġiba tal-utenti tat-toroq matul dawn l-aħħar għaxar snin, wieħed irid iżomm f’moħħu li hija biss id-deċiżjoni dwar il-pjan ta' azzjoni u l-linji gwida għall-implimentazzjoni li ssir fil-livell Komunitarju u li skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-implimentazzjoni tal-miżuri kollha tal-pjan ta' azzjoni jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta' bosta livelli fl-Istati Membri.

3.5   Jekk l-Istati Membri kollha jimplimentaw il-miżuri tal-pjan ta' azzjoni bl-istess mod huma ser jiltaqgħu ma' inqas problemi iżda sfortunatament l-esperjenza turi li dan mhux il-każ għax għad hemm differenzi kbar bejn il-livelli ta' sigurtà fit-toroq fl-Istati Membri tal-UE. L-implimentazzjoni u l-infurzar tal-miżuri fil-qasam tas-sigurtà tat-toroq ivarjaw minn pajjiż għal ieħor u fil-fehma tal-KESE ma hemm l-ebda dubju li politika Komunitarja iktar stretta ser tħalli riżultati iktar effettivi.

3.6   Huwa għalhekk li l-KESE jisħaq fuq kemm huwa importanti li bl-għajnuna tal-Istati Membri jiġi żviluppat u implimentat programm ta' armonizzazzjoni u regolazzjoni iktar ambizzjuż sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri tas-sigurtà tat-toroq aħjar u b’mod iktar mgħaġġel. It-twaqqif ta' aġenzija Ewropea għas-sigurtà fit-toroq tista’ tkun is-soluzzjoni.

3.6.1   Fil-fatt teżisti aġenzija għal kull mezz ta' trasport minbarra għat-toroq. L-aġenzija tas-sigurtà fit-toroq għandha tkun korp eżekuttiv ħafif assistit b’mod permanenti minn rappreżentanti magħżula mill-Istati Membri.

3.6.2   Fil-fehma tal-KESE, l-aġenżija għandha tapprofitta mill-korpi eżistenti bħall-Osservatorju Ewropew għas-Sigurtà fit-Triq u twettaq xogħol eżekuttiv fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq b’mod iktar effiċjenti. Hija tista’ pereżempju tevalwa minn sena għal sena l-mappa tal-iktar żoni fatali tat-toroq, tindika t-toroq li mhumiex siguri u tikkomunika dawn ir-riżultati lill-utenti tat-toroq tal-UE kif diġà ntalab f’opinjonijiet preċedenti tal-KESE (1). L-aġenzija tista’ tagħti appoġġ lill-gruppi nazzjonali u lokali tas-sigurtà fit-triq billi tħeġġeġ u xxerred l-aqwa prattiki fl-UE.

3.6.3   Barra minn hekk l-aġenzija tista’ tiżgura l-integrazzjoni tas-sigurtà fit-toroq f’politiki rilevanti oħra tal-UE bħall-edukazzjoni, is-saħħa u l-ambjent, u tħejji pjan ta' rotta bil-prijoritajiet għall-perijodu qasir u medju li jirrimedja d-dgħjufija prinċipali tal-pjan ta' qabel.

3.7   Fid-dawl tal-bidliet fl-imġiba tal-utenti tat-toroq matul dawn l-aħħar għaxar snin wieħed jista’ jikkonkludi li iktar minn nofs il-fatalitajiet huma kawża diretta ta' fatturi ta' mġiba bħal nuqqas ta' rispett tal-limiti tal-veloċità, sewwieqa żgħażagħ u ġodda u sewqan fi stat xurban. Fil-fehma tal-KESE, l-edukazzjoni, l-infurzar u t-taħriġ huma kollha importanti bl-istess mod fejn qasam jinfluwenza lil ieħor, iżda fl-aħħar mill-aħħar l-edukazzjoni hija s-soluzzjoni li minnha ser jirbaħ kull qasam.

