Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52010AE0766

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-investiment fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju” COM(2009) 519 finali

    ĠU C 21, 21.1.2011, p. 49–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    21.1.2011   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 21/49


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-investiment fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju”

    COM(2009) 519 finali

    2011/C 21/09

    Relatur ġenerali: is-Sur Gerd WOLF

    Nhar is-7 ta’ Ottubru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar:

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: L-investiment fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju

    COM(2009) 519 finali.

    Nhar it-3 ta’ Novembru 2009 l-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma (Artikolu 59 tar-RP), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-463 Sessjoni Plenara tiegħu tas-26 u s-27 ta’ Mejju 2010 (seduta tas-27 ta’ Mejju 2010) li jaħtar lis-Sur Gerd Wolf bħala relatur ġenerali, u adotta din l-opinjoni b’168 vot favur u 3 astensjonijiet.

    1.   Sommarju u rakkomandazzjonijiet

    1.1   Il-Pjan SET ippreżentat mill-Kummissjoni jindirizza l-iktar miżuri importanti li permezz tagħhom għandhom jinżammu l-objettivi kruċjali u inseparabbli tat-tibdil fil-klima u l-provvista sikura tal-enerġija, kif ukoll il-kompetittività internazzjonali tal-Ewropa. Il-Kumitat jappoġġja bis-sħiħ l-investimenti u l-miżuri proposti.

    1.2   Fil-fatt, huwa biss permezz ta’ sforzi eċċezzjonali u konġunti li ser inkunu nistgħu nagħtu direzzjoni u nittrasformaw is-sistema tal-enerġija globali tagħna – il-produzzjoni, il-konverżjoni u l-konsum.

    1.3   Għal dan il-għan, jeħtieġ li jiġu żviluppati tekniki u metodi biex tinkiseb enerġija b’livell baxx ta’ karbonju, li jkunu kompatibbli mat-tekniki attwali, inkluż fil-livell internazzjonali.

    1.4   Madankollu l-Kumitat jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-investiment finanzjarju li għandu jsir mill-Kummissjoni, mill-Istati Membri u mill-ekonomija privata għadu sottovalutat ħafna. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda b’urġenza li jiġi żviluppat kunċett finanzjarju adatt li jiġi implimentat mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-ekonomija u li jiġi integrat fil-baġit futur tal-UE. Sadattant għandhom jiġu pprovduti possibbiltajiet finanzjarji oħra. B’mod speċjali, id-dħul kollu tal-Istati Membri mill-kwoti tal-emissjonijiet tas-CO2 għandhom jintużaw għal dan il-għan. L-istess jgħodd għad-dħul minn taxxa potenzjali futura fuq is-CO2.

    1.5   Fil-kuntest tal-importanza tal-problema tal-enerġija u tal-klima u tal-fatt li l-kompetizzjoni tiddependi minnhom, il-Kumitat jemmen li ma jagħmilx sens li jkun hemm taxxa għall-protezzjoni tal-klima fuq is-settur tal-enerġija, biex imbagħad din tintuża għal skopijiet oħra.

    1.6   L-investimenti fl-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju joffru opportunitajiet għall-innovazzjoni, id-dinamika ekonomika, it-tkabbir sostenibbli u x-xogħol. Iktar u iktar, billi l-enerġija disponibbli u bi prezz raġonevoli hija l-essenza tal-ekonomija u l-istil ta’ għajxien tagħna. Il-profittabbiltà tal-enerġija hija fattur kruċjali għall-kompetittività tal-Ewropa fil-kuntest globali. Minħabba f’hekk, għandna bżonn ta’ forom ta’ produzzjoni u ta’ konsum tal-enerġija li jkunu sostenibbli.

    1.7   F’dan il-kuntest, il-Kumitat jenfasizza l-importanza partikolari tal-enerġija elettrika. Madankollu jirrakkomanda li l-konsum tal-enerġija barra mis-settur tal-elettriku jingħata iktar attenzjoni u li ssir iktar riċerka innovattiva, billi l-biċċa l-kbira tal-konsum tal-enerġija fossili ssir f’dan l-ambitu.

    1.8   Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-kompitu tagħha ta’ koordinazzjoni sewwa, għandhom jinħolqu strutturi adegwati tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp, bil-kooperazzjoni tal-atturi involuti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni teħtieġ esperti b’esperjenza, rikonuxxuti fil-livell dinji u lesti li jieħdu impenn, li huma involuti wkoll teknikament u li jieħdu s-suċċess tal-programm li jikkoordinaw b’serjetà kbira.

    2.   Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (issemplifikata ħafna u mqassra)

    2.1   Il-Pjan SET huwa l-pilastru teknoloġiku tal-politika tal-enerġija u tal-klima tal-UE.

    2.2   Element essenzjali tal-Pjan-SET huma l-“Pjanijiet Direzzjonali tal-UE” għall-perijodu 2010–2020, li jitolbu l-iżvilupp ta’ teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi ta’ dijossidu tal-karbonju fl-atmosfera (“teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju”). Dawn huma ppreżentati, flimkien ma’ pjan ta’ finanzjament u tqassim bejn l-industrija u s-settur pubbliku, f’dokument ta’ ħidma tas-servizzi tal-Kummissjoni (1).

