Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009AE0633

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew – UEM@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja

ĠU C 228, 22.9.2009, p. 116–122 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.9.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/116


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew – UEM@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja

COM(2008) 238 finali – SEC(2008) 553

2009/C 228/23

Nhar is-7 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ċentrali Ewropew – UEM@10: suċċessi u sfidi wara 10 snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja”

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar il-5 ta’ Marzu 2009. Ir-rapporteur kien is-Sur BURANI.

Matul l-452 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet l-24 u l-25 ta’ Marzu 2009 (seduta tal-24 ta’ Marzu), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’79 vot favur, vot wieħed kontra u 17-il astensjoni.

1.   Sinteżi u Konklużjonijiet

1.1

B’dan id-dokument, il-KESE joffri xi kummenti dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta s-suċċessi tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) wara għaxar snin mit-tnedija tagħha u tenfasizza l-isfidi li rridu naffrontaw fil-ġejjieni. Il-Komunikazzjoni tfasslet qabel ma ħarġu fil-miftuħ il-problemi kollha tal-kriżi attwali. Il-KESE evita kemm jista’ jkun li jiġi influwenzat mill-ġrajjiet kurrenti u jikkummenta fuq kwistjonijiet barra mill-ambitu tat-test tal-Kummissjoni. Dawn l-avvenimenti attwali ser jiġu indirizzati f’opinjonijiet oħra.

1.2

L-aspettattivi inizjali ma ntlaħqux għalkollox: l-ottimiżmu li kkaratterizza l-fażi ta’ tnedija tal-UEM kellu jitnaqqas minħabba sitwazzjoni ekonomika b’tendenzi żvantaġġużi: fatturi oġġettivi u, fil-biċċa l-kbira tagħhom, indipendenti mill-munita unika. Opinjoni pubblika, mhux dejjem infurmata tajjeb u influwenzata b’mod parzjali minn sfiduċja persistenti fil-konfront tal-Unjoni Ewropea, għabbiet lill-ewro bir-responsabbiltà ta’ fenomeni ta’ reċessjoni li fil-fatt m’għandhomx x’jaqsmu mal-iżvilupp tas-sitwazzjoni monetarja attwali.

1.3

Bla dubju, suċċess wieħed tal-Unjoni Monetarja kien li ankra aspettattivi ta’ inflazzjoni fit-tul qrib tad-definizzjoni tal-istabbiltà tal-prezzijiet; barra minn hekk, it-tnaqqis ġenerali tar-rati tal-imgħax ikkontribwixxa għat-tkabbir ekonomiku. L-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji mbagħad ikkontribwixxiet għall-fatt li tinġieb fl-Ewropa kriżi ekonomika li oriġinat xi mkien ieħor.

1.4

Minkejja l-fatt li l-euro huwa t-tieni munita internazzjonali, l-Ewrogrupp u l-BĊE m’għandhomx rwol istituzzjonali fl-organizzazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji internazzjonali: ir-raġunijiet ta’ din is-sitwazzjoni huma varji, iżda fattur wieħed huwa li l-Istati Membri li jagħmlu parti miż-żona tal-euro (u oħrajn li ma jagħmlux parti minnha) jipparteċipaw f’dawn l-organizzazzjonijiet. Fit-teorija, tmexxija ekonomika aħjar tkun iktar possibbli li kieku dawn iż-żewġ istituzzjonijiet ikunu jistgħu jleħħnu fehemthom f’korpi internazzjonali.

1.5

Fil-livell intern, l-isfidi tal-ġejjieni jikkonsistu l-iktar mill-kisbiet li ma kinux issodisfati għalkollox dawn l-aħħar għaxar snin: id-differenzi bejn il-pajjiżi tal-UEM f’termini tal-inflazzjoni u tal-ispejjeż tax-xogħol, u wkoll l-integrazzjoni s’issa parzjali tas-suq tal-prodotti u tas-servizzi. L-ewwel għan għandu jagħmel parti minn sensiela ta’ programmi nazzjonali li, bi qbil mal-patt ta’ stabbiltà u tkabbir, jimmiraw lejn konverġenza miftehma bejn il-gvernijiet u l-imsieħba soċjali. It-tieni għan għandu jkun suġġett għal studju li jistabbilixxi l-limiti fiżjoloġiċi b’rabta mal-integrazzjoni, li lil hinn minnhom l-integrazzjoni nnifisha ssir impossibbli jew diffiċli żżejjed.

1.6

Fil-livell globali, l-UEM għandha quddiemha sfidi politiċi u sfidi kompetittivi, li se jkollha taffrontahom permezz ta’ aġendi politiċi lokali dwar il-baġit u integrazzjoni aħjar tar-riformi strutturali, permezz tat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro, u fl-aħħar nett, permezz ta’ tmexxija ekonomika effikaċi. Rigward dan l-aħħar punt, ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni fuq l-infiq pubbliku, fuq il-kompetittività u fuq is-sistemi soċjali, tliet oqsma li diffiċli li fihom isiru ħidmiet espliċiti minħabba d-diversità tas-sitwazzjonijiet fl-Istati Membri.

1.7

F’dak li għandu x’jaqsam mat-tmexxija finanzjarja, il-KESE jittama li ssir reviżjoni globali tal-politiki li s’issa ispiraw il-ġestjoni tas-swieq: il-kriżi finanzjarja kkawżata mis-subprime, min-naħa tagħha influwenzata mill-kriżi ekonomika, oriġinat fl-imgħoddi miċ-ċirkolazzjoni ta’ prodotti li fihom infushom mhumiex affidabbli. Dan seħħ minħabba li l-ekonomija tas-suq kienet interpretata b’mod ħażin, din mgħandhiex tkun abbandunata iżda żgur teħtieġ regoli li jirregolawha.