3.8   Il-KESE stqarr li waħda mit-tliet dimensjonijiet ewlenin tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni matul dawn l-aħħar għaxar snin kienet “bidliet fl-imġiba individwali”. Fid-dawl taż-żieda fin-numru ta' vetturi fit-triq matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-politika f’dan il-qasam jeħtieġ li tiġi intensifikata.

3.9   Wieħed irid iżomm f’moħħu wkoll li ċerti kategoriji vulnerabbli ta' utenti tat-toroq bħall-motoċiklisti, iċ-ċiklisti u dawk li jimxu fit-triq jinsabu f’riskju sproporzjonat. Il-KESE jissuġġerixxi iktar edukazzjoni fil-qasam tat-traffiku abbinata ma' regolazzjoni-qafas komprensiva dwar it-tip ta' PTW li huma approvati u t-tieni stadju ta' taħriġ għal dawk li jsuqu PTW, bħala miżuri li jinfluwenzaw l-imġiba ta' din il-kategorija ta' utenti tat-toroq.

3.10   Barra minn hekk huwa importanti li jiġi rikonoxxut il-fatt li l-popolazzjoni tal-Ewropa qed tixjieħ u li l-politika tas-sigurtà fit-toroq għandha tiffoka fuq miżuri speċifiċi bħal sistemi ta' trasport intelliġenti, vetturi u infrastruttura adattati, sensibilizzazzjoni u edukazzjoni

3.11   Għal matul l-għaxar snin li ġejjin il-KESE jissuġġerixxi li l-politika tiffoka fuq edukazzjoni differenzjata, taħriġ u evalwazzjoni tal-utenti kollha tat-toroq b’mod partikolari l-gruppi f’riskju, iż-żgħar u l-anzjani u l-kategoriji vulnerabbli tal-utenti tat-toroq bħall-motoċiklisti, dawk li jimxu fit-toroq u ċ-ċiklisti.

3.12   Il-politika fil-livell tal-UE għandha tiġi stabbilita f’pjan ta' azzjoni għas-sigurtà fit-toroq li jkun jikkonsisti f’rakkomandazzjonijiet u linji gwida ċari u stretti għall-implimentazzjoni mill-Istati Membri. Għandu jingħata wkoll feedback lill-Kummissjoni dwar l-informazzjoni statistika definita tajjeb kull sena sabiex ikun jista’ jkun hemm reazzjoni rapida. Fl-istess waqt il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimetaw il-leġislazzjoni eżistenti u leġislazzjoni futura fil-qasam tas-sigurtà fit-toroq kemm jista’ jkun malajr.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1   L-isfida l-kbira għal politika tas-sigurtà tat-toroq ta' suċċess hija l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-livelli tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali u lokali. Filwaqt li l-progress fi kwistjonijiet tekniċi jista’ jinkiseb bl-addozzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE, il-progress fil-bidla fl-imġiba tal-utenti tat-toroq jista’ jinkiseb biss fil-livell nazzjonali. Għalhekk linji gwida tal-UE stretti u feedback annwali mill-Istati Membri lill-Kummissjoni huma kruċjali.

4.2   Wara ħarsa lejn il-politika fil-livell tal-UE u kemm irnexxielha ġġib bidla fl-imġiba tal-utenti tat-toroq matul dawk l-aħħar għaxar snin, il-KESE jikkonkludi li minħabba s-sussidjarjetà u n-nuqqas ta' possibilitajiet ta' monitoraġġ, il-politika tal-UE ma kenitx suċċess sa barra. It-taħriġ u l-edukazzzjoni kontinwa huma l-mezzi prinċipali ta' kif wieħed jista’ jinfluwenza l-imġiba b’mod pożittiv b’mod partikolari l-imġiba ta' sewwieqa żgħar u l-utenti tat-toroq anzjani. L-Istati Membri introduċew dawn il-mezzi b’mod differenti u xi drabi b’modi inadegwati.

