This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52008IE1571
Opinion of the European Economic and Social Committee on Extending anti-discrimination measures for areas outside employment and the case for a single comprehensive anti-discrimination directive
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-estensjoni tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni għal oqsma barra l-impjiegi u l-possibbiltà ta' direttiva komprensiva unika kontra d-diskriminazzjoni
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-estensjoni tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni għal oqsma barra l-impjiegi u l-possibbiltà ta' direttiva komprensiva unika kontra d-diskriminazzjoni
ĠU C 77, 31.3.2009, p. 102–108
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
31.3.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 77/102 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-estensjoni tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni għal oqsma barra l-impjiegi u l-possibbiltà ta' direttiva komprensiva unika kontra d-diskriminazzjoni
(2009/C 77/24)
Nhar is-17 ta' Jannar 2008, b'konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji Opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
L-estensjoni tal-miżuri kontra d-diskriminazzjoni għal oqsma barra l-impjiegi u l-possibbiltà ta' direttiva komprensiva unika kontra d-diskrimazzjoni
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-18 ta' Lulju 2008. Ir-rapporteur kien is-Sur Crook.
Matul l-477 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta' Settembru (seduta tat-18 ta' Settembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b'112-il vot favur, 3 voti kontra u 2 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1 |
Id-dritt għall-ugwaljanza huwa kemm dritt universali kif ukoll prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja. Dan huwa ddikjarat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-fonti tiegħu tinsab fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fundamentali, l-istrumenti internazzjonali l-oħra li tagħhom l-Istati Membri kollha huma firmatarji u t-tradizzjonijiet tal-kostituzzjoni komuni għall-Istati Membri. |
1.2 |
Artikolu 13 tat-TKE timpenja lill-UE li tiġġieled id-diskriminazzjoni minħabba s-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età u l-orjentazzjoni sesswali fl-oqsma kollha fil-kompetenza tagħha. It-Trattat ta' Liżbona jagħmel il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni għan speċifiku tal-UE. |
1.3 |
Id-Diskriminazzjoni għar-raġunijiet imsemmija f'Artikolu 13 tista' ttellef milli jintlaħqu l-iskopijiet tal-Komunità Ewropea kif jidhru f'Artikolu 2 tat-TKE, fosthom il-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi u ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, it-titjib fil-livell tal-għajxien u l-kwalità tal-ħajja, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà fost l-Istati Membri. |
1.4 |
Il-ħarsien effettiv mid-diskriminazzjoni barra mill-qasam tal-impjiegi huwa importanti biex jassigura l-iżvilupp ta' soċjetajiet demokratiċi u tolleranti li jippermettu l-espressjoni tad-diversità u l-parteċipazzjoni u l-integrazzjoni sħiħa tal-persuni kollha fil-ħajja ekonomika u soċjali. |
1.5 |
Hemm bżonn li tittieħed azzjoni li tirreaġixxi għall-persistenza tal-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni fl-UE. Din id-diskriminazzjoni ġġib ħsara lill-individwi u lis-soċjetajiet Ewropej b'mod ġenerali. Bħalissa l-liġijiet tal-UE mhumiex adattati għal dan l-iskop. Filwaqt li l-kategoriji kollha li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 13 huma mħarsa mid-diskriminazzjoni fl-impjieg u x-xogħol, il-liġi tal-UE toffri ħarsien ukoll mid-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-oriġini ta' razza u dik etnika fil-protezzjoni soċjali, inklużi s-sigurtà soċjali u l-kura medika, il-vantaġġi soċjali, l-edukazzjoni, u l-aċċess għal prodotti u servizzi, inklużi d-djar u fuq il-bażi tas-sess fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi. Ma hemm l-ebda liġi tal-UE li tħares mid-diskriminazzjoni barra mill-qasam tal-impjiegi fuq il-bażi tar-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali. Il-liġijiet tal-UE kontra d-diskriminazzjoni ma jagħrfux u ma jipprovdux ħarsien minn diskiriminazzjoni multipla. |
1.6 |
L-istampa reali tal-ħarsien legali madwar l-UE hija kumplessa. Ħafna Stati Membri għandhom liġijiet li jisbqu r-rekwiżiti tal-KE iżda b'differenzi kbar dwar il-kontenut, in-natura u l-grad ta' ħarsien offrut, filwaqt li oħrajn bilkemm jilħqu r-rekwiżiti minimi. Minkejja l-provi li jeżistu dwar il-benefiċċju li għandhom il-korpi speċjalizzati dwar l-ugwaljanza fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza, il-liġi tal-UE titlob li dawn il-korpi jkunu jeżistu biss f'rabta mal-oriġini ta' razza u dik etnika u mal-ugwaljanza bejn is-sessi. Ħafna Stati Membri waqqfu korpi għall-ugwaljanza b'mandati li jinkludu l-ugwaljanza għall-kategoriji kollha jew xi wħud mill-kategoriji l-oħra li hemm fl-Artikolu 13. |