    2.3   Fost affarijiet oħra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tinkludi:

    2.3.1

    Inizjattivi industijali Ewropej, pereżempju:

    l-enerġija mir-riħ,

    l-enerġija solari,

    in-netwerk tal-elettriku,

    il-bijoenerġija sostenibbli,

    il-ġbir u l-ħżin tad-dijossidu tal-karbonju (“Carbon Capture and Storage”, CCS),

    il-fużjoni nukleari sostenibbli,

    iċ-ċellula kombustibbli u l-idroġenu.

    2.3.2

    L-effiċjenza fl-użu tal-enerġija – l-inizjattiva “Bliet Intelliġenti” (“Smart Cities”).

    2.3.3

    L-Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija (EERA). Din tikkonċerna programmi konġunti ta’ stabbilimenti tar-riċerka u universitajiet.

    2.3.4

    Objettivi oħra jinkludu:

    teknoloġiji oħra, pereżempju teknoloġiji għall-użu tal-enerġija mir-riħ offshore, il-ħżin tal-enerġija, l-estensjoni tat-tul tal-ħajja tal-impjanti nukleari u l-ġestjoni tal-iskart nukleari;

    il-fużjoni nukleari, b’mod speċjali l-proġett ITER;

    ir-riċerka bażika, pereżempju l-karburanti mill-enerġija tax-xemx, LED innovattivi jew batteriji b’kapaċità ta’ ħżin għolja;

    l-attivazzjoni taċ-ċentri tax-xjenza u tar-riċerka. Il-fondi tal-politika tal-koeżjoni huma disponibbli għal dan;

    il-kooperazzjoni internazzjonali.

    2.3.5

    L-investimenti fl-UE meħtieġa għall-Pjan SET għandhom jogħlew mill-ammont attwali ta’ EUR 3 biljun għal madwar EUR 8 biljun fis-sena.

    2.3.6

    Is-sistema Ewropea l-ġdida tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet għandha tippermetti li mill-inqas 50 % tad-dħul mill-irkanti jerġgħu jiġu investiti fil-livell nazzjonali f’miżuri għall-protezzjoni tal-klima. Parti minnhom għandha tiġi allokata għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji li jirrispettaw l-ambjent.

    2.3.7

    L-interess u l-effett ta’ lieva għall-finanzjament pubbliku għandhom jiġu massimizzati permezz ta’ firxa ta’ għodda finanzjarji.

    2.4   Il-Kummissjoni għalhekk tappella lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew biex:

    jappoġġjaw il-pjanijiet teknoloġiċi għall-2010–2020;

    jiftiehmu li jiffukaw fuq programmi Komunitarji eżistenti biex jappoġġjaw l-inizjattivi tal-Pjan SET;

    iħeġġu lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jappoġġjaw il-finanzjament ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju;

    jappoġġjaw l-iżvilupp ippjanat tal-għodda finanzjarji bħala kontribut għall-finanzjament tal-Pjan-SET;

    japprovaw l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-BEI f’dan ir-rigward;

    jiftiehmu biex jiżviluppaw inizjattivi internazzjonali attwali jew ġodda orjentati lejn it-teknoloġija.

    3.   Kummenti ġenerali tal-Kumitat

    3.1   Il-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-Klima. Il-Kumitat jagħraf l-isforzi tal-UE u l-Istati Membri tagħha biex il-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-Klima jkollha riżultat pożittiv. Jara l-fatt li ssemma l-limitu taż-2 °C bħala tentattiv ġenwin favur il-protezzjoni tal-klima. Għalhekk iktar u iktar jinsab iddispjaċut li, lilhinn minn dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, ma ntlaħaq l-ebda ftehim vinkolanti għall-partijiet involuti.

    3.1.1   Il-gravità tal-problema hija sottovalutata. Minkejja ż-żieda dejjem tikber fil-popolazzjoni dinjija, bi bżonnijiet kbar ta’ enerġija (2) u neċessità enormi ta’ rkupru , ir-riżervi limitati tal-karburanti fossili (3) u ż-żieda fid-dipendenza tal-Ewropa mill-importazzjonijiet, il-gravità tal-problema tal-enerġija u tal-klima, u l-investimenti meħtieġa għal dan, spiss għadhom qed jiġu sottovalutati ħafna mill-politiċi u l-entitajiet involuti. Dan jista’ jkun ġej mill-fatt li l-konsegwenzi ta’ din il-problema ser jinħassu fil-ġejjieni kif ukoll minħabba l-inċertezzi tal-mudelli klimatiċi, il-prijorità mogħtija lill-interessi ekonomiċi, il-biża’ ta’ telf fil-kwalità tal-ħajja, eżitazzjoni fir-rigward tal-investiment meħtieġ jew għax ir-reġjuni milquta ma jqisux il-bidla fil-klima bħala avveniment tant drammatiku.