4.3   Il-KESE huwa konvint li fir-rigward ta' dawn it-tipi ta' mġiba, l-enfasi tal-politika matul l-għaxar snin li ġejjin għandha tkun fuq il-qasam tat-taħriġ u l-edukazzjoni għall-kategoriji kollha tal-utenti tat-toroq fl-Istati Membri. Pereżempju l-introduzzjoni ta' ammont minimu ta' edukazzjoni obbligatorja tat-traffiku fl-iskejjel u fuq bażi volontarja li n-nies jitħeġġu li jkomplu jsaħħu dan l-għarfien matul il-ħajja.

4.4   L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni regolari u mmirati sabiex jinfluwenzaw l-imġiba tal-utenti. Dawn għandhom jindirizzaw l-untenti tat-toroq dwar suġġetti relatati mas-sigurtà li jinkludu r-rispett reċiproku, tagħmir protettiv, il-veloċità, kwistjonijiet ta' alkoħol u drogi u għandhom iseħħu flimkien ma' enfasi fuq l-infurzar.

4.5   Il-pjan ta' azzjoni l-ġdid għandu jagħti attenzjoni partikolari lir-rati differenti ta' riskju fis-sigurtà tat-toroq fil-pajjiżi Ewropej. Fl-2008, ir-rata tar-riskju fil-pajjiżi bl-għola rata ta' riskju kienet erba’ darbiet iktar mir-rata tal-pajjiżi bl-inqas rata tar-riskju. F’dawk il-pajjiżi fejn ir-rata tar-riskju hija iktar mir-rata medja tal-UE, l-għan għandu jkun mira ogħla tat-tnaqqis tal-fatalitajiet u tal-utenti tat-toroq li jweġġgħu b’mod gravi, b’hekk jiġu stabbiliti miri ta' tnaqqis tal-fatalitajiet differenzjati għall-2020 li jkunu bbażati fuq id-data tal-2010.

4.6   Fir-rigward tal-miżuri għas-“sigurtà passiva”, kien hemm titjib sostanzjali f’dawn l-aħħar għaxar snin, speċjalment minħabba li l-industrija daħħlet varjetà wiesgħa ta' miżuri tekniċi għas-sigurtà fil-karozzi tal-passiġġieri u l-vetturi għal tagħbijiet tqal. Il-proġett ta' riċerka u żvilupp finanzjati mill-programmi qafas tal-UE jistgħu jagħtu spinta għal iktar titjib fit-teknoloġiji ITS.

4.7   B’riżultat tal-kriżi ekonomika ħareġ fenomenu ġdid u dejjem iktar perikoluż: l-introduzzjoni fis-suq ta' karozzi tal-passiġġieri rħas li bilkemm jilħqu l-istandards tas-sigurtà. Sabiex tiġi garantita u mtejba s-sigurtà, il-livell ta' sigurtà tal-vetturi tal-kumpaniji għandu jogħla billi dawn fejn hu possibbli, jitgħammru bl-apparat il-ġdid tas-sigurtà. Valutazzjoniiet perjodiċi u spezzjonijiet annwali huma neċessarji. Is-sitwazzjoni hija agħar fis-settur tal-PTW fejn hemm bżonn li s-suq jiġi sorvejlat u l-ispezzjonijiet perjodiċi huma essenzjali (2). Il-KESE jemmen li l-UE għandha tirreaġixxi billi tistabbilixxi standards tas-sigurtà ogħla.

4.8   B’rabta ma' dan, hemm bżonn leġislazzjoni ġdida tal-UE dwar it-tipi ta' PTW approvati inkluż ABS u BCS mandatorji għal vetturi ta' ’l fuq minn 150cc u l-introduzzjoni ta' testijiet ta' kemm vettura hija tajba għat-triq kif ukoll li jiddaħħal it-taħriġ tat-tieni fażi għall-PTW fir-reviżjoni tad-direttiva dwar il-liċenzja tas-sewqan. Barra minn hekk l-UE għandha tappoġġja l-kampanji ta' sensibilizzazzjoni sabiex tiżgura konformità mar-regoli prinċipali tas-sigurtà.