2.   Daħla

2.1

F’Mejju 2008, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni li fiha tipprovdi stima tal-ewwel deċennju ta’ ħidma tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), filwaqt li tagħti indikazzjonijiet ġenerali ta’ aġenda politika għat-tieni deċennju (1). Id-dokument kien ippubblikat fit-tieni ħarġa tal-“European Economy” (2), akkumpanjat minn studju analitiku (ta’ iktar minn 300 paġna) tas-suġġetti trattati. Il-KESE jidher fost id-destinatarji tal-Komunikazzjoni u jirringrazzja lill-Kummissjoni talli tagħtu l-opportunità li jesprimi l-opinjoni tiegħu stess; jittama li l-kummenti tiegħu jintlaqgħu għal dak li fil-fatt jirrappreżentaw: tentattiv ta’ kontribut kostruttiv għall-konsiderazzjonijiet li qegħdin isiru bħalissa.

2.2

L-istudju analitiku jikkostitwixxi għajnuna prezzjuża għall-fehim tal-fenomeni deskritti fil-Komunikazzjoni u jagħti interpretazzjoni tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni; barra minn hekk, dan huwa dokument ta’ analiżi ekonometrika u finanzjarja mmirat lejn ċirku ristrett ta’ speċjalisti. Il-KESE iffamiljarizza ruħu miegħu u jagħmel referenza għalih b’rabta ma’ xi kwistjonijiet li jeħtieġ li jiġu elaborati.

2.3

Huwa u jifformula l-kummenti tiegħu dwar ċerti elementi tal-Komunikazzjoni, il-KESE isegwi l-ordni li bih dawn ġew ippreżentati fil-Komunikazzjoni, filwaqt li jittama li dawn ikunu utli u jiġu kkunsidrati bħala kontribut mogħti b’rieda qawwija mill-imsieħba soċjali rappreżentati mill-Kumitat.

3.   Il-Komunikazzjoni: Pass Storiku

3.1   Id-dokument jibda billi jafferma li l-UEM “kienet sinjal politiku qawwi ħafna għaċ-ċittadini Ewropej u għall-bqija tad-dinja li l-Ewropa kienet kapaċi tieħu deċiżjonijiet li jwasslu għall-ġejjieni...” u li “għaxar snin wara l-eżistenza tiegħu, l-euro huwa suċċess kbir”. Dawn id-dikjarazzjonijiet jidhru inopportuni mill-perspettiva ta’ kif inhuma ppreżentati fil-Komunikazzjoni: li tesprimi sens ta’ sodisfazzjon huwa konvinċenti jekk huwa konklużjoni fejn ngħatat prova ta’ suċċess iżda huwa kontroproduċenti jekk jiġi ppreżentat bħala premessa. Il-KESE jaqbel b’mod sostanzjali mal-kontenut tad-dikjarazzjonijiet, iżda kieku kien jippreferi jarahom bħala konsiderazzjonijiet finali milli bħala premessi.

3.2   Sabiex timmodera t-ton, il-Kummissjoni tosserva li l-euro “s’issa ma laħaqx l-istennijiet kollha inizjali”, u ssemmi bħala fatturi li kkawżaw dan it-tkabbir mhux sodisfaċenti tal-produttività, il-globalizzazzjoni u n-nuqqas ta’ riżorsi naturali, il-bidla fil-klima u t-tixjieħ tal-popolazzjoni, kollha problemi li “ipoġġu piżijiet addizzjonali fuq il-kapaċitajiet tat-tkabbir tal-ekonomiji tagħna”. Mal-ewwel daqqa t’għajn, dawn id-dikjarazzjonijiet jidhru li jistabbilixxu – anke jekk din żgur mhijiex l-intenzjoni tal-Kummissjoni – rabta bejn ix-xejriet soċjoekonomiċi globali u n-nuqqas tal-euro biex tilħaq l-istennijiet.

3.2.1   Iktar ’il quddiem (pġ. 7), il-Kummissjoni tilmenta dwar il-fatt li “l-euro ta’ spiss jieħu l-ħtija għal rendiment ekonomiku baxx li fir-realtà jirriżulta minn linji politiċi mhux adatti fil-livell nazzjonali”, u b’dan il-mod tistabbilixxi distinzjoni korretta bejn l-andament tal-ekonomija u l-iżvilupp tas-sitwazzjoni tal-euro. Kien ikun iktar utli fil-każ tal-euro li kieku l-Kummissjoni kkjarifikat li l-munita unika hija suġġetta – bħall-muniti l-oħrajn kollha, fuq skala ikbar jew iżgħar – għal tendenza ekonomika f’livell globali li tirrifletti fuq il-politiki monetarji.

3.2.2   Il-politiki monetarji, b’mod partikolari dik tal-UEM, ma jistgħux isolvu waħedhom problemi ta’ swieq globali u integrati li fihom il-problemi ta’ wieħed minnhom jiġu trasmessi lill-oħrajn, b’mod suċċessiv u fil-ħin reali. Għal ħafna żmien, is-swieq mhux Ewropej ħadmu billi bbażaw ruħhom fuq approċċ wisq laxk lejn l-ekonomija tas-suq, kemm fil-qasam ekonomiku kif ukoll f’dak finanzjarju. Suq ħieles jeħtieġ regoli li jistabbilixxu limiti insormontabbli u kontrolli effiċjenti li jiżguraw li dawn jiġu rispettati: l-Ewropa rrispettat dawn iż-żewġ kondizzjonijiet fil-biċċa l-kbira tagħhom, iżda sfortunatament ma jistax jingħad l-istess għall-oħrajn.