    3.1.2   It-tħaris tar-riżorsi. L-iżvilupp ta’ tekniki tal-enerġija kompetittivi b’livell baxx ta’ karbonju (4) jgħin biex ir-riżorsi fossili limitati jintużaw iktar bil-mod u biex jiġi influwenzat l-istabbiliment tal-prezz tagħhom sabiex b’hekk titħeġġeġ is-sostenibbiltà. Għax huwa biss b’dan il-mod li jista’ jiġi estiż it-tul tad-disponibbiltà tal-enerġiji fossili sabiex inkunu nistgħu nħejju ruħna aħjar għall-perijodu ta’ wara. Min ma jiħux azzjoni issa jkollu jieħu miżuri ferm iktar stretti ’l quddiem.

    3.1.3   Konsegwenza: teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju. Għaldaqstant huwa iktar u iktar importanti li jkun hemm enfasi kbira u użu msaħħaħ tat-tekniki u l-metodi l-ġodda għall-produzzjoni jew il-konsum tal-enerġija b’użu baxx ta’ karbonju, jew żvilupp ta’ dawk li diġà jeżistu, sabiex dawn ikunu kompetittivi mat-tekniki użati fix-xena internazzjonali. Fil-livell globali għandu jiġi kkunsidrat li t-teknoloġiji għall-użu tal-enerġija b’livell baxx ta’ karbonju jistgħu biss jiġu implimentati fuq skala wiesgħa meta dan ikun finanzjarjament attraenti għall-partijiet involuti.

    3.1.4   L-għażla ta’ tnaqqis ta’ 30 %. L-urġenza tas-sitwazzjoni tkompli tiżdied jekk tiġi adottata l-għażla li jappoġġja l-Kumitat ta’ tnaqqis ta’ 30 % tas- СО2  (5) (jiġifieri jekk il-kundizzjonijiet internazzjonali korrispondenti jiġu ssodisfati).

    3.1.5   Żieda addizzjonali fil-konsum possibbli. Ix-xenarju ta’ referenza tal-IEA (6) jipprevedi konsum dejjem jikber tal-enerġija, inkluż tas-sorsi fossili, b’mod speċjali tal-faħam. Għalhekk, dejjem skont l-IEA, din it-tendenza tista’ biss tingħeleb bi sforzi kbar (7) li jippermettu li l-użu tar-riżorsi fossili jilħaq il-quċċata fl-2020 u wara jerġa’ jonqos u jiġi dejjem iktar sostitwit minn teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju.

    3.2   Riċerka u Żvilupp – il-Pjan SET. Għalhekk ir-riċerka u l-iżvilupp huma ta’ importanza kapitali. Il-Pjan SET ippreżentat mill-Kummissjoni għandu jagħti kontribut konsiderevoli għal dan. Huwa jinkludi wkoll il-parti ta’ finanzjament prevista għal dan il-għan mill-baġit tal-UE.

    3.2.1   Riċerka u Żvilupp – sforzi u kompetizzjoni internazzjonali. Minkejja d-diżappunt tal-Konferenza ta’ Kopenħagen dwar il-Klima, jidher li l-pajjiżi bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina, li ma kinux favur impenji vinkolanti, xorta waħda qegħdin jinvestu bil-kbir fir-riċerka u l-iżvilupp marbutin mal-objettivi msemmija fil-punt 3.1.2. Fl-istess ħin, dan juri li l-Ewropa tista’ biss iżżomm pożizzjoni mexxejja f’dan il-qasam jekk tinvesti iktar fir-riċerka u l-iżvilupp.

    3.2.2   Programm ta’ investiment għall-innovazzjoni, id-dinamiżmu u l-impjiegi. L-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp joffri opportunitajiet eċċellenti għall-innovazzjoni, id-dinamiżmu ekonomiku, it-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi. Iktar u iktar, billi l-enerġija disponibbli u bi prezz raġonevoli hija l-essenza tal-ekonomija u l-istil ta’ għajxien tagħna. Mingħajr provvista suffiċjenti tal-enerġija b’kundizzjonijiet ekonomiċi tajbin, hemm il-possibbiltà li l-ekonomija, is-sigurtà soċjali u s-soċjetà tagħna b’mod ġenerali jikkrollaw. Minħabba f’hekk, għandna bżonn ta’ forom ta’ produzzjoni tal-enerġija sostenibbli.

    3.3   Qbil. F’dan il-kuntest, il-Kumitat jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni u l-miżuri proposti fil-komunikazzjoni tagħha bħala pass importanti u deċiżiv. Jappella lill-Kunsill, lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, iżda wkoll lill-industrija u lill-imsieħba soċjali, sabiex jagħmlu kulma jistgħu biex jindirizzaw bis-sħiħ l-iżvilupp u l-użu ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju u jħejju r-riżorsi finanzjarji meħtieġa għall-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp.

    3.3.1   Dubju dwar l-ambitu ta’ applikazzjoni u l-prijoritajiet. Il-Kumitat ma jaħsibx li huwa r-rwol tiegħu li, fil-qafas ta’ din l-Opinjoni, jivverifika fid-dettall jekk il-qafas finanzjarju li jinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni (8) u l-mod kif inhu mqassam humiex adatti. Għalhekk jirrakkomanda li jerġa’ jiġi analizzat jekk il-prijoritajiet tal-proġetti ffinanzjati humiex tajbin u jekk l-ispiża totali taqbilx ma’ dak li kien previst. Wara perijodu ta’ tħejjija għandu jiġi żgurat li l-miżuri huma effikaċi u jekk hemm bżonn il-pjan ta’ finanzjament għandu jiġi rivedut u estiż konsegwentement.