4.9   L-ippjanar tat-toroq u tal-ġnub tat-toroq jilagħbu rwol importanti fl-inċidenti. L-istħarriġ fil-qasam juri li f’madwar 30 % tal-inċidenti tkun involuta l-infrastruttura. Dan ifisser li hemm lok għal ħafna tibdil fil-qasam. Milli jidher l-ostakoli prinċipali għal iktar sigurtà mhux ġejjin biss minn limiti finanzjarji iżda anki minn nuqqas ġenerali ta' għarfien. L-istatistiċi juru li t-toroq rurali huma ħafna drabi l-iktar perikolużi. Il-fondi tal-UE (TERN, il-fondi strutturali) għandhom jiddependu mit-twettiq ta' toroq siguri. Huwa importanti ħafna li d-disinn, il-bini u ż-żamma tal-infrastruttura tat-toroq tqis ukoll is-sigurtà tal-PTW.

4.10   Il-KESE jikkonkludi li l-iktar sforz effettiv sabiex l-infrastruttura ssir iktar sigura matul dawn l-aħħar għaxar snin kienu l-proposti tat-Tielet Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Sigurtà fit-Toroq: id-Direttiva dwar is-sigurtà fil-mini (2004/54/EC). Din id-Direttiva kellha impatt kbir fl-Ewropa.

4.11   Għal matul l-għaxar snin li ġejjin , il-KESE jirrakkomanda li fir-rigward tal-iżvilupp tal-infrastruttura, il-pjan ta' azzjoni l-ġdid għandu jinkludi l-mira li jgħolli l-livell ta' sigurtà tan-netwerk tat-toroq trans-Ewropej u ta' 25 % ta' dawk li ma jagħmlux parti min-netwerk tat-toroq trans-Ewropej għall-istat tat-TREN; Permezz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill dwar Direttiva emendata dwar il-ġestjoni tas-sigurtà tal-infrastruttura, li tkun tinkludi annessi tekniċi vinkolanti u li jkollha ambitu iktar wiesgħa (anki għal toroq li ma jagħmlux parti mit-TREN), kif ukoll jekk jintlaqgħu l-linji gwida tal-UE għal infrastruttura sigura tat-toroq urbani, ser jingħata kontribut konsiderevoli għas-sigurtà fit-toroq. Fil-perijodu qasir l-UE għandha tippromovi l-adozzjoni minn kmieni mill-Istati Membri kollha tal-erba’ miżuri tad-direttiva dwar l-infrastruttura: il-valutazzjoni tal-impatt tas-sigurtà tat-toroq, verifika tas-sigurtà tat-toroq, ġestjoni tas-sigurtà tan-netwerks u l-ispezzjoni tas-sigurtà.

4.12   Minħabba r-responsabbiltà maqsuma li teżisti fil-qasam, il-KESE huwa konvint li sabiex tinħoloq żona ġenwina ta' toroq siguri fis-27 Stat Membru, tmexxija politika b’saħħitha hija prerekwiżit. Dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell tal-UE iżda anki fl-Istati Membri fil-livell nazzjonali u u reġjonali għandhom ikunu konvinti minn kemm huwa importanti li jaħdmu flimkien sabiex jimplimentaw bidliet leġislattivi fuq il-perijodu qasir u twil akkumpanjati minn kampanji kbar ta' informazzjoni. L-użu tal-għarfien espert tal-atturi privati prinċipali fil-qasam tas-sigurtà tat-toroq fl-Ewropa ser joħloq appoġġ u jkun inizjattiva kosteffettiva.

