Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0768

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili” COM(2009) 611 finali – 2009/0170 (COD)

    ĠU C 21, 21.1.2011, p. 62–65 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 21/62


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili”

    COM(2009) 611 finali – 2009/0170 (COD)

    2011/C 21/11

    Relatur ġenerali: is-Sur KRAWCZYK

    Nhar l-20 ta' Novembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 80(2) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-

    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili

    COM(2009) 611 finali – 2009/0170 (COD).

    Fil-15 ta' Diċembru 2009, il-Bureau tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Art. 59(1) tar-Regoli ta' Proċedura), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-463 Sessjoni Plenarja tiegħu (seduta tas-27 ta' Mejju 2010) li jaħtar lis-Sur Krawczyk bħala r-relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’157 vot favur u 2 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Is-sistema Komunitarja attwali għall-investigazzjoni tal-aċċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u għar-rappurtar tal-okkorrenzi mhix qed taħdem bl-ikbar effiċjenza possibbli. Ma tqisx il-progress sinifikanti li sar lejn il-ħolqien ta' suq uniku tal-avjazzjoni, b’mod partikulari permezz tal-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni.

    1.2   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea bħala pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet relatati mal-qasam attwalment ifframmentat tal-investigazzjoni tal-aċċidenti fl-UE.

    1.3   Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-promozzjoni tal-kooperazzjoni volontarja permezz ta' Netwerk Ewropew tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili. Il-KESE jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni li t-twaqqif ta' Aġenzija Ewropea għall-investigazzjoni tal-aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili jkun prematur.

    1.4   Il-KESE jixtieq jenfasizza li l-uniku objettiv tal-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti għandu jkun li jiġu evitati l-aċċidenti u l-inċidenti u mhux li jinsab il-ħati. Għaldaqstant il-KESE jqis li huwa essenzjali li jkompli jittejjeb it-test tal-Artikolu 15 sabiex jiġi żgurat li jkun kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness 13 tal-ICAO.

    1.5   Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira għas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ta' proċess tal-investigazzjoni tal-aċċidenti li huwa tabilħaqq indipendenti u ħieles minn kull interferenza mill-partijiet affettwati kif ukoll mill-pubbliku, il-politika, il-mezzi tax-xandir u l-awtoritajiet ġudizzjarji.

    1.6   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta' “kultura ta' sikurezza” u li l-Istati Membri kollha tal-UE jiżguraw l-implimentazzjoni ta' “kultura ġusta” fi ħdan is-sistemi penali nazzjonali tagħhom. Hija meħtieġa iktar azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jemendaw is-sistema penali legali nazzjonali tagħhom biex jiżguraw kultura ġusta.

    1.7   B’mod partikulari l-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata Karta tal-UE dwar il-Kultura Ġusta flimkien ma' partijiet interessati rilevanti oħrajn.

    1.8   Il-KESE jissottolinja l-importanza li tiġi ggarantita l-indipendenza sħiħa tal-proċess tal-investigazzjoni tal-aċċidenti minn kull parti affettwata, inkluża l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. Għaldaqstant huwa importanti li jiġu inklużi iktar salvagwardji fil-leġislazzjoni sabiex jiġi żgurat li l-korpi tal-investigazzjoni tal-aċċidenti jżommu r-rwol ta' tmexxija tagħhom.

    1.9   Il-KESE jenfasizza li d-disponibbiltà f’waqtha tal-lista tal-passiġġieri hija importanti ħafna għall-familji tal-vittmi. Madankolllu, il-KESE jaħseb li huwa daqstant ieħor importanti li l-lista disponibbli tkun it-tajba.

    2.   Introduzzjoni

    2.1   It-trasport bl-ajru huwa wieħed mill-iktar tipi ta' trasportazzjoni siguri. L-istatistika turi li – minkejja tkabbir qawwi fit-traffiku tal-ajru minn mindu nħoloq is-suq uniku tal-avjazzjoni fl-1992 – l-Unjoni Ewropea rnexxielha tgħolli l-livell tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni, u b’riżultat ta' dan il-linji tal-ajru tal-UE huma fost l-iktar siguri fid-dinja.