    3.3.2   Il-problema tal-finanzjament. Il-Kumitat jenfasizza l-fatt li fl-għexieren ta’ snin li ġejjin ser ikun biss possibbli li norjentaw is-sistema globali tal-enerġija tagħna – produzzjoni, trasformazzjoni, konsum – lejn l-għanijiet relatati mal-protezzjoni tal-klima, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija u s-sostenibbiltà jekk nagħmlu sforzi eċċezzjonali, u li l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp meħtieġ għal dan il-għan huwa ferm sottovalutat. Fid-dawl tal-investimenti korrispondenti tal-Istati Uniti fir-riċerka u l-iżvilupp, il-Kumitat jiddubita li l-investimenti ppjanati ser ikunu biżżejjed biex l-iżviluppi estensivi meħtieġa jiġu implimentati b’mod wiesa’ u bl-enfasi neċessarja u biex tinkiseb pożizzjoni mexxejja fis-suq.

    3.3.3   Kunċett finanzjarju komprensiv. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda b’urġenza li jiġi żviluppat kunċett finanzjarju adatt li jiġi implimentat mill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-ekonomija u li jiġi integrat fil-baġit futur tal-UE.

    3.3.4   Sorsi finanzjarji addizzjonali jinkludu l-prezz tal-konsum tal-enerġija. B’żieda ma’ dan, għandhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-possibbiltajiet ta’ finanzjament, kemm fil-livell tal-Komunità kif ukoll f’dak tal-Istati Membri. Il-Kumitat japprezza l-fatt li l-BEI huwa wkoll lest li jikkontribwixxi. L-ispejjeż tal-konsum individwali attwali tal-enerġija għandhom iservu ta’ mudell għall-investiment meħtieġ: persentaġġ sinifikanti ta’ dan għandu jservi għall-provvista futura! F’dan il-kuntest il-Kumitat jirreferi għall-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija (9).

    3.3.4.1   Dħul mill-kummerċ tal-emissjonijiet tal-karbonju u minn taxxa potenzjali fuq is-CO2. Id-dħul (10) mill-kummerċ tal-emissjonijiet tal-karbonju mill-Istati Membri għandu jintuża kollu kemm hu u esklużivament (11) għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġiji b’livell baxx ta’ karbonju. Il-Kumitat jemmen li fid-dawl tal-problema wiesgħa tal-klima u tal-enerġija ma jagħmilx sens li dan id-dħul jintuża għal attivitajiet finanzjarji oħra bi skop ieħor. Din ir-rakkomandazzjoni tgħodd ukoll għad-dħul minn taxxa potenzjali futura fuq is-CO2. Il-Kumitat jappella lill-Istati Membri sabiex ma jiskartawx din ir-rakkomandazzjoni.

    3.3.4.2   L-ebda trasferimenti finanzjarji. Għall-Kumitat ma jagħmilx sens li, fil-kuntest tal-importanza tal-problema tal-enerġija u tal-klima u tad-dipendenza tal-kompetizzjoni minn dan, tinżamm taxxa għall-protezzjoni tal-klima fuq is-settur tal-enerġija, biex imbagħad din tintuża għal skopijiet oħra.

    3.3.4.3   Kwoti tar-riżerva. Il-Kumitat jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li t-300 miljun kwota tal-UE merfugħa mir-Riżerva għall-Entrati l-Ġodda tal-Iskema ta’ Skambju tal-Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) jintużaw għall-appoġġ tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli innovattivi. Dawn il-kwoti ser jiġu mill-Istati Membri għall-finanzjament ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni magħżula abbażi tal-kriterji ddefiniti fil-livell Komunitarju (12).

    3.3.5   Il-ħolqien ta’ ambjent attraenti għall-innovazzjoni. Il-Kumitat jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar il-politika Komunitarja tal-innovazzjoni (13), li r-rakkomandazzjonijiet tagħha jikkonċernaw fuq kollox l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-enerġija sostenibbli tal-ġejjieni.

    3.3.6   Differenza bejn l-iżvilupp u l-applikazzjoni. Il-Kumitat jirrakkomanda li ssir distinzjoni iktar ċara bejn l-iżvilupp meħtieġ ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju eżistenti jew teknoloġiji ġodda bi prezz raġonevoli u l-applikazzjoni wiesgħa tagħhom, inkluż id-dħul fis-suq.