1.7 |
Il-KESE jqis li ma jista' jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-fatt li l-UE żżomm sistema ta' liġijiet li hi bbażata fuq impenn ċar mit-Trattat li jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni għal sitt kategoriji li żomm differenzi fil-ħarsien billi toffri inqas protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni u garanziji aktar limitati ta' trattament ugwali fil-każ ta' ċerti kategoriji. Ma hemm l-ebda inċentiv veru għall-Istati Membri biex idaħħlu liġijiet li jipprovdu drittijiet b'mod konsistenti għall-kategoriji kollha jekk ma jkunx hemm obbligu li jorbothom li jilħqu livelli komuni tal-UE. |
1.8 |
Il-KESE huwa mħasseb li l-UE ser issib tfixkil biex tilħaq l-għanijiet tagħha b'din l-iskema ġerarkika ta' ħarsien mid-diskriminazzjoni. Din tista' twaqqaf il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema, u tal-oġġetti; il-ħaddiema jistgħu ma jkunux iridu jmorru f'pajjiżi fejn hemm inqas drittijiet li huma ggarantiti, u l-fornituri tal-oġġetti u s-servizzi jistgħu jintlaqtu ħażin mir-rekwiżiti differenti għal-livelli differenti ta' ugwaljanza f'pajjiżi differenti. Dan jaħdem kontra l-koeżjoni soċjali u jillimta l-livelli ta' parteċipazzjoni fis-soċjetà ċivili. |
1.9 |
Il-KESE jqis li issa hemm bżonn ta' liġijiet ġodda li ma jippermettux d-diskriminazzjoni barra mill-qasam tal-impjiegi fuq il-bażi tar-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew it-tendenzi sesswali. B'konsistenza mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità fl-Artikolu 5 tat-TKE, il-kisba ta' livell għoli ta' ħarsien legali komuni madwar l-Istati Membri kollha mhux possibbli mingħajr azzjoni fil-livell tal-Komunità. |
1.10 |
Azzjoni mill-KE għandu jkollha l-forma ta' direttiva waħda li tkopri l-erba' kategoriji. Biex ikun hemm koerenza u konsistenza fl-UE u l-liġijiet nazzjonali, id-direttiva l-ġdida għandha tapplika għall-oqsma kollha barra mill-impjiegi u x-xogħol fi ħdan id-Direttiva tal-Ugwaljanza ta' Razza. Il-KESE jemmen li direttiva waħda toffri vantaġġi kbar: tkun tipprovdi l-akbar ċarezza għan-negozji u fornituri oħra tal-prodotti u s-servizzi, u tinkoraġġixxi konformità bikrija; tkun tkopri bl-aktar mod effiċjenti il-ħarsien minn diskriminazzjoni multipla; tappoġġja koeżjoni soċjali akbar. |
1.11 |
Għalhekk il-KESE jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tħabbret nhar it-2 ta' Lulju 2008 li tipproponi direttiva ġdida li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali irrispettivament mir-reliġjon, it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. |
1.12 |
Huwa essenzjali li l-liġi l-ġdida tiżgura li d-dritt għall-ugwaljanza ma' jiġix imnaqqas jew imċekken u ma jwassalx għal nuqqas ta' ħarsien mid-diskriminazzjoni fil-liġijiet eżistenti tal-UE jew dawk nazzjonali. Id-direttiva l-ġdida għandha toffri qafas ta' konformità mal-obbligi ta' ugwaljanza taħt il-konvenzjoni tan-NU dwar Il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà fosthom id-dispożizzjoni tal-aċċess u tal-akkomodazzjoni raġjonevoli biex persuni b'diżabbiltà jipparteċipaw b'mod sħiħ fis-soċjetà. Għandha tippermetti l-adozzjoni ta' miżuri li jippermettu azzjoni pożittiva u trattament preferenzjali fuq il-bażi tal-età u d-diżabbiltà fejn dan hu konsistenti mal-prinċipju tat-trattament indaqs. M'għandiex tippermetti ġustifikazzjoni ġenerali għal diskriminazzjoni diretta, iżda għandha tippermetti diskriminazzjoni fejn din isservi biex tippromwovi l-ugwaljanza u r-rispett tad-dinjità umana. Għandha tirrikjedi li b'mod ġenerali jitwaqqfu korpi speċjalizzati li jkopru l-ugwaljanza fuq l-erba' kriterji li għad fadal. |
2. L-ugwaljanza huma prinċipju fundamentali tal-liġi tal-UE
2.1 |
Id-dritt għall-ugwaljanza huwa kemm dritt universali kif ukoll prinċipju fundamentali tal-liġi Komunitarja. Huwa ġej minn strumenti internazzjonali li tagħhom l-Istati Membri kollha huma firmatarji u t-tradizzjonijiet tal-kostituzzjoni komuni għall-Istati Membri u hija ddikjarata f'Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. |
2.2 |
Id-dritt għan-nuqqas ta' diskriminazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel fil-post tax-xogħol, li kien hemm qbil dwar aktar minn 30 sena ilu, kien karatteristika ewlenija fl-iżvilupp tal-Unjoni. It-trattament ugwali tan-nisa u tal-irġiel jibqa' essenzjali għal suq inter li jkun ġust, il-libertà tal-moviment u l-bini ta' soċjetà Ewropea li hi b'saħħita u magħquda. |
2.3 |
Fid-disgħajnijiet kien hemm kuxjenza dejjem akbar tal-ħtieġa ta' miżuri li jittrattaw d-diskriminazzjoni fuq bażijiet oħra li mhuwiex is-sess u f'oqsma oħra li mhumiex l-impjieg. L-inklużjoni tal-Artikolu 13 fit-Trattat ta' Amserdam kien żvilupp importanti li ta poteri ġodda u impenn ikbar biex jiġi żgurat it-trattament ugwali. Artikolu 13 jimpenja lill-UE li tiġġieled id-diskriminazzjoni mhux biss fuq il-bażi tas-sess, iżda wkoll ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età u l-orjentazzjoni sesswali. |