    2.2   Madankollu s-sikurezza qatt ma tista’ tittieħed bħala fatta u jeħtieġ li jsiru sforzi kontinwi biex jitjieb il-livell tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni. Sigur kemm ikun sigur il-qasam tal-avjazzjoni fl-UE, qatt ma tista’ tiġi eskluża l-possibilità ta' aċċidenti jew inċidenti serji. Għaldaqstant, l-investigazzjonijiet indipendenti ta' dawk l-aċċidenti jew inċidenti huma essenzjali. L-analiżi taċ-ċirkostanzi tal-aċċident twassal għal rakkomandazzjonijiet li jsiru sabiex jiġi evitat li dawn l-aċċidenti jerġgħu jseħħu fil-ġejjieni.

    2.3   L-obbligu li jiġu investigati l-aċċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili huwa minqux fil-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, li jagħmlu parti minnha l-Istati Membri kollha. L-istandards u l-prattiki rakkomandati ddettaljati jinsabu fl-Anness 13 tal-Konvenzjoni ICAO ta' Chicago.

    2.4   Konxja mill-importanza tal-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti, fl-1980 il-Komunità Ewropea kienet diġà adottat id-Direttiva 80/1266/KEE dwar il-kooperazzjoni u l-assistenza reċiproka bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-investigazzjoni tal-aċċidenti tal-ajru (1). Din id-Direttiva tal-1980 sussegwentament ġiet sostitwita mid-Direttiva 94/56/KE (2). Barra minn hekk, fl-2003 ġiet adottata d-Direttiva 2003/42/KE (3) dwar rapporti ta' okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili.

    2.5   Is-sistema Komunitarja għall-investigazzjoni tal-aċċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u għar-rappurtar tal-okkorrenzi kif stabbilita attwalment mhijiex qed tiffunzjona bl-aktar mod effiċjenti possibbli minħabba li hija fframmentata. Ma tqisx b’mod adegwat il-progress sinifikanti lejn il-ħolqien ta' suq uniku tal-avjazzjoni li żied is-setgħa tal-UE fil-qasam tas-sikurezza tal-avjazzjoni, b’mod partikulari permezz tal-ħolqien tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni. B’konsegwenza ta' dan, fid-29 ta' Ottubru 2009 l-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta' aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili, li għandha tirrevoka l-leġislazzjoni attwali f’dawn l-oqsma.

    3.   Il-proposta tal-Kummissjoni

    3.1   Il-proposta tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-promozzjoni tal-kooperazzjoni volontarja, jiġifieri taħt ir-Regolament propost, il-kooperazzjoni informali attwali tiġi trasformata f’Netwerk Ewropew tal-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fl-Avjazzjoni Ċivili (in-netwerk). In-netwerk mhux ser ikollu identità ġudizzjarja u l-mandat tiegħu ser ikun limitat għal kompiti konsultattivi u ta' koordinazzjoni.

    3.2   Barra minn hekk, il-proposta tikkomplementa l-kooperazzjoni volontarja b’għadd ta' obbligi mħaddna fil-liġi:

    l-implimentazzjoni fil-liġi Komunitarja tal-istandards u l-prattiki rakkomandati fil-livell internazzjonali marbutin mal-ħarsien tal-evidenza u l-informazzjoni sensittiva dwar is-sikurezza, skont l-Anness 13 tal-ICAO;

    l-istabbiliment ta' rekwiżiti komuni f’termini tal-organizzazzjoni tal-Awtoritajiet nazzjonali tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza u t-tisħiħ tal-indipendenza tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza;

    koordinazzjoni aħjar tal-varji inkjesti dwar xi jkun ikkawża l-aċċidenti u l-inċidenti;

    il-kjarifika tad-drittijiet u l-obbligi reċiproċi tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u tal-Awtoritajiet nazzjonali tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza mingħajr ma tiġi kompromessa l-indipendenza tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza;

    l-ispeċifikar tal-kriterji li abbażi tagħhom l-Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza jaħtru r-rappreżentanti akkreditati għall-Istat tad-Disinn;

    taħseb għal Kultura Ġusta billi tfassal il-linji għal sistema ta' rappurtar mhux punittiva;

    l-istabbiliment ta' rekwiżiti komuni għal-linji tal-ajru Komunitarji rigward il-listi tal-passiġġieri u l-ħarsien tad-data ta' ġo fihom (jiġifieri l-Artikolu 23 tar-Regolament propost);

    it-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi tal-aċċidenti tal-ajru u tal-familji tagħhom;

    ħarsien aħjar tal-anonimità tal-persuni involuti fl-aċċidenti;

    l-istabbiliment ta' bank tad-data komuni għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u f’liema stadju tkun waslet l-azzjoni meħuda bi tweġiba għalihom.