4.   Is-Suċċessi Ewlenin tal-ewwel għaxar snin

4.1   Il-Kummissjoni, kif xieraq, tenfasizza kif il-politika monetarja “ankrat stennijiet ta’ inflazzjoni fit-tul viċin tad-definizzjoni tal-BĊE tal-istabbiltà tal-prezzijiet”. Hija tirrikonoxxi li l-inflazzjoni żdiedet dan l-aħħar, “prinċipalment minħabba l-prezzijiet taż-żejt u tal-prodotti li sparaw ’il fuq”, iżda tipprevedi “treġġiegħ lura għal inflazzjoni baxxa... ladarba dawn il-pressjonijiet esterni jbattu”. Dan fil-fatt ġara dan l-aħħar. F’dak li għandu x’jaqsam mar-rati tal-imgħax, il-kondizzjonijiet aktar stretti ta’ kreditu għall-familji u għan-negozji għandhom jiġu attribwiti lit-taqlib tas-swieq finanzjarji, u anke minn dan il-lat huwa mistenni “treġġiegħ... għal kondizzjonijiet aktar normali ta’ kreditu... anke jekk il-prezzijiet taż-żejt ikomplu jogħlew...”

4.1.1   Il-maġġoranza tal-osservaturi qed ibassru kriżi twila u qed jibqgħu lura milli jbassru dwar kemm ħa jdum l-irkupru tal-ekonomiji, b’mod partikolari dawk tal-pajjiżi tal-Punent; il-fluwidità tax-xena ġeopolitika globali sfortunatament tirriduċi l-prospetti ekonometriċi għal sempliċi konfront ta’ opinjonijiet. Il-KESE irid jiġbed l-attenzjoni, b’mod partikolari, għal punt wieħed tal-Komunikazzjoni: tikkundanna l-fatt li l-inflazzjoni aggravat il-kondizzjonijiet tal-kreditu għall-familji u għan-negozji; iżda qatt ma ssemmi l-fatt li l-familji mhux biss jisselfu iżda jfaddlu l-flus ukoll, filwaqt li jikkontribwixxu l-investimenti tagħhom għall-fini ta’ tkabbir ekonomiku u, fl-aħħar mill-aħħar, għall-finanzjament tad-dejn pubbliku u tan-negozji.

4.1.2   Ir-rati ta’ interessi tal-flus imfaddla, kemm dawk bankarji kif ukoll fl-għamla ta’ investimenti f’beni mobbli, żdiedu fuq skala iżgħar meta mqabblin mar-rata tal-inflazzjoni: ladarba jitnaqqsu mit-taxxa, dawn jissarrfu f’deterjorament qawwi tas-setgħa tal-akkwist, flimkien mat-telf tal-valur tal-kapital investit. Madankollu, it-telf kbir li esperjenzaw il-boroż ħeġġeġ lill-familji sabiex ifittxu investimenti iktar siguri fil-kontijiet konvenzjonali ta’ tfaddil, minkejja l-iżvalutar tal-kapital u l-imgħax baxx.

4.2   Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni meta din tenfasizza l-vantaġġi li ġab miegħu l-euro: il-patt ta’ stabbiltà u tkabbir, riformat fl-2005, wassal lill-Istati Membri sabiex jadottaw politiki fiskali koerenti li jappoġġjaw l-istabbiltà makroekonomika tal-UEM, u jħeġġu l-integrazzjoni ekonomika u tas-swieq u l-effett “katalizzatur qawwi għall-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji.” Din l-integrazzjoni, li “tejbet l-irkupru taż-żona tal-euro kontra l-iżviluppi esterni kuntrarji”, minkejja kollox, jixirqilha li tiġi kkunsidrata.

4.2.1   Huwa minnu li l-UEM ppermettiet li jinbena suq finanzjarju integrat b’saħħtu, żgur kapaċi jiflaħ iktar għal żviluppi esterni kuntrarji ta’ serje ta’ swieq nazzjonali individwali, iżda ta’ min wieħed jikkunsidra l-fatt li l-integrazzjoni fl-UEM hija wkoll komplementari għal interkonnessjoni mill-qrib mas-swieq globali. Il-Kummissjoni tindika li “iż-żona tal-euro tidher imħarsa mill-agħar taqlib finanzjarju globali attwali”: iżda dan it-taqlib finanzjarju, fuq kollox dak relatat mas-subprime, inġieb minn swieq barranin u kien ikkawżat minn sitwazzjonijiet li ma kellhiex x’taqsam magħhom l-UEM.

4.2.2   Fid-dawl ta’ din il-premessa, titfaċċa l-kwistjoni li l-Kummissjoni ssemmi iktar ’il quddiem fil-Komunikazzjoni tagħha: l-influwenza esterna tal-Ewrogrupp, mhux biss b’rabta mat-tmexxija ekonomika iżda wkoll b’rabta mal-istituzzjonijiet li jirregolaw is-swieq finanzjarji. Il-kriżi tas-subprime tqanqlet minn prattiki ta’ kreditu mhux xierqa u minn sistemi diskutibbli għall-ħolqien ta’ titoli ta’ sigurtà, li m’għandhomx x’jaqsmu b’mod parzjali mal-prattika Ewropea: għaldaqstant, jidher leċtu li wieħed jistaqsi jekk id-dannu setax jiġi evitat, jew jitnaqqas, bil-parteċipazzjoni istituzzjonali tal-Ewrogrupp (jew tal-BĊE) fl-organizzazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji globali.

4.2.3   L-interventi pubbliċi ta’ sostenn u l-fallimenti ta’ gruppi finanzjarji Amerikani kbar b’kumpaniji sussidjarji Ewropej, li joħolqu problemi delikati ta’ kompetizzjoni u kontroll, isaħħu din il-konvinzjoni. Il-KESE mhuwiex l-uniku wieħed li jiddikjara dan il-fatt: Il-Kummissjoni stess tilmenta dwar in-nuqqas ta’ “vuċi b’saħħitha f’fora internazzjonali”, imma la tgħid u wisq anqas tikkummenta dwar x’għamel – jew il-ftit li għamel – il-Kunsill sabiex jagħti lill-Ewropa, fil-prattika, din il-“vuċi b’saħħitha”.