2.4 |
Minħabba fl-għarfien tal-ħtieġa li qed tagħfas għal azzjoni dwar id-diskriminazzjoni għal dawn il-kategoriji, il-Kunsill tal-2000 approva żewġ direttivi: Id-Direttiva tal-Ugwaljanza tar-Razza (2000/43/KE) li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini ta' razza jew dik etnika u d-Direttiva tal-Qafas tal-Impjieg (2000/78/KE) li tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u x-xogħol. Fl-2004 il-Kunsill approva d-Direttiva dwar is-Sessi u l-prodotti u s-servizzi (2004/113/KE) li timplimenta il-prinċipju tat-Trattament Ugwali għan-Nisa u għall-Irġiel fir-rigward tal-Aċċess għall-Prodotti u għas-Servizzi u l-Proviżjoni tagħhom. |
2.5 |
Kull waħda mit-tliet direttivi tirreferi għall-preambolu tal-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tikkonferma li d-dritt tal-ugwaljanza huwa dritt fundamentali bbażat fuq id-drittijiet li huma mħarsa mill-istrumenti internazzjonali l-oħra li tagħhom l-Istati Membri kollha huma firmatarji u t-tradizzjonijiet tal-kostituzzjoni komuni għall-Istati Membri. |
2.6 |
Dan ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, f'Mangold kontra Helm (1) fis-sentenza preliminari tagħha dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2007/78/KE dwar id-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età:
M'hemm l-ebda raġuni li tissuġġerixxi li l-Qorti ma terġax tikkonferma dan bħala prinċipju rigward il-kategoriji l-oħra fi ħdan id-Direttiva 2000/78. |
2.7 |
Fil-każ ta' Coleman kontra Attridge Law, każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ntalbet tagħti sentenza preliminari dwar il-firxa tad-Direttiva tal-Kunsill 2007/78, l-Avukat Ġenerali fl-Opinjoni tiegħu stqarr (2):
|
2.8 |
Kemm id-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali (3) u Id-Direttiva Qafas għall-Impjieg (4) jikkonfermaw il-fehma tal-Kunsill li d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet imsemmija f'Artikolu 13 tista' ttellef milli jintlaħqu l-iskopijiet tal-Komunità Ewropea kif jidhru f'Artikolu 2 tat-TKE, fosthom il-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjiegi u ħarsien soċjali, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, it-titjib fil-livell tal-għajxien u l-kwalità tal-ħajja, il-koeżjoni ekonomika u soċjali u s-solidarjetà fost l-Istati Membri. |
2.9 |
It-Trattat ta' Liżbona jagħti importanza ġdida lill-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni skont Artikolu 13 (5), u jagħmilha għan speċifiku tal-UE fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet tagħha (6). |
3. L-importanza ta' ħarsien effettiv kontra d-diskriminazzjoni barra mill-għalqa tal-impjiegi
3.1 |
Id-Direttiva Qafas għall-Imjieg tistabbilixxi qafas ġenerali għat-trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol fuq bażi ta' reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew tendenzi sesswali; id-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali timplimenta l-prinċipju ta' trattatment ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini etnika jew razzjali mhux biss fl-impjieg u x-xogħol iżda wkoll il-ħarsien soċjali inkluż is-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, il-vantaġġi soċjali, l-edukazzjoni u l-aċċess u l-provvista tal-prodotti u s-servizzi li huma disponibbli għall-pubbliku, inkluż id-djar. |
3.2 |
Id-Direttiva dwar is-Sessi u l-prodotti u s-servizzi tikkumplimenta l-ħarsien kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess fl-impjiegi u x-xogħol fid-direttivi adottati skont l-Artikolu 141 tat-TKE (7) u timplimenta il-prinċipju tat-trattament ugwali għan-nisa u għall-irġiel fir-rigward tal-aċċess għall-prodotti u għas-servizzi u l-proviżjoni tagħhom. |
3.3 |
Fid-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali (8) u d-Direttiva dwar is-Sessi u l-prodotti (9) u s-servizzi l-Kunsill għaraf li biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tal-persuni kollha, il-ħarsien mid-diskriminazzjoni jrid jiġi estiż lil hinn mill-impjiegi. |
3.4 |
Il-KESE għaraf (10) l-importanza tal-aċċessibbiltà elettronika fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u biex il-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà tkun possibbli għall-gruppi kollha u rrakkomanda li jkun hemm liġijiet skont Artikolu 13 li jiħqu livell għoli u komuni ta' miżuri għall-aċċessibbiltà elettronika. |
3.5 |
Il-KESE jemmen li l-eliminazzjoni tad-diskriminazzjoni kemm fi ħdan kif ukoll barra mis-suq tax-xogħol hija essenzjali biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija ta' Liżbona. Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni fil-ħarsien soċjali, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u d-djar jew fl-aċċess għas-settur tas-servizzi essenzjali pubbliċi u privati tfixkel il-progress lejn it-tkabbir sostenibbli u aktar impjiegi li jkunu ta' kwalità aħjar. |