4.13   Fir-rigward tas-settur privat u b’kunsiderazzjoni tal-fatt li l-missjonijiet tax-xogħol u l-ivvjaġġar mid-dar lejn u mill-post tax-xogħol huma sors prinċipali ta' riskji, pass importanti fid-direzzjoni t-tajba jista’ jittieħed minn min iħaddem u jmexxi l-vetturi tal-kumpaniji. Fil-fatt il-miżuri sabiex jitnaqqsu l-fatalitajiet fit-toroq għandhom ikopru kull tip ta' sewqan għax-xogħol jiġifieri għandhom imorru lil hinn mis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

4.13.1   Dawk li jħaddmu fis-settur privat u pubbliku għandhom jippromovu prattiki tajba sabiex jitnaqqsu l-ħabtiet billi jħeġġu lill-persunal jaqleb għall-użu tat-trasport pubbliku u fejn possibbli jiżviluppaw linji gwida għas-sigurtà tal-vetturi tal-kumpaniji u jimmonitorjaw il-prestazzjoni sigura tagħhom. Eżempju tajjeb fil-qasam huwa l-proġett PRAISE (3) kofinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea bil-għan li jsir avvanz fix-xogħol relatat mal-ġestjoni tas-sigurtà tat-toroq u li min iħaddem jiġi pprovdut bl-informazzjoni rilevanti. Din il-kwistjoni tista’ tinteressa wkoll lill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (UE-OSHA);

4.13.2   Fl-istess spirtu, qiegħed jiġi żviluppat standard internazzjonali ġdid tal-ISO, 39001, għas-sigurtà fit-toroq fuq ix-xogħol u mistenni jitlesta fl-aħħar tal-2011. Il-Kummissjoni Ewropea għandha tistieden lill-firmatarji kollha tal-Karta tas-Sigurtà fit-Toroq sabiex l-ISO 39001 jiġi ċertifikat kemm jista’ jkun malajr.

4.14   Kundizzjonijiet oħra għal “żona ta' sigurtà fit-toroq” huma: iktar informazzjoni statistika komparabbli dwar l-Istati membri, feedback dwar l-informazzjoni mill-Istati Membri lill-Kummissjoni fuq bażi annwali, it-twaqqif ta' sistema ta' monitoraġġ u segwita fil-livell tal-UE permezz ta' aġenzija Ewropea tas-sigurtà fit-toroq, l-implimentazzjoni tajba u rapida tal-leġislazzjoni tal-UE mill-Istati Membri kollha u iktar enfasi fuq it-taħriġ u l-edukazzjoni kontinwa u attenzjoni speċjali fuq l-utenti tat-toroq żgħar u anzjani.

4.15   Il-KESE jissuġġerixxi pjan ta' azzjoni b’miri ambizzjużi iżda realistiċi. Għal raġunijiet politiċi, kif sar fil-passat, il-mira għall-għaxar snin li jmiss għandha tkun globali. Fir-rigward tat-tnaqqis tan-numru ta' fatalitajiet, il-KESE mhux ser jindaħal fid-diskussjoni billi jissuġġerixxi perċentaġġ iżda jirrakkomanda bis-sħiħ li jiġu stabbiliti miri speċifiċi għat-tnaqqis tal-ammont ta' feriti gravi u fin-numru ta' utenti vulnerabbli tat-toroq, bħal dawk li jimxu fit-triq, iċ-ċiklisti u dawk li jsuqu PTW, li jkunu involuti f’inċidenti tat-triq u korrimenti.

4.16   Barra minn hekk l-UE, possibbilment permezz ta' Aġenzija tas-Sigurtà fit-Toroq, għandha tipprovdi mhux biss l-għan fuq perijodu twil iżda wkoll miri intermedjarji billi tibda programm ta' assistenza teknika sabiex tappoġġja lill-Istati Membri li għadhom ftit iktar lura fil-qasam sabiex jiżviluppaw strateġija nazzjonali biex inaqqsu l-fatalitajiet.

Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  ĠU C 80, 30.3.2004, p. 77-80

(2)  ĠU C 354, 28.12.2010, p. 30.

(3)  PRAISE –il-prevenzjoni tal-inċidenti u l-korrimenti fit-triq għas-sigurtà tal-impjegati. (www.etsc.eu/PRAISE.php)


Top