    4.   Kummenti speċifiċi

    4.1   Il-KESE jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea u jqisha bħala pass fid-direzzjoni t-tajba sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet relatati mal-qasam attwalment ifframmentat tal-investigazzjoni tal-aċċidenti fl-UE. Madankollu, il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi monitorjata l-effettività tal-proposta filwaqt li jitqies il-fatt li xi Stati Membri iżgħar m’għandhomx l-għarfien espert u/jew ir-riżorsi fil-qasam tal-investigazzjoni tal-aċċidenti. Għaldaqstant, il-KESE jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi l-kriterji dwar il-livell minimu meħtieġ ta' kompetenzi tekniċi tal-Korpi tal-Investigazzjoni tal-Aċċidenti kif ukoll għall-investigaturi – u jħeġġeġ lill-Istati Membri fl-impenn tagħhom lejn dan.

    4.2   Il-KESE jilqa’ b’mod partikulari l-approċċ pragmatiku tal-Kummissjoni bbażat fuq is-sussidjarjetà u l-proporzjonalità. Il-KESE jaqbel mal-ġudizzju tal-Kummissjoni li t-twaqqif ta' Aġenzija Ewropea għall-investigazzjoni tal-aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili jkun prematur għalkemm m’għandux jiġi eskluż fuq medda itwal ta' żmien. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza li jiġi żgurat li n-netwerk ikun miftuħ għal dawk il-pajjiżi li mhumiex fl-UE li għandhom fruntieri mal-UE u li qed jikkooperaw mill-qrib mal-UE, b’mod partikulari dawk l-Istati li huma membri tal-Konferenza Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (ECAC).

    4.3   Il-KESE jenfasizza l-importanza kbira għas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ta' proċess tal-investigazzjoni tal-aċċidenti li huwa tabilħaqq indipendenti u ħieles minn kull interferenza mill-partijiet affettwati kif ukoll mill-pubbliku, il-politika, il-mezzi tax-xandir u l-awtoritajiet ġudizzjarji.

    4.4   Il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll il-fatt li l-uniku objettiv tal-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti huwa li jiġu evitati l-aċċidenti u l-inċidenti u mhux li jinsab il-ħati. Għaldaqstant il-KESE jqis li huwa essenzjali li jkompli jittejjeb it-test tal-Artikolu 15 sabiex jiġi żgurat li jkun kompletament konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Anness 13 tal-ICAO. B’mod partikulari, is-suġġeriment li jingħataw iktar drittijiet lill-awtoritajiet ġudizzjarji u l-interess pubbliku għal finijiet oħra barra mill-investigazzjoni tal-aċċidenti huwa kontroproddutiv u jista’ jxekkel ir-rappurtar volontarju ta' okkorrenzi jew inċidenti. Il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-proċess tal-investigazzjoni tal-aċċidenti jibqa’ separat għalkollox minn kwalunkwe proċedura ġudizzjarja. Dan għaliex jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-ġbir ta' informazzjoni dwar is-sikurezza u għaldaqstant jista’ jwassal biex is-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni fl-UE teħżien. Il-KESE jenfasizza li din mhux ħa taffettwa d-dritt tal-vittmi li jingħataw kumpens permezz ta' proċeduri indipendenti separati mill-proċessi tal-investigazzjoni tal-aċċident. Il-KESE jenfasizza l-importanza tal-ħarsien ta' data sensittiva dwar is-sikurezza kif ukoll il-ħarsien tal-impjegati li jirrappurtaw avvenimenti relatati mas-sikurezza.