4. Il-pożizzjoni attwali tal-ugwaljanza u in-nuqqas ta' diskriminazzjoni fl-UE
4.1 |
Is-Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs għal kulħadd fl-2007 offriet opportunità prezzjuża għall-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet nazzjonali u s-soċjetà ċivili biex jirriflettu dwar l-importanza tal-ugwaljanza u l-eliminazzjoni tad-diskriminazjoni biex tinħoloq soċjetà li hi soċjalment aktar inklussiva. Ħarġet il-fatt li ġie notat b'mod ċar mill-Kunsill li l-inugwaljanza u d-diskriminazzjoni minħabba s-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, l-età, id-diżabbiltà, ir-reliġjon jew it-twemmin, u l-orjentazzjoni sesswali “għadhom jeżistu fl-UE, bi prezz sostantiv għan-nisa u l-irġiel individwali kkonċernati u għas-soċjetajiet Ewropej b'mod ġenerali” (11). |
4.2 |
Is-Sena Ewropea ħarġet ukoll id-differenzi fil-ħarsien kontra d-diskriminazzjoni fi ħdan il-liġijiet attwali tal-UE, deskritti f'3.1 u 3.2 hawn fuq. Il-KESE huwa inkwetat li r-rifjut ta' trattament ġust, fosthom fil-forom ta' diskriminazzjoni istituzzjonali, lejn il-kategoriji kollha li hemm referenza għalihom f'Artikolu 13 f'oqsma bħalma huma l-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, l-aċċess għall-prodotti, is-servizzi u d-djar jistgħu jikkontribwixxu biex l-inugwaljanza fl-aċċess għall-impjiegi tkompli tippersisti u tista' taffettwa profondament il-kwalità tal-ħajja tan-nies u l-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw kompletament fis-soċjetà. |
5. Diskriminazzjoni multipla
5.1 |
Kif innota il-Kunsill “is-Sena Ewropea evidenzjat id-diffikultajiet aggravati li jirriżultaw mid-diskriminazzjoni multipla” (12). |
5.2 |
“Id-diskriminazzjoni multipla” tgħaraf il-kumplessità tal-identitajiet ta' kull persuna naturali. Isseħħ meta persona tgħaddi minn esperjenza ta' diskriminazzjoni jew fastidju minħabba f'iktar minn karatteristika waħda li tifforma parti mill-identità tagħha. |
5.3 |
Rapport ta' riċerka mill-Istitut Daniż għad-Drittijiet tal-Bniedem “Tackling Multiple Discrimination — Practices, policies and laws” (“Naffrontaw id-diskriminazzjoni multipa — Prattiki, politiki, u liġijiet” kien ġie ippubblikat f'Diċembrju 2007 (13). Mir-riċerka akkademika u legali tagħhom u l-konsultazzjoni mal-partijiet interessati, l-awturi kkonkludew: “Jekk ir-realtà tad-diskriminazzjoni u l-inugwaljanzi trid tiġi ttrattata, jridu jinstabu soluzzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati għad-Diskriminazzjoni Multipla” (14). |
5.4 |
Il-liġi ta' kontra d-diskriminazzjoni tal-UE u l-liġijiet nazzjonali li jittrasponu l-liġijiet tal-UE għandhom ikunu kapaċi jipprovdu ħarsien u d-dritt ta' soluzzjoni kontra kull forma ta' diskriminazzjoni multipla. Biex dan isir, hemm bżonn li jkun hemm parità ta' ħarsien għall-kategoriji kollha. Bħalissa dan mhuwiex il-każ skont il-liġi tal-UE barra mill-qasam tal-impjiegi. |
6. Ħarsien legali kontra d-diskriminazzjoni madwar l-UE
6.1 |
Għalkemm mhux l-Istati Membri kollha għadhom ittrasponew Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali jew id-Direttiva Qafas għall-Imjieg (15), ħafna Stati Membri għandhom liġijiet li ma jippermettux id-diskriminazzjoni li tmur lil hinn mir-rekwiżiti tad-direttivi attwali tal-Artikolu 13. |
6.2 |
Studju ta' ġbir ta' informazzjoni (16) ppubblikat f'Diċembru 2006 ħares lejn il-liġijiet nazzjonali li ma jippermettux id-diskriminazzjoni barra mill-qasam tal-impjiegi u x-xogħol fuq il-bażi tas-sess, it-tendenzi sesswali, id-diżabbiltà, ir-reliġjon jew it-twemmin, jew l-età. Kif stqarr l-awtur: “Forsi l-aktar karatteristiċi li jolqtuk fil-pajjiżi Ewropej li ġew indagati huma (1) il-fatt li ħafna pajjiżi jisbqu r-rekwiżiti attwali tal-UE u jipprovdu ħarsien legali ta' xi forma fir-rigward ta' ħafna mid-diskriminazzjoni li hija s-suġġett ta' dan ir-rapport, u (2) il-varjetà fost il-pajjiżi meta niġu għall-grad, kif ukoll in-natura, ta' kull ħarsien” (17). |
6.3 |
Hija skopriet differenzi kbar kemm dwar liema kategoriji qed jiġu mħarsa u r-rabta ma liema oqsma tal-attivitajiet u jekk il-ħarsien kienx fil-kostituzzjoni nazzjonali, liġijiet kontra d-diskriminazzjoni ġeneriċi, jew liġijiet nazzjonali jew reġjonali jew liġijiet speċjali, bħalma huma id-djar u l-edukazzjoni. Għal kull kategorija jew qasam li kien kopert, kien hemm differenzi varji bejn il-pajjiżi dwar in-natura, il-forma u l-firxa tal-eċċezzjonijiet għad-drittijiet ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni (18). Il-paragun bejn l-Istati Membri minn Bell, Chopin u Palmer (19) isaħħaħ dawn is-sejbiet ta' differenzi u inkonsistenzi. |
6.4 |