    3.4   Kapaċità ta’ previżjoni limitata. S’issa l-kapaċità ta’ previżjoni tal-iżviluppi fuq perijodu twil fil-qasam tal-politika tal-enerġija u tal-klima u l-konsegwenzi tagħhom kienet limitata. Għalhekk illum ma tistax tittieħed deċiżjoni restrittiva fir-rigward tat-teknoloġiji meħtieġa fl-2050. Għandhom jiġu studjati l-possibbiltajiet kollha li għandhom potenzjal, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu bl-iktar mod effikaċi possibbli l-objettivi kollha għall-2050 fl-oqsma tal-provvista tal-enerġija, il-kompetittività u l-ħarsien tal-klima. Is-sena 2020 ser tkun punt ta’ referenza, biex naraw l-objettiv ikunx intlaħaq.

    3.4.1   Ambitu tematiku tal-iżvilupp. Għalhekk il-Kumitat jilqa’ l-ambitu tematiku propost mill-Kummissjoni fir-rigward tat-teknoloġiji u l-miżuri li għandhom jiġu żviluppati sal-istadju tal-applikazzjoni, bil-għan li jinħolqu l-kondizzjonijiet adatti biex jittieħed approċċ flessibbli fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom li jkun ibbażat fuq l-esperjenza u li jiġu evitati d-deċiżjonijiet prematuri.

    3.4.2   Ir-riċerka bażika. Il-Kumitat jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni ssemmi wkoll l-importanza u l-bżonn li tkompli ssir ir-riċerka bażika. B’hekk biss tista’ tinkiseb il-bażi għal għarfien ġdid u l-kunċetti li joħorġu minnu.

    3.4.3   Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija. Bl-istess mod, il-Kumitat jilqa’ l-proposta għal Alleanza Ewropea għar-Riċerka dwar l-Enerġija fejn il-Kummissjoni għandha tuża l-istrument tal-koordinazzjoni miftuħa u b’mod speċjali l-kofinanzjament mill-organizzazzjonijiet ta’ finanzjament fl-Istati Membri jew l-industrija skont ir-regoli ta’ parteċipazzjoni.

    3.4.4   Effett ta’ lieva tal-Pjan SET. Konsegwentement, waqt ir-reviżjoni tal-qafas finanzjarju previst, għandu jiġi żgurat li r-riżorsi Komunitarji disponibbli taħt il-Pjan SET ikunu għoljin biżżejjed biex ikollhom l-effett ta’ lieva meħtieġ fuq il-parteċipazzjoni neċessarja tal-Istati Membri u tal-industrija.

    3.5   Definizzjoni tal-prijoritajiet fir-rigward tal-applikazzjoni. Fl-applikazzjoni tat-teknoloġiji u s-sistemi żviluppati, ikun tajjeb li tingħata attenzjoni ikbar lill-prinċipji li huma importanti daqs l-objettiv tal-protezzjoni tal-klima, bħas-sigurtà tal-provvista u l-profittabbiltà (pereżempju l-ispejjeż tat-tnaqqis tal-prevenzjoni tas-CO2), billi jiġu kkunsidrati aspetti reġjonali u globali (opportunitajiet li joffru l-enerġija solari, dik mir-riħ jew mill-ilma, id-distanzi, l-interessi tal-fornituri ta’ materja prima, eċċ.). B’konsegwenza ta’ dan, l-għodda tal-appoġġ inizjali tas-suq m’għandhomx jimponu teknoloġiji speċifiċi fuq l-oħrajn jew jagħtuhom vantaġġ permezz ta’ finanzjament speċifiku.

    3.6   L-importanza tas-settur tal-elettriku. Il-biċċa l-kbira tat-teknoloġiji u l-miżuri proposti jikkonċernaw is-sistemi ta’ provvista jew l-użu tal-enerġija elettrika. Għalkemm is-settur tal-elettriku bħalissa jkopri biss madwar 19 % (14) tas-suq Ewropew tal-enerġija, il-Kumitat jemmen li konċentrazzjoni tal-miżuri ta’ riċerka u żvilupp proposti fuq l-enerġija elettrika hija ġġustifikata, billi din għandha rwol inevitabbli u kruċjali fl-oqsma kollha tal-ħajja ta’ kuljum, fit-teknika u l-ekonomija. Ix-xewqa li t-trasport fuq l-art kollu jaħdem bl-elettriku kemm jista’ jkun (il-karozza elettrika, il-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija) u – flimkien mal-koġenerazzjoni tas-sħana u l-elettriku – li jintużaw iktar it-teknoloġiji elettriċi ta’ appoġġ (pompi, kompressuri) għat-tisħin tal-bini bis-saħħa tal-pompi tas-sħana u tal-enerġija ġeotermali, ser tkompli tkabbar ir-rwol tal-elettriku.

    3.6.1   Ir-rwol kruċjali tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Il-Kumitat itenni li fost it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ CO2 li għandhom jiġu żviluppati, l-enerġiji rinnovabbli għandhom rwol kruċjali. Il-Kumitat jinnota b’sodisfazzjon li s-sehem tal-enerġiji rinnovabbli fil-produzzjoni tal-elettriku f’dawn l-aħħar snin żdied b’iktar milli kien mistenni bis-saħħa tal-espansjoni enormi tal-enerġija mir-riħ.