4.3   F’dak li għandu x’jaqsam mal-“benefiċċji sinifikanti (li l-UEM ġabet magħha) lill-pajjiżi membri tagħha li jinsabu għaddejjin minn proċess ta’ rkupru”, mhux ta’ min wieħed jikkummenta dwarhom: il-Kummissjoni trattat dan is-suġġett f’Komunikazzjoni (3) preċedenti tagħha, li dwarha kkummenta l-KESE f’opinjoni (4).

4.4   L-euro “stabbilixxa ruħu sew bħala t-tieni munita internazzjonali dinjija” u jirrappreżenta kwart tar-riżervi globali; is-self bankarju tal-banek taż-żona tal-euro lil benefiċjarji esterni jikkostitwixxi 36 % tas-self totali, meta mqabbel ma’ 45 % minn banek tal-Istati Uniti. Iżda xorta waħda mhux biżżejjed li wieħed iħossu sodisfatt b’dawn is-suċċessi: jeħtieġ li l-piż tal-euro, li skont kull previżjoni għandu jiżdied, jissarraf f’riżultati u f’benefiċċji konkreti, l-ewwel u qabel kollox b’rabta mal-prezzijiet taż-żejt. Id-dipendenza fuq dan is-sors ta’ enerġija hija wieħed mil-limiti li jeżerċitaw pressjoni fuq l-ekonomija tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, u għal xi wħud minnhom b’mod mill-iktar intensiv. It-tibdil fil-prezzijiet mhuwiex ikkawżat biss mill-politiki ta’ monopolju tal-pajjiżi produtturi: jiddependi wkoll mill-ispekulazzjoni u mill-fluttwazzjonijiet tad-dollaru, li sar munita inaffidabbli mil-lat tal-istabbiltà. Ta’ min wieħed jibda jirrifletti dwar strateġija mmirata li tikkwota ż-żejt f’euro, tal-anqas fit-tranżazzjonijiet mal-pajjiżi tal-UEM: madankollu, huwa magħruf li din hija azzjoni mhux ħielsa minn diffikultajiet, u xorta waħda għandha tiġi vvalutata bi prudenza. F’kull każ, il-possibbiltà ta’ suċċess ma tiddependix biss mill-qagħda tal-euro iżda wkoll mis-saħħa kummerċjali tal-Ewropa kollha.

4.5   Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiffoka fuq it-tmexxija ekonomika, li llum saret possibbli bis-saħħa tal-azzjoni tal-Ewrogrupp, li l-effikaċja tiegħu ttejbet permezz tal-fatt li dan seta’ jserraħ fuq president permanenti. Madankollu, it-tmexxija interna tal-munita mhix biżżejjed sabiex tiżgura l-istabbiltà u l-prestiġju tal-euro: il-konsiderazzjonijiet li saru qabel jenfasizzaw il-ħtieġa ta’ “tmexxija esterna”, li tista’ tinkiseb biss (ara hawn fuq, 4.2.2 u 4.4) jekk l-Ewrogrupp u l-BĊE ikollhom rwol istituzzjonali fl-organizzazzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari fil-Fond Monetarju Internazzjonali. M’għadux iktar aċċettabbli li l-awtoritajiet li jirrappreżentaw il-munita unika b’mod ġenerali m’għandhomx dritt għall-vot.

5.   L-isfidi li l-UEM għad trid taffronta

5.1   L-ekonomija taż-żona tal-UEM tinsab f’fażi ta’ riċessjoni, bħal dik Amerikana u ta’ pajjiżi Ewropej oħrajn li ma jagħmlux parti minn tali żona: din hija sitwazzjoni komuni għad-dinja tal-Punent u jkun ta’ diżgwid jekk din tiġi attribwita għall-influwenza, diretta jew indiretta, tal-euro. Madankollu, minn analiżi iktar dettaljata jirriżulta li jeżistu “differenzi sostanzjali u dewwiema bejn il-pajjiżi f’dak li għandu x’jaqsam mal-inflazzjoni u mal-ispejjeż għal kull unità tax-xogħol”. Sabiex tispjegahom, il-Kummissjoni ssemmi raġunijiet li issa huma magħrufin sew: nuqqas ta’ reattività tal-prezzijiet u tas-salarji, nuqqas ta’ kisbiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riformi strutturali, tnaqqis fl-integrazzjoni tas-swieq u l-iżvilupp insuffiċjenti tal-provvista transkonfinali tas-servizzi.

5.1.1   Il-KESE jikkunsidra li l-prospetti ta’ intervent f’kull wieħed mill-oqsma msemmija jiddipendu mill-biċċa l-kbira tagħhom fuq l-Istati Membri u l-imsieħba soċjali tagħhom. Fl-istess ħin, jistieden lill-Kummissjoni sabiex tniedi studju dwar sa fejn ikun possibbli, fl-aħħar mill-aħħar, li jiġu integrati s-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, kemm fiż-żona tal-euro kif ukoll fil-Komunità kollha. Huma x’inhuma l-prinċipji li l-Kummissjoni tkun tixtieq iżżomm magħhom jeżisti limitu fiżjoloġiku għall-integrazzjoni, li qatt mhu se jkun jista’ jingħeleb: minkejja l-ħidma meħtieġa ta’ armonizzazzjoni u ta’ tneħħija tal-ostakoli kompetittivi u leġiżlattivi, dejjem se jibqa’ jkun hemm differenzi li ma jistgħux jiġu eliminati fil-kuntest soċjali, it-taxxa, is-swieq tax-xogħol u l-lingwa.

5.1.2   L-istudju msemmi hawn fuq għandu jkollu l-għan li jiffoka x-xogħol tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fuq it-tfassil ta’ politika bbażata fuq valutazzjoni kostanti tal-ispejjeż u l-benefiċċji tal-armonizzazzjoni: ma jistax ikun li l-għan uniku jkun il-kompletar tas-suq intern u l-kompetittività. Għandhom jitqiesu wkoll l-implikazzjonijiet sociali u economici għal pajjiżi individwali u l-kapaċitajiet tagħhom ta’ addattament.