Kif għaraf il-Kunsill, fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar is-segwitu tas-Sena Ewropea, korpi speċjalizzati dwar l-ugwaljanza huma, jew jistgħu jkunu muturi qawwija fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-ugwaljanza f'kull Stat Membru; b'mod partikolari għandhom rwol ta' importanza kritika li jqajmu kuxjenza. Id-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali, id-Direttiva dwar is-Sessi u l-prodotti u s-servizzi u d-Direttiva kodifikata dwar is-sessi (20) jirrikjedu li l-Istati Membri jistabbilixxu korpi tal-ugwaljanza speċjalizzati biex jappoġġja d-drittijiet indaqs fuq il-bażi ta' razza jew oriġini etnika u s-sess, iżda m'hemm l-ebda rekwiżit li jitwaqqfu korpi ta' ugwaljanza għar-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, it-tendenzi sesswali jew l-età. Il-korpi speċjalizzati li twaqqfu fl-Istati Membri jvarjaw ħafna fil-kompetenzi tagħhom: xi wħud huma limitati għall-oriġini razzjali jew etnika u oħrajn jinkludu l-kategoriji kollha f'Artikolu 13 u kategoriji oħra (21). Fil-livell Ewropew jeżisti n-netwerk Equinet (22) li huwa magħmul mill-awtoritajiet awtonomi jew governattivi fl-Istati Membri li huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tiġġieled id-diskriminazzjoni. |
6.5 |
L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, wara li tagħat ħarsa lejn il-ħarsien legali kontra d-diskriminazzjoni minħabba fit-tendenza sesswali madwar l-UE (23), irrakkomandat li l-liġijiet tal-UE jiżguraw drittijiet ugwali għal trattament ugwali għall-kategoriji kollha skont l-Artikolu 13. |
6.6 |
Il-KESE jemmen li ma jista' jkun hemm l-ebda ġustifikazzjoni għall-fatt li l-UE żżomm sistema ta' liġijiet li hi bbażata fuq impenn ċar mit-Trattat li jiġġieled kontra d-diskriminazzjoni għall-kategoriji ta' sess, razza u oriġini etnika, reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età u tendenzi sesswali li tippermetti u żżomm livelli ta' ħarsien billi aktar baxxi u garanziji aktar limitati ta' trattament ugwali fil-każ ta' ċerti kategoriji. |
6.7 |
Mingħajr liġijiet konsistenti li jkopru l-kategoriji kollha fil-livell tal-UE m'hemm l-ebda inċentiv veru għall-Istati Membri biex jimplimentaw liġijiet li jkunu konsistenti, u m'hemm l-ebda bażi legali għall-interventi mill-Kummissjoni jew il-Kunsill fejn il-livelli ta' ħarsien mid-diskriminazzjoni mhumiex adegwati jew tal-istess livell, kif bħalissa hu l-każ. |
6.8 |
Il-KESE jaċċetta li l-implimentazzjoni ta' liġijiet li ma jippermettux id-diskriminazzjoni fih innifsu ma jeħlisx lill-pajjiż mill-kastig tad-diskriminazzjoni, iżda tal-anqas ikun jista' jingħad li l-Istat jgħaraf il-ħsara li d-diskriminazzjoni tikkawża lill-individwi u lis-soċjetà u l-impenn tagħha li tuża mezzi legali biex dan ma jibqax jiġri. L-assenza ta' liġijiet kontra d-diskriminazzjoni jwasslu messaġġ differenti ħafna, li jindika t-twemmin (żbaljat) li din id-diskriminazzjoni ma teżistix jew li diskriminazzjoni ta' din it-tip mhix problema tant gravi li hemm bżonn ta' miżuri formali biex jevitawha, jew f'termini politiċi, tindika li l-oġġezzjonijiet li jġibu dawk li jistgħu jiddiskriminaw għal kull forma ta' regolamentazzjoni qed jieħdu priorità fuq l-isforzi biex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini u tinkiseb koeżjoni soċjali akbar. |
6.8.1 |
Hemm evidenza sostanzjali li miżuri mhux formali u mhux ta' liġi li għandhom il-għan li jippromwovu prattiki tajbin ma rnexxielhomx jeqirdu forom ta' diskriminazzjoni li kienu daħlu sew. |
6.8.2 |
Madankollu, il-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni waħidhom, mingħajr ma jkun hemm programm inklussiv ta' tqajjim ta' kuxjenza u edukazzjoni, kif ukoll infurzar effettiv, ma jilħqux dan il-għan. |
7. Ġerarkija ta' drittijiet għall-ugwaljanza taħdem kontra li l-KE tilħaq l-għanijiet tagħha
7.1 |
Il-KESE jemmen li jekk inħallu l-inkonsistenza fis-sistema attwali, ta' ġerarkija ta' ħarsien mid-diskriminazzjoni tal-KE, din ser tmur kontra li l-KE tilħaq l-għanijiet tagħha:
|
7.2 |
Bil-preokkupazzjonijiet li stqarr dwar il-persistenza tad-diskriminazzjoni, il-Kunsill fir-Reżoluzzjoni tiegħu dwar is-segwitu ta' Sena Ewropea;
|
8. Hemm bżonn ta' direttiva ġdida
8.1 |
Biex ikun hemm risposta għall-preokkupazzjonijiet tal-Kunsill u biex jiġi żgurat livell konsistenti ta' ħarsien minimu madwar l-UE, hemm bżonn ta' leġiżlazzjoni ġdida li timplimenta l-prinċipju ta' trattament indaqs irrispettivament mid-diżabbiltà, ir-reliġjon jew it-twemmin, it-tendenzi sesswali jew l-età barra mill-qasam tal-impjiegi. |
8.2 |
In-natura u l-iskala tal-kwistjonijiet li jaffettwaw il-livelli attwali ta' diskriminazjoni u l-impatt tagħhom fuq il-possibbiltà li l-UE tilħaq l-iskopijiet tagħha kif ukoll il-ħtieġa ta' livell komuni li jkun għoli ta' ħarsien fl-Istati Membri kollha ma jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri u għalhekk hemm bżonn ta' azzjoni fil-livell tal-Komunità, li jkun konsistenti mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità kif huma stabbiliti f'Artikolu 5 TKE. |
8.3 |