    3.6.2   Netwerks Ewropej tal-elettriku. Għalhekk il-Kumitat jappoġġja l-iżvilupp tan-netwerks tal-elettriku fl-Ewropa u dak tat-teknoloġiji meħtieġa (pereżempju l-“ismart grids”), sabiex il-fluttwazzjonijiet fl-offerta fi ħdan l-Ewropa jkunu jistgħu jiġu kkumpensati aħjar u jekk jista’ jkun tiġi ttrasportata lejn l-Ewropa l-enerġija elettrika mill-istabbilimenti solari fl-Afrika.

    3.6.3   Teknoloġiji ta’ ħżin, fornituri ta’ karga massima u impjanti tal-elettriku ta’ riżerva. Madankollu, iż-żieda mixtieqa fil-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli, li hija soġġetta għall-fluttwazzjonijiet tat-temp, tal-ħin u tal-istaġjun, mhux ser tkun biżżejjed biex ikun hemm provvista tal-elettriku sikura u bbażata fuq id-domanda. Għalhekk għandha tissaħħaħ ir-riċerka fil-qasam ta’ teknoloġiji innovattivi tal-ħżin li huma fissi (pereżempju l-arja kompressata, l-idroġenu). Huwa daqstant importanti li jiġu żviluppati kapaċitajiet ta’ karga massima li jkunu effiċjenti ħafna u li fl-istess ħin ikollhom prezz raġonevoli. Filwaqt li sa ftit ilu l-kapaċità ta’ karga massima kienet użata esklużivament biex tikkomplementa l-provvista bażika u tindirizza l-fluttwazzjonijiet fid-domanda, b’mod speċjali l-perijodi ta’ domanda u konsum għoljin ħafna, issa din qiegħda sservi biex tikkompensa l-fluttwazzjonijiet fl-offerta tal-biċċa l-kbira tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli permezz ta’ impjanti tal-elettriku ta’ riżerva. Minħabba f’hekk l-iżvilupp u d-disponibbiltà tagħhom huma ta’ importanza kapitali.

    3.6.4   Soluzzjonijiet sistemiċi. Minħabba din il-konnessjoni sistemika bejn it-teknoloġiji differenti tal-enerġija, għandha tingħata attenzjoni addizzjonali lir-riċerka fuq il-problemi sistemiċi u l-kwistjoni relatata tas-sigurtà tal-provvista u t-tfassil ta’ soluzzjonijiet potenzjali.

    3.6.5   Spejjeż addizzjonali. L-ispejjez addizzjonali tas-sistemi ta’ netwerk, regolazzjoni, ħżin u riżerva meħtieġa minħabba l-fluttwazzjoni tas-sorsi tal-enerġija għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni ekonomika globali wkoll, hekk kif talab il-Kumitat fl-ambitu tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni, pereżempju fil-qasam tal-enerġija nukleari u l-forom l-oħra ta’ użu tal-enerġiji fossili (15).

    3.6.6   Sistemi ta’ ħżin tal-enerġija għall-applikazzjoni mobbli. It-tisħiħ tar-riċerka bażika huwa ferm importanti sabiex – nittamaw – naslu għal densità ta’ ħżin, ammonti, tul ta’ ħajja u kapaċitajiet ogħla permezz ta’ approċċi ġodda. F’ċerti kundizzjonijiet, il-batteriji tal-karozzi elettriċi jistgħu jintużaw bħala sistema ta’ ħżin għall-fluttwazzjoni tas-sorsi tal-enerġija.

    3.6.7   Fornituri tal-karga bażika. Madankollu l-fornituri tal-karga bażika għandhom rwol kruċjali x’jaqdu bħala mexxejja tal-ekonomija tal-elettriku. Għalhekk huwa essenzjali li:

    il-faħam jintuża b’mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent, b’mod speċjali permezz ta’ livell ogħla ta’ effiċjenza u/jew tas-CCS (ġbir u ħżin tas- СО2);

    l-enerġija nukleari (fissjoni) tkompli tittejjeb fl-oqsma kollha (sigurtà, ħżin, proliferazzjoni, użu tar-riżorsi, kapaċità ta’ riżerva);

    jiġu żviluppati stabbilimenti tal-gass tal-ogħla livell ta’ effiċjenza;

    tkompli tiġi żviluppata t-teknoloġija tal-fużjoni nukleari li hija promettenti fuq perijodu twil;

    jsir sforz biex anke l-fornituri tal-karga bażika jiġu kemm jista’ jkun irregolati, sabiex ikunu jistgħu jiġu integrati fis-sistema integrata ta’ regolazzjoni.

    3.7   L-essenza tal-użu tal-enerġija tinsab barra mis-settur. Madankollu l-ikbar użu tal-enerġija mill-utent finali jsir barra mis-settur tal-elettriku. Dan jgħodd għall-biċċa l-kbira tal-industrija (pereżempju l-kimika jew l-azzar), il-maġġoranza tas-settur tat-trasport u s-settur tat-tisħin tal-bini kollu kemm hu. Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda li dan l-aspett tal-problema jingħata iktar attenzjoni. Huwa partikolarment importanti li jiġu żviluppati opportunitajiet ta’ riċerka ġodda, li jmorru lil hinn mit-termini “effiċjenza fl-użu tal-enerġija”, “iffrankar tal-enerġija” u “elettrifikazzjoni”. Huwa biss meta jinstabu soluzzjonijiet adegwati għal dawn l-oqsma li jkunu jistgħu jintlaħqu tassew l-objettivi fir-rigward tal-klima.