    4.4.1   Il-KESE jirrikonoxxi l-importanza tad-Dikjarazzjoni li nħarġet fis-26 ta' April 2010 mill-Organizzazzjonijiet tas-Settur tat-Trasport bl-Ajru relatata mar-Regolament tal-UE dwar l-Investigazzjoni tal-Aċċidenti fl-Ajru. Din tqajjem tħassib serju dwar il-proposta tal-Kummissjoni (approvata mill-Kunsill tat-Trasport tal-11 ta' Marzu 2010), fir-rigward ta' dak li jfissru bħala l-primat tal-investigazzjoni ġudizzjarja fuq l-investigazzjoni tas-sikurezza. Skont l-organizzazzjonijiet firmatarji, dan jippreġudika bil-kbir il-kapaċità tal-investigaturi tal-aċċidenti li kunfidenzjalment jiksbu l-informazzjoni neċessarja biex jindividwaw il-fatturi li jkunu kkontribwixxew għall-aċċidenti u għalhekk jipprevenihom milli jagħmlu rakkomandazzjonijiet informati sew dwar is-sikurezza bżonjużi biex titjieb is-sigurtà tal-avjazzjoni u jiġu evitati aċċidenti fil-futur. Fl-aħħar, dan mhux fl-interess tal-utenti tat-trasport bl-ajru fl-Ewropa.

    4.5   Il-KESE jixtieq jenfasizza l-importanza ta' “kultura ta' sikurezza” u li l-Istati Membri kollha tal-UE jiżguraw l-implimentazzjoni ta' “kultura ġusta” fi ħdan is-sistemi penali nazzjonali tagħhom. Fl-interess tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni, huwa essenzjali li r-riżultati tal-investigazzjonijiet tal-aċċidenti jintużaw biex jiġu evitati aċċidenti futuri minflok biex jiġu kkastigati żbalji mhux intenzjonati, għaliex dan jista’ jxekkel investigazzjoni tajba tal-aċċident. Il-KESE huwa tal-fehma li r-regolament għandu jipprovdi qafas li fih il-partijiet kollha involuti fl-aċċidenti jistgħu jaqsmu l-informazzjoni u jitkellmu b’mod ħieles u kunfidenzjali. Iċ-ċertezza legali, jiġifieri sensiela b’saħħitha ta' regoli legali li jiddefinixxu mingħajr ambigwità fejn l-informazzjoni dwar is-sikurezza tista’ jew ma tistax tintuża barra mill-investigazzjoni tal-aċċident, hija neċessarja sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni miftuħa b’mod kunfidenzjali. Mingħajr din iċ-ċertezza l-persuni involuti ser jibżgħu jikkontribwixxu għall-investigazzjoni. Il-KESE jenfasizza li hija meħtieġa iktar azzjoni fil-livell tal-UE sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jemendaw is-sistema penali legali nazzjonali tagħhom biex jiżguraw kultura ġusta. B’mod partikulari l-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata Karta tal-UE dwar il-Kultura Ġusta. Il-KESE jilqa’ l-“Karta għal kultura ġusta” li ġiet miftiehma mill-imsieħba soċjali Ewropej tal-avjazzjoni ċivili fil-31 ta' Marzu 2009.

    4.6   Skont il-KESE d-disponibbiltà f’waqtha tal-lista tal-passiġġieri hija importanti għall-familji tal-vittmi. Madankollu, il-KESE jħoss li huwa daqstant ieħor importanti li l-lista disponibbli tkun it-tajba. Għaldaqstant il-KESE jħoss li skadenza ta' siegħa għat-tressiq tal-lista tal-passiġġieri tista’ tinżamm bil-kundizzjoni li jkun hemm xi eċċezzjonijiet meta dan ma jkunx teknikament fattibbli, b’mod partikulari għal titjiriet fuq distanzi twal li jitilqu minn pajjiżi terzi. Linja tal-ajru tista’ faċilment toħroġ lista mhux ivverfikata fi żmien siegħa iżda lista vverifikata hija essenzjali, b’mod partikulari għal titjiriet fuq distanzi twal li jitilqu minn destinazzjonijiet mhux fl-UE. Il-KESE jenfasizza wkoll l-importanza tal-privatezza u tal-ħarsien tad-data u għaldaqstant iħoss li l-listi tal-passiġġieri li l-linji tal-ajru jistgħu jipprovdu mis-sistemi taċ-check-in u tal-ibbukkjar għandhom ikunu biżżejjed għal dan il-għan.