5.2   Barra mill-inflazzjoni, il-komponenti l-oħrajn li jikkontribwixxu għan-nuqqas ta’ tkabbir tal-ekonomija huma influwenzati b’mod indirett biss mill-politika monetarja u, madankollu, huma suġġetti għas-setgħat ta’ intervent tal-Ewrogrupp. Għaldaqstant, ma jkunx ġust, skont il-KESE, li jiġu attribwiti lill-euro l-kawżi ta’ sitwazzjoni ekonomika komuni fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro u pajjiżi oħrajn: minn naħa l-oħra, fl-ebda pajjiż minn dawk imsemmija l-aħħar, l-opinjoni pubblika ma attribwiet il-ħtija lill-munita nazzjonali, ħtija li parti sostanzjali tal-opinjoni pubblika taż-żona tal-euro tattribwixxi lill-munita unika.

5.3   Aspett ta’ tħassib, f’qafas ġeneralment pożittiv u ottimista, jinsab f’sentenza dikjarata mill-Kummissjoni (5): “Iżda lil hinn mit-twettiq tal-istennijiet tal-bidu, l-aġenda politika tal-UEM għall-għaxar snin li ġejjin se tkun ikkaratterizzata mill-ħolqien ta’ sfidi globali ġodda li se jkollhom effett ta’ amplifikazzjoni fuq id-dgħjufijiet tal-UEM mniżżla hawn fuq”. Jidher li minflok li wieħed jitkellem dwar “id-dgħjufijiet tal-UEM”, ta’ min wieħed jitkellem dwar l-isfidi kompetittivi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro: il-bdil tas-setturi li qegħdin jesperjenzaw rigress, ir-riċerka, l-innovazzjoni, ir-riżorsi umani, u li magħhom wieħed irid isemmi wkoll iż-żieda fil-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel, tal-enerġija u ta’ xi materja prima. Fl-isfond ta’ dan kollu jinsabu l-bidla fil-klima, it-tixjieħ tal-popolazzjoni u l-immigrazzjoni. Għaldaqstant, il-problema prinċipali hija ta’ natura ekonomika u soċjali.

5.3.1   Dawn l-aspetti kollha jissarrfu, sabiex jintuża l-kliem użat mill-Kummissjoni, fi “sfidi politiċi li huma partikolarment diffiċli għaż-żona tal-euro”. Għalkemm jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni, il-KESE isostni li jista’ jinterpreta din id-dikjarazzjoni fis-sens li huwa minnu li l-problemi msemmijin hawn fuq iħallu impatt fuq il-politiki tal-UEM, iżda dawn iridu jiġu solvuti fil-livell Komunitarju milli mill-Ewrogrupp. Fi kliem ieħor, il-politiki li jridu jiġu żviluppati huma ta’ natura “Ewropea”, mentri l-ħidma tal-Ewrogrupp għandha tkun limitata għal interventi diretti (u kkoordinati) b’rabta ma’ kwistjonijiet monetarji li jirrigwardaw l-euro biss.

6.   Aġenda Politika għat-tieni deċennju

6.1   Id-dokument tal-Kummissjoni jippreżenta l-aġenda billi jiddikjara li “L-esperjenza tal-ewwel deċennju tal-UEM, filwaqt li kienet ġeneralment ta’ suċċess kbir, tiżvela għadd ta’ nuqqasijiet li jeħtieġ li jiġu indirizzati”. Barra milli tkun garantita l-konsolidazzjoni tal-istabbiltà makroekonomika, se jkun meħtieġ li jiżdied “it-tkabbir potenzjali” u l-ġid taċ-ċittadini, li jitħarsu l-interessi taż-żona tal-euro fl-ekonomija globali u li tkun żgurata “kapaċità għall-aġġustament mingħajr skossi” waqt li l-UEM tespandi biex tilqa’ l-membri l-ġodda.

6.2   Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tipproponi aġenda bbażata fuq tliet pilastri:

aġenda politika lokali: fost affarijiet oħrajn, timmira li tapprofondixxi l-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politiki baġitarji u li tintegra aħjar ir-riformi strutturali fil-koordinazzjoni ġenerali tal-politika tal-UEM;

aġenda politika esterna: timmira li ttejjeb ir-rwol tal-euro fit-tmexxija ekonomika globali;

tmexxija ekonomika, prerekwiżit għall-implimentazzjoni taż-żewġ aġendi politiċi msemmijin hawn fuq.

6.3   F’dak li għandu x’jaqsam mal-aġenda politika lokali, ma jissemmewx prinċipji sostanzjalment ġodda iżda jiġu konfermati mill-ġdid politiki ta’ tmexxija tajba li kemm-il darba kienu ddikjarati fl-imgħoddi, bħas-sontenibbiltà tal-finanzi pubbliċi u t-titjib tagħhom f’termini tal-użu razzjonali tal-infiq u tas-sistemi fiskali, filwaqt li dawn ikunu allokati għal attivitajiet li jiffavorixxu t-tkabbir u l-kompetittività. Barra minn hekk, tissemma l-“ħtieġa ċara għat-tkabbir tas-sorveljanza biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi”, fosthom it-tkabbir tad-defiċit tal-kontijiet kurrenti u d-diverġenzi fl-inflazzjoni. Il-Kummissjoni tenfasizza l-fatt li l-integrazzjoni, b’mod partikolari dik tas-swieq finanzjarji, kienet ta’ benefiċċju għat-tisħiħ tal-UEM, iżda li fl-istess ħin din jista’ jkollha l-effett li tkabbar id-diverġenzi fost il-pajjiżi parteċipanti jekk ma tkunx akkumpanjata minn politiki xierqa.

6.3.1   Il-KESE ma jistax ma jaqbilx ma din l-analiżi, iżda jiġbed l-attenzjoni għall-opportunità ta’ valutazzjoni kawta tar-realtà, jew fi kliem ieħor, għall-ħtieġa li wieħed jikkunsidra kemm huwa diffiċli li tkun konċiljata l-formulazzjoni tal-prinċipji mal-possibbiltà tagħhom ta’ implimentazzjoni prattika.

