Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE1181

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru xxxx/2010 ta’ xxxx li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja” – COM(2010) 336 finali – 2010/0183 (COD)

    ĠU C 48, 15.2.2011, p. 163–164 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    15.2.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 48/163


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru xxxx/2010 ta’ xxxx li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja”

    COM(2010) 336 finali – 2010/0183 (COD)

    2011/C 48/29

    Relatur: is-Sur KIENLE

    Nhar is-7 ta' Lulju 2010 u nhar it-8 ta' Lulju 2010 rispettivament, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew, b'konformità mal-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (UE) Nru xxxx/2010 ta' xxxx li jemenda r-regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (Regolament Waħdieni dwar l-OKS) rigward l-għajnuna mogħtija fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja

    COM(2010) 336 finali – 2010/0183 (COD).

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-31 ta' Awwissu 2010.

    Matul l-465 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-15 u s-16 ta' Settembru 2010 (seduta tal-15 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'114-il vot favur, 2 voti kontra u 6 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa' l-miżuri proposti għall-estensjoni temporanja tal-għajnuna fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja, bi skadenza finali li ma tkunx aktar tard minn tmiem l-2017, aktar u aktar billi ma ġiet osservata l-ebda distorsjoni tas-suq u l-proposta m'għandha l-ebda konsegwenza fuq il-baġit tal-Komunità.

    1.2

    Il-KESE jirrakkomanda li l-perijodu transitorju jintuża biex il-familji li jaħdmu fid-distillazzjoni agrikola tradizzjonali jiġu megħjuna jsibu direzzjoni ġdida għan-negozju tagħhom li tkun aċċettabbli mil-lat soċjali, u b'mod partikolari biex jiġu kkonservati l-ġonna tas-siġar tal-frott li għandhom valur ekoloġiku.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li mill-1 ta' Jannar 2018 jitneħħa l-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja għall-alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola li ilu jeżisti sa mill-1918. L-awtorità nazzjonali s'issa tagħti l-permessi għad-distillazzjoni u tistabbilixxi prezz tax-xiri li suppost ikopri l-ispejjeż tad-distilleriji.

    2.2

    S'issa, il-produzzjoni/il-bejgħ tal-monopolju kienu qed jitnaqqsu bil-mod il-mod:

    id-distilleriji agrikoli ssiġillati, li jipproċessaw l-aktar iċ-ċereali u l-patata, iridu joħorġu mill-monopolju sa tmiem l-2013, u sa dak iż-żmien għandhom inaqqsu l-produzzjoni tagħhom bil-mod il-mod biex fi tliet snin inaqqsuha b'terz (u jgħaddu minn total ta' 540 000 hl fl-2011 għal 180 000 hl fl-2013);

    id-distilleriji ż-żgħar b'restrizzjoni fuq il-bejgħ li joperaw fil-livell lokali u jipproduċu kwantitajiet żgħar ta' alkoħol mill-frott, is-sidien tal-materja prima u d-distilleriji tal-kooperattivi tal-frott jistgħu jibqgħu jipproduċu sa massimu ta' 60 000 hl fis-sena sal-aħħar tal-2017.

    2.3

    Il-proposta m'għandhiex implikazzjonijiet fuq il-baġit tal-Komunità.

    3.   Kummenti

    3.1

    Il-KESE jilqa' l-pjan propost biex jintemm il-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja, b'deroga temporanja u bi tnaqqis differenzjat ta' kemm ikun permess li jiġi prodott alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola.

    3.2

    Fl-2008, fis-27 Stat Membru tal-UE ġew prodotti madwar 45,5 miljun hl alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola, speċjalment miċ-ċereali, pitravi taz-zokkor/għasel iswed, inbid, patata, frott u prodotti oħra. Il-produtturi prinċipali tal-alkoħol agrikolu fl-UE huma Franza (15,4 miljun hl), il-Ġermanja (5,9 miljun hl), Spanja (5,4 miljun hl) u l-Polonja (1,9 miljun hl). Fl-istess sena, l-Istati Membri tal-UE importaw madwar 13-il miljun hl alkoħol etiliku minn pajjiżi terzi. L-alkoħol etiliku ta' oriġini agrikola jintuża għall-konsum mill-bniedem (fix-xorb u bħala ħall), fis-settur tal-bijokarburanti u f'applikazzjonijiet industrijali oħra. Dan l-aħħar kien hemm żieda qawwija fl-użu tiegħu mis-settur tal-karburanti.

    3.3

    Però, huwa biss madwar 10 % tal-alkoħol agrikolu prodott il-Ġermanja li jsir fil-qafas tal-Monopolju tal-Alkoħol tal-Ġermanja u li jiġi appoġġjat mill-għajnuna nazzjonali. Skont l-aktar ċifri reċenti, 674 distillerija agrikola kkontribwixxew għall-monopolju bi produzzjoni medja ta' 800 hl. Fil-qafas tal-monopolju, il-madwar 28 000 distillerija żgħira b'restrizzjoni fuq il-bejgħ – li minnhom kull sena jkunu attivi madwar 20 000 – jistgħu jipproduċu sa massimu ta' 300 litru alkoħol.

    3.4

    S'issa l-monopolju tal-alkoħol ippermetta li din il-produzzjoni tradizzjonali u deċentralizzata ħafna tkompli ssir f'distilleriji agrikoli żgħar u żgħar ħafna. Però din il-produzzjoni hija importanti ħafna fil-livell reġjonali, pereżempju fl-inħawi madwar muntanji b'altitudni medja, bħall-Black Forest. Iċ-ċiklu ta' riċiklaġġ li jirrispetta l-ambjent fid-distilleriji agrikoli u l-kontribut tad-distilleriji ż-żgħar u dawk tal-frott għall-istabilizzazzjoni tad-dħul, għall-konservazzjoni tal-pajsaġġi kulturali u għaż-żamma tad-diversità bijoloġika jibbenefikaw, b'mod ġenerali, minn rikonoxximent politiku u soċjali kbir.

    3.5

    Il-KESE jikkunsidra li wara li jintemm il-monopolju tal-alkoħol u jiġi liberalizzat is-suq tal-alkoħol agrikolu, il-produzzjoni industrijali tal-alkoħol ma tkunx alternattiva għad-distilleriji agrikoli tradizzjonali (żgħar). Għaldaqstant, matul il-perijodu transitorju għandhom jinsabu possibbiltajiet biex, minn naħa, dawn il-familji tal-bdiewa jiġu megħjuna jsibu direzzjoni għall-ġejjieni tan-negozju tagħhom li tkun aċċettabbli mil-lat soċjali, u minn naħa oħra, biex jiġu kkonservati l-mergħat u l-ġonna tas-siġar tal-frott li għandhom valur ekoloġiku kbir.

    Brussell, 15 ta’ Settembru 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    Top