    4.7   Il-KESE jissottolinja l-importanza li fil-proċess tal-investigazzjoni tal-aċċidenti tiġi ggarantita indipendenza sħiħa mill-partijiet kollha affettwati, inkluża l-Aġenzija Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili. Għaldaqstant huwa importanti li jiġu inklużi iktar salvagwardji fil-leġislazzjoni sabiex ikun żgurat li l-korpi tal-investigazzjoni tal-aċċidenti jżommu r-rwol ta' tmexxija tagħhom. Minflok, l-EASA tista’ ssir parti (konsulent) tal-investigazzjoni flimkien ma' partijiet oħra affettwati (linja tal-ajru, manifattur, eċċ.) iżda m’għandhiex titħalla tinfluwenza l-proċess jew ir-riżultat tal-investigazzjoni. Il-KESE b’mod partikulari jixtieq jirrimarka l-fatt li l-EASA m’għandhiex titħalla taġixxi bħala investigatur akkreditat tal-aċċidenti billi dan iwassal għal kunflitt ta' interess mar-rwol tal-EASA bħala regolatur tas-sikurezza u għaldaqstant ma jkunx konformi mal-ispirtu tal-Anness 13 tal-ICAO. Minkejja dan, il-KESE jixtieq jenfasizza wkoll l-importanza li r-rakkomandazzjonijiet ta' kull investigazzjoni jintbagħtu lill-EASA, meta dan ikun xieraq u meħtieġ sabiex l-EASA taġixxi fir-rigward ta' tħassib immedjat dwar is-sikurezza.

    4.8   Il-KESE jilqa’ l-proposta li tinħoloq bażi tad-data ċentrali ta' rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-investigazzjonijiet tal-aċċidenti, inkluż l-istat tas-segwitu tagħhom. Madankollu – fuq l-eżempju tas-sistema tal-Istati Uniti, li fiha l-FAA teżamina r-rakkomandazzjonijiet li joriġinaw mill-US National Transport Safety Board (NTSB) – il-KESE huwa tal-fehma li huwa essenzjali li l-Aġenzija Ewropea tal-Avjazzjoni Ċivili (EASA) tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-benefiċċju miżjud għas-sikurezza u l-impatt regolatorju ta' kull rakkomandazzjoni ta' sikurezza qabel ma tipproċedi bit-tfassil ta' regoli.

    4.8.1   Il-KESE jħeġġeġ iktar azzjoni tal-UE sabiex tiġi żgurata analiżi fil-fond u adatta tar-rapporti tal-inċidenti u sabiex ir-riżorsi minn madwar l-Ewropa kollha jingħaqdu b’mod aħjar f’dan il-kuntest.

    4.9   Il-KESE jenfasizza l-importanza, fl-interess tas-sikurezza, li l-Istati Membri kollha tal-UE (u mhux fl-UE) jifhmu b’mod ċar il-kontenut tar-rapport dwar l-investigazzjoni ta' aċċident (Artikolu 19). Sikwit jiġri li l-Awtoritajiet Ċivili Nazzjonali tal-Investigazzjoni jipproduċu rapporti bil-lingwa nazzjonali tagħhom biss, anke jekk inkunu involuti partijiet barranin. Il-KESE jirrakkomanda li tal-inqas tiġi pprovduta traduzzjoni bl-Ingliż ta' kull rapport dwar l-investigazzjoni ta' aċċident.

    4.10   Il-KESE jirrimarka li s-sikurezza dejjem se tieħu preċedenza fuq rekwiżiti oħrajn bħall-ħarsien tal-proprjetà intellettwali. Min-naħa l-oħra huwa importanti li jiġu pprovduti iktar salvagwardji sabiex titħares il-proprjetà intellettwali (Artikolu 15). L-informazzjoni kummerċjali sensittiva għandha tinqasam mal-Awtoritajiet biss, u għandha titħares milli tispiċċa f’idejn kompetituri. Il-Manifatturi Oriġinali tat-Tagħmir (OEM – Original Equipment Manufacturers) m’għandhomx jingħataw l-informazzjoni kollha dwar iċ-Ċertifikati tat-Tip Supplementari (STC – Supplemental Type Certificates) jew bidliet jew tiswijiet oħrajn, u viċi versa (billi jista’ jkun fihom proprjetà intellettwali rilevanti mil-lat kummerċjali tal-organizzazzjoni li għamlet id-disinn (DOA) li ma jkollha xejn x’taqsam ma' aċċident/inċident partikulari).

    Brussell, 27 ta’ Mejju 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  ĠU L 375, 31.12.1980, p. 32 (mhux disponibbli bil-Malti).

    (2)  ĠU L 319, 12.12.1994, p. 14 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Volum 2, p. 224-229).

    (3)  ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23 (Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 7, Volum 7, p. 331-344).


    Top