    3.7.1   Trasport bil-baħar u bl-ajru. Il-Kumitat jemmen li, anke fuq perijodu twil, it-trasport bil-baħar u bl-ajru mhux se jkun jista’ jaħdem mingħajr il-karburanti fossili u kimiċi (16). Essenzjalment, din hija pjuttost kwistjoni li tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, li jiġu sseparati l-gassijiet tossiċi, li s-sorsi tal-enerġija kimika (pereżempju l-idroġenu u l-komponenti tiegħu) jintużaw għall-produzzjoni tal-elettriku jew l-enerġija solari, u li jekk huwa possibbli jiġi żviluppat l-użu tas-CCS (fit-trasport bil-baħar (17)).

    3.7.2   Proċessi industrijali, kimika u azzar. Ser ikun diffiċli wkoll li l-karburanti fossili jiġu sostitwiti totalment fil-proċessi industrijali, b’mod speċjali fl-industrija tal-kimika u tal-azzar (18). Għalhekk il-Kumitat jirrakkomanda, permezz ta’ riċerka u żvilupp imsaħħa, li jinstabu soluzzjonijiet ġodda.

    3.7.3   Il-bijoteknoloġija u l-bijomassa. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-potenzjal konsiderevoli tal-iżviluppi innovattivi fil-bijoteknoloġija kif ukoll għar-rilevanza tagħhom għall-ekonomija tal-enerġija u l-objettivi miftuħa għad-diskussjoni f’dan ir-rigward. Madankollu l-użu ta’ riżorsi tal-bijomassa li fit-tul jistgħu jikkompetu mal-provvista tal-ikel jew tal-materja prima (hawn għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-gassijiet b’effett ta’ serra (19) marbutin mal-użu tal-fertilizzanti, bħall-NO2!) għandu jiġi llimitat għall-applikazzjonijiet fejn m’hemm l-ebda alternattiva oħra.

    3.7.4   L-iżolazzjoni tal-bini. Aspett importanti ħafna huwa l-iffrankar tal-enerġija fis-settur tal-bini. F’dan is-settur għad hemm potenzjal ta’ żvilupp (u ta’ applikazzjoni) konsiderevoli biex jitnaqqas it-telf ta’ sħana mill-bini. Dan għandu jitqies iktar fl-għażla tal-prijoritajiet għall-miżuri tal-prevenzjoni tas- СО2.

    4.   Kummenti speċifiċi tal-Kumitat

    4.1   Kompiti Komunitarji u sussidjarjetà. Il-Pjan SET jikkonċerna b’mod speċjali l-kompiti Komunitarji li huma neċessarji jew utli għall-iżvilupp tat-teknoloġiji msemmija. Għalhekk għandhom ikunu kompiti supranazzjonali jew kompiti fejn il-kooperazzjoni supranazzjonali taqdi rwol importanti u tirrappreżenta valur miżjud Ewropew.

    4.2   Pjan ta’ finanzjament u prijoritajiet. Il-pjan ta’ finanzjament u l-prijoritajiet tiegħu għandhom jiġu vverifikati biex jiġi żgurat li jissodisfaw il-kriterji msemmija hawn fuq.

    4.3   Għal darb’oħra: l-iżvilupp u l-applikazzjoni. Bl-istess mod il-pjan ta’ finanzjament għandu jiġi rivedut biex jiġi żgurat li jissodisfa l-iżvilupp ta’ teknoloġiji jew sistemi ġodda f’termini ta’ prijoritajiet. Sussidji għat-teknoloġiji tal-enerġija fl-applikazzjoni wiesgħa tagħhom permezz tal-pjan SET għandhom assolutament jiġu evitati.

    4.4   Rabta ma’ programmi eżistenti. Il-Kumitat jirrakkomanda li r-riċerka u l-iżvilupp marbutin mal-klima proposti fil-Pjan SET jintrabtu f’netwerk mal-programmi u l-proġetti tas-seba’ Programm Qafas, pereżempju mal-“flagship projects” tal-programm FET. Dan jikkonċerna b’mod speċjali dawk l-oqsma tal-Pjan SET li huma mistennija jiksbu suċċess fuq perijodu medju fl-għaxar snin li ġejjin.

    4.5   Kooperazzjoni internazzjonali. Sabiex jintlaħaq l-aqwa riżultat possibbli bir-riżorsi użati, il-Kumitat jirrakkomanda (20), b’mod partikolari għall-proġetti essenzjali l-kbar (ITER), li tinħoloq kooperazzjoni internazzjonali ma’ msieħba strateġiċi, mhux biss biex jinqasmu l-ispejjeż u l-persunal, iżda wkoll bil-għan li jinħolqu bażi ta’ għarfien u potenzjal ikbar ta’ innovazzjoni.