6.3.2   L-infiq pubbliku huwa wieħed mill-elementi kruċjali: il-Kummissjoni tirrakkomanda li jkunu previsti “regoli għall-infiq imfassla tajjeb, li jkunu jistgħu jippermettu lill-istabbilizzaturi fiskali awtomatiċi biex jaħdmu fi ħdan il-limiti tal-PST filwaqt li jadattaw il-kompożizzjoni tal-infiq pubbliku għall-ħtiġijiet strutturali u ċiklikali tal-ekonomija”: rakkomandazzjoni li diffiċli li tiġi implimentata fil-prattika f’perjodi karatterizzati minn taqlib li bħalissa mhux possibbli li jkun previst it-tul tagħhom. Iż-żieda fl-inflazzjoni affettwat sew id-distribuzzjoni tad-dħul, is-salarji u l-investimenti, u fl-aħħar il-kompetittività u s-sistemi soċjali, iżda fuq skala ferm differenti fid-diversi pajjiżi tal-UEM. Il-kompożizzjoni tad-defiċit primarju fil-fatt tvarja minn pajjiż għal ieħor, il-bilanċ kummerċjali kulma jmur qiegħed jiġi influwenzat mill-piż ikbar jew iżgħar tal-kontijiet tal-enerġija u s-sistemi tal-pensjonijiet jippreżentaw differenzi strutturali notevoli, diffiċli sabiex jitranġaw fi żminijiet normali aħseb u ara f’perijodi irregolari.

6.3.3   Filwaqt li wieħed jikkunsidra s-sitwazzjoni reali, il-konverġenza mixtieqa għandha tiġi kkunsidrata bħala għan għal perijodu medju ta’ żmien u għall-futur imbiegħed; il-KESE jaqbel mal-“ħtieġa ċara għat-tkabbir tas-sorveljanza biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi” abbażi tal-istrumenti eżistenti, iżda jwissi kontra l-ottimiżmu faċli b’rabta mal-effikaċja tagħhom għall-futur qarib.

6.3.4   F’dak li għandu x’jaqsam mal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni maż-żona tal-euro, il-Kummissjoni tipproponi li teżerċita sorveljanza ikbar fuq l-iżviluppi ekonomiċi tagħhom, b’mod partikolari għal dawk li jipparteċipaw fil-mekkaniżmu tar-rati tal-kambju II (MRK II): anke hawnhekk, din mhix kwistjoni ta’ tiġdid iżda li sempliċement tittejjeb l-effiċjenza ta’ mekkaniżmi eżistenti. Ta’ min wieħed jikkjarifika l-punt li ġej: ladarba pajjiż jilħaq ir-rekwiżiti meħtieġa sabiex jaderixxi mal-UEM, tali adeżjoni tkun obbligatorja: hija prevista mit-Trattat tal-Adeżjoni. Barra minn hekk, il-kriżi attwali tista’ toħloq dewmien biex jintlaħqu l-kriterji; fid-dawl tal-prijorità li l-Ewropa jkollha munita unika, ikun tajjeb li jkun hemm flessibilità fl-evalwazzjoni tal-konformità mal-kriterji jew l-addattament għalihom.

6.3.5   Rigward l-integrazzjoni tas-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol, il-Kummissjoni tenfasizza l-persistenza ta’ ostakoli regolatorji u ta’ progress differenti minn pajjiż għal ieħor. Barra minn hekk, dawn l-aspetti mhumiex speċifiċi għaż-żona tal-UEM u, għaldaqstant, għandhom jiġu kkunsidrati bħala parti mis-sitwazzjoni usa’ tal-Unjoni kollha kemm hi. Kif diġà ġie indikat fil-punt 5.1.1, jeżistu ċerti limiti fiżjoloġiċi b’rabta mal-integrazzjoni u anke oħrajn kostitwiti mill-karatteristiċi ekonomiċi u soċjali tal-pajjiżi differenti: tali limiti għandhom jiġu kkunsidrati każ każ u, jekk ikun meħtieġ, għandhom jiġu rispettati.

6.3.6   Rigward is-swieq finanzjarji, kien dikjarat li “iż-żona tal-euro tista’ tikseb benefiċċji relattivament kbar mill-promozzjoni tal-integrazzjoni finanzjarja tal-UE”, u li “jinħtieġu aktar sforzi biex itejbu l-effiċjenza u l-likwidità tas-swieq finanzjarji taż-żona tal-euro”. Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-politika tal-BĊE f’dan il-qasam hija eżemplari u tagħti t-tama lil dak li jkun li tista’ tirreżisti – kif irreżistiet s’issa – anke għal kriżijiet għal għarrieda. It-tifrix tal-kriżi Amerikana seta’ kellu konsegwenzi ħafna iktar gravi, li kieku dawn ma trażżnux minn politika bbażata fuq id-difiża tas-solidarjetà u tal-likwidità tas-swieq; fir-rigward tal-istrutturi ta’ sorveljanza, li naqsu milli jbassru, u wisq inqas li jevitaw, il-kollass ta’ numru ta’ istituzzjonijiet ewlenin, il-KESE mhux qed jikkummenta għalissa, sakemm ikollu iktar tagħrif li s-suq u l-pubbliku huma intitolati jitolbu.

6.3.6.1   Il-KESE josserva f’dan ir-rigward, filwaqt li jirreferi dak li ngħad fil-paragrafu preċedenti..., li l-kriżi Amerikana nħolqot minn suq nieqes mir-regoli u mill-kontrolli. Ir-riżultat paradossali huwa li proprju l-ekonomija liberali par excellence kellha tirrikorri għall-għajnuna tal-awtoritajiet pubbliċi sabiex tlaħħaq ma’ tali diżastru, permezz ta’ għajnuniet Statali u injezzjonijiet kbar ta’ likwidità. Telfa għall-ekonomija, għall-baġit tal-Istat u għaċ-ċittadini tal-Istati Uniti tal-Amerka, iżda l-iktar għall-kredibbiltà ta’ sistema.