Il-KESE jirrakkomanda li dan għandu jkun fil-forma ta' direttiva li ma tippermettix id-diskriminazzjoni minħabba fid-diżabbiltà, ir-reliġjon jew it-twemmin, it-tendenzi sesswali jew l-età b'rabta ma l-oqsma kollha barra mill-qasam tal-impjiegi fl-ambitu tad-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali u li jirrikjedi t-twaqqif jew it-tkabbir ta' korp għall-ugwaljanza. b'kompetenza sħiħa fuq il-kwistjonijeit kollha li jaqgħu taħt il-firxa ta' din il-liġi. Din kienet rakkomandazzjoni prinċipalit tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (26) |
8.3.1 |
Filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-ħarsien li joffru d-direttivi attwali kontra d-diskriminazzjoni jistgħu jiġu msaħħa, inkluż għarfien aktar ċar dwar id-diskriminazzjoni istituzzjonali, il-prijorità attwali tal-KESE hija li jiżgura l-ħarsien għall-kategoriji t'hawn fuq fl-istess livell li jeżisti bħalissa għall-oriġini ta' razza jew dik etnika. |
8.4 |
Il-KESE jaċċetta li l-ewwel reazzjoni ta' ħafna organizzazzjonijiet, speċjalment negozji żgħar, għal kwalunkwe proposta għal regolamenti ġodda jkun tħassib ġenwin dwar l-ispejjeż li ġġib il-konformità. Għan-negozji, strati differenti ta' regoli jagħmluha diffiċli ħafna biex jikkonformaw (27) Il-KESE mhuwiex persważ li l-implimentazzjoni ta' direttiva waħda li twaqqas livell komuni ta' ħarsien kontra d-diskriminazzjoni barra mill-għalqa tal-impjieg tirriżulta fi spejjeż ġodda importanti; f'ħafna każijiet, l-ispejjeż biex il-prattika ssir konformi mal-liġi huma iktar minn ikkumpensati mir-riżultat ta' bażi ta' konsumaturi aktar wiesgħa li tirriżulta mill-qerda tad-diskriminazzjoni. Fl-opinjoni ta' 89.9 % tal-European Business Test Panel on Anti-discrimination, għandu jkun hemm liġijiet li “jiggarantixxu l-istess livell ta' ħarsien kontra d-diskriminazzjoni madwar l-Ewropa kollha” (28) |
8.5 |
Il-KESE hu konxju mill-argumenti favur direttivi separati għal kull waħda mill-kategoriji rilevanti, madankollu l-KESE jikkunsidra li direttiva uniku li tkopri l-erba' kategoriji hi ħafna aktar preferibbli:
|
8.6 |
Id-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali stabbilit l-oqsma ewlenin barra mill-qasam tal-impjiegi fi ħdan il-kompetenza tal-UE, li fihom, biex jinkisbu l-għanijiet tal-UE hu rilevanti u meħtieġ li tiġi evitata d-diskriminazzjoni minħabba d-diżabbiltà, ir-reliġjon jew it-twemmin, u t-tendenzi sesswali u l-età; il-KESE jirrakkomanda bis-sħiħ li dawn l-oqsma għandhom ikunu kompletament fl-ambitu tal-qafas tad-direttiva l-ġdida. |
8.7 |
Il-KESE jaċċetta li, bi qbil mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, fir-rispett ta' ċerti oqsma ta' attività, pereżempju id-djar, l-edukazzjoni jew xi servizzi pubbliċi, il-kompetenza għall-organizzazzjoni u t-tqassim tal-provviżjoni u/jew għal aspetti oħrajn tar-regolament, taqa' primarjament fil-kompetenza tal-Istati Membri, fil-livelli nazzjonali jew reġjonali. Il-KESE jemmen li skont l-Artikolu 5 TKE, biex jiġi żgurat l-istandard komuni ta' livell għoli komprensiv, meħtieġ għat-trattat ugwali fir-rigward ta' dan it-tip ta' oqsma ta' attività, ma jkunx jista' jintlaħaq jekk mhux b'liġijiet fl-livell Ewropew. |
8.8 |
Għalhekk il-KESE jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 li tipproponi direttiva ġdida li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali irrispettivament mir-reliġjon, it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali barra mill-qasam tal-impjiegi kopruti mid-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali. Minħabba li abbozzi preċedenti ta' din l-opinjoni kienu mressqa lill-Kummissjoni, hu ttamat li l-argumenti u l-konklużjonijiet preliminari tal-grupp ta' studju tal-KESE għal rakkomandazzjoni ta' direttiva fil-forma proposta attwali setgħu għenu lill-Kummissjoni fit-teħid ta' deċiżjoni tagħha. Barra min hekk nittamaw ukoll li din l-opinjoni fil-forma aħħarija tagħha tista' tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jirrikonoxxu l-valur u l-importanza tal-liġijiet tal-UE għal dan il-għan u biex tgħinhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp pożittiv u l-approvazzjoni tagħha. |
8.9 |
Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipproponi direttiva li konsistenti fl-għola grad ma' direttivi oħrajn tal-Artikolu 13, bl-istess definizjonijiet ta' diskriminazzjoni diretta u indiretta, fastidju u azzjoni pożittiva, applikazzjoni għall-persuni kollha preżenti fi Stat Membru inkluż iċ-ċittadini minn pajjiżi terzi u l-istess obbligi fuq l-Istati Membri sabiex jiżguraw d-dritt għal rimedja, sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disważivi, protezzjoni kontra l-vittimizzazzjoni u l-inkorporazzjoni tat-trasferiment tal-piż tal-prova. Ta' importanza ugwali huma obbligi konsistenti biex jitkabbar l-għarfien u jitħeġġeġ id-djalogu mal-imsieħba soċjali u l-NGOs. |
8.10 |
Il-KESE jirrakkomanda li l-Kunsill u l-istituzzjonijet l-oħra tal-UE għandhom jqisu il-kwistjonijiet li ġejjin fl-iskrutinju tad-direttiva proposta, sabiex jiżguraw li forma aħħarija tagħa tikseb l-għanijiet li ddeskrivejna: |
8.10.1 |