    4.6   Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ twettaq il-kompitu tagħha ta’ koordinazzjoni sewwa, għandhom jinħolqu l-istrutturi tal-programmi ta’ riċerka u żvilupp, bil-kooperazzjoni tal-atturi involuti. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni teħtieġ, bħala uffiċjali importanti (uffiċjali TRANS E), esperti b’esperjenza, rikonoxxuti fil-livell dinji u lesti li jieħdu impenn, li huma wkoll involuti teknikament u li jieħdu s-suċċess tal-programm li jikkoordinaw b’serjetà kbira.

    4.7   Fehim, involviment u aċċettazzjoni – informazzjoni u trasparenza. Kundizzjoni ewlenija għas-suċċess tal-miżuri kollha msemmija hawn fuq hija dik li ċ-ċittadini, b’mod speċjali dawk li huma potenzjalment milquta mill-miżuri ppjanati, jiġu infurmati bis-sħiħ u b’mod miftuħ u li, flimkien ma’ partijiet interessati mis-settur tal-politika, l-industrija u oqsma oħra, jiġu involuti fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni. L-aqwa mezz biex ikun hemm fehim u aċċettazzjoni huwa permezz ta’ informazzjoni sħiħa, involviment u trasparenza.

    4.8   Opinjonijiet preċedenti tal-Kumitat. Il-Kumitat jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa kemm-il darba indirizza dawn is-suġġetti f’Opinjonijiet oħra, li jidħlu f’iktar dettall dwar ċerti kwistjonijiet imsemmija fil-qosor f’dan id-dokument. Jirreferi b’mod speċjali għal:

    INT/146 “Il-bżonnijiet ta’ riċerka għal provvista tal-enerġija sikura u sostenibbli” (21)

    TEN/299 “L-effiċjenza enerġetika tal-bini - il-kontribut tal-utenti” (22)

    TEN/311 “L-impatt possibbli pożittiv jew negattiv taż-żjieda fir-rekwiżiti (politiki) ambjentali u tal-enerġija fuq il-kompetittività tal-industrija tal-UE” (23)

    TEN/332 “Pjan Strateġiku Ewropew għat-Teknoloġija tal-Enerġija (Pjan SET)” (24)

    TEN/398 “Ekonomija Ekoeffikaċi/inwittu t-triq għal era ġdida fil-qasam tal-enerġija” (25)

    TEN/340 “L-Appoġġ għal Turija minn Kmieni tal-Produzzjoni Sostenibbli tal-Enerġija mill-Fjuwils Fossili” (26)

    TEN/404 “Impatt u konsegwenzi tal-politika Ewropea tal-enerġija fuq l-SMEs” (27)

    NAT/391 “In-negozjati internazzjonali dwar il-bidla fil-klima” (28)

    “No turning back” – Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima, Kopenħagen, 7–18 ta’ Diċembru 2009.

    Brussell, 27 ta’ Mejju 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  SEC(2009) 1296 tas-7.10.2009

    (2)  Skont il-kalkoli tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (IEA), il-konsum dinji tal-enerġija ser jiżdied b’50 % sal-2050.

    (3)  Il-previżjonijiet konservattivi jindikaw li nofs ir-riżorsi “fossili” jkunu spiċċaw sal-2050.

    (4)  Bl-eċċezzjoni tas-CCS.

    (5)  COM(2010) 2020 “Ewropa 2020”.

    (6)  International Energy Agency (IEA) – World Energy Outlook 2009 – Reference Scenario.

    (7)  IEA – World Energy Outlook 2009 – the 450 Scenario.

    (8)  SEC(2009) 1296, 7.10.2009.

    (9)  ĠU C 10, 15.1.2008, p. 22.

    (10)  Pereżempju d-dħul mill-irkanti fil-perijodu ta’ negozju 2013-2020.

    (11)  Filwaqt li l-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tipproponi li 50 % tad-dħul biss jintuża, u dan esklużivament għar-riċerka u l-iżvilupp (punt 2.3.6).

    (12)  Dan jinkludi l-enerġija ġeotermika.

    (13)  INT/509, għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (14)  Eurostat – Rapport tall-2009.

    (15)  ĠU C 175, 28.7.2009, p. 1; ĠU C 120, 16.5.2008, p. 15.

    (16)  Ħlief f’applikazzjonijiet speċjali fil-qasam militari.

    (17)  Jekk il-propulsjoni nukleari mhijiex awtorizzata.

    (18)  Sakemm qed ikomplu jintużaw is-sorsi ta’ enerġija fossili, għandu jintuża s-CCS għall-ġid tal-atmosfera.

    (19)  Atmos. Chem. Phys. Discuss., 7, 11191–11205, 2007

    (20)  Opinjoni tal-KESE dwar “Qafas ta’ strateġija Ewropew għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika”, ĠU C 306, 16.12.2009, p. 13.

    (21)  ĠU C 241, 7.10.2002, p. 13, mhux disponibbli bil-Malti.

    (22)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 62.

    (23)  ĠU C 162, 25.6.2008, p. 72.

    (24)  ĠU C 27, 3.2.2009, p. 53.

    (25)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (26)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 49.

    (27)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

    (28)  ĠU C 77, 31.3.2009, p. 73.


    Top