6.4   F’termini tal-aġenda politika esterna, il-Kummissjoni tħabbar aġenda li skontha ż-żona tal-euro għandha żżid ir-rwol internazzjonali tagħha, billi timplimenta strateġija “proporzjonata mal-istatus internazzjonali tal-munita tagħha”. Barra minn hekk, tiġi ripetuta x-xewqa, diġà dikjarata fl-imgħoddi f’okkażjonijiet varji, li tali żona “għandha titkellem b’leħen wieħed” fil-korpi monetarji internazzjonali kollha. Il-KESE itenni mill-ġdid għal darba oħra l-appoġġ sħiħ tiegħu għal tali aġenda: l-assenza tal-awtoritajiet governattivi tal-euro fl-istituzzjonijiet monetarji globali tikkostitwixxi irregolarità inaċċettabbli, f’livell operattiv iżda l-iktar f’livell politiku.

6.4.1   Il-Kummissjoni taċċenna għal reżistenza min-naħa ta’ “pajjiżi oħra”, li jaraw “l-UE u ż-żona tal-euro bħala li huma rappreżentati żżejjed fl-organizzazzjonijiet internazzjonali (kemm f’dak li għandu x’jaqsam ma’ siġġijiet kif ukoll fis-setgħa tal-votazzjoni)”: l-informazzjoni skarsa u riservata disponibbli tagħti l-impressjoni li fil-fatt teżisti din ir-reżistenza, u li l-pressjonijiet favur rappreżentazzjoni ikbar min-naħa tal-pajjiżi tal-UE, kemm li huma membri kif ukoll li mhumiex membri tal-UEM, la huma konvinċenti lanqas koordinati. L-Ewrogrupp għandu jsemma’ leħnu b’mod qawwi, l-ewwel u qabel kollox fil-Kunsill.

6.4.2   Sabiex jitnaqqsu r-reżistenzi tal-pajjiżi mhux membri tal-UE, il-KESE jemmen li l-pajjiżi tal-UEM jistgħu jieħdu l-miżura, li kieku jkollha tifsira simbolika kbira, li jirrinunzjaw mhux is-siġġijiet tagħhom iżda d-dritt individwali għall-vot: skont il-loġika, billi l-euro bħala munita huwa regolat minn awtorità waħda, għaliha biss suppost li jkun riservat id-dritt għall-vot. L-imsieħba soċjali għandhom id-dritt li jiġu infurmati anke dwar dan l-aspett; ir-retiċenza hija żgur dovuta għal problemi politiċi delikati, iżda s-skiet u n-nuqqas ta’ trasparenza ma jsaħħux l-aċċettazzjoni tal-Ewropa, u wisq anqas tal-euro.

6.5   Id-dokument tal-Kummissjoni jintemm bil-kapitolu forsi l-iktar wieħed mimli b’kontenut u b’implikazzjonijiet: it-tmexxija tal-UEM. Dan jitkellem dwar “involviment qawwi tal-Istati Membri kollha tal-UE fi ħdan il-Kunsill tal-ECOFIN” b’rabta mal-politika ekonomika, integrazzjoni ikbar tal-“kwistjonijiet tal-UEM” fil-ħidma tal-ECOFIN u “strateġija aktar konsistenti” fl-oqsma ta’ kompetenza tal-ECOFIN: il-politika makroekonomika, is-swieq finanzjarji u t-tassazzjoni.

6.5.1   Dan l-approċċ m’hemmx għalfejn li jiġi kkummentat ħlief sabiex jiġi approvat; il-KESE jenfasizza l-fatt li fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ECOFIN rari ferm li ssir referenza għall-UEM bħala parti involuta b’mod dirett jew indirett fid-deċiżjonijiet li jittieħdu. Il-politika ekonomika għandha relazzjoni ta’ interdipendenza reċiproka mal-politika monetarja: fl-UE, l-euro mhuwiex l-unika munita eżistenti iżda huwa l-iktar waħda importanti, mhux biss minħabba l-fatt li jirrappreżenta grupp sostanzjali ta’ pajjiżi imma anke minħabba prospetti ta’ adeżjoni ta’ Stati Membri oħra.

6.5.2   Ir-rwol tal-Kummissjoni fit-tmexxija tal-UEM huwa fundamentali, mhux biss bħala appoġġ biex ikun żgurat il-funzjonament kif suppost ta’ tali Unjoni iżda wkoll f’termini tal-funzjonijiet tagħha ta’ sorveljanza baġitarja u makroekonomika. Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ u li tagħmel iktar effikaċi l-ħidma tagħha, hekk kif se tagħmel l-almu tagħha sabiex trendi r-rwol tagħha f’fori internazzjonali iktar effettiv. Dawn il-funzjonijiet se jsiru iktar estiżi u effettivi bit-Trattat il-ġdid, li joffri l-possibbiltà lill-Kummissjoni ta’ “adozzjoni ta’ miżuri” speċifiċi għall-Istati Membri tal-UEM b’rabta ma’ kwistjonijiet baġitarji u ma’ linji gwida għall-politika ekonomika, barra milli jgħabbiha bir-responsabbiltà ta’ ħidmiet ta’ kontroll u sorveljanza. Barra minn hekk, it-Trattat il-ġdid jistabbilixxi fl-Artikolu 121 li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li toħroġ “twissijiet” lill-Istati Membri li ma jikkonformawx mal-linji gwida ġenerali.

6.5.3   Il-KESE jinsab kuntent bl-impenn tal-Kummissjoni u jittama li bit-Trattat il-ġdid din tkun tista’ tesegwixxi l-funzjonijiet tagħha, kemm dawk tradizzjonali kif ukoll dawk ġodda, bl-ogħla effiċjenza u bil-prestiġju li jixirqilha. Iżda, b’mod partikolari, jittama li l-awtoritajiet ekonomiċi u monetarji kollha jitgħallmu mill-kriżi Amerikana tas-subprime u li jagħmlu reviżjoni fil-fond tal-politiki li s’issa ispiraw il-ġestjoni tas-swieq finanzjarji.