Non-rigressjoni: L-iżvilupp ta' direttiva ġdida m'għandhiex tintuża biex titnaqqas il-protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni f'xi liġijiet tal-UE u l-Istati Membri m'għandhomx jitħallew jużaw l-implimentazzjoni tad-direttiva bħala raġuni għat-tnaqqis tal-livell ta' protezzjoni attwali tagħhom kontra d-diskriminazzjoni. |
8.10.2 |
Drittijiet ta' ugwaljanza u akkomodazzjoni raġjonevoli għal persuni b'diżabbiltà: Barra mill-qasam tal-impjiegi l-persuni b'diżabbiltà jiltaqgħu mal-istess ostakli jew akbar għal parteċipazzjoni sħiħa tagħhom. Id-direttiva l-ġdida għandha tipprovdi qafas għall-Istati Membri kollha biex jilqgħu l-obbligi ta' ugwaljanza u mhux diskriminatorji tagħhom skont il-Konvenzjoni tal-ĠM dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà. |
8.10.2.1 |
Id-direttiva l-ġdida għandha tirrikjedi li l-persuni kollha involuti fil-proviżżjoni ta' protezzjoni soċjali inkluż is-sigurtà soċjali u l-kura tas-saħħa, il-vantaġġi soċjali, l-edukazzjoni u l-prodotti u s-servizzi inkluż id-djar
|
8.10.2.2 |
Id-direttiva l-ġdida għandha tiddefinixxi bħala forma ta' diskriminazzjoni, in-nuqqas milli wieħed jiżgura aċċessibbiltà raġjonevoli għal persuna partikolari b'diżabbiltà, sakemm dawn il-miżuri ma jimponux piż sproporzjonat fuq il-fornitur. |
8.10.3 |
Diskriminazzjoni multipla: id-direttiva għandha tikkonferma li l-prinċipju ta' trattament ugwali jinkludi l-protezzjoni f'rabta mad-diskriminazzjoni multipla sabiex din jkollha effett fil-liġi tal-UE u dik nazzjonali. |
8.10.4 |
Azzjoni pożittiva:l-inugwaljanza daħlet sew f'oqsma ta' attività barra mill-impjiegi u x-xogħol, pereżempju fl-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, id-djar u l-aċċess għal servizzi bħal lukandi, ristoranti, servizzi finanzjarji u arranġamenti għall-ivvjaġġar. Għalhekk, bil-għan li realment tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa, id-direttiva l-ġdida għandha tippermetti b'mod espliċitu lill-Istati Membri sabiex iżommu l-istess jew jaddottaw miżuri sabiex jipprevjenu jew jikkumpensaw għall-iżvantaġġi marbuta mar-reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali. |
8.10.5 |
Trattament preferenzjali fuq bażi ta' diżabbiltà jew età: Id-direttiva l-ġdida għandha tirrikonoxxi prattiki fi ħdan l-Istati Membri għall-provviżjoni ta' trattament preferenzjali lill-persuni bbażat fuq l-età jew l-istatus tagħhom bħala persuna b'diżabbiltà, li ħafna minnhom jagħtu kontribut għall-inklużjoni soċjali akbar ta' persuni ixjeħ jew iżgħar u l-persuni b'diżabbiltà. Id-direttiva l-ġdida m'għandix twaqqaf lill-organizzazzjonijet mis-setturi pubbliċi jew privati milli joffru dawk il-benefiċċji maħsuba biex jegħlbu jew itejbu, l-ostakli reali finanzjarju jew attitudinali għall-parteċipazzjoni ugwali. Għandha tippermetti lill-Istati Membri jħallu dawn il-miżuri sakemm dawn ikollhom għan leġittimu li hu konsistenti mal-prinċipju tat-trattament ugwali kif ukoll mezzi proporzjonati biex jintlaħaq dan il-għan. |
8.10.6 |
Kull eċċezzjoni għanda tingħata definizzjoni dettaljata. Il-KESE jaċċetta li se jkun hemm ċirkostanzi fejn it-trattament differenzjat bbażat fuq kategorija protetta jista' jkun adegwat u meħtieġ iżda jirrifjuta l-introduzzjoni ta' ġustifikazzjoni ġenerali għal diskriminazzjoni diretta. L-eċċezzjonijiet għal-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni m'għandhomx ikunu daqstant mifruxa li jispiċċaw ineħħu l-impatt tal-protezzjoni li d-direttiva għandha tipprovdi; Min-naħa l-oħra d-direttiva m'għandix tkun kumplessa żżejjed b'lista twila ta' eċċezzjonijiet speċifiċi għal ċirkostanzi jew kategoriji partikolari. Fil-lliġijiet kontra d-diskriminazzjoni, it-trattament differenzjat għandu jiġi permess biss meta jgħin biex jippromovi u jtejjeb l-ugwaljanza u d-dinjità umana u ma jdgħajjifx l-impatt tad-dispożizzjonijiet kontra d-diskriminazzjoni. |
8.10.7 |
L-infurzar tad-drittijiet: id-Direttiva l-ġdida, filwaqt li tirrikonoxxi l-importanza u l-valur tas-soċjetà ċivili organizzata, għandha tiżgura li assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet b'interess leġittimu fl-iżgurar tal-konformità jistgħu jinvolvu ruħhom fi proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi f'isem jew b'appoġġ għall-persuni effettwati b'diskriminazzjoni. |
8.10.8 |
Korpi speċjalizzati: ftit hemm dubju li l-għarfien u l-infurzar tal-liġijiet nazzjonali u l-promozzjoni ta' trattament ugwali jiggwadanjaw ħafna bl-eżistenza ta' korp speċjalizzat indipendenti bir-riżorsi u l-kompetenzi li jwettaq il-funzjonijiet speċifikati fid-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali (30) jew fid-Direttiva dwar dwar is-Sessi u l-Prodotti u s-Servizzi (31). Id-direttiva l-ġdida għandha tirrikjedi l-ħolqien ta' korp jew korpi (jew l-estensjoni ta' korp eżistenti) għar-reliġjon jew twemmin, diżabbiltà, età jew tendenzi sesswali. Barra minn hekk għandha tkun ir-responsabbiltà ta' dawn il-korpi li janalizzaw regolarment ir-riżultati tal-politiki għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni. |
Brussell, it-18 ta' Settembru 2008.
Il-President
tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Dimitris DIMITRIADIS
(1) [2005] UE QEĠ C-144/04 tat-22 ta' Novembru 2005.
(2) [2008] UE QEĠ C-303/06 tal-31 ta' Jannar 2008.
(3) Premessa 9.
(4) Premessa 11.
(5) Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew (verżjoni konsolidata kif emendata mit-Trattat ta' Lisbona), Artikolu 19.
(6) Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropew (verżjoni konsolidata kif emendata mit-Trattat ta' Lisbona), Artikolu 10.
(7) Eż. Id-Direttivi 207/76/KE u 2004/73/KE.
(8) Premessa 12.
(9) Premessa 9.
(10) Opinjoni tal-KESE tat-30.5.2007 dwar “Leġislazzjoni futura dwar l-Aċċessibilità Elettronika”, rapporteur: Is-Sur Hernández Bataller (ĠU C 175, 27.7.2007).
(11) Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal- 5 ta' Diċembru 2007 dwar is-Segwitu tas-Sena Ewropea ta'Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd (2007) pġ. 1.
(12) Idem, punt 3.
(13) Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijiet Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2007 ISBN 978-92-79-06953-6.
(14) Idem, punt 7.
(15) Ara M. Bell, I. Chopin and F. Palmer, “Developing Anti-Discrimination Law in Europe — The 25 EU Member States Compared”, (“L-iżvilupp ta' liġijiet kontra d-diskriminazzjoni fl-Ewropa — Paragun bejn il-25 Stat Membr tal-UE” July 2007, Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijeit Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2007, ISBN 978-92-79-06572-9.
(16) Ara A. McColgan, J. Niessen and F. Palmer, “Comparative Analyses on National Measures to Combat Discrimination Outside Employment and Occupation” (Analiżi komparattiva dwar miżuri nazzjonali li jiġġieldu d-diskriminazzjoni barra mill-impjiegi u x-xogħol) VT/2005/062, Migration Policy Group and Human European Consultancy, Diċembru 2006.
(17) Idem, punt 3.
(18) Op cit Tabelli Komparattivi pg 36-45, ara wkoll M. Bell, I. Chopin u F. Palmer (ara nota 15)
(19) Op cit Tabelli Komparattivi pg. 83-113.
(20) 2006/54/KE
(21) Ara M. Bell, I. Chopin and F. Palmer, “Developing Anti-Discrimination Law in Europe — The 25 EU Member States Compared”, (L-iżvilupp ta' liġijiet kontra d-diskriminazzjoni fl-Ewropa — Paragun bejn il-25 Stat Membru tal-UE) July 2007, Uffiċċju għall-Pubblikazzjonijeit Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, 2007, ISBN 978-92-79-06572-9, paġni 108-113.
(22) Ara www.equineteurope.org
(23) Homophobia and Discrimination on Grounds of Sexual Orientation in the EU Member States: Part I — Legal Analysis (L-Omofobija u d-Diskriminazzjoni minħabba fit-Tendenzi Sesswali fl-Istati Membri tal-UE: L-ewwel parti — Analiżi Legali), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2008 (awtur: Olivier De Schutter).
(24) Konsultazzjoni onlajn Lulju-Ottubru 2007.
(25) 12.7.2007-31.8.2007, mistoqsija 4a.
(26) Homophobia and Discrimination on Grounds of Sexual Orientation in the EU Member States: Part I — Legal Analysis (L-Omofobija u d-Diskriminazzjoni minħabba fit-Tendenzi Sesswali fl-Istati Membri tal-UE: L-ewwel parti — Analiżi Legali), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, 2008 (awtur: Olivier De Schutter).
(27) Ir-risposta tal-Konfederazzjoni tan-Negozji Ewropej għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea “Id-Diskriminazzjoni hija importanti?”12 ta' Ottubru 2007.
(28) 12.7.2007-31.8.2007, mistoqsija 4b.
(29) Konsultazzjoni onlajn Lulju-Ottubru 2007, paġna 1.
(30) Artikolu 13.
(31) Artikolu 12.