6.5.4   L-avvenimenti Amerikani ħolqu kriżi sistematika fid-dinja kollha; l-Ewropa s’issa kienet affettwata minn tali kriżi b’mod konsiderevoli, u ma jisgħux jiġu esklużi kriżijiet oħra. Hija u tiġi eżaminata l-kriżi, l-approċċ makroekonomiku kieku jibbenefika ferm mill-fatt li jkun akkumpanjat minn analiżi storika b’approċċ mikroekonomiku: minn approċċ doppju bħal dan jista’ jkun li jirriżultaw ir-raġunijiet kumplessi tal-fenomenu, li kienu ilhom jakkumulaw żmien twil.

6.5.5   Minn dejjem, fl-Istati Uniti tal-Amerka, il-kreditu ipotekarju jkopri 100 % tal-valur tal-proprjetà, valur li jogħla b’mod sinifikanti bl-ispejjeż assoċjati. Min-naħa l-oħra, fl-Ewropa, sa ftit għexieren ta’ snin ilu, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi kienu jżommu konformi ma’ kriterji imposti mill-prudenza, u f’xi każijiet, mil-liġijiet bankarji: il-kreditu kien jingħata għal valur massimu ta’ 70–80 %. Ir-raġuni kienet waħda evidenti: tnaqqis possibbli fil-prezzijiet tas-suq ta’ beni immobbli seta’ jnaqqas il-valur tas-sigurtajiet.

6.5.6   Taħt il-pressjoni tal-liberalizzazzjoni tas-swieq, u l-iktar tal-kompetittività kkawżata mill-integrazzjoni tagħhom, ir-“regola tas-70 %” kienet abbandunata anke fl-Ewropa, madankollu mingħajr ma ġew provokati s’issa diffikultajiet kbar. Madankollu, jibqa’ l-fatt li “ir-regola tal-100 %” mhijiex tajba minn perspettiva ta’ prudenza u etika tas-suq. Is-sistema ta’ “kreditu faċli” twassal lil kulħadd sabiex jakkwista proprjetà: imbagħad, f’każ tinħoloq kriżi, il-ħlasijiet tad-debituri “debboli” jieqfu u minn hawn tinħoloq sitwazzjoni ta’ dejn żejjed b’mod ġenerali. Min-naħa tiegħu, il-finanzjatur issa jkun jippossiedi proprjetà ipotekata li l-valur tagħha ta’ sikwit ma jkunx ikopri l-ammont finanzjat u, għaldaqstant, jiddeċiedi li jbigħ tali proprjetà; iżda t-tqegħid fis-suq tal-proprjetà konċernata jikkontribwixxi iktar għar-rigress tas-suq.

6.5.7   L-azzjoni reċiproka bejn il-kriżi ekonomika u l-kriżi tas-suq ta’ beni immobbli hija evidenti: iżda meta t-teknika tal-ħolqien ta’ titoli ta’ sigurtà, tal-“pakketti” u tas-subprime ssir prattika ġenerali, din tiġi trasmessa lis-suq finanzjarju kollu, filwaqt li tiġġenera kriżi intersistematika fuq skala bla preċedent. U jeżisti biża’ leġittimu li din l-istorja ma tiqafx hawnhekk: il-livell għoli ta’ dejn fil-familji, bi kreditu għall-konsum u b’karti tal-kreditu, joħloq biża’ ta’ tifqigħa ta’ kriżi oħra fuq skala imprevedibbli.

6.5.8   Fl-Ewropa, l-awtoritajiet politiċi u monetarji għamlu ħilithom kollha sabiex jevitaw diżastri agħar, filwaqt li aġixxew b’injezzjonijiet ta’ likwidità u b’akkwisti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji: din hija emerġenza li tinvolvi għajnuniet Statali u, għaldaqstant, tikkontradixxi d-duttrina tal-liberaliżmu mingħajr regoli u bi ftit kontrolli.

6.5.9   Barra li tinstab soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni aċċidentali, importanti ħafna li issa jiġu eżaminati l-kawżi ta’ tali kriżi: jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli preċiżi għall-għoti ta’ self ipotekarju u ta’ karti tal-kreditu, sistemi ta’ sorveljanza iktar effikaċi li jestendu anke għas-settur “mhux bankarju”kollu li hu varjat u li xejn mhu trasparenti u jrid isir eżami mill-ġdid tal-ammissibbiltà fis-suq ta’ ammont ta’ prodotti ftit li xejn trasparenti li l-esperti nnifishom ma jħossuhomx f’qagħda li jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar in-natura u l-affidabbilità tagħhom. Din mhix kwistjoni li tiġi abbandunata l-ekonomija tas-suq: hija pjuttost kwistjoni li tkun regolata.

Brussell, l-24 ta’ Marzu 2009.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Mario SEPI


(1)  COM(2008) 238 finali.

(2)  European Economy 2/2008, “UEM@10, Suċċessi u Sfidi wara 10 Snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji.”

(3)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - L-Ekonomija tal-UE: Reviżjoni 2006 – Tisħiħ taż-żona tal-ewro: il-prijoritajiet politiċi ewlenin, COM(2006) 714 finali (mhux disponibili bil-Malti).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-Ekonomija tal-UE: Reviżjoni 2006 – Tisħiħ taż-żona tal-ewro: il-prijoritajiet politiċi ewlenin”Ġ U C 10 tal-15.1.2008, p. 88.

(5)  COM(2008) 238 finali, “UEM@10: Suċċessi u Sfidi wara 10 Snin mill-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-kapitolu Il-bqija tal-isfidi tal-UEM amplifikati minn xejriet globali ġodda”, tmiem il-paragrafu 